52008PC0456

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jħassar id-dazji ta’ anti-dumping imposti mir-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja /* KUMM/2008/0456 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 14.7.2008

KUMM(2008) 456 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jħassar id-dazji ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja

(preżentata mill-Kummissjoni)

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Kuntest tal-proposta |

Ir-Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005 (‘ir-Regolament bażiku’) fil-proċeduri li jikkonċernaw importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja. |

Il-kuntest ġenerali Din il-proposta hi magħmula fil-kuntest ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hija r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet skond ir-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku. |

Id-dispożizzjonijiet attwali fil-qasam tal-proposta Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 li jimponu dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbru b’mod definittiv id-dazju impost fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja. |

Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra ta’ l-Unjoni Mhux applikabbli. |

Il-konsultazzjoni ma’ partijiet interessati u l-valutazzjoni ta’ l-impatt |

Il-konsultazzjoni ma' partijiet interessati |

Il-partijiet interessati milquta mill-proċedura diġà kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku. |

Il-ġbir u l-użu ta’ għarfien espert |

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa għal għarfien espert estern. |

Il-Valutazzjoni ta' l-Impatt Din il-proposta hija r-riżultat ta’ l-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament bażiku ma jipprevedix stima ta’ l-impatt ġenerali iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu vvalutati. |

Elementi ġuridiċi tal-proposta |

It-taqsira ta’ l-azzjoni proposta Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 tat-8 ta’ Marzu 2004 il-Kunsill impona dazju definittiv ta’ anti-dumping u qiegħed jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja. Fl-15 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni fetħet reviżjoni interim tal-miżuri t’hawn fuq skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. L-investigazzjoni kkonkludiet li d-dumping ma seħħx matul il-perjodu ta’ investigazzjoni rivedut u ma hemm ebda probabbiltà li jerġa’ jkun hemm dumping fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Għalhekk qiegħed jiġi propost li l-Kunsill jadotta l-proposta mehmuża għal Regolament. |

Il-bażi ġuridika Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta’ Diċembru 2005. |

Il-prinċipju ta’ sussidjarjetà Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Għalhekk, il-prinċipju ta’ sussidjarjetà ma japplikax. |

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin: |

Il-forma ta’ azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq u ma jibqa’ ebda skop għal deċiżjoni nazzjonali. |

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa minimizzat u proporzjonali għall-għan tal-proposta mhix applikabbli. |

L-għażla ta' strumenti |

L-istrumenti proposti: regolament. |

Mezzi oħrajn ma jkunux adatti għar-raġuni(jiet) li ġejja/in. Ir-Regolament bażiku msemmi hawn fuq ma jipprevedix għażliet oħra. |

L-implikazzjoni baġitarja |

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit Komunitarju. |

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jħassar id-dazji ta’ anti-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 437/2004 fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow li joriġinaw fin-Norveġja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”)[1], u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA

1. Miżuri fis-seħħ

(1) Il-Kunsill, wara investigazzjoni anti-dumping (l-“investigazzjoni oriġinali”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 437/2004[2] impona dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow (‘LRT’ jew ‘il-prodott ikkonċernat’ kif definit fil-premessa (19) hawn taħt) li joriġinaw fin-Norveġja. Id-dazju definittiv kien impost fil-forma ta’ dazju ad valorem applikabbli għall-pajjiż kollu f’livell ta’ 19.9 % (“il-miżuri attwali”).

2. Talba għal reviżjoni u bidu

(2) Fit-12 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni interim parzjali ppreżentata minn diversi produtturi u esportaturi ta’ LRT; jiġifieri Sjøtroll Havbruk AS, Lerøy Fossen AS, Firda Sjøfarmer AS, Coast Seafood AS, Hallvard Leroy AS u Sirena Norway AS (“l-applikanti”) skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

(3) L-applikanti pprovdew evidenza prima facie li l-bażi li fuqhom kienu stabbiliti l-miżuri nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura permanenti. L-applikanti allegaw u pprovdew evidenza prima facie li wriet li l-prezzijiet ta’ esportazzjoni tagħhom lejn is-suq tal-Komunità kienu żdiedu b’mod sinifikanti u kienu sostanzjalment iktar mill-prezzijiet domestiċi u mill-ispiża tal-produzzjoni fin-Norveġja. L-applikanti allegaw ukoll li dan kien ser iwassal għal tnaqqis ta’ dumping li jaqa’ b’mod sinifikanti taħt il-livell tal-miżuri preżenti u għaldaqstant l-impożizzjoni kontinwa tal-miżuri fil-livelli eżistenti ma għadhiex neċessarja biex ikun hemm kumpens għad-dumping. Din l-evidenza tqieset suffiċjenti biex jiġi ġġustifikat bidu ta’ proċediment.

(4) Għaldaqstant, wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv, il-Kummissjoni fil-15 ta’ Mejju 2007 tat bidu, permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea [3], għal reviżjoni interim parzjali ta’ miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq importazzjonijiet ta’ LRT li joriġinaw fin-Norveġja skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (“l-avviż tal-bidu”).

(5) Din ir-reviżjoni kienet limitata fl-iskop tagħha għall-aspetti ta’ dumping, bl-għan li tkun valutata l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni, ir-revoka jew l-emenda tal-miżuri eżistenti.

3. Partijiet ikkonċernati mill-proċedura

(6) Il-Kummissjoni uffiċjalment tat il-parir lill-esportaturi/produtturi magħrufin kollha fin-Norveġja, lin-negozjanti, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet magħrufin li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tar-Renju tan-Norveġja, dwar il-bidu tal-proċediment. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta fil-limitu taż-żmien stipulat fl-avviż ta’ bidu.

4. Teħid ta' kampjuni

(7) It-Taqsima 5.(a) ta’ l-avviż tal-bidu indikat li l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi tapplika teħid ta’ kampjuni skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Bi tweġiba għat-talba skond it-Taqsima 5.(a)(i) ta’ l-avviż ta’ bidu, 298 kumpanija, li jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-liċenzji ta’ produzzjoni fl-użu matul il-PI, ipprovdew l-informazzjoni mitluba fl-iskadenza speċifikata. Minn dawn, 132 kienu qegħdin jesportaw LRT u/jew kienu produtturi ta’ LRT. Saru esportazzjonijiet jew b’mod dirett inkella b’mod indirett permezz ta’ negozjanti relatati u indipendenti.

(8) Minħabba n-numru kbir ta’ kumