Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
EMILIOU
ippreżentati fis‑26 Marzu 2026 (1)
Kawża C‑579/24
Austro-Mechana Gesellschaft zur Wahrnehmung mechanisch-musikalischer Urheberrechte Gesellschaft mbH,
AKM eingetragene Genossenschaft mit beschränkter Haftung
vs
Aufsichtsbehörde für Verwertungsgesellschaften
(Talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija))
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva (UE) 2019/790 – Artikolu 17 – Responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għal kontenut online protett imtella’ mill-utenti tagħhom – Portata tar-responsabbiltà – Obbligu ta’ dawn il-fornituri li jiksbu awtorizzazzjoni mingħand detenturi tad-drittijiet sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 2 – Dritt ta’ riproduzzjoni – Produzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fis-servers tal-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online – Kopji li teknikament huma meħtieġa sabiex il-kontenut jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Nuqqas ta’ kull obbligu sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni separata mid-detenturi tad-drittijiet)
I. Introduzzjoni
1. Din il-kawża tagħti t-tieni opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta (2) l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali (3). Din id-dispożizzjoni tagħti dettalji dwar il-kundizzjonijiet li bihom fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online bħal Youtube, Soundcloud u Pinterest, jistgħu jkunu responsabbi talli jagħtu lill-pubbliku aċċess għal xogħlijiet jew materjal ieħor (“kontenut protett”), imtella’ fuq il-pjattaformi tagħhom minn utenti tagħhom bi ksur ta’ drittijiet tal-awtur.
2. B’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 jipprovdi li dawn il-fornituri ta’ servizz iwettqu att ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew att ta’ “disponibbiltà għall-pubbliku” kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29/KE dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (4), meta jagħtu lill-pubbliku aċċess għal kontenut protett.
3. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, bħala prinċipju, detenturi tad-drittijiet għandhom id-dritt esklużiv li jikkomunikaw jew li jagħmlu disponibbli x-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor. Konsegwentement, fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ma jistgħux huma stess iwettqu att ta’ komunikazzjoni jew li jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mingħajr ma jiksbu minn qabel l-awtorizzazzjoni mingħand id-detenturi tad-drittijiet, tipikament billi jilħqu ftehim ta’ liċenzjar. Dan l-obbligu li tinkiseb tali awtorizzazzjoni huwa ddikjarat b’mod ċar fl-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790.
4. Id-domandi rrinvjati mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) joriġinaw mill-fatt li, meta kontenut protett jittella’ minn utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fuq pjattaformi online, kopji diġitali ta’ dan il-kontenut isiru u jinħażnu awtomatikament fuq is-servers tal-kompjuter tal-fornituri ta’ servizz. Il-produzzjoni ta’ dawn il-kopji huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għall-kontenut inkwistjoni.
5. Madankollu, kif ser infisser, dan potenzjalment jikser dritt ieħor protett mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, jiġifieri “id-dritt ta’ riproduzzjoni”, li jipprovdi, essenzjalment, li l-produzzjoni ta’ kopji ta’ kontenut protett hija, bħala prinċipju, riżervata wkoll għad-detenturi tad-drittijiet.
6. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, inter alia, jekk il-kopji diġitali ta’ kontenut protett imtella’ fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jingħata aċċess għal dan il-kontenut, jikkostitwixxux “riproduzzjonijiet”, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan id-dritt. Jekk fl-affermattiv, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara jekk l-awtorizzazzjonijiet li dawn il-fornituri ta’ servizz għandhom jiksbu mingħand id-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 sabiex jikkomunikaw jew jagħmlu kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku neċessarjament ukoll jawtorizzawx lil dawn il-fornituri jagħmlu tali kopji.
7. Il-kawża prinċipali tikkonċerna tilwima bejn, min-naħa l-waħda, Austro-Mechana u AKM (is-soċjetà omm ta’ Austro-Mechana) – żewġ soċjetajiet ta’ mmaniġġar kollettiv irreġistrati fir-reġistru kummerċjali Awstrijak (ir-“rikorrenti”), li għandhom liċenzji ta’ mmaniġġar, kif ipprovdut fid-Direttiva 2014/26/UE (5), għall-finijiet ta’ eżerċizzju u mmaniġġar ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati f’xogħlijiet mużikali u xogħlijiet ta’ lingwa msieħba ma’ tali xogħlijiet, fl-interessi tad-detenturi tad-drittijiet – u, min-naħa l-oħra, l-Aufsichtsbehörde für Verwertungsgesellschaften (l-Awtorità Superviżorja Awstrijaka għal Soċjetajiet ta’ Mmaniġġar Kollettiv (l-“Awtorità Superviżorja”).
8. Essenzjalment, l-Awtorità Superviżorja hija tal-fehma li l-awtorizzazzjoni li l-fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu mingħand id-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 neċessarjament tkopri l-produzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jingħata aċċess għal dan il-kontenut. B’kuntrast, ir-rikorrenti jargumentaw li r-riproduzzjoni ta’ tali kopji għandha tkun awtorizzata separatament u, għalhekk, tkun suġġetta għal ftehim ta’ liċenzjar differenti, u li jkun, konsegwentement, possibbli li tali ftehim jiġi nnegozjat ma’ dawn il-fornituri ta’ servizz minn soċjetà ta’ mmaniġġar kollettiv (f’dan il-każ, Austro Mechana), li ma tkunx dik li timmaniġġa d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-detenturi tad-dritt rilevanti (f’dan il-każ, AKM). Jiena ser nargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tadotta l-ewwel fehma.
II. Il-qafas legali
A. Id-dritt internazzjonali
9. Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Protezzjoni ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi ffirmata fid‑9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal‑24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni li tirriżulta mill-emenda tat‑28 ta’ Settembru 1979 (“il-Konvenzjoni ta’ Berna”), iffirmata mill-Istati Membri kollha, tipprovdi fl-Artikolu 9:
“(1) Awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti minn din il-konvenzjoni għandu jkollhom id-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, b’kull mod jew forma.
(2) Għandha tkun materja għal-leġiżlazzjoni fil-pajjiżi tal-Unjoni li tkun permessa r-riproduzzjoni ta’ tali xogħlijiet f’ċerti każijiet speċjali, sakemm tali riproduzzjoni ma tkunx f’kunflitt ma’ sfruttament normali tax-xogħol u ma tkunx ta’ preġudizzju irraġonevoli għall-interessi tal-awtur.
(3) Kull reġistrazzjoni sonora jew viżwali għandha titqies bħala riproduzzjoni għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]
B. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2001/29
10. Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”:
“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:
(a) għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;
(b) għall-artisti, ta’ l-iffissar tal-wirjiet tagħhom;
(c) għall-produtturi ta’ fonogrammi, tal-fonogrammi tagħhom;
(d) għall-produtturi ta’ l-ewwel iffissar ta’ films, rigward l-oriġinal u l-kopji tal-films tagħhom;
(e) għall-organizzazzjonijiet tax-xandir, ta’ l-iffissar tax-xandiriet tagħhom, sew jekk dawk ix-xandirijiet huma trasmessi bil-fili sew jekk bl-arja, magħduda bil-cable jew bis-satellita.”
11. L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva jindirizza “[d]-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”. Huwa jipprovdi, fil‑paragrafu 1 tiegħu, li “[l]-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom”. Fil‑paragrafu 2 tiegħu huwa jelenka l-każijiet speċifiċi l-oħra li għalihom japplika dan id-dritt, li huma l-istess bħal dawk elenkati fl-Artikolu 2(b) sa (e) tad-Direttiva 2001/29.
2. Id-Direttiva 2014/26
12. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/26 jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv jaġixxu fl-aħjar interessi tad-detenturi tad-drittijiet li d-drittijiet tagħhom huma jirrappreżentaw u li ma jimponu l-ebda obbligu fuqhom li ma jkunx oġġettivament neċessarju għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tagħhom jew għall-immaniġġjar effettiv tad-drittijiet tagħhom”.
13. L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jelenka d-drittijiet speċifiċi tad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv.
14. L-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2014/26 jindirizza l-proċess ta’ liċenzjar u l-kriterji għall-kundizzjonijiet għal-liċenzjar.
3. Id-Direttiva 2019/790
15. Skont l-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790 “fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online” huwa “fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ”.
16. L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jaqra kif ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew f’att ta’ disponibbiltà għall-pubbliku għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva meta jagħti aċċess pubbliku għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal protett ieħor imtella’ mill-utenti tiegħu.
Fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandu għaldaqstant jikseb awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva [2001/29], pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, sabiex jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor.
2. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/29] meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti.
3. Meta fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, il-limitazzjoni ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31/KE (6) m’għandhiex tapplika għas-sitwazzjonijiet koperti minn dan l-Artikolu.
L-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu m’għandux jaffettwa l-possibbiltà tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2000/31] għal dawk il-fornituri ta’ servizz għal finijiet li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
4. Jekk ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni, il-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online għandhom ikunu responsabbli għal atti ta’ komunikazzjoni mhux awtorizzati lill-pubbliku, inkluż li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur u materjal ieħor, sakemm il-fornituri ta’ servizz ma jurux li huma:
(a) għamlu l-aħjar sforzi biex jiksbu awtorizzazzjoni, u
(b) f’konformità mal-istandards għoljin ta’ diliġenza professjonali tal-industrija, għamlu l-aħjar sforzi biex jiżguraw li ma kienx hemm disponibbli xogħlijiet speċifiċi u materjal ieħor li għalihom id-detenturi tad-drittijiet ikunu pprovdew l-informazzjoni rilevanti u neċessarja lill-fornituri ta’ servizz; u fi kwalunkwe każ,
(c) aġixxew malajr, malli rċevew notifika sostanzjata biżżejjed mid-detenturi tad-drittijiet, biex jiddiżattivaw l-aċċess għal, jew ineħħu, mis-siti web tagħhom ix-xogħlijiet jew materjal ieħor notifikati, u għamlu l-aħjar sforzi biex jipprevjenu kwalunkwe upload futur tagħhom skont il-punt (b).
[...]”
C. Id-dritt nazzjonali
17. L-Artikolu 15 (“Dritt ta’ riproduzzjoni”) tal-Bundesgesetz über das Urheberrecht an Werken der Literatur und der Kunst und über verwandte Schutzrechte (Urheberrechtsgesetz) (il-Liġi Federali dwar id-Drittijiet tal-Awtur għal Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi u Drittijiet Relatati) (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur) (iktar ’il quddiem l-“UrhG”), intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni”, jipprovdi, fil‑paragrafi 1 u 2:
“(1) L-awtur għandu jkollu d-dritt esklużiv li jirriproduċi x-xogħol, irrispettivament mill-proċess użat, il-kwantità riprodotta u jekk dan isirx b’mod temporanju jew permanenti.
(2) Ir-riproduzzjoni għandha tikkonsisti, partikolarment u inter alia, billi r-reċitazzjoni jew il-prestazzjoni ta’ xogħol titqiegħed fuq kwalunkwe tagħmir li jippermetti riproduzzjoni viżwali jew sonora ripetuta (reġistrazzjoni vidjo jew awdjo), bħal, pereżempju, fuq film jew fonogrammi.”
18. L-Artikolu 17 tal-UrhG, intitolat “Dritt ta’ xandir”, jipprovdi, fil‑paragrafu 1:
“(1) L-awtur għandu jkollu d-dritt esklużiv li jxandar ix-xogħol permezz tar-radju, televiżjoni jew mezzi smili.
[...]”
19. Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 18a tal-UrhG, intitolat “Dritt ta’ disponibbiltà” huwa fformulat kif ġej:
“L-awtur għandu jkollu d-dritt esklużiv li jqiegħed ix-xogħol għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b’tali mod li membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jkollhom aċċess għalih minn lok u ħin magħżul minnhom individwalment.”
20. L-Artikolu 18c tal-UrhG, intitolat “Xandir u disponibbiltà ta’ xogħol minn fornituri ta’ pjattaformi kbar online”, jipprovdi:
“Bla ħsara għall-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) u (2) u tal-Artikolu 18a, xogħol ukoll jixxandar jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku minn kull min, bħala fornitur ta’ pjattaforma online kbira, jagħti lill-pubbliku aċċess għal xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur imtella’ mill-utenti tagħha. Kull tali fornitur għandu, għalhekk, jikseb awtorizzazzjoni mingħand l-awturi. [...]”
21. Skont l-Artikolu 24a tal-UrhG, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-użu ta’ xogħol jew dritt għall-użu ta’ xogħol bl-għan li dan jixxandar jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 18c”, l-awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornitur ta’ pjattaforma online kbira għall-użu ta’ xogħol bl-għan li dan jixxandar jew jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 18c tal‑UrhG testendi wkoll għall-utenti ta’ din il-pjattaforma għal dan l-istess skop sa fejn l-awtorizzazzjoni mogħtija tkun tippermetti u bla ħsara għall-kundizzjoni li dawn l-utenti ma jkunux qegħdin jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew li l-attività tagħhom ma tkunx tiġġenera dħul sinjifikattiv. Bl-istess mod, l-Artikolu 24a tal-UrhG jipprovdi wkoll li awtorizzazzjoni mogħtija lill-utent tintilola lill-fornitur jużaha b’mod awtorizzat.
III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula
22. Austro-Mechana, l-ewwel rikorrenti, hija soċjetà ta’ mmaniġġar kollettiv skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-Bundesgesetz über Verwertungsgesellschaften (il-Liġi Federali dwar is-Soċjetajiet ta’ Mmaniġġar Kollettiv) (iktar ’il quddiem il-“VerwGesG”). F’din il-kapaċità, hija tirrappreżenta d-drittijiet u l-interessi ta’ diversi detenturi tad-drittijiet f’xogħlijiet u materjal protett ieħor, skont it-tifsira tal‑UrhG. Hija sussidjarja u kompletamant proprjetà tat-tieni rikorrenti, AKM, li wkoll hija soċjetà ta’ mmaniġġar kollettiv. Sabiex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, Austro-Mechana u AKM jikkonkludu ftehimiet mad-detenturi tad-drittijiet. Dawn il-ftehimiet ta’ mmaniġġar jintitolawhom jimmaniġġaw ċerti drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet u, inter alia, jinnegozjaw f’isimhom awtorizzazzjonijiet jew ftehimiet ta’ liċenzjar ma’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online.
23. Il-liċenzja ta’ mmaniġġar mogħtija lil Austro-Mechana mill-Awtorità Superviżorja tawtorizzaha “timmaniġġa xogħlijiet ta’ mużika u xogħlijiet ta’ lingwa marbuta ma’ xogħlijiet ta’ mużika [...] sabiex jiġu eżerċitati jew immaniġġati drittijiet ta’ riproduzzjoni [...] kif ukoll talbiet korrispondenti għal parteċipazzjoni u/jew remunerazzjoni” (7). Hija tapplika, inter alia, għar-“riproduzzjoni u/jew għad-distribuzzjoni fuq reġistrazzjonijiet vidjo u/jew awdjo (mezzi ta’ ħażna) skont l-Artikoli 15 u 16 tal-UrhG” u għal ‘riproduzzjoni… fuq reġistrazzjonijiet vidjo u awdjo (mezzi ta’ ħażna) b’rabta ma’ xogħlijiet ċinematografiċi maħsuba għax-xandir li xandar jew webcaster jipproduċi huwa nnifsu jew ikun ipproduċa permezz ta’ parti oħra”.
24. Il-liċenzja ta’ mmaniġġar ta’ AKM tkopri l-immaniġġar ta’ “xogħlijiet ta’ mużika u xogħlijiet ta’ lingwa marbuta ma’ xogħlijiet ta’ mużika [...] sabiex jiġu eżerċitati jew immaniġġati drittijiet ta’ prestazzjonijiet, kuntratti, xandir u tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’reċitazzjonijiet, prestazzjonijiet f’kunċerti u xandiriet u kif ukoll talbiet korrispondenti għal parteċipazzjoni u/jew remunerazzjoni” (8).
25. Fis‑7 ta’ Ġunju 2022, Austro-Mechana talbet l-Awtorità Superviżorja dikjarazzjoni li l-liċenzja ta’ mmaniġġar mogħtija lilha tkun estiża għal riproduzzjonijiet magħmula għall-finijiet ta’ xandir u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq pjattaformi online kbar. Essenzjalment, hija sostniet li l-liċenzja tagħha kienet tkopri l-kopji diġitali ta’ kontenut protett, imtella’ fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li huma inċidentali u meħtieġa teknikament għall-komunikazzjoni jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ dan il-kontenut fuq dawn il-pjattaformi. Hija sostniet dan minkejja l-fatt li dawn l-atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għall-pubbliku huma koperti mil-liċenzja ta’ mmaniġġar ta’ AKM.
26. B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Jannar 2023, l-Awtorità Superviżorja ma laqgħetx (fil-punt 1 tad-dispożittiv) it-talba ta’ Austro-Mechana u kkonstatat (fil-punt 2 tad-dispożittiv) li l-liċenzja ta’ mmaniġġar ta’ AKM kienet diġà tkopri kull tali riproduzzjoni.
27. L-Awtorità Superviżorja osservat, l-ewwel, li ma kienx ċar jekk id-dritt ta’ riproduzzjoni, protett mill-Artikolu 15 tal-UrhG, li jittrasponi l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 fil-liġi Awstrijaka, jintlaqatx wara kollox bl-atti jew bil-proċessi koperti mill-Artikolu 18c tal-UrhG, li jittrasponi, min-naħa tiegħu, l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 fil-liġi Awstrijaka. Dwar dan, hija rreferiet għal xi stqarrijiet magħmula mill-Kummissjoni Ewropea fil-gwida tagħha dwar din id-dispożizzjoni (9), u enfasizzat li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 u, għalhekk, l-Artikolu 18c tal-UrhG jittrattaw id-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, esklużivament.
28. Hija żiedet tgħid li, anki jekk wieħed jassumi li d-dritt ta’ riproduzzjoni jintlaqat mill-atti jew mill-proċessi koperti mil-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 u, għalhekk, mill-Artikolu 18c tal‑UrhG, wieħed jista’ jikkonkludi mill-għan tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 li l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online huma meħtieġa li jiksbu sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kontenut protett mtella’ minn utenti fuq il-pjattaformi tagħhom neċessarjament jinkludi l-atti kollha ta’ riproduzzjoni li teknikament huma meħtieġa għal dan l-għan. Dawn l-atti ma jistgħux ikunu separati mill-atti ta’ komunikazzjoni jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bir-riżultat li liċenzjar separat tad-dritt ta’ riproduzzjoni ma huwiex possibbli.
29. Kemm Austro-Mechana u AKM ippreżentaw appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesverwaltungsgericht Österreich (il-Qorti Amministrattiva Federali), li hija l-qorti tar-rinviju. Essenzjalment, huma jsostnu li l-punt 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata għandu jkun annullat mingħajr ma jkun issostitwit u li l-punt 1 għandu jkun emendat b’tali mod li tintlaqa’ t-talba ta’ Austro-Mechana tas‑7 ta’ Ġunju 2022.
30. Billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq, il-Bundesverwaltungsgericht Österreich (il-Qorti Amministrattiva Federali) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja bid-domandi preliminari li ġejjin:
‘(1) Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2001/29], kif ukoll l-Artikolu 17(1) tad-[Direttiva 2019/790], u l-Artikolu 9 tal-[Konvenzjoni ta’ Berna], għandu jiġi interpretat fis-sens li fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fis-sens tal-[Artikolu 2(6)] tad-Direttiva 2019/790, li jaħżen xogħlijiet u materjal protett ieħor mtellgħin mill-utenti, minbarra li jwettaq att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (jew att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) fis-sens tal-Artikolu 3 tad-[Direttiva 2001/29], iwettaq ukoll jew għandu jitqies li jwettaq att ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2001/29], u għandu jikseb awtorizzazzjoni separata sabiex jagħmel dan mingħand id-detenturi tad-drittijiet previsti fl-Artikolu 2 [tad-Direttiva 2001/29]?
(2) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 1(2) u [tal-Artikolu 2(6)] tad-Direttiva 2019/790, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fis-sens tal-[Artikolu 2(6)] tad-Direttiva 2019/790, jikseb awtorizzazzjoni ta’ riproduzzjoni, din l-awtorizzazzjoni tkun tkopri wkoll l-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa jew li għandhom jitqiesu li huma mwettqa mill-utenti tal-pjattaforma tiegħu, meta dawn l-atti ma jseħħux fuq bażi kummerċjali jew meta ma jiġġenerawx dħul sinjifikattiv?
(3) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2001/29] u l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-utenti ta’ servizzi offruti minn fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, fis-sens tal-[Artikolu 2(6)] tad-Direttiva 2019/790, meta jtellgħu xogħlijiet u materjal protetti mid-dritt tal-awtur għall-finijiet tal-ħażna u tal-kondiviżjoni tagħhom, iwettqu atti ta’ riproduzzjoni fis-sens tal-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2001/29] u għandhom jiksbu awtorizzazzjoni sabiex jagħmlu dan mingħand id-detenturi tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 2 [ta’ din id-direttva]?
(4) Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 4, l-Artikolu 5 kif ukoll l-Artikolu 16(1) u (2) tad-[Direttiva 2014/26], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu wkoll jagħtu individwalment u separatament lil soċjetà għall-ġestjoni kollettiva (jew lil entità għall-ġestjoni indipendenti) id-dritt ta’ riproduzzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2001/29], minn naħa, u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku previst fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tal-għoti ta’ liċenzji skont l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2019/790, sabiex il-ġestjoni ta’ dawn id-drittijiet tiġi żgurata minn soċjetajiet għall-ġestjoni kollettiva differenti (jew entitajiet għall-ġestjoni indipendenti) jew sabiex dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu ġestiti parzjalment fuq bażi individwali?”
31. It-talba għal deċiżjoni preliminari, datata t‑30 ta’ Awwissu 2024, kienet ippreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Settembru 2024. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Franċiż u kif ukoll il-Kummissjoni ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub. Dawn il-partijiet interessati, kif ukoll l-Awtorità Superviżorja, ressqu s-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2025.
IV. Evalwazzjoni
32. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jiddefinixxi d-dritt ta’ riproduzzjoni bħala d-“dritt esklużiv” ta’ awturi, artisti, produtturi u organizzazzjonijiet tax-xandir li “jawtorizza[w] jew jipprojbixx[u] riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti” tax-xogħlijiet, wirjiet, fonogrammi, films, jew xandiriet tagħhom.
33. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tiddetermina jekk, fil-kuntest ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, dan id-dritt japplikax għal meta kopji diġitali ta’ kontenut protett, li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jingħata aċċess għal dan il-kontenut, jittellgħu fuq is-servers tal-kompjuter tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Dan jitlob li jiġi ċċarat jekk tali kopji jkunux riproduzzjonijiet, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.
34. Barra minn hekk, jekk wieħed jassumi li d-dritt ta’ riproduzzjoni fil-fatt japplika f’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizz ta’ kontenut online għandhom jiksbu mingħand detenturi tad-drittijiet, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-pjattaformi tagħhom, neċessarjament tkoprix ir-riproduzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ dan il-kontenut fuq dawn is-servers ta’ fornituri ta’ servizz li teknikament huma meħtieġa għal dan l-għan.
