11.7.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/6


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1183

tat-8 ta’ Lulju 2022

li jemenda l-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni dwar id-detezzjoni ta’ ċertu mard elenkat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 (2) jistabbilixxi regoli għan-notifika tal-Unjoni u għar-rapportar tal-Unjoni dwar id-detezzjoni tal-mard elenkat. B’mod partikolari, l-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 jipprevedi li n-notifiki tal-Unjoni għandu jkun fihom l-informazzjoni speċifikata fl-Anness II tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 5 tiegħu jipprevedi li r-reġjuni ta’ notifika u rapportar stabbiliti mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2016/429 huma elenkati fl-Anness IV ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

(2)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 (3) jiddefinixxi l-mard elenkat f’mard tal-kategoriji A sa E, u jipprevedi li r-regoli għall-prevenzjoni u għall-kontroll tal-mard għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/429 għandhom japplikaw għall-kategoriji ta’ mard elenkat għall-ispeċijiet elenkati u għall-gruppi ta’ speċijiet elenkati msemmija fit-tabella stabbilita fl-Anness ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-emendi li jridu jsiru lir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedu aktar dettalji fir-rigward tar-regoli li jikkonċernaw il-mard tal-kategorija A f’termini tan-notifika tat-tifqigħa fir-rigward tal-post tat-tifqigħa u d-data tat-tindif u tad-diżinfezzjoni; tali rekwiżiti ta’ notifika addizzjonali huma ġġustifikati għall-mard tal-kategorija A minħabba r-riskju li jirrappreżentaw għas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni.

(3)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 (4) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 fir-rigward tar-regoli għall-kontroll tal-mard tal-kategoriji A, B u C. Minħabba l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri ta’ kontroll tal-mard u l-informazzjoni qafas relatata mal-okkorrenza ta’ tifqigħat ta’ mard tal-kategorija A, l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi informazzjoni dwar jekk it-tifqigħa seħħitx f’żona diġà taħt restrizzjonijiet wara l-istabbiliment ta’ żoni ristretti kif previst fl-Artikoli 64, 71, 70, 257, 258 jew 259 tar-Regolament (UE) 2016/429, peress li dan għandu impatt fuq ir-riskju rrappreżentat minn tali tifqigħat.

(4)

Il-miżuri stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/687 jinkludu l-istabbiliment ta’ żoni ristretti wara l-okkorrenza ta’ tifqigħa ta’ marda tal-kategorija A u t-tindif u d-diżinfezzjoni preliminari. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar tali miżuri tiġi ppreżentata b’mod aktar ċar fil-qafas tan-notifika tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002.

(5)

L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 ma jinkludix entrata għar-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li r-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) jiġi elenkat fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 fejn rilevanti għall-Irlanda ta’ Fuq.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 jiġu emendati skont dan.

(7)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2002 tas-7 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifika tal-Unjoni u r-rapportar tal-Unjoni ta’ mard elenkat, tal-formati u l-proċeduri għas-sottomissjoni u għar-rapportar tal-programmi ta’ sorveljanza tal-Unjoni u tal-programmi ta’ eradikazzjoni u għall-applikazzjoni għar-rikonoxximent tal-istatus ta’ ħelsien mill-mard, u tas-sistema ta’ informazzjoni kompjuterizzata (ĠU L 412, 8.12.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1882 tat-3 ta’ Diċembru 2018 dwar l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal kategoriji ta’ mard elenkat u li jistabbilixxi lista ta’ speċijiet u gruppi ta’ speċijiet li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta’ dak il-mard elenkat (ĠU L 308, 4.12.2018, p. 21).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/687 tas-17 ta’ Diċembru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ ċertu mard elenkat (ĠU L 174, 3.6.2020, p. 64).


ANNESS

L-Annessi II u IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2002 huma emendati kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.

Ir-reġjun u l-post ġeografiku tat-tifqigħa. Għall-mard kollu tal-kategorija A kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882, indika jekk it-tifqigħa seħħitx f’post diġà soġġett għar-restrizzjonijiet wara l-istabbiliment ta’ żoni ristretti għall-istess marda tal-kategorija A f’konformità mal-Artikoli 64, 71, 70, 257, 258 jew 259 tar-Regolament (UE) 2016/429.”;

(b)

il-punt 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“15.

Id-data tat-tlestija tat-tindif u d-diżinfezzjoni preliminari wara tifqigħa fl-annimali miżmuma ta’ kwalunkwe marda tal-kategorija A kif definit fl-Artikolu 1, il-punt (1), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1882.”;

(2)

Fl-Anness IV, it-tabella hija emendata kif ġej:

(a)

l-intestatura hija sostitwita bl-intestatura li ġejja bin-nota f’qiegħ il-paġna relatata:

“L-Istat Membru (*1)

Reġjuni ta’ notifika u rapportar

(b)

tiżdied l-entrata li ġejja:

“ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)

Divisional Veterinary Office”.