Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea /* KUMM/2010/0137 finali - NLE 2010/0075 */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 9.4.2010 KUMM(2010)137 finali 2010/0075 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. Sfond Il-proposti mehmuża jsawru l-istrumenti legali għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Korea (Korea), min-naħa l-oħra: - Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tikkonkludi l-FTA. L-FTA UE-Korea ġie negozjat skont l-għanijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija"[1], li analizzat mill-ġdid il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għat-tkabbir Ewropew u l-istrateġija għall-impjieg. Il-Komunikazzjoni kkonfermat l-impenn tal-UE lejn l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bħala l-uniku mezz u l-mezz l-aktar effettiv biex il-kummerċ jikber u jiġi ġestit għall-benefiċċju ta' kulħadd. Hija enfasizzat li l-Aġenda ta' Doha tal-Iżvilupp (DDA) tibqa' l-ewwel prijorità tal-UE. Il-Komunikazzjoni sostniet ukoll li l-UE għandha tkompli tibni fuq il-pjattaforma maħluqa mid-WTO biex jitkattru opportunitajiet ġodda għat-tkabbir bil-ftuħ ta' swieq ġodda għall-kummerċ u l-investiment. Il-Komunikazzjoni stabbiliet sensiela ta' inizjattivi politiċi marbuta mal-kummerċ li jikkomplementaw l-isforzi biex jerġgħu jibdew in-negozjati fid-WTO. Bħala parti minn dawn l-inizjattivi, hija pproponiet li tinnegozja Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTA) komprensivi magħżula bir-reqqa. Wara l-adozzjoni tad-direttivi ta' negozjar mill-Kunsill fit-23 ta' April 2007, in-negozjati mal-Korea ġew imnedija f'Seoul fis-6 ta' Mejju 2007. L-għan stabbilit mill-Kummissjoni fil-Memorandum ta' Spjegazzjoni mehmuż mar-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill li jawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles mar-Repubblika tal-Korea f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha kien li jiġu kkompletati n-negozjati mhux aktar tard minn sentejn wara li effettivament jibdew. L-inizjalar tal-FTA mill-Kummissarju għall-Kummerċ u l-Ministru tal-Kummerċ Korean fi Brussell fil-15 ta' Ottubru 2009 fisser il-konklużjoni tan-negozjati wara anqas minn sentejn u nofs ta' taħditiet. L-Istati Membri tal-UE ġew mgħarrfa bil-kliem u bil-miktub dwar il-proċess ta' negozjar mal-Korea permezz tal-Kumitat għall-Politika Kummerċjali tal-Kunsill (Kumitat ex-Artikolu 133). Il-Parlament Ewropew ukoll ġie mgħarraf b'mod regolari dwar l-iżviluppi permezz tal-Kumitat tiegħu dwar il-Kummerċ Internazzjonali (INTA). Bi tħejjija għan-negozjati l-Kummissjoni għamlet abbozz ta' stima tal-impatt li janalizza l-impatt possibbli ta' FTA mal-Korea ta' Isfel. Stima tal-Impatt tas-Sostenibbiltà Kummerċjali (SIA) aktar fid-dettall li teżamina l-effetti potenzjali ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-Ftehim twettqet b'mod parallel man-negozjati. Tħejjew ukoll studji addizzjonali li jipprovdu l-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-FTA. Fit-13 ta' Diċembru 2007 l-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-Korea, u dan kien ta' kontribut siewi għan-negozjati. 2. Natura u Firxa tal-Ftehim Kif stipulat fid-direttivi ta' negozjar adottati mill-Kunsill, in-negozjati tal-FTA mal-Korea kellhom l-għan li jiżguraw ftehim komprensiv u bbilanċjat konsistenti b'mod sħiħ mar-regoli u l-obbligi tad-WTO. Il-ftehim kellu jipprovdi għal-liberalizzazzjoni progressiva u reċiproka tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi kif ukoll għar-regoli dwar kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ. L-FTA UE-Korea jissodisfa dawn l-għanijiet u huwa l-ewwel FTA li dwaru ġew konklużi negozjati skont l-istrateġija għal Ewropa Globali. Huwa jinkludi l-miżuri kollha meħtieġa għall-ħolqien ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT 1994). Iż-żewġ naħat qablu li l-impenji ta' liberalizzazzjoni jingħataw prijorità u se jneħħu għal dejjem 98,7% tad-dazji fil-valur kummerċjali kemm għall-industrija kif ukoll għall-agrikoltura fi żmien 5 snin. Il-parti