SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

19 ta’ Settembru 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċeduri ta’ insolvenza – Regolament (UE) 2015/848 – Artikolu 3 – Ġurisdizzjoni internazzjonali – Ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li teżerċita attività indipendenti – Kunċett ta’ ‘post prinċipali tan-negozju’ – Kunċett ta’ ‘stabbiliment’ – President tal-bord superviżorju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata”

Fil-Kawża C‑501/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Awwissu 2023, fil-proċedura

DL

vs

Land Berlin,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Piçarra, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tat-Tielet Awla, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tat-Tmien Awla, u N. Jääskinen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–

għal DL, minn T. Winter, Rechtsanwalt,

–

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19, rettifika fil-ĠU 2016, L 349, p. 9), moqri flimkien mal-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn DL u l-Land Berlin (il-Land ta’ Berlin, il-Ġermanja) dwar proċedura ta’ insolvenza mressqa mil-Land ta’ Berlin fir-rigward ta’ DL.

Il‑kuntest ġuridiku

3

Skont il-kliem tal-premessi 23, 24, 28, 37 u 38 tar-Regolament 2015/848:

“(23)

Dan ir-Regolament jawtorizza l-proċedimenti [proċeduri] prinċipali ta’ insolvenza li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru prinċipali tal-interessi tiegħu. Dawk il-proċedimenti għandhom ambitu universali u huma mmirati li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali [ta’ insolvenza]. Proċedimenti sekondarji [ta’ insolvenza] jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regoli mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fl-Unjoni [Ewropea].

(24)

Fejn ikunu nfetħu proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza li jikkonċernaw persuna ġuridika jew kumpanija fi Stat Membri għajr dak tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom, għandu jkun possibbli li jinfetħu proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza fl-Istat Membru tal-uffiċċju rreġistrat, dment li d-debitur qed iwettaq attività ekonomika b’mezzi umani u assi f’dak l-Istat, skont il-każistika [ġurisprudenza] tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

[…]

(28)

Meta jkun qed jiġi determinat jekk iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jistax jiġi aċċertat minn partijiet terzi, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-kredituri u l-perċezzjoni tagħhom dwar fejn debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu. Dan jista’ jirrikjedi, fl-eventwalità ta’ bidla fiċ-ċentru tal-interessi prinċipali, li l-kredituri jiġu infurmati bil-post il-ġdid minn fejn id-debitur qed iwettaq l-attivitajiet tiegħu fi żmien debitu, pereżempju billi tinġibed l-attenzjoni dwar il-bidla fl-indirizz f’korrispondenza kummerċjali, jew billi l-post il-ġdid isir magħruf pubblikament permezz ta’ mezzi oħra adatti.

[…]

(37)

Qabel ma jinfetħu l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza, id-dritt li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu l-istabbiliment tiegħu għandu jkun limitat għal kredituri lokali u l-awtoritajiet pubbliċi jew għal każijiet fejn il-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza ma jkunux jistgħu jinfetħu permezz tal-liġi tal-Istat Membru fejn id-debitur ikollu ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu. Ir-raġuni għal din ir-restrizzjoni hija illi f’dawk il-każijiet fejn proċedimenti territorjali ta’ insolvenza ikunu mitluba qabel ma l-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jiġu intenzjonalment limitati għal dak li hu assolutament meħtieġ.

(38)

Wara l-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza, dan ir-Regolament ma jillimitax id-dritt li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza fi Stat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. Il-prattikant fl-insolvenza fil-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jew xi persuna awtorizzata permezz tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru tista titlob il-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza.”.

4

Skont l-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament “stabbiliment” tfisser “kull post ta’ operazzjoni fejn debitur iwettaq jew ikun wettaq fi tliet xhur qabel it-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti [proċeduri] prinċipali ta’ insolvenza attività ekonomika mhux transitorja b’mezzi umani jew b’assi”.

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġurisdizzjoni internazzjonali”, jistipula:

“1.   Il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni biex jiftħu l-proċedimenti [proċeduri] tal-insolvenza ([iktar ’il quddiem] ‘il-proċedimenti [proċeduri] prinċipali ta’ insolvenza’). Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi.

Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-preżunzjoni tkun li l-post tal-uffiċċju rreġistrat ikun iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tiegħu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ tliet xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ individwu li qed jeżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Dik il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk il-post prinċipali tan-negozju ta’ dak l-individwu ma jkunx iċċaqlaq għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ 3 xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Fil-każ ta’ kwalunkwe individwu ieħor [persuna fiżika oħra], iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li hu l-post tar-residenza abitwali tal-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja. Din il-preżunzjoni għandha tapplika biss jekk ir-residenza abitwali ma tkunx iċċaqilqet għal Stat Membru ieħor fi żmien perjodu ta’ sitt xhur qabel it-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

2.   Meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ insolvenza kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju tal-Istat Membru l-ieħor.

3.   Meta proċedimenti ta’ insolvenza jkunu nfetħu skont il-paragrafu 1, kull proċediment miftuħ sussegwentement skont il-paragrafu 2 ikun proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza.

[…]”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

6

Fit‑18 ta’ Awwissu 2020, il-Land ta’ Berlin adixxa lill-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg, il-Ġermanja) b’talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fir-rigward ta’ DL (iktar ’il quddiem id-“debitur”). Fid-data tat-tressiq tat-talba, id-debitur kien domiċiljat f’Berlin (il-Ġermanja), f’Monako, f’Los Angeles (l-Istati Uniti tal-Amerika) u fil-gżira ta’ Saint-Barthélemy (Antilli Franċiżi). Huwa kien il-president tal-bord superviżorju ta’ Landbell AG, kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, li s-sede tagħha kienet tinsab f’Mayence (il-Ġermanja). L-assi tiegħu kienu kkostitwiti minn assi bankarji f’Monako kif ukoll f’ishma f’kumpanniji rregolati mid-dritt ta’ Monako li kellhom assi, kont ta’ kustodja sigur u ishma f’kumpanniji fil-Ġermanja.

7

Permezz ta’ digriet tas‑27 ta’ Lulju 2021, l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg) ċaħdet din it-talba bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni territorjali.

8

Fid‑29 ta’ Ġunju 2022, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja), adita b’“rikors immedjat” (sofortige Beschwerde) tal-Finanzamt Wilmersdorf (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Wilmersdorf, il-Ġermanja), fil-kwalità tiegħu ta’ kreditur, annullat dan id-digriet u bagħtet lura l-kawża quddiem l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg), li kienet l-ewwel qorti adita. Fil-fatt, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) qieset li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur kien jinsab fil-post fejn dan tal-aħħar kien jeżerċita l-attività indipendenti tiegħu bħala president tal-bord superviżorju.

9

B’mod partikolari, fid-digriet tagħha tad‑29 ta’ Ġunju 2022, il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) qieset li d-debitur, minħabba l-funzjoni tiegħu ta’ president tal-bord superviżorju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż, kien jeżerċita “attività […] indipendenti”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Madankollu, hija ma applikatx il-preżunzjoni stabbilita minn din id-dispożizzjoni, li tgħid li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur jinsab fil-“post prinċipali tan-negozju” tiegħu, sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja. Qabel kollox, hija għamlet riferiment għall-kunċett ta’ “stabbiliment”, iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament u osservat li, fil-kuntest tal-attività indipendenti tiegħu, id-debitur ma kienx juża mezzi umani jew assi la fil-Ġermanja u lanqas f’post ieħor. Sussegwentement, billi applikat id-definizzjoni, stabbilita fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, li tgħid li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur huwa l-“post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi”, hija ddeċidiet li l-qrati Ġermaniżi għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza.

10

Id-debitur, li għandu dubji dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati Ġermaniżi, ippreżenta rikors (Rechtsbeschwerde) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li hija l-qorti tar-rinviju. Dan id-debitur jitlob l-annullament tad-deċiżjoni mogħtija mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) u ċ-ċaħda tar-rikors immedjat tal-kreditur.

11

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-Qrati Ġermaniżi għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.

12

F’dan ir-rigward, hija tosserva, l-ewwel nett, li, abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza. Skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iċ-“ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn partijiet terzi”. Fil-każ partikolari fejn id-debitur huwa persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi preżunzjoni konfutabbli li tgħid li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna huwa l-“post prinċipali tan-negozju” tagħha. Għal kwalunkwe persuna fiżika oħra, konformement mal-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt li huwa l-post tar-residenza abitwali tal-individwu fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.