35. Biex ikun spjegat għaliex il-leġiżlatura tal-Unjoni introduċiet reġim speċifiku ta’ responsabbiltà għal fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, ikun ta’ għajnuna li niftakru f’wieħed mill-għanijiet ewlenin tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll fil-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
36. Kif il-preambolu tagħha jagħmilha ċara, id-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li detenturi tad-drittijiet jingħataw “livell għoli ta’ protezzjoni” tad-drittijiet tagħhom tal-awtur u drittijiet relatati u li tiżgura li huma jirċievu “kumpens xieraq” għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom u materjal ieħor, partikolarment fis-“soċjetà tal-informazzjoni” (10). Dwar dan, din id-direttiva tagħtihom, kif spjegajt fl-introduzzjoni, dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tal-kontenut protett tagħhom (Artikolu 2) u dritt esklużiv ta’ komunikazzjoni jew li jagħmlu dak il-kontenut disponibbli għall-pubbliku (Artikolu 3). Għalhekk, atti li jaqgħu fl-ambitu ta’ dawn id-drittijiet ma jistgħux, bħala regola (11), jitwettqu minn parti terza mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, li normalment tkun fil-forma ta’ liċenzja mogħtija bi ħlas.
37. Madankollu, ftit wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29, meta daħlu s-servizzi interattivi “Web 2.0” u, partikolarment, il-pjattaformi kbar bħal Youtube, dan ta bidu għal inċertezza legali dwar it-tqegħid ta’ kontenut protett fuq dawn il-pjattaformi.
38. Dak iż-żmien, id-dibattitu kien iffukat fuq id-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29. Filwaqt li kien ċar li meta utent itella’ xogħol jew materjal ieħor fuq pjattaforma online ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut dan jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, li jitlob, bħala regola, l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detentur/i konċernat/i tad-drittijiet, qamet kontroversja dwar jekk l-operatur ta’ din il-pjattaforma kienx huwa stess qed iwettaq tali att meta kien jagħti aċċess lill-pubbliku għal dan il-kontenut u, għalhekk, jekk kienx meħtieġ li jikkonkludi ftehimiet ta’ liċenzjar jew iħallas lid-detenturi tad-drittijiet. Id-detenturi tad-drittijiet, min-naħa tagħhom, urew tħassib (12) li fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online kienu qegħdin jinċentivaw utenti sabiex itellgħu kontenut protett fuq il-pjattaformi online tagħhom u kien qed ikollhom dħul kunsiderevoli minn dan il-kontenut, permezz ta’ riklamar jew abbonamenti, mingħajr ma kienu jitolbu awtorizzazzjoni mingħand jew iħallsu lid-detenturi tad-drittijiet. Dan huwa magħruf bħala l-argument tal-“value gap” (13).
39. L-inċertezza kienet tolqot ukoll il-portata tas-“safe harbour” stabbilit fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Din id-dispożizzjoni eżentat, bla ħsara għal ċerti kundizzjonijiet, lill-fornituri ta’ “servizzi ta’ hosting” minn responsabbiltà li tista’ toriġina mill-kontenut protett li huma jospitaw għall-utenti tagħhom. Hawnhekk ukoll, ma kienx ċar jekk din id-dispożizzjoni kinitx “tarka” għall-fornituri ta’ servizz ta’ ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online bħal YouTube, Soundcloud u Pinterest kontra responsabbiltà abbażi tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kontenut protett mtella’ mill-utenti tagħhom (14).
40. Sabiex tneħħi din l-inċertezza legali, il-leġiżlatura tal-Unjoni ddeċidiet li tindirizza din il-kwistjoni fid-Direttiva 2019/790 (15), senjatament fl-Artikolu 17 tagħha.
41. Kif spjegajt fl-introduzzjoni, l-ewwel, il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprovdi li fornituri nnifishom ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jkunu qegħdin iwettqu att ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, meta huma jagħtu lill-pubbliku aċċess għal kontenut protett imtella’ mill-utenti tagħhom (16). Dan joħloq obbligu għal dawn il-fornituri li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet rilevanti, tipikament li jikkonkludu ftehim ta’ liċenzjar. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790 jeskludi, f’tali kuntest, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “safe harbour” stabbilit fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.
42. It-tieni, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 jagħmilha ċara li utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ikunu wkoll qegħdin iwettqu atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku meta jtellgħu kontenut protett fuq il-pjattaformi online tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi. Madankollu, meta dawn il-fornituri jiksbu awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludu ftehim ta’ liċenzjar skont l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, tali awtorizzazzjoni tkun tkopri wkoll dawn l-atti, sakemm l-utenti kkonċernati ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew l-attività tagħhom ma tkunx qed tiġġenera dħul sinjifikattiv.
43. Ir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà (17) stabbilit mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huwa maħsub sabiex jikkonsolida “[l]-livell għoli ta’ protezzjoni” li jgawdu detenturi tad-drittijiet fuq il-kontenut protett tagħhom (18) u, partikolarment, sabiex jiżgura li huma jiksbu ħlas aħjar għall-użu ta’ dan il-kontenut fuq il-pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online. Fl-istess waqt, huwa jfittex li joħloq “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ dawn id-detenturi tad-drittijiet u dawk ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kontenut online u l-utenti tagħhom, partikolarment billi jipprovdi ċertezza legali għal dawn il-fornituri ta’ servizz (19).
44. Madankollu, la l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 u lanqas il-paragrafi l-oħra ta’ dan l-artikolu ma jirreferu espressament għad-dritt ta’ riproduzzjoni mogħti lil detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 jew, minbarra dan, għar-riproduzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut.
45. Għalhekk, l-inċertezza li kien imdawwar biha d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tidher issa mill-ġdid b’rabta mad-dritt ta’ riproduzzjoni.
46. F’dan l-isfond, nibda billi nispjega għaliex tali kopji diġitali jikkostitwixxu “riproduzzjonijiet”, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, u għalhekk huma jaqgħu fl-ambitu tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni tad-detenturi tad-drittijiet (l-ewwel parti tal-ewwel domanda) (Taqsima A). Imbagħad nagħti r-raġunijiet għaliex inqis li l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu mingħand id-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790, sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, neċessarjament testendi għar-riproduzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ dan il-kontenut fuq is-servers tagħhom li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut (it-tieni parti tal-ewwel domanda) (Taqsima B). Barra minn hekk, ser nispjega għaliex dik l-awtorizzazzjoni tkopri wkoll, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790, l-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa mill-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, sabiex dawn l-utenti ma jkollhomx bżonn jiksbu awtorizzazzjoni separata għal dawn l-atti, bil-kundizzjoni li huma ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew l-attività tagħhom ma tkunx qed tiġġenera dħul sinjifikattiv (it-tieni u t-tielet domanda) (Taqsima C). Fl-aħħar nett, ser nindirizza fil-qosor il-kwistjoni ta’ jekk detenturi tad-drittijiet jistgħux jafdaw l-immaniġġar tad-drittijiet tagħhom lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv differenti (ir-raba’ domanda) (Taqsima D).
47. Madankollu, qabel nagħmel dan, għandi nispjega għaliex il-portata ta’ dawn il-konklużjonijiet hija limitata f’żewġ aspetti importanti. L-ewwel, id-domandi li ntbagħtu mill-qorti nazzjonali jirreferu biss għall-kuntest speċifiku tat-tqegħid ta’ kontenut protett fuq il-pjattaformi tal-fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790 jiddefinixxi fornitur ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online bħala “fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali tiegħu huwa li jaħżen u jagħti aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett imtellgħin mill-utenti tiegħu, li s-servizz jorganizza u jippromwovi għal skopijiet ta’ qligħ”. Isegwi, partikolarment mill-użu tal-kelma “sinifikanti”, li l-Artikolu 17 jikkonċerna l-operaturi kbar ta’ pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut, bħal YouTube, Soundcloud jew Pinterest u jeskludi oħrajn (20). Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tiegħi mhux ser tkun dwar kopji diġitali magħmula sabiex kontenut protett isir disponibbli online minn individwi fis-siti internet tagħhom stess jew permezz ta’ servizzi intermedjarji mhux koperti minn din id-dispożizzjoni (21).
48. It-tieni, il-kwistjonijiet legali mqajma minn din il-kawża huma relatati mal-kuntest speċifiku tar-riproduzzjoni, fuq is-servers tal-kompjuter ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkollu aċċess għal dan il-kontenut. Dawn il-konklużjonijiet ma jikkonċernawx ir-riproduzzjonijiet magħmulin fuq is-servers ta’ utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, mezzi ta’ IT oħra tagħhom jew siti oħra ta’ ħżin online, partikolarment fil-cloud (22).
A. Jekk kopji diġitali magħmula fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online teknikament meħtieġa jikkostitwixxux riproduzzjonijiet, li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt ta’ riproduzzjoni protett taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 (l-ewwel parti tal-ewwel domanda)
49. Kif il-Kummissjoni spjegat fis-seduta, meta utent jagħfas il-buttuna “upload” fuq pjattaforma online ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut, il-fajl korrispondenti jinqasam f’“pakketti”. Dawn il-pakketti jkunu trażmessi fuq l-internet permezz ta’ routers u, hekk kif jaslu fiċ-ċentri tad-data tal-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, jinġabru flimkien mill-ġdid fuq is-servers tiegħu, fejn il-fajl jiġi rrikostruwit qabel ma jiġi kondiviż online. F’dan il-proċess jinħolqu awtomatikament kopji diġitali tal-fajl (23), bħala parti integrali mill-proċess ta’ komunikazzjoni jew it-tqegħid ta’ kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq il-pjattaforma rilevanti. Kif nifhimha jiena, l-għan waħdieni ta’ dawk il-kopji huwa li l-kontenut ikun jista’ jiġi kondiviż online mal-pubbliku.
50. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-kopji diġitali ta’ kontenut protett hekk imtella’ fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jikkostitwixxu riproduzzjonijiet, li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt esklużiv stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.
51. L-ewwel, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonfermat, f’kuntesti oħra, li dan id-dritt ikopri l-produzzjoni u l-ħażna ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq servers tal-kompjuter, minħabba li dan id-dritt japplika għal riproduzzjonijiet “b’kull mezz u f’kull forma” ta’ kontenut protett (24).
52. Din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-ewwel parti tad-dispożizzjoni li tirrikonoxxi d-dritt ta’ riproduzzjoni fid-dritt internazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna. Dwar dan, l-istqarrija miftiehma dwar l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Propjetà Intellettwali (WIPO) dwar id-Drittijiet tal-Awtur (25) jipprovdi li “l-ħżin ta’ xogħol protett f’forma diġitali f’mezz elettroniku jikkostitwixxi riproduzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tal-[Konvenzjoni ta’ Berna]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Ninnota li l-Unjoni Ewropea ma hijiex hija stess parti għall-Konvenzjoni ta’ Berna, li, skont l‑Artikolu 29(1) tagħha, hija miftuħa biss għal Stati u mhux għal organizzazzjonijiet internazzjonali. Madankollu, l-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet sostantivi (Artikoli 1 sa 21) ta’ din il-konvenzjoni skont l-Artikolu 9(1) tal-Ftehim dwar Aspetti Relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali (TRIPS) (26) u l-Artikolu 1(4) tat-Trattat dwar id-Drittijiet tal-Awtur WIPO (27).