tat-tariffi li tifdal se titneħħa kważi għal kollox matul perjodi ta' tranżizzjoni itwal, għajr għal għadd limitat ta' prodotti agrikoli bħar-ross jew it-tewm. Barra minn hekk, ġew innegozjati annessi settorjali dwar l-elettronika, il-vetturi bil-mutur u l-parts u l-farmaċewtiċi u tagħmir mediku u sustanzi kimiċi biex tinstab soluzzjoni għall-ostakoli mhux tariffarji. L-FTA fih kapitoli separati li jkopru Miżuri Korrettivi Kummerċjali, Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ, Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, Dwana u Faċilitazzjoni ta' Kummerċ. Il-Ftehim fih ukoll kapitolu dwar is-Servizzi, id-Domiċilju Kummerċjali u l-Kummerċ Elettroniku u l-iskedi tal-impenji marbuta ma' dawn, li jmorru lil hinn mill-impenji taż-żewġ partijiet skont il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) u huma bi qbil mal-Artikolu V tal-GATS. Hemm ukoll kapitolu dwar il-Pagamenti Kurrenti u l-Movimenti ta' Kapital. Sa fejn għandhom x'jaqsmu r-regoli, l-FTA jipprovdi għal impenji li għandhom medda wiesgħa fil-qasam tal-Kompetizzjoni inkluża l-għajnuna mill-istat, il-Proprjetà Intellettwali inkluż l-infurzar u l-Kuntratti Pubbliċi. Dispożizzjonijiet orizzontali mtejba u li jorbtu dwar it-trasparenza fir-regolamentazzjoni f'oqsma rilevanti għall-kummerċ u l-investiment reċiproku ġew inkorporati wkoll fil-ftehim. Il-Ftehim jinkorpora Protokolli dwar Regoli ta' Oriġini u Għajnuna Amministrattiva dwar kwistjonijiet ta' dwana, li fih dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-oriġini tal-prodotti li huma meħtieġa biex jiġu ddeterminati d-dazji applikabbli għal dawn il-prodotti meta jkunu fil-kummerċ, dwar il-"provi tal-oriġini" u dwar arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana. L-FTA jinkludi wkoll protokoll apposta għall-kooperazzjoni kulturali, li jiffissa qafas għall-involviment fi djalogu politiku u kooperazzjoni fl-iffaċilitar ta' skambji fir-rigward ta' attivitajiet kulturali. Dan il-qafas jinvolvi arranġament istituzzjonali għall-implimentazzjoni li hija indipendenti mill-FTA, l-aktar permezz tat-twaqqif ta' kumitat separat u mekkaniżmu speċifiku ta' soluzzjoni ta' tilwim. Fl-aħħar nett, ġie negozjat kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli li jkopri kemm id-dimensjoni soċjali kif ukoll dik ambjentali. Dan il-kapitolu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni u jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ ġdid li jinvolvi s-soċjetà ċivili permezz ta' Forum Soċjetà Ċivili. Id-dispożizzjonijiet istituzzjonali jipprevedu t-twaqqif ta' Kumitat Kummerċjali għas-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-FTA u jqiesu mezzi biex jittejbu r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet. Hemm inkluż mekkaniżmu effiċjenti ta' soluzzjoni ta' tilwim. Il-Kumitat Kummerċjali għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tal-Korea. Il-Kumitat Kummerċjali għandu jirrapporta lill-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim ta' Qafas aġġornat dwar l-attivitajiet tiegħu u dawk tal-kumitati speċjalizzati, il-gruppi ta' ħidma u entitajiet oħra tiegħu. Il-Ftehim ta' Qafas aġġornat, flimkien mal-FTA, jirrappreżentaw aġġornament importanti tar-relazzjoni UE-Korea. Kif mitlub mill-Kunsill, iż-żewġ ftehimiet huma marbuta legalment u istituzzjonalment. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-FTA UE-Korea huwa, sa fejn jista' possibilment ikun, skont id-direttivi ta' negozjar approvati mill-Kunsill u r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2007. 3. PROċEDURI Sakemm jidħol fis-seħħ l-FTA, il-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim. Il-Kummissjoni sabet li r-riżultati tan-negozjati huma sodisfaċenti u titlob lill-Kunsill: - jikkonkludi l-FTA f'isem l-Unjoni. Il-Parlament Ewropew se jissejjaħ biex jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-FTA. L-Istati Membri huma wkoll partijiet għall-Ftehim, li għalhekk jeħtieġ li jiġi rratifikat minnhom skont il-proċeduri interni tagħhom. 2010/0075 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), 167(3) u 207 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni[2], Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew[3], Billi: (1) Fit-23 ta' April 2007 l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles mar-Repubblika tal-Korea f'isem l-Unjoni Ewropea u Istati Membri tagħha. (2) Dawn in-negozjati ġew konklużi u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea (minn issa 'l quddiem jissejjaħ il-Ftehim) ġie inizjalat fil-15 ta' Ottubru 2009. (3) Il-Ftehim ġie ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea fi [ …] u ġie applikat fuq bażi provviżorja sakemm jiġi konkluż f’data aktar 'il quddiem. (4) Il-Ftehim għandu jiġi approvat. (5) Dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet tal-investituri tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea milli jibbenefikaw minn kwalunkwe trattament aktar favorevoli previst fi kwalunkwe ftehim marbut mal-investiment li tiegħu Stat Membru u l-Korea huma Partijiet. (6) Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni tapprova ċerti modifiki limitati tal-Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata ġġib fi tmiem l-intitolament tal-koproduzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali sakemm il-Kummissjoni ma tiddeterminax li l-intitolament għandu jissokta u dan jiġi approvat mill-Kunsill skont proċedura speċifika meħtieġa minħabba n-natura sensittiva ta' dan l-element tal-ftehim li jrid jiġi konkluż mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova modifiki li jridu jiġu adottati mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 10.25 tal-Ftehim. (7) Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-ħarsien tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jingħataw ħarsien skont il-Ftehim, (8) Fit-twettiq tar-rwol tagħha, skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni hija marbuta li tattiva l-proċeduri marbuta mal-limitazzjonijiet dwar l-irtirar tad-dazju, is-salvagwardja u s-soluzzjoni tat-tilwim kull meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti jintlaħqu. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 14 (Irtirar jew eżenzjoni mid-dazji tad-dwana) tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta' 'prodotti li joriġinaw' u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva tal-Ftehim, il-Kummissjoni se tkun iggwidata mill-istqarrija li għamlet il-Kummissjoni mehmuża mal-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Korea huwa b'dan konkluż f'isem l-Unjoni Ewropea. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata biex tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika msemmija fl-Artikolu 15.10.2 tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni Ewropea biex tiġi marbuta bil-Ftehim. Artikolu 3 1. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Korea bil-ħsieb tal-Unjoni Ewropea li ma testendix il-perjodu ta' intitolament ta' koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8) tal-imsemmi Protokoll sakemm, fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Kunsill, erba' xhur qabel tmiem dan il-perjodu ta' intitolament, ma jaqbilx li jissokta bl-intitolament. Jekk il-Kunsill jaqbel li jissokta b'dan l-intitolament, allura din id-dispożizzjoni terġa ssir applikabbli fi tmiem il-perjodu mġedded tal-intitolament. Għall-għanijiet speċifiċi biex jiġi deċiż dwar l-issoktar tal-perjodu ta' intitolament, il-Kunsill għandu jaġixxi b'unanimità. 2. Għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim, il-modifiki tal-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni Ewropea. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu ftehim wara objezzjonijiet marbuta mal-Indikazzjoni Ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta din il-pożizzjoni fuq il-bażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006. Il-perjodu imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ xahar. Artikolu 4 1. Isem protett taħt is-Subtaqsima C "Indikazzjonijiet Ġeografiċi" tal-Kapitolu 10 tal-Ftehim jista' jintuża minn kull operatur li jikkumerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, imbejjed, imbejjed jew spirti aromatizzati li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti. 2. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jinfurzaw il-protezzjoni stipulata fl-Artikoli 10.18 sa 10.23 tal-Ftehim ukoll fuq talba ta' parti interessata. Artikolu 5 Il-pożizzjoni li trid tittieħed mill-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali dwar deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali għandha tiġi ddeterminata mill-Kunsill li jaġixxi skont it-Trattat. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropa fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali għandhom ikunu magħmula minn uffiċjali għoljin mill-amministrazzjoni kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri li għandhom għarfien espert u esperjenza f'affarijiet kulturali u drawwiet, u li għandhom jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattat. Artikolu 6 Id-dispożizzjoni li tapplika għall-finijiet tal-adozzjoni tar-regoli meħtieġa ta' implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fl-Anness II(a) tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta' "Prodotti li Joriġinaw" u Metodi ta' Kooperazzjoni Amministrattiva tal-Ftehim hija l-Artikolu 247a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992. Artikolu 7 Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat bħala li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament fil-qrati tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri. Magħmul fi Brussell, […] Għall-Kunsill Il-President […] DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA GĦAL PROPOSTI LI JKOLLHOM IMPATT BAĠITARJU ESKLUSSIVAMENT FUQ L-INTROJTU 1. ISEM IL-PROPOSTA: DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tikkonkludi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea. 2. LINJI TAL-BAĠIT: Il-Kapitolu u l-Artikolu: 12 0 Ammont fil-baġit għal tmiem il-perjodu ta' implimentazzjoni 3. IMPATT FINANZJARJU ( Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjonijiet finanzjarji ( Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul – l-effett huwa kif ġej: (EUR miljun sa punt deċimali wieħed) Linja baġitarja | Dħul[4] | Perjodu ta' 12-il xahar, li jibda jj/xx/ssss | [Sena n] | L-Artikolu ... | Impatt fuq ir-riżorsi proprji | 801.2 | Sitwazzjoni wara l-azzjoni | [n+1] | [n+2] | [n+3] | [n+4] | [n+5] | L-Artikolu ... | L-Artikolu ... | 4. IL-MIŻURI KONTRA L-FRODI Sabiex ir-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea jkunu mħarsa, il-Ftehim fih dispożizzjonijiet maħsuba biex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta mill-pajjiż imsieħeb tal-kundizzjonijiet stabbiliti għall-applikazzjoni tal-konċessjonijiet kummerċjali skont §3 "Impatt Finanzjarju", b'mod partikolari fil-Protokoll 1 dwar ir-Regoli ta' Oriġini u l-Protokoll 2 dwar l-Għajnuna Amministrattiva Reċiproka fl-Affarijiet Doganali. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkomplementaw il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE applikabbli għall-prodotti kollha importati (b'mod partikolari d-Dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u ta' Implimentazzjoni tal-UE) u dik dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-kontroll tar-Riżorsi Proprji (b'mod partiklari r-Regolament tal-Kunsill 1150/2000). 5. RIMARKI OĦRA Din l-istima hija bbażata fuq l-importazzjonijiet medji għall-perjodu 2004-06. Dan għandu jirrifletti b'mod aktar realistiku l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet mill-Korea. Ma tqiesx, iżda, iż-żieda probabbli fl-importazzjonijiet ta' prodotti li se jkollhom id-dazji imnaqqsa fi gradi li se jpatti parzjalment għat-telf fid-dħul. [1] "L-Ewropa Globali: kompetizzjoni dinjija” - COM(2006) 567, 4.10.2006. [2] ĠU C , , p. . [3] ĠU C , , p. . [4] F'dak li għandu x'jaqsam ma' riżorsi proprji tradizzjonali (dazji agrikoli, levies fuq iz-zokkor, dazji tad-dwana) jeħtieġ li l-ammonti indikati jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti gross wara t-tnaqqis ta' 25 % tal-ispejjeż tal-ġbir.