13

Il-Qorti tar-rinviju, l-istess bħal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), tqis li d-debitur kien, meta tressqet it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, kien jeżerċita “attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, dawn il-kunċetti għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu fid-dritt tal-Unjoni. Attività indipendenti hija kkaratterizzata mill-fatt, minn naħa, li l-persuna kkonċernata twettaq l-attivitajiet tagħha f’isimha, għaliha nnifisha u taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħha u, min-naħa l-oħra, li hija ssostni r-riskju ekonomiku inerenti fl-eżerċizzju ta’ din l-attività. Din il-persuna taġixxi għaliha nnifisha u taħt ir-responsabbiltà rispettiva tagħha, torganizza liberament il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol tagħha u tirċievi r-remunerazzjoni li tikkostitwixxi d-dħul tagħha.

15

Fil-kawża prinċipali, dawn il-kundizzjonijiet huma ssodisfatti għad-debitur, peress li dan tal-aħħar kien il-president tal-bord superviżorju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Ġermaniż u peress li, skont dan id-dritt, il-bord superviżorju ma kienx jirċievi istruzzjonijiet mill-amministrazzjoni tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata. Barra minn hekk, skont il-konstatazzjonijiet tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), id-debitur seta’ sostna riskju marbut mar-remunerazzjoni.

16

It-tieni nett, skont l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, huwa preżunt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti huwa l-post fejn teżerċita l-attività prinċipali tagħha. L-“istabbiliment”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jirreferi għal kull post ta’ operazzjoni fejn debitur iwettaq, b’mod mhux tranżitorju, attività ekonomika b’mezzi umani u b’assi.

17

Fid-dawl tal-konstatazzjoni tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin), li ma kienx hemm lok li tiġi applikata l-preżunzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 minħabba l-fatt li d-debitur, fil-kuntest tal-attività indipendenti tiegħu, ma kienx uża mezzi umani jew assi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar ir-rilevanza ta’ tali rekwiżit għad-determinazzjoni tal-post prinċipali tan-negozju ta’ persuna fiżika li teżerċita attività indipendenti.

18

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk dan ir-rekwiżit jitqies li huwa neċessarju, ikollu jitqies li d-debitur ma għandux “stabbiliment”, fis-sens tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament 2015/848. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-post fejn hija eżerċitata l-attività indipendenti jistax, konformement mal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jiġi preżunt li huwa l-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja.

19

Jekk ir-risposta għal din it-tieni domanda tkun fl-affermattiv, il-fatt li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun ukoll jinsab fit-territorju Ġermaniż, konformement mal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, jikkostitwixxi preżunzjoni konfutabbli.

20

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ risposta negattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk il-preżunzjoni li tinsab fl-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament tapplikax u jekk persuna fiżika li ma għandhiex “stabbiliment”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, għall-professjoni libera tagħha jew għall-attività indipendenti tagħha, taqax taħt il-kunċett ta’ “kwalunkwe individwu ieħor [persuna fiżika oħra]”, imsemmi fl-ewwel dispożizzjoni.

21

Il-Qorti tar-rinviju tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) injorat il-preżunzjoni prevista fl-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 u applikat it-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament. Jekk il-preżunzjoni prevista fl-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament kienet rilevanti, għandu qabelxejn jiġi ddeterminat il-post ta’ residenza abitwali tad-debitur meta tressqet it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza. Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk ċirkustanzi fattwali li għad iridu jiġu kkonstatati jippermettux li din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata. Tali interpretazzjoni teżiġi l-annullament tad-digriet tal-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin).

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) moqri flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament [2015/848] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-post ta’ operazzjoni ta’ persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti, jikkostitwixxi wkoll stabbiliment meta l-attività eżerċitata ma tirrikjedix l-użu ta’ mezzi umani u ta’ assi?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ewropew dwar l-insolvenza għandha tiġi interpretata fis-sens li meta persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti ma għandhiex stabbiliment fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 [ta’ dan ir-]regolament, teżisti preżunzjoni fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha huwa l-post fejn hija eżerċitata l-attività ta’ negozju jew l-attività professjonali indipendenti?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda: l-Artikolu 3(1) tar-Regolament [2015/848] għandu jiġi interpretat fis-sens li għal persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew kwalunkwe attività professjonali indipendenti mingħajr ma jkollha stabbiliment fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, teżisti preżunzjoni konformement mal-ewwel sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament u fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha huwa l-post tar-residenza abitwali tagħha?”.