53. It-tieni, skont l-interpretazzjoni deliberament wiesgħa adottata mil‑leġiżlatura tal-Unjoni fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, id-dritt ta’ riproduzzjoni japplika mhux biss għal riproduzzjonijiet “b’kull mezz u f’kull forma”, iżda wkoll irrispettivament minn jekk dawk ir-riproduzzjonijiet ikunux “diretti jew indiretti, temporanji jew permanenti”. Għaldaqstant, il-fatt li, kemm minn perspettiva teknika, kif ukoll minn dik ekonomika, il-kopji diġitali inkwistjoni huma sempliċiment inċidentali għall-komunikazzjoni jew li l-kontenut jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 ta’ dik id-direttiva, huwa, bħala prinċipju, irrilevanti.
54. Dwar dan, ninnota, madankollu, li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdi, taħt kundizzjonijiet stretti, għal eżenzjoni dwar “[a]tti temporanji ta’ riproduzzjoni [...] li huma temporanji jew inċidentali [u] parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku” (28). Din l-eżenzjoni tapplika biss sakemm ikunu osservati ħames kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri sakemm l-att inkwistjoni:
– ikun temporanju;
– ikun temporanju jew inċidentali;
– ikun jifforma parti integrali u essenzjali mill-proċess teknoloġiku;
– ikollu l-għan waħdieni li tkun tista’ tgħaddi trażmissjoni f’network bejn terzi permezz ta’ intermedjarju, jew b’użu legali, ta’ kontenut protett; u
– ma jkollux sinjifikat ekonomiku indipendenti (29).
55. Filwaqt li huwa ċar mill-ġurisprudenza li dawn il-ħames kundizzjonijiet għandhom ikunu interpretati b’mod strett (30), il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, irriteniet li atti temporanji ta’ riproduzzjoni, imtella’ fil-memorja tad-decoder tas-satellita u fuq l-iskrin tat-televiżjoni (31), kif ukoll fuq kopji “on-screen” u kopji “cached” magħmula minn utent aħħari, meta jkun qiegħed iżur sit internet (32), jistgħu jitqiesu li josservaw dawn il-kundizzjonijiet kollha.
56. Bħar-rikorrenti, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Franċiż u l-Awtorità Superviżorja, jiena nqis li l-istess ma jistax jingħad għal kopji diġitali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Kif l-awtorità Superviżorja spjegat fis-seduta, tali kopji ma humiex temporanji, minħabba li jistgħu wara kollox jibqgħu maħżuna fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għal snin.
57. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena naħseb li l-eżenzjoni mid-dritt ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 ma japplikax għat-tqegħid, fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut.
58. It-tielet, irrid inżid li ma hemm xejn fid-Direttiva 2001/29 li jissuġġerixxi li, f’sitwazzjoni bħal din, id-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont l-Artikolu 3 tagħha, għandu “jantiċipa” l-applikazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni protett taħt l-Artikolu 2, fis-sens li dan id-dritt ma jkunx iktar rilevanti.
59. L-ewwel nett, naqbel mar-rikorrenti li kwalunkwe forma ta’ “aggruppment” ta’ drittijiet esklużivi differenti - f’dan il-kuntest, id-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – tmur kontra l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll, inter alia, l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li t-tnejn li huma jidentifikaw id-dritt ta’ riproduzzjoni bħala dritt esklużiv, distint mid-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
60. Barra minn hekk, kif josserva l-Gvern Franċiż, il-premessa 23 tad-Direttiva 2001/29 tipprovdi li l-“[komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku] m’għand[ha] [t]irregola l-ebda att ieħor”. Nifhem li dan ifisser li konstatazzjoni li d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tapplika f’sitwazzjoni partikolari ma tipprekludix l-applikazzjoni konkorrenti ta’ drittijiet esklużivi oħra, inkluż id-dritt ta’ riproduzzjoni.
61. Kuntrarjament għal dak li l-Kummissjoni tissottometti, ebda konklużjoni differenti ma ssegwi mis-sentenzi preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, partikolarment, fil-kawżi Renckhoff (33), YouTube u Cyando jew Il-Polonja vs Il-Parliament u Il-Kunsill.
62. Kif ir-rikorrenti, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Franċiż sewwa jinnotaw, ir-raġuni għaliex il-Qorti ma indirizzatx id-dritt ta’ riproduzzjoni jew l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 f’dawk il-kawżi hija sempliċiment għaliex dawn id-domandi preliminari ma kinux dwar dan id-dritt jew din id-dispożizzjoni. Fil-kawża li wasslet għas-sentenza Renckhoff, il-qorti tar-rinviju talbet biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Fil-kawża li waslet għas-sentenza YouTube u Cyando, il-kwistjoni kienet dwar ir-responsabbiltà għat-tqegħid u l-kondiviżjoni ta’ kontenut fis-siti internet tal-fornituri ta’ servizzi inkwistjoni, skont ir-reġim li kien japplika qabel l-adozzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Fl-aħħar nett, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Il-Polonja vs Il-Parliament u Il-Kunsill, il-Qorti tal-Ġustizzja ssejħet sabiex tevalwa l-kompatibbiltà ta’ ċerti aspetti ta’ dan ir-reġim ta’ responsabbiltà mad-dritt fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Ebda inferenza ma tista’, għalhekk, issir minn dawk is-sentenzi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt ta’ riproduzzjoni.
63. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet b’mod konsistenti distinzjoni ċara bejn id-dritt ta’ riproduzzjoni u d-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-ġurisprudenza tagħha, u hija diġà kkonfermat li ż-żewġ drittijiet jistgħu japplikaw b’mod parallel. Pereżempju, hija rriteniet li kwalunkwe komunikazzjoni li tirriżulta mill-kondiviżjoni ta’ xogħol minn utent ta’ servizz ta’ ħżin cloud tikkostitwixxi att ta’ sfruttament li huwa distint mill-att ta’ riproduzzjoni msemmi fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 u li jista’ jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva, sakemm il-kundizzjonijiet rilevanti jkunu osservati (34).
64. Fid-dawl tal-premess, huwa ċar għalija li t-tqegħid ta’ kontenut protett fuq il-pjattaforma ta’ fornitur ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ konenut online ma jinvolvix biss atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll atti ta’ riproduzzjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 2 tagħha. Fejn tali atti ta’ riproduzzjoni jitwettqu mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet rilevanti, dawn ikunu, għalhekk, jistgħu jagħtu lok għal ksur ta’ dritt esklużiv distint, jiġifieri id-dritt ta’ riproduzzjoni, li huwa separat mid-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
B. Jekk fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhomx jiksbu awtorizzazzjoni għar-riproduzzjonijiet diġitali inkwistjoni, distinta minn dik li huma jeħtieġu sabiex jagħtu aċċess lill-pubbliku għall-kontenut protett inkwistjoni (it-tieni parti tal-ewwel domanda)
65. Se ndur issa għall-kwistjoni dwar jekk l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu mingħand detenturi tad-drittijiet, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790, dwar il-komunikazzjoni jew it-tqegħid ta’ kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, tkoprix ukoll ir-riproduzzjonijiet li jseħħu, skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, meta kopji diġitali ta’ dan il-kontenut li huma teknikament meħtieġa sabiex il-kontenut jiġi kondiviż mal-pubbliku jitqiegħdu fuq is-servers tagħhom.
66. F’dan ir-rigward, tressqu tliet linji distinti ta’ argumentazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
67. L-ewwel, l-Awtorità Superviżorja u l-Kummissjoni huma tal-fehma li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, id-dritt ta’ riproduzzjoni ma jistax ikun eżerċitat b’mod indipendenti mid-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu neċessarjament testendi għall-produzzjoni ta’ tali kopji.
68. It-tieni, ir-rikorrenti jargumentaw li, filwaqt li r-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 japplika għall-produzzjoni ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut, dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom, madankollu, jiksbu awtorizzazzjoni separata għal dawn ir-riproduzzjonijiet, distinta mill-awtorizzazzjoni msemmija espressament fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Fil-fehma tagħhom, l-adozzjoni tas-soluzzjoni sostnuta mill-Awtorità Superviżorja u mill-Kummissjoni tkun tammonta għal “tħassir de facto” tad-dritt ta’ riproduzzjoni, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 17(2) tal-Karta, li jipprovdi li “[l]-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta”.
69. It-tielet, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Franċiż jikkontendu li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma japplikax assolutament għar-riproduzzjoni ta’ tali kopji, minħabba li din id-dispożizzjoni hija biss dwar atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Konsegwentement, ir-responsabbiltà ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għall-kopji diġitali ta’ kontenut protett imtella’ fuq is-servers tagħhom, li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jingħata aċċess għal dan il-kontenut ikollha tiġi evalwata esklużivament taħt ir-reġim ġenerali ta’ responsabbiltà, jiġifieri, ir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2001/29. Dwar dan, il-Gvern Franċiż ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet b’mod kostanti li l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, kwalunkwe att ta’ riproduzzjoni ta’ xogħol minn terz jeħtieġ il-kunsens minn qabel tad-detentur tad-drittijiet rilevanti (35). Skont dan il-gvern, li tali fornituri jitħallew jagħmlu kopji diġitali ta’ kontenut protett mingħajr awtorizzazzjoni speċifika mingħand id-detentur tad-drittijiet rilevanti, distinta minn dik meħtieġa skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, ikun ekwivalenti għal introduzzjoni ta’ “eżenzjoni” jew “limitazzjoni” ġdida u mhux miktuba għad-dritt ta’ riproduzzjoni protett mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.
70. F’dan l-istadju, ninnota, kif l-Awtorit Superviżorja diġà osservat quddiem il-qorti tar-rinviju (36), li, fil-gwida tagħha dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, il-Kummissjoni qalet – mingħajr, għandu jingħad, ma tat ebda spjegazzjoni reali – li “[l]-atti ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-Artikolu 17(1) għandhom jinftiehmu bħala li jkopru wkoll ir-riproduzzjonijiet neċessarji sabiex jitwettqu dawn l-atti” (37) u li “l-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online sabiex jiksbu awtorizzazzjoni għar-riproduzzjonijiet li jsiru fil-kuntest tal-Artikolu 17” (38). Infakkar, madankollu, li l-gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 tirrifletti biss il-fehmiet ta’ din l-istituzzjoni u ma għandix saħħa vinkolanti (39).
71. Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nispjega li evalwazzjoni testwali u storika tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma tippermettix li tinġibed konklużjoni definittiva dwar jekk l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont din id-dispożizzjoni neċessarjament tkoprix it-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li huma teknikament meħtieġa għall-finijiet ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid ta’ dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (1). Madankollu, interpretazzjoni kontestwali u teleoloġika tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 twassalni sabiex naċċetta l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-gwida tagħha (2).
1. Evalwazzjoni testwali u storika
72. Mill-bidu nett, jiena naqbel mal-Gvern Awstrijak u mal-Gvern Franċiż li l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 jirreferi esklużivament għal “att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew att ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku”. La dan il-paragrafu u lanqas kwalunkwe dispożizzjoni oħra tal-Artikolu 17 ma tagħmel kwalunkwe riferiment għal atti ta’ riproduzzjoni jew għad-dritt ta’ riproduzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.
73. Dwar kif inħolqot din id-dispożizzjoni, ninnota li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-Proposta ta’ Kompromess tal-Presidenza Konsolidata tal-Kunsill tat‑23 ta’ Marzu 2018 (40)– li sussegwentement saret l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 – ipprovdiet li l-ftehimiet ta’ liċenzjar konklużi bejn fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u detenturi tad-drittijiet “għandhom ikopru r-responsabbiltà tal-utenti tas-servizz għal atti skont l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva [2001/29] meta huma ma jkunux jaġixxu fuq bażi kummerċjali” (41). Ir-riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 sussegwentement tneħħa, mingħajr ebda spjegazzjoni espliċita, sa fejn naf jien (42), matul l-istadji tal-aħħar tal-proċess leġiżlattiv. Ix-xogħlijiet ta’ tħejjija għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma fihom ebda indikazzjoni oħra dwar il-possibbiltà tal-applikazzjoni tagħha għal atti ta’ riproduzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.
74. Għalhekk, filwaqt li kemm it-test tal-Artikolu 17(1) u l-istorja tiegħu huma kwieti dwar din il-kwistjoni, dan il-kwiet huwa ambigwu. Kif il-Kummissjoni sewwa tosserva, il-fatt li sar riferiment għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 fi stadju wieħed tal-proċess leġiżlattiv juri li l-leġiżlatura tal-Unjoni kienet taf dwar l-istadju intermedju li kien jikkonsisti fit-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online.
75. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe spjegazzjoni għat-tneħħija sussegwenti ta’ dan ir-riferiment, jistgħu jinġibdu żewġ inferenzi opposti. Jista’ jiġi argumentat, kif il-Kummissjoni tissottometti, li l-leġiżlatura tal-Unjoni qieset tali riferiment bħala mhux meħtieġ, minħabba li dawn ir-riproduzzjonijiet huma anċillari għall-komunikazzjoni jew għat-tqegħid ta’ dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u, għalhekk, huma koperti impliċitament mir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Alternattivament, kif Austro-Mechana, AKM u l-Gvern Franċiż jikkontendu, jista’ jiġi argumentat li d-dritt ta’ riproduzzjoni tħalla deliberatament barra mill-portata ta’ din id-dispożizzjoni u għadu suġġett biss għar-reġim ġenerali, jiġifieri r-regoli stabbiliti bid-Direttiva 2001/29 (u, potenzjalment, għas-“safe harbour” stabbilit bl-Artikolu 14 tad-Direttiva 2014/26).
76. Kif ser nispjega fit-taqsimiet li ġejjin, nqis li l-ewwel interpretazzjoni għandha tiġi ppreferuta.
2. Evalwazzjoni kuntestwali u teleoloġika
77. Żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2019/790 minbarra l-Artikolu 17(1) tagħha jsostnu l-konklużjoni li din id-dispożizzjoni fil-fatt tapplika għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, fejn tali kopji jkunu teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut.
78. L-ewwel, kif spjegajt fil-punt 41 iktar ’il fuq, ir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 japplika għal “fornitur[i] ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online”, iddefinit fl-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790, bħala “fornitur[i] ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li l-iskop prinċipali jew wieħed mill-iskopijiet prinċipali [tagħhom] huwa li jaħż[nu] u jagħt[u] aċċess lill-pubbliku għal ammont sinifikanti ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur jew materjal ieħor protett mtellgħin mill-utenti [tagħhom], li [huma] jorganizza[w] u jippromwov[u] għal skopijiet ta’ qligħ” (43). Huwa diffiċli tara għaliex il-leġiżlatura tal-Unjoni kienet ser tirreferi espressament, f’dik id-definizzjoni, għall-attività ta’ “ħżin” jekk it-tqegħid u l-ħżin ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online kienu irrilevanti għal dik id-dispożizzjoni (44).
79. It-tieni, il-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790 tgħid li r-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit bl-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva kien maħsub sabiex jiċċara, wara snin ta’ dibattitu u inċertezza, li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online “[jinvolvu] ruħhom f’atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u [huma meħtieġa] li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella’ mill-utenti tagħhom” (45). Din il-premessa tissuġġerixxi li l-Artikolu 17(1) tfassal sabiex iħares lil dawn il-fornituri ta’ servizzi minn responsabbiltà għal ksur ta’ drittijiet esklużivi tad-detenturi tad-drittijiet, kif ġeneralment mifhuma, sakemm ikunu kisbu awtorizzazzjoni.
80. Fir-rigward tal-għanijiet segwiti mir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, infakkar, kif kien innotat fil-punt 43 iktar ’il fuq, li huwa għandu l-għan jikkonsolida “livell għoli ta’ protezzjoni” li detenturi tad-drittijiet igawdu mill-kontenut protett tagħhom. Huwa jagħmel dan billi jrawwem l-iżvilupp ta’ “suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u [...] l-fornituri ta’ servizz tal-kondiviżjoni [ta’ kontenut online]” (46). B’dan il-mod, huwa jimmira li jirrendi lid-detenturi tad-drittijiet f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jiksbu remunerazzjoni aħjar għall-użu ta’ kontenut protett fuq il-pjattaformi ta’ dawn il-fornituri ta’ servizz u li jikkontribwixxi għal “funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur” (47). Fl-istess waqt, dan ir-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà jara wkoll li jiżgura “bilanċ ġust” bejn id-drittijiet u l-interessi ta’ detenturi tad-drittijiet, minn naħa, u dawk ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online u tal-utenti tagħhom, min-naħa l-oħra.
81. B’mod iktar speċifiku, il-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790 tenfasizza li ftehimiet ta’ liċenzjar għandhom ikunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn il-partijiet (id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online) (48), filwaqt li l-premessa 70 tagħha tenfasizza l-importanza, fil-kuntest speċifiku ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, li tiġi ggarantita l-libertà ta’ espressjoni tal-utenti u li “jinstab bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta), b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni u l-libertà tal-arti, u d-dritt għall-proprjetà, inkluża l-proprjetà intellettwali” (49).
82. Fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, jidhirli li, jekk l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790, ma kinitx testendi għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers tagħhom li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut, l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva jkun nieqes mill-effikaċja tiegħu.
83. L-ewwel, mill-perspettiva tal-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 jirreferi biss għal “awtorizzazzjoni [...] sabiex [fornitur] jikkomunika lill-pubbliku jew jagħmel disponibbli lill-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor”. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li t-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jingħata aċċess għal dan il-kontenut jista’ jiġi suġġett għal awtorizzazzjoni separata, li ma hija msemmija mkien fl-Artikolu 17, tinħoloq inċertezza legali f’livell sinjifikattiv għal fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online. B’rabta ma’ dan, infakkar li, kif innotat fil-punt 40 iktar ’il fuq, il-leġiżlatura tal-Unjoni riedet, inter alia, tnaqqas l-inċertezza legali madwar ir-responsabbiltà ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi għal kontenut protett mtella’ minn utenti meta hija adottat din id-dispożizzjoni. Nifhem li hija ma kinitx fi ħsiebha tindirizza biss parti minn dik ir-responsabbiltà (jiġifieri, ir-responsabbiltà biss ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għal atti ta’ komunikazzjoni jew għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, bl-esklużjoni ta’ atti ta’ riproduzzjoni teknikament meħtieġa għal dan l-għan).
84. Barra minn hekk, kieku l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 kellha ma tkoprix ir-riproduzzjoni ta’ tali kopji diġitali, din l-awtorizzazzjoni issir, fil-prattika, inutli. Dawn il-fornituri ta’ servizzi xorta waħda jkunu jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ talbiet mingħand detenturi tad-drittijiet għal ksur tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, kif protett bl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, sempliċiment minħabba li kopji diġitali ta’ kontenut protett jitqiegħdu awtomatikament fuq servers tagħhom kull meta utent itella’ tali kontenut protett.
85. Isegwi li, mill-perspettiva taċ-ċertezza legali, l-unika soluzzjoni koerenti hija li l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 neċessarjament tkopri tali kopji.
86. It-tieni, mill-perspettiva tad-detenturi tad-drittijiet, kieku l-awtorizzazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 kellha ma testendix għar-riproduzzjoni ta’ tali kopji, l-għan li tkun żgurata rimunerazzjoni aħjar għall-użu ta’ kontenut protett fuq pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ikun kompromess serjament. Fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ikollhom ftit inċentiv sabiex ifittxu tali awtorizzazzjoni, minħabba li, fi kwalunkwe każ, huma jistgħu jkunu esposti għal responsabbiltà għal atti ta’ riproduzzjoni mhux koperti minnha.
87. B’żieda ma’ dan, il-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi għal tali atti ta’ riproduzzjoni terġa’ tqajjem, essenzjalment, l-istess inċertezzi li l-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat fis-sentenza fil-kawżi YouTube u Cyando b’rabta mad-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, fi żmien meta r-reġim speċifiku stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma kienx għadu japplika. B’mod partikolari, il-fornitur ikun prinċipalment responsabbli taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29? Jista’ jistrieħ fuq is-“safe harbour” stabbilit bl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31? (50) Skont it-tweġiba, fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jistgħu jaffaċċaw responsabbiltà sħiħa jew jistgħu ma jaffaċċaw ebda responsabbiltà.
88. Infakkar li, f’dik is-sentenza (51), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, li kontenut potenzjalment illegali huwa, bħala prinċipju, imtella’ fuq il-pjattaforma kkonċernata mhux mill-operatur, iżda minn utenti, li jaġixxu b’mod awtonomu, u li r-responsabbiltà tal-operatur innifsu tiddependi mill-portata u min-natura deliberata tal-intervent tiegħu fil-komunikazzjoni. Hija żiedet li l-fatt waħdu li l-operatur ġeneralment ikun jaf li kontenut protett jitqiegħed disponibbli illegalment fuq il-pjattaforma tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex wieħed jikkonkludi li l-operatur ikun qiegħed jintervjeni sabiex jagħti lil utenti tal-internet aċċess għal dan il-kontenut.
89. Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskuldietx, fis-sentenza fil-kawżi YouTube u Cyando, li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 seta’ japplika għal fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online (52). Din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva (53), stabbilixxiet li fornituri ta’ “servizzi ta’ hosting” ma humiex suġġetti għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ u għandhom, essenzjalment, jaġixxu fuq avviż mingħand id-detenturi tad-drittijiet billi jneħħu jew ma jħallux ikun hemm aċċess għal kontenut illegali (“avviż u tneħħija”) (54).
90. Din is-soluzzjoni kienet tqieset mil-leġiżlatura tal-Unjoni, meta adottat id-Direttiva 2019/790, li ma kinitx tipproteġi biżżejjed id-detenturi tad-drittijiet (55). Dan huwa għaliex l-Artikolu 17(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2019/790 jeżiġi li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, essenzjalment, ma jħallux kontenut illegali jittella’ jew jittella’ mill-ġdid fl-ewwel lok, permezz ta’ miżuri “ex ante”, li huma kkostitwiti minn għodod awtomatiċi ta’ ffiltrar imfassla sabiex jeżaminaw il-kontenut mtella’ minn utenti qabel ma jitqassam lill-pubbliku (56), pjuttost milli sempliċiment jitneħħa wara li jkun tqassam.
91. Fid-dawl tal-premess, il-pożizzjoni mressqa mill-Gvern Franċiż, li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tadotta approċċ li jipproteġi lid-detenturi tad-drittijiet, tidher li hija li l-leġiżlatura tal-Unjoni kellha l-intenzjoni li l-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibqgħu suġġetti għar-reġim ġenerali ta’ responsabbiltà (jiġifieri, għar-regoli li japplikaw mingħajr l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790), iżda mhux għall-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31, b’mod li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jassumu responsabbiltà, taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, fir-rigward tal-kopji diġitali ta’ kontenut protett mqiegħed fuq is-servers tagħhom li huma teknikament meħtieġa sabiex jingħata aċċess lill-pubbliku għal dan il-kontenut, sakemm ma kinux kisbu awtorizzazzjoni speċifika mid-detentur tad-drittijiet jew sakemm ma kinitx tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.