Fuq id‑domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

23

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, id-debitur jikkontesta l-evalwazzjoni tal-qorti tar-rinviju li tgħid li, waqt it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, huwa kien jeżerċita “attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti”, fis-sens tal-ewwel sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Skont id-debitur, l-attività li huwa jwettaq, bħala president tal-bord superviżorju, li barra minn hekk hija biss sekondarja, ma taqax taħt dan il-kunċett, fid-dawl tal-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ din l-attività.

24

Skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar talba mressqa minn qorti nazzjonali biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

L-imsemmija preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tkun qiegħda tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija tilwima (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, kif ġie espost fil-punt 13 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju indikat espressament li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta l-fatt ikkonstatat mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) li d-debitur kien jeżerċita, meta tressqet it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, “attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-preżunzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tistax tiġi applikata għal dan id-debitur, meta l-attività tiegħu, hekk ikklassifikata bħala “attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti”, ma teħtieġ ebda mezzi umani jew ebda assi, la fit-territorju Ġermaniż u lanqas f’post ieħor.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula billi wieħed jitlaq mill-premessa li fuqha tibbaża ruħha dik il-qorti, jiġifieri li d-debitur kien jeżerċita, meta tressqet it-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, “attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848. Din il-premessa taqa’ taħt il-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika.

Fuq l‑ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju” ta’ persuna fiżika li teżerċita professjoni liberali jew attività indipendenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “stabbiliment” iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

29

Skont il-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, huma l-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiftħu l-proċedura ta’ insolvenza, li f’dan ir-regolament huma msemmija “proċedimenti [proċeduri] prinċipali ta’ insolvenza”. Iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun il-post fejn id-debitur iwettaq l-amministrazzjoni tal-interessi tiegħu fuq bażi regolari u li jista’ jiġi aċċertat minn terzi.

30

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, fil-każ ta’ persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, iċ-ċentru tal-interessi prinċipali għandu jkun preżunt, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja li, li huwa l-post prinċipali tan-negozju tal-persuna kkonċernata.

31

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tinterpreta l-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, fid-dawl tal-kunċett ta’ “stabbiliment”, iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament. Hija għandha dubji dwar jekk, fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, dan il-post jikkostitwixxix ukoll “stabbiliment”, fl-assenza ta’ mezzi umani u ta’ assi.

32

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża tar-Regolament 2015/848, teżisti prossimità lingwistika bejn it-termini “stabbiliment” (Niederlassung) u “post prinċipali tan-negozju” (Hauptniederlassung).

33

Madankollu, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, din il-prossimità ma teżistix f’verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ dan ir-regolament li jużaw termini semantikament differenti, bħal, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bil-lingwa Ingliża (establishment u principal place of business), bil-lingwa Spanjola (establecimiento u centro principal de actividad), bil-lingwa Franċiża (établissement u lieu d’activité prinċipali), bil-lingwa Taljana (dipendenza u sede principale di attività), bil-lingwa Pollakka (oddział u główne miejsce wykonywania tej działalności) jew bil-lingwa Żvediża (driftställe et huvudsakligt verksamhetsställe).

34

B’konsegwenza ta’ dan, skont ġurisprudenza stabbilita, in-neċessità ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tirrikjedi, fil-każ ta’ diverġenza bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, li d-dispożizzjoni inkwistjoni tiġi interpretata skont il-kuntest u l-għan tal-leġiżlazzjoni li hija tagħmel parti minnha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2020, TMD Friction u TMD Friction EsCo, C‑674/18 u C‑675/18, EU:C:2020:682, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kuntest tal-leġiżlazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett ta’ “stabbiliment”, fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/848, jinsab fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, li jiddetermina l-kriterju ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza fi Stat Membru differenti minn dak li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament.