92. Madankollu, jiena ma nsib ebda appoġġ testwali għal tali approċċ fi kwalunkwe wieħed mill-istrumenti rilevanti (id-Direttiva 2000/31, id-Direttiva 20001/29 jew id-Direttiva 2017/790). Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-Gvern Franċiż hija, essenzjalment, li ssostni, minn naħa, li l-leġiżlatura ta’ Unjoni ma pprevedietx li r-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 għandu japplika għall-atti ta’ riproduzzjoni inkwistjoni, filwaqt li, min-naħa l-oħra, wieħed jassumi – mingħajr ebda bażi legali – li hija pprevediet li l-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, li jipprovdi li “[m]eta fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jagħmel att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew għad-disponibbiltà tagħhom lill-pubbliku [...], il-limitazzjoni ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) [tad-Direttiva 2000/31/KE]”, għandu japplika b’analoġija għal dawn l-atti.
93. Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790 jista’ jkun applikat għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizz ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online biss jekk l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva kien huwa stess previst mil-leġiżlatura tal-Unjoni bħala li jfisser li l-awtorizzazzjoni li dawk il-fornituri għandhom jiksbu taħt din id-dispożizzjoni, sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, neċessarjament testendi għar-riproduzzjoni ta’ tali kopji diġitali.
94. Hija biss din l-interpretazzjoni li għamlitha possibbli li, fil-kuntest ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, titħalla barra kompletament is-sistema ta’ “avviż u tneħħija” msemmija fil-punt 89 iktar ’il fuq, u li tiġi ppriżervata l-effikaċja tal-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 17(4)(b) u (c) tad-Direttiva 2019/790, li jeżiġi li l-fornituri ta’ dawn is-servizzi jadottaw miżuri preventivi, awtomatizzati fl-għamla ta’ għodod awtomatiċi ta’ ffiltrar. Huwa diffiċli li wieħed jikkonċepixxi li l-leġiżlatura tal-Unjoni seta’ kellha l-intenzjoni, minn naħa, li teżiġi li dawn il-fornituri jneħħu u ma jħallux fil-ġejjieni li jittella’ kontenut illegali misjub minn għodod awtomatiċi ta’ ffiltrar u, min-naħa l-oħra, li teżiġi t-tneħħija ta’ kopji diġitali ta’ dan l-istess kontenut biss jekk ikun hemm avviż mingħand id-detentur tad-drittijiet rilevanti.
95. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-interess tad-detenturi tad-drittijiet fil-ħarsien tal-valur ekonomika tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni, jiena nqis li dan il-valur jista’, fi kwalunkwe każ, ikun innegozjat u rifless fl-awtorizzazzjoni li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu mingħand id-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790. Għalhekk, ebda awtorizzazzjoni separata għal dan id-dritt ma hija meħtieġa.
96. It-tielet, mill-perspettiva ta’ utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, infakkar li r-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 huwa maħsub ukoll sabiex iħares l-interessi u d-drittijiet ta’ dawn l-utenti meta jtellgħu kontenut protett fuq il-pjattaformi tal-fornituri ta’ dawn is-servizzi.
97. Minn perspettiva teknika, hija ħaġa komuni li t-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jinbeda mill-utenti ta’ dawn is-servizzi, meta huma jagħfsu l-buttuna upload. Dawn l-utenti għandhom, għalhekk, ukoll jitqiesu bħala li jkunu qed iwettqu atti ta’ riproduzzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29. Kif spjegajt fil-punt 42 iktar ’il fuq, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 jagħmilha ċara li utenti nnifishom iwettqu atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, meta jtellgħu kontenut protett fuq il-pjattaformi online ta’ dawn il-fornituri.
98. Madankollu, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 tgħid ukoll li, meta fornitur ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ikun kiseb awtorizzazzjoni mingħand detentur tad-drittijiet, skont l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790, tali awtorizzazzjoni “għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/29]”, bil-kundizzjoni li l-utenti “ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti”. Konsegwentement, f’sitwazzjoni bħal din, utenti ma humiex meħtieġa, huma stess, jiksbu awtorizzazzjoni u jistgħu itellgħu liberament il-kontenut protett konċernat.
99. Fir-rigward ta’ atti ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, ninnota li l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 ma tagħmilx riferiment għalihom espressament. Madankollu, il-premessa 69 tad-Direttiva 2019/790, li hija fformulata f’termini usa’ minn dik id-dispożizzjoni, tgħid li l-awtorizzazzjonijiet miksuba minn fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom ikopru “l-atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur fir-rigward ta’ uploads mill-utenti fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni mogħtija lill-fornituri ta’ servizz” (57). Dan ir-riferiment ġenerali għall-“atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur”, u mhux biss għal atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, isostni l-fehma li l-portata tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 ma hijiex neċessarjament limitata għal “atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/29]”, iżda tista’ tkun estiża għal atti ta’ riproduzzjoni mwettqa minnhom.
100. Fi kwalunkwe każ, jiena naqbel mar-rikorrenti li l-ħtieġa li utenti sistematikament jiksbu huma stess awtorizzazzjoni separata għat-tqegħid ta’ kopji diġitali fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online mhux biss tagħti lok għal diffikultajiet prattiċi sinjifikattivi, iżda wkoll toħloq sitwazzjoni li fiha utent itella’ kontenut protett għax ikun jemmen li huwa jkun “kopert” bil-liċenzja miksuba mill-fornitur, biss sabiex iħabbat wiċċu ma’ talba ta’ responsabbiltà tad-drittijiet tal-awtur għall-kopji teknikament meħtieġa magħmulin matul dak il-proċess. Riżultat bħal dan jippreġudika l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni ta’ utenti fuq pjattaformi online, kif iggarantita bl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u bl-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll il-libertà tal-arti stabbilita fl-Artikolu 13 tagħha.
101. F’dan ir-rigward, infakkar li kemm id-Direttiva 2001/29 u kif ukoll id-Direttiva 2019/790 isegwu l-għan li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet (58). Fl-istess waqt, dawn l-istrumenti wkoll jagħmluha ċara li d-detenturi tad-drittijiet ma jgawdux monopolju assolut għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punti 54 u 69 iktar ’il fuq, l-Artikolu 5(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2001/29 jipprovdu eżenzjoni u sett ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, inter alia, għad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni. Din l-eżenzjoni u dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom l-għan li jiżguraw “bilanċ ġust” bejn, minn naħa, id-drittijiet u l-interessi tad-detenturi tad-drittijiet għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u d-drittijiet fundamentali ta’ utenti ta’ kontenut protett, kif ukoll l-interess pubbliku (59), inkluż aċċess pubbliku għall-kultura.
102. B’mod partikulari, fid-dawl tal-importanza tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 għal-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li t-tqegħid ta’ kontenut protett fuq pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jaqa’ fl-ambitu tal-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni (60). Dan jibqa’ l-każ irrispettivament mill-fatt li l-kontenut ikun jista’ jikser drittijiet tal-awtur, billi l-fatt biss li informazzjoni tkun protetta bid-drittijiet tal-awtur ma jeskludihiex awtomatikament mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ espressjoni (61).
103. Id-dritt tal-libertà ta’ espressjoni huwa stabbilit fl-Artikolu 11 tal‑Karta u “jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri”. Huwa jikkorrispondi mad-dritt garantit bl-Artikolu 10 KEDB (62).
104. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-QEDB dwar l-Artikolu 10 KEDB, l-internet sar wieħed mill-mezzi ewlenin li bih individwi jeżerċitaw id-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni. Minħabba l-aċċessibbiltà tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jaħżnu u jxerrdu ammonti vasti ta’ informazzjoni, siti internet, u partikolarment pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, għandhom rwol ċentrali sabiex isaħħu l-aċċess tal-pubbliku għal aħbarijiet u sabiex jiffaċilitaw il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni inġenerali. Attività espressiva maħluqa minn utenti fuq l-internet, għalhekk, tipprovdi pjattaforma mingħajr preċedent għall-eżerċizzju tal-libertà ta’ espressjoni (63). Dan huwa speċjalment minnu fir-rigward tan-networks u l-pjattaformi kbar soċjali, bħal YouTube, li bla dubju jikkostitwixxu mezz importanti għall-eżerċizzju tal-libertà li wieħed jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat (64).
105. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jiena tal-fehma – kuntrarja għal tar-rikorrenti – li d-dritt ta’ riproduzzjoni, bħad-drittijiet l-oħra dwar il-proprjetà intellettwali protetti taħt l-Artikolu 17(2) tal-Karta, ma huwiex assolut u għandu jkun ibbilanċjat, inter alia, mad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni li jgawdu utenti fuq pjattaformi online taħt l-Artikolu 10 QEDB u l-Artikolu 11 tal-Karta.
106. Għandi nżid li l-Qorti tal-Ġustizzja rriteniet ripetutament li “bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 17(2) tal-Karta [li jgħid li ‘l-proprjetà intellettwali għandha tiġi protetta’] u li, għaldaqstant, il-protezzjoni [tagħha] għandha neċessarjament tkun iggarantita b’mod assolut” (65).
107. B’mod aktar sempliċi, jekk fil-qafas speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, it-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett li teknikament huwa meħtieġ sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut kellu jeħtieġ awtorizzazzjoni addizzjonali lil hinn minn dik li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu minn qabel skont il-punt 1 ta’ din id-dispożizzjoni, id-detenturi tad-drittijiet ikunu jistgħu, fil-prattika, jipprekludu l-komunikazzjoni online jew id-disponibbiltà tal-kontenut. F’dan ir-rigward, huma jkunu jistgħu joqogħdu fuq in-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni għal dawn l-atti ta’ riproduzzjoni, anki fejn il-kundizzjonijiet kollha espressament stabbiliti f’din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Fil-fehma tiegħi, tali riżultat jimmina b’mod ċar il-bilanċ ġust li, kif spjegajt fil-punt 43 iktar ’il fuq, il-leġiżlatura tal-Unjoni rat li tiżgura meta adottat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790.
108. Fid-dawl ta’ dan kollu, inqis, kif il-Kummissjoni ssottomettiet fis-seduta, li r-raġuni għal xiex il-leġiżlatura tal-Unjoni ffokat, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, fuq l-att ta’ komunikazzjoni jew fuq it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, kif iddefiniti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, mingħajr ma semmiet espressament, f’dik id-dispożizzjoni, it-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li teknikament huma meħtieġa għal dan l-iskop, ma hijiex għaliex kienet l-intenzjoni tagħha li teskludi tali kopji mill-ambitu tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Pjuttost li, mill-perspettiva tal-leġiżlatura, l-inklużjoni tagħhom kienet evidenti minnha nnifisha.
109. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija konsistenti mal-fatt li l-kopji diġitali ta’ kontenut protett inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut. L-atti ta’ riproduzzjoni u ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li jseħħu waqt li jkun qed jittella’ kontenut protett fuq pjattaforma online jifformaw parti minn proċess wieħed li jibda malli utent jagħfas il-buttuna “upload”. Sa fejn l-għan aħħari ta’ dan il-proċess huwa li l-kontenut protett online jinqasam mal-pubbliku, jidhirli, kif diġà spjegajt fit-taqsima ta’ qabel din, li l-atti ta’ qabel (l-atti ta’ riproduzzjoni) huma inċidentali għal dawn tal-aħħar (l-atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku) (66).
110. Isegwi li, fil-kuntest tar-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit bl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, it-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut ma jistax, fil-fehma tiegħi, ikun suġġett għal awtorizzazzjoni ħlief dik li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom ikunu kisbu minn qabel skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu.
C. Jekk utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online humiex meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni separata għat-tqegħid ta’ kopji diġitali fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi (it-tieni u t-tielet domanda)
111. Permezz tat-tieni u t-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhomx huma nnifishom jiksbu awtorizzazzjoni għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers tal-fornituri ta’ servizzi fejn tali kopji huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut. B’mod iktar speċifiku, dik il-qorti tfittex li taċċerta jekk l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 japplikax f’din is-sitwazzjoni. Din id-dispożizzjoni tgħid li “fejn fornitur ta’ servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jikseb awtorizzazzjoni, pereżempju billi jikkonkludi ftehim ta’ liċenzjar, dik l-awtorizzazzjoni għandha tkopri wkoll atti mwettqa mill-utenti ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva [2001/29] meta ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinifikanti” (67).
112. Kif diġà għidt fil-punt 97 iktar ’il fuq, it-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jinbeda mill-utenti ta’ dawn is-servizzi, meta huma jagħfsu l-buttuna “upload” fir-rigward tal-kontenut inkwistjoni. Konsegwentement, dawn l-utenti għandhom jitqiesu bħala li jkunu qed iwettqu mhux biss att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, iżda wkoll att ta’ riproduzzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.
113. Jekk l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 ma kienx ikopri t-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, ir-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fil-kawżi YouTube u Cyando, delineati fil-punt 88 iktar ’il fuq, ikun, fil-fehma tiegħi, japplika b’analoġija. Ikun isegwi li dan il-kontenut protett ikollu jitqies bħala mtella’ fuq il-pjattaforma kkonċernata mhux mill-operatur, iżda minn utenti, li, għalhekk, ikunu meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni sabiex iqiegħdu tali kopji diġitali huma innifishom.
114. Madankollu, għar-raġunijiet imsemmija fit-taqsima ta’ qabel, inqis li bħalma l-awtorizzazzjoni li fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online għandhom jiksbu skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790 sabiex jikkomunikaw jew iqiegħdu kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, neċessarjament tkopri t-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ dak il-kontenut fuq servers tagħhom, fejn tali kopji jkunu meħtieġa teknikament għal dan l-iskop, l-istess huwa minnu dwar l-Artikolu 17(2) ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tirregola l-kwistjoni ta’ responsabbiltà ta’ utenti ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, mhux biss għal atti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 (jiġifieri, atti ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid ta’ kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku), iżda wkoll għal atti ta’ riproduzzjoni, li jkunu jikkonsistu fit-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li teknikament huma meħtieġa sabiex dawn l-atti jitwettqu.
D. Jekk id-detenturi tad-drittijiet jistgħux jafdaw l-immaniġġar tad-drittijiet esklużivi skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 lil organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv separati (ir-raba’ domanda)
115. Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 5 u l-Artikolu 16(1) u (2) tad-Direttiva 2014/26, id-detenturi tad-drittijiet jistgħux jagħtu, għall-finijiet ta’ liċenzjar skont l-Artikolu 17(1) u (2) tad-Direttiva 2019/790, id-dritt ta’ riproduzzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, minn naħa, u d-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra, individwalment u separatament, bil-konsegwenza li dawn id-drittijiet ikunu jistgħu jiġu mmaniġġati minn organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġar kollettiv differenti.
116. Din id-domanda tirrifletti s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, Austro-Mechana tkun responsabbli għall-immaniġġar, inter alia, tad-dritt ta’ riproduzzjoni tad-detenturi tad-drittijiet skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, filwaqt li, min-naħa l-oħra, AKM tieħu ħsieb l-immaniġġar tad-dritt tagħhom ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tfittex li taċċerta, essenzjalment, jekk tali “qsim ta’ xogħol” huwiex kompatibbli mad-Direttiva 2014/26, li tirregola l-immaniġġar kollettiv ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati.
117. Għar-raġunijiet imsemmija fit-taqsimiet preċedenti, inqis li ma hemmx ħtieġa li nwieġeb din id-domanda. Madankollu, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din il-pożizzjoni u tikkonstata, essenzjalment, li l-fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online huma meħtieġa, l-ewwel, jiksbu liċenzja għall-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ kontenut protett imtella’ minn utenti, skont l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 2019/790, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, u, it-tieni, li jiksbu liċenzja għar-riproduzzjonijiet (kopji diġitali) mtella’ fuq servers tagħhom sabiex jagħmlu dan il-kontenut għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, ser nindirizza din il-kwistjoni fil-qosor għal finijiet ta’ kompletezza.
118. Id-Direttiva 2014/26 hija, kif ir-rikorrenti josservaw, ibbażata fuq il-prinċipju ta’ libertà tal-għażla. Il-premessa 19 ta’ din id-direttiva tgħid li “l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati jirrikjedi li detentur tad-drittijiet għandu jkun jista’ jagħżel liberament organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv għall-immaniġġjar tad-drittijiet tiegħu, kemm jekk dawk id-drittijiet ikunu drittijiet ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku kif ukoll drittijiet ta’ riproduzzjoni [...]”. Bl-istess mod, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2014/26 jipprovdi li “[d]‑detenturi tad-drittijiet għandu jkollhom id-dritt li jawtorizzaw organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv tal-għażla tagħhom biex timmaniġġja d-drittijiet [tagħhom]” (68).
119. L-Artikolu 5(7) tad-Direttiva 2014/26 jipprovdi wkoll li “[f]il-każijiet fejn detentur tad-drittijiet jawtorizza organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv biex timmaniġġja d-drittijiet tiegħu, huwa għandu jagħti kunsens speċifikament għal kull dritt [...] li hu jawtorizza lill-organizzazzjoni ta’ mmaniġġjar kollettiv timmaniġġja”. Fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, organizzazzjoni ta’ immaniġġar kollettiv tista’, fil-prinċipju, ma tinnegozjax, f’isem detentur tad-drittijiet, ftehim ta’ liċenzjar li jkun ikopri mhux biss id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku iżda wkoll id-dritt ta’ riproduzzjoni, sakemm id-detentur tad-drittijiet ma jkunx ta l-kunsens espress u speċifiku tiegħu fir-rigward ta’ dan id-dritt tal-aħħar.
120. Isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-detenturi tad-drittijiet jistgħu jafdaw l-immaniġġar tad-dritt ta’ riproduzzjoni taħt l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 lil organizzazzjoni ta’ immaniġġar kollettiv waħda, u l-immaniġġar tad-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku taħt l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva lil oħra.
121. B’dan premess, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel mas-soluzzjoni li qed nipproponi dwar l-ewwel tliet domandi, ikun isegwi li, fil-kuntest speċifiku ta’ kontenut protett imtella’ fuq pjattaformi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online, is-soċjetà ta’ mmaniġġar kollettiva responsabbli biss mill-immaniġġar tad-dritt ta’ komunikazzjoni jew ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tad-detentur tad-drittijiet konċernat tkun tista’ tinnegozja liċenzja jew awtorizzazzjoni dwar dak id-dritt. Tali liċenzja jew awtorizzazzjoni tkun ukoll neċessarjament tkopri d-dritt ta’ riproduzzjoni, kif protett mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, sa fejn dan id-dritt ikun eżerċitat għall-kopji diġitali ta’ kontenut protett mqiegħed fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dan il-kontenut.
E. Post-scriptum
122. Nixtieq nikkonkludi l-analiżi tiegħi billi nfakkar li, skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, fejn ma tingħatax awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva, fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online jistgħu, madankollu, ikunu eżentati minn responsabbiltà għal atti mhux awtorizzati ta’ komunikazzjoni u ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ kontenut protett, sakemm ċerti kundizzjonijiet kumulattivi jkunu ssodisfatti. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu, taħt il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2019/790, l-obbligu li jintwera, inter alia, li dawn il-fornituri ta’ servizzi jkunu għamlu l-aħjar sforzi sabiex ikun żgurat li dan il-kontenut ma jkunx disponibbli u sabiex jipprekludu li dan il-kontenut jittella’ fuq il-pjattaformi tagħhom fil-futur, li, fil-prattika jeħtieġ l-użu ta’ għodod awtomatizzati ta’ ffiltrar (69).
123. Għar-raġunijiet ipprovduti, essenzjalment, fil-punt 94 iktar ’il fuq, inqis li din l-eżenzjoni tapplika bl-istess mod għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online fejn tali kopji jkunu teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jkun jista’ jkollu aċċess għal dan il-kontenut. Madankollu, f’ċirkustanzi bħal dawn, l-obbligu li jsiru l-aħjar sforzi jkun, fil-fehma tiegħi, jeżiġi li l-fornituri ta’ servizzi jneħħu kwalunkwe kopja diġitali tal-fajl ikkonċernat mis-servers tagħhom mill‑mument li fih l-għodod awtomatizzati ta’ ffiltrar jidentifikaw li dan il-fajl ikun qed jikser id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.
V. Konklużjoni
124. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, l-Awstrija) kif ġej:
(1) L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor fuq is-servers tal-kompjuter ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li teknikament huma meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor fuq il-pjattaformi online mħaddma minn dawk il-fornituri ta’ servizzi jikkostitwixxi “riproduzzjonijiet”, li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt esklużiv ta’ riproduzzjoni protett b’din id-dispożizzjoni. L-eżenzjoni għal “[a]tti temporanji ta’ riproduzzjoni [...] li huma temporanji jew inċidentali [u] li huma parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku”, prevista fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, ma tapplikax.
(2) L-Artikolu 17(1) tad-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għat-tqegħid ta’ kopji diġitali ta’ xogħlijiet jew materjal ieħor fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal dawn ix-xogħlijiet jew materjal ieħor. L-awtorizzazzjoni li dawn il-fornituri ta’ servizzi għandhom jiksbu mingħand id-detenturi tad-drittijiet skont din id-dispożizzjoni sabiex jikkomunikaw mal-pubbliku jew iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku xogħlijiet jew materjal ieħor neċessarjament tkopri l-produzzjoni ta’ tali kopji, li ma jistgħux jiġu suġġetti għal awtorizzazzjoni separata.
(3) L-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2019/790 għandu jkun interpretat fis-sens li l-awtorizzazzjoni miksuba minn fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online taħt l-Artikolu 17(1) ta’ din id-direttiva tkopri wkoll atti mwettqa minn utenti tas-servizzi li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29 li huma teknikament meħtieġa sabiex il-pubbliku jingħata aċċess għal xogħlijiet jew materjal ieħor, meta dawn l-utenti ma jkunux qed jaġixxu fuq bażi kummerċjali jew fejn l-attività tagħhom ma tiġġenerax dħul sinjifikattiv.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Ara s-sentenza tas‑26 April 2022, Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2022:297; iktar ’il-quddiem is-“sentenza fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill”).
3 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ April 2019, li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (ĠU 2019 L 130, p. 92).
4 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 (ĠU 2001 L 167, p. 10).
5 Ara d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet f’xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU 2014 L 84, p. 72 sa 98).
6 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399)
7 Enfasi miżjuda.
8 Ibid.
9 Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, “Gwida dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali”, KOM (2021) 288 finali.
10 Ara l-premessi 4 u 10 tad-Direttiva 2001/29. Il-premessa 9 ta’ din id-direttiva tipprovdi wkoll li “[k]ull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali”, filwaqt li l-premessi 12 u 22 tagħha jindikaw li “[p]rotezzjoni adegwata ta’ xogħolijiet bid-drittijiet ta’ l-awtur u suġġett ta’ drittijiet relatati hija [...] ta’ importanza kbira minn lat kulturali” u li “[l]-għan ta’ appoġġ xieraq biex tinfirex il-kultura m’għandux jintlaħaq billi jissagrifikaw il-protezzjoni stretta tad-drittijiet”.
11 Jiġifieri, sakemm ma tkunx tapplika eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-drittijiet tal-awtur. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet huma elenkati fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29.
12 Ara d-“Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Evalwazzjoni tal-impatt fuq il-modernizzazzjoni tar-regoli tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni” (SWD(2016) 301 finali), Taqsima 1/3, p. 137 sa 142 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-Kawżi Konġunti YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2020:586, punti 67 sa 70).
13 Ara l-proposta tal-Kummissjoni għal “Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali” (COM(2016) 593 finali), adottata fl‑14 ta’ Settembru 2016 (“il-proposta għal direttiva”), p. 3. Ara, ukoll, Grisse, K., ‘After the Storm – Examining the Final Version of Article 17 of the New Directive (EU) 2019/790’, Journal of Intellectual Property Law & Practice (2019) Vol. 14, No 11, 2019, p. 887 sa 899.
14 Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, YouTube u Cyando (C‑682/18 u C‑683/18, EU:C:2021:503, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; iktar ’il quddiem is-sentenza fil-kawżi YouTube u Cyando).
15 Ara l-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta għal direttiva, li fiha l-Kummissjoni tgħid li dik il-proposta għandha l-għan ta’ adozzjoni tar-regoli msemmija fid-Direttiva 2001/29 għall-evoluzzjoni ta’ teknoloġiji diġitali (p. 2 u 3).
16 Qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2019/790, l-operatur ta’ pjattaforma ta’ kondiviżjoni ta’ vidjos jew ta’ pjattaforma ta’ hosting u ta’ kondiviżjoni ta’ fajls, li fuqhom utenti jkunu jistgħu jqiegħdu illegalment kontenut protett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, ma kienx jagħmel komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ dan il-kontenut, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, sakemm dan ma jkunx ikkontribwixxa, lil hinn milli sempliċiment irrenda l-pjattaforma disponibbli, sabiex jingħata aċċess għal tali kontenut lill-pubbliku bi ksur tad-drittijiet tal-awtur (ara s-sentenza fil-kawżi YouTube u Cyando, punt 102).
17 Għall-kumplament, ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2019/790, li jipprovdi li, ħlief f’ċerti ċirkustanzi, din id-direttiva għandha tħalli kif qegħdin u ma għandha bl-ebda mod taffettwa regoli eżistenti stabbiliti fid-direttivi l-oħra fis-seħħ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati.
18 Ara l-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2019/790.
19 Ara l-premessi 61 u 66 ta’ din id-direttiva. Ara, ukoll, Dusollier, S., “The 2019 Directive on Copyright in the Digital Single Market: Some Progress, a Few Bad Choices, and an Overall Failed Ambition”, Common Market Law Review Vol. 57, 2020, 57, p. 1008 et seq., u Rosati, E., “Article 17 – Use of Protected Content by Online Content-sharing Service Providers”, Copyright in the Digital Single Market: Article-by-Article Commentary to the Provisions of Directive 2019/790”, Oxford University Press (2021), p. 334 et seq.
20 Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(6) tad-Direttiva 2019/790, li għandu lista mhux eżawrjenti ta’ fornituri ta’ servizzi li għalihom l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ma japplikax.
21 B’mod partikolari, minħabba li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790 ma huwiex dwar it-tqegħid ta’ kopji diġitali fir-rigward ta’ attivitajiet oħra online, bħad-disponibbiltà ta’ kontenut protett fuq magna ta’ tfittxija u permezz ta’ IA ġenerattiva, dawn il-kopji huma barra mill-iskop ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, ninnota li hemm kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (C‑250/25, Like Company) dwar, inter alia, il-kwistjoni jekk il-proċess ta’ taħriġ ta’ chatbox ibbażat fuq mudell lingwistiku kbir (LLM – large language model) jikkostitwixxix “att ta’ riproduzzjoni”, skont it-tifsira tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, fejn dan l-LLM ikun mibni fuq il-bażi tal-osservazzjoni u t-tqabbil ta’ forom, li jagħmluha possibbli għall-mudell li jitgħallem jagħraf forom lingwistiċi.
22 Dwar atti ta’ riproduzzjonijiet mwettqa minn utenti ta’ servizzi tal-internet b’mod aktar ġenerali, ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Stichting de Thuiskopie (C‑496/24, EU:C:2025:749), dwar xogħlijiet ikkomunikati għal użu offline lill-abbonati għal servizz on-demand ta’ internet streaming u maħżun fil-memorja tat-tagħmir tal-abbonati.
23 Kif spjegat mill-Gvern Awstrijak, fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online normalment jagħmlu kopji addizzjonali tal-fajl fuq servers li jkunu jinsabu f’postijiet ġeografiċi differenti, sabiex jiżguraw aċċess rapidu għall-utenti kollha.
24 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punt 51); tal‑24 ta’ Marzu 2022, Austro-Mechana (C‑433/20, EU:C:2022:217, punti 16 sa 18 u l-ġurisprudenza ċċitati; iktar ’il quddiem is-“sentenza fil-kawża Austro-Mechana”); u tal‑11 ta’ Settembru 2014, Eugen Ulmer (C‑117/13, EU:C:2014:2196, punti 52 u 53).
25 Ara: https://www.wipo.int/wipolex/en/text/295456. Il-WIPO adottat fl‑20 ta’ Diċembru 1996, it-Trattat WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u t-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (“WPPT”). Dawn it-trattati ġew approvati f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas‑16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208) u daħlu fis-seħħ, sa fejn hija kkonċernata l-Unjoni Ewropea, fl‑14 ta’ Marzu 2010.
26 Ftehim indikat fl-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat‑22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80).
27 Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Levola Hengelo (C‑310/17, EU:C:2018:899, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Cofemel (C‑683/17, EU:C:2019:721, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Enfasi miżjuda.
29 Barra minn hekk, l-att inkwistjoni għandu jissodisfa wkoll il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(5) ta’ din id-direttiva (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association, C‑360/13, EU:C:2014:1195, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 162 u 163, u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punt 180).
32 Ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Public Relations Consultants Association (C‑360/13, EU:C:2014:1195, punt 63).
33 Sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018 (C‑161/17, EU:C:2018:634).
34 Ara s-sentenza fil-kawża Austro-Mechana, punt 32.
35 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza fil-kawża Renckhoff, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata.
36 Ara l-punt 27 iktar ’il fuq.
37 Ara paġna 6 tal-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790. Enfasi miżjuda.
38 Ibid.
39 Ara paġna 1 ta’ dan id-dokument, li jindika li hija “ma hijiex legalment vinkolanti [...] u taqdi l-mandat moghti lill-Kummissjoni mill-leġiżlatura tal-Unjoni skont l-Artikolu 17(10) [tad-Direttiva 2019/790]”.
40 2016/0280 (COD).
41 Enfasi miżjuda. Traduzzjoni mhux uffiċjali.
42 Il-partijiet interessati ma setgħu jipprovdu ebda spjegazzjoni meta ġew mitluba jagħmlu dan waqt is-seduta.
43 Enfasi miżjuda.
44 Inżid li l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2019/790 jirreferi għal-limitazzjoni ta’ responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Kif diġà spjegajt fil-punt 47 iktar ’il fuq, din id-dispożizzjoni tal-aħħar tapplika għall-“hosting”, jiġifieri għal “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni [...] li jikkonsisti fi ħżin ta’ informazzjoni mogħtija minn min jirċievi s-servizz” (enfasi miżjuda). Għal darb’oħra, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlatura tal-Unjoni ma kinitx tirreferi, fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, għal dispożizzjoni (l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31) li tikkonċerna l-attività ta’ “ħżin” kieku ma kinitx qiegħda tipprevedi li t-tqegħid u l-ħażna ta’ kopji diġitali ta’ kontenut protett fuq is-servers ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ kondiviżjoni ta’ kontenut online ikunu rilevanti għar-reġim speċifiku ta’ responsabbiltà stabbilit b’din id-dispożizzjoni.
45 Enfasi miżjuda.
46 Ara l-premessa 61 tad-Direttiva 2019/790. Din il-premessa wkoll tindika li “l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata [...] detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta’ liċenzjar”.
47 Ara l-premessa 3 tad-Direttiva 2019/790.
48 Ara, ukoll, il-premessa 6 tad-Direttiva 2019/790.
49 Enfasi miżjuda. Din il-premessa tindika wkoll li “[l]-utenti jitħallew itellgħu u jagħmlu disponibbli kontenut iġġenerat mill-utenti għall-iskopijiet speċifiċi ta’ kwotazzjoni, kritika, riċensjoni, karikatura, parodija jew pastiċċ”.
50 Ara l-punt 39 iktar ’il fuq.
51 Punti 71, 80 u 85.
52 Punti 107 sa 109.
53 L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jaqra kif ġej: “[l]-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-[Artikolu] [...] 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attivitàllegali”.
54 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2021:613, punt 48).
55 Ibid., punt 53, fejn l-Avukat Ġenerali jispjega li l-leġiżlatura tal-Unjoni qieset, meta adottat l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2019/790, li s-sistema ta’ monitoraġġ stabbilita bl-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31 qiegħdet oneru tqil wisq fuq id-detenturi tad-drittijiet, minħabba li ma ħallithomx jikkontrollaw b’mod effettiv l-użu tax-xogħlijiet tagħhom u materjal protett ieħor. Dan kien partikolarment il-każ minħabba li kontenut sikwit kien jittella’ mill-ġdid ftit wara li jkun tniżżel, ħaġa li kienet iġġiegħel lid-detenturi tad-drittijiet iżidu l-għadd ta’ avviżi.
56 Ara s-sentenza fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punti 53 u 54.
57 Enfasi miżjuda.
58 Ara l-premessi 9, 12 u 22 tad-Direttiva 2001/29 u kif ukoll il-premessi 4 u 10 ta’ din id-direttiva. Dan l-għan huwa ddikjarat ukoll fil-premessi 2 u 3 tad-Direttiva 2019/790.
59 Ara, inter alia, is-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2014 fil-kawża Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 26), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punti 38, 42, 43 u 54).
60 Ara s-sentenza fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 45. Fejn il-kontenut imtella’ jkun jikkostitwixxi l-espressjoni artistika tal-utent, il-pubblikazzjoni tiegħu taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà tal-arti ggarantita fl-Artikolu 13 tal-Karta.
61 Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑401/19, EU:C:2021:613, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bis-saħħa tal-Artikolu 52(3) tal-Karta, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom, għalhekk, jinftiehmu bħala li għandhom l-istess tifsira u, tal-inqas, l-istess skop, sakemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdix protezzjoni iktar estensiva. Isegwi li l-Artikolu 11 tal-Karta għandu jkun interpretat fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-KEDB u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”).
63 Ara, f’dan is-sens, QEDB, 1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata; QEDB, 23 ta’ Ġunju 2020, Vladimir Kharitonov vs Ir-Russja, CE:ECHR:2020:0623JUD001079514, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata. Dawn iż-żewġ sentenzi huma ċċitati fis-sentenza fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, punt 46.
64 Ara, inter alia, QEDB, l‑1 ta’ Diċembru 2015, Cengiz et vs It-Turkija, CE:ECHR:2015:1201JUD004822610, punti 51 u 52.
65 Ara, inter alia, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, paragrafu 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
66 Naturalment, dak ma jfissirx li d-dritt ta’ riproduzzjoni huwa inqas importanti mid-dritt ta’ komunikazzjoni jew mit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku. Kif spjegajt fit-taqsima A hawn fuq, qsim ta’ kontenut protett online mal-pubbliku mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detentur(i) rilevanti tad-drittijiet iwassal għal ksur separat ta’ dawk id-drittijiet distinti.
67 Ara wkoll il-punt 42 hawn fuq.
68 Enfasi miżjuda.
69 Ara l-punt 91 hawn fuq.