36

Konformement mal-Artikolu 3(2) tal-istess regolament, meta ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedura ta’ insolvenza kontra dak id-debitur fil-każ biss li dan tal-aħħar ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

37

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/848 jirriżulta li, meta proċedura ta’ insolvenza tkun infetħet skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, kull proċedura miftuħa iktar tard b’applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu hija proċedura ta’ insolvenza sekondarja.

38

Il-leġiżlatur tal-Unjoni għalhekk għażel li jagħmel distinzjoni ċara bejn, minn naħa, il-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ insolvenza sekondarja, imsemmija fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessi 23, 24, 37 u 38 tal-imsemmi regolament, il-preżenza fi Stat Membru ta’ “stabbiliment”, kif iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 tal-istess regolament, tikkostitwixxi l-kriterju determinanti biss għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza sekondarja f’dan l-Istat Membru. Dan il-kunċett ma jistax, konsegwentement, ikun rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament.

39

Tali interpretazzjoni hija, fit-tieni lok, konformi mal-għan tar-Regolament 2015/848, li huwa intiż li jiżgura ċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà tad-determinazzjoni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni billi juża kriterji oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 20).

40

Issa, dan l-għan ikun kompromess fil-każ fejn il-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju”, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, ikun jikkorrispondi għall-kunċett ta’ “stabbiliment”, imsemmi fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għaliex din il-korrispondenza toħloq konfużjoni bejn il-kriterji rilevanti għall-ftuħ ta’ proċedura prinċipali ta’ insolvenza, minn naħa, u sekondarji, min-naħa l-oħra.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju” ta’ persuna fiżika li teżerċita professjoni liberali jew attività indipendenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “stabbiliment” iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

Fuq it‑tieni domanda

42

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward ta’ persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, jista’ jiġi preżunt, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna jinsab fil-post prinċipali tan-negozju tal-imsemmija persuna, minkejja li din l-attività ma teħtieġ ebda mezz uman jew ebda assi.

43

Hekk kif jirriżulta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, il-kriterju ġenerali ta’ rabta sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza huwa ċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur. Fil-każ partikolari fejn id-debitur huwa persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi preżunzjoni konfutabbli li tgħid li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali huwa l-post prinċipali tan-negozju ta’ din il-persuna.

44

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċ-“ċentru tal-interessi prinċipali” ta’ debitur, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, għandu jiġi ddeterminat wara evalwazzjoni globali tal-kriterji kollha oġġettivi u aċċertabbli minn terzi, b’mod partikolari mill-kredituri, li jistgħu jiddeterminaw il-post effettiv fejn id-debitur jamministra abitwalment l-interessi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 22).

45

Mill-kliem stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 jirriżulta, minn naħa, li l-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq japplikaw mingħajr distinzjoni għal kull debitur, irrispettivament minn jekk huwiex kumpannija, persuna ġuridika jew persuna fiżika u, min-naħa l-oħra, li, billi juża, f’din id-dispożizzjoni, it-terminu “interessi”, l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jkopri l-attivitajiet ekonomiċi kollha b’mod ġenerali.

46

Għalhekk, l-ewwel nett, dan il-kriterju ġenerali ta’ rabta sabiex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għall-finijiet tal-ftuħ ta’ proċedura ta’ insolvenza kif ukoll l-approċċ ibbażat fuq kriterji oġġettivi u aċċertabbli minn terzi li għandu jiġi adottat sabiex jiġi applikat, japplikaw għalhekk ukoll għall-persuni fiżiċi li jeżerċitaw attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 23). It-tieni nett, fid-dawl tal-kunċett ta’ “interessi” użat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, il-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna fiżika huma simili, irrispettivament minn jekk din il-persuna teżerċitax jew le attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, sa fejn dawn il-kriterji huma relatati mal-attività ekonomika ta’ din l-aħħar kategorija ta’ persuni.

47

Issa, f’dak li jirrigwarda l-persuna fiżika li ma teżerċitax attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterji rilevanti sabiex jiġi ddeterminat iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ tali persuna huma dawk li jirrigwardaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ekonomika tagħha, li huma, il-post fejn din il-persuna tamministra l-interessi ekonomiċi tagħha u fejn tirċievi u tonfoq il-parti l-kbira tad-dħul tagħha, jew inkella l-post fejn jinsabu l-parti l-kbira tal-assi tagħha. (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 24).

48

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-preżunzjoni konfutabbli stabbilita fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, moqrija fid-dawl tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti hija preżunta, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li normalment tamministra l-interessi tagħha fil-post prinċipali tan-negozju tagħha, peress li teżisti probabbiltà kbira li dan il-post jikkorrispondi għaċ-ċentru tal-interessi prinċipali tagħha. Minn dan jirriżulta li, sakemm din il-preżunzjoni ma tiġix ikkonfutata, il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab dan il-post tan-negozju għandhom ġurisdizzjoni internazzjonali sabiex jiftħu proċedura ta’ insolvenza fil-konfront tal-imsemmija persuna fiżika.

49

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li l-attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti tal-persuna kkonċernata ma teħtieġ ebda assi jew mezzi umani ma jistax, fih innifsu, ikun biżżejjed sabiex din il-preżunzjoni tiġi kkonfutata.

50

Fil-fatt, għalkemm il-post fejn jinsabu l-assi tad-debitur jew l-eventwali mezzi umani użati għall-eżerċizzju tal-attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti mill-persuna kkonċernata jikkostitwixxu kriterji oġġettivi u aċċertabbli minn terzi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat il-post fejn id-debitur jamministra abitwalment l-interessi tiegħu, il-preżunzjoni msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza tista’ madankollu tiġi kkonfutata biss wara evalwazzjoni globali ta’ numru ta’ kriterji oġġettivi u aċċertabbli minn terzi (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2020, Novo Banco, C‑253/19, EU:C:2020:585, punt 28).

51

Barra minn hekk, din il-preżunzjoni titlef l-effett utli tagħha li kieku din ikollha tiġi interpretata bħala li teħtieġ neċessarjament il-preżenza ta’ assi jew ta’ mezzi umani fil-post prinċipali tan-negozju tal-persuna kkonċernata. Fil-fatt, hekk kif il-Kummissjoni essenzjalment irrilevat fl-osservazzjonijiet tagħha, min-natura tagħha stess, l-attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti tista’ tiġi eżerċitata fl-assenza ta’ tali assi jew ta’ mezzi umani, b’tali mod li tali rekwiżit jeskludi numru kbir ta’ persuni li jeżerċitaw tali professjoni jew attività mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija preżunzjoni.

52

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin) ikkonstatat li, fil-kuntest tal-attività indipendenti tiegħu, bħala president tal-bord superviżorju ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata Ġermaniża, id-debitur la kien qiegħed juża xi mezzi umani u lanqas xi assi, kemm jekk fit-territorju Ġermaniż kif ukoll jekk f’post ieħor.

53

Għalkemm il-preżenza ta’ tali mezzi umani jew assi ma hijiex determinanti sabiex jiġi stabbilit iċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ persuna, madankollu hija l-qorti kompetenti li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kriterji mfakkra fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, il-post taċ-ċentru tal-interessi prinċipali tad-debitur billi tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha oġġettivi u aċċettabbli mit-terzi li huma relatati mas-sitwazzjoni ekonomika tad-debitur, bħal b’mod partikolari dawk li jippermettu li jiġi identifikat il-post fejn din il-persuna tamministra l-interessi ekonomiċi tagħha u fejn tirċievi u tonfoq il-parti l-kbira tad-dħul tagħha.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda għandha tkun li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’dak li jirrigwarda persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, huwa preżunt, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna jinsab fil-post prinċipali tan-negozju tal-imsemmija persuna, anki jekk din l-attività ma teħtieġ ebda mezzi umani jew ebda assi.

Fuq it‑tielet domanda

55

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l‑ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-kunċett ta’ “post prinċipali tan-negozju” ta’ persuna fiżika li teżerċita professjoni liberali jew attività indipendenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma jikkorrispondix għall-kunċett ta’ “stabbiliment” iddefinit fil-punt 10 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament.

 

2)

It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/848

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

f’dak li jirrigwarda persuna fiżika li teżerċita attività ta’ negozju jew professjonali indipendenti, huwa preżunt, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, li ċ-ċentru tal-interessi prinċipali ta’ din il-persuna jinsab fil-post prinċipali tan-negozju tal-imsemmija persuna, anki jekk din l-attività ma teħtieġ ebda mezzi umani jew ebda assi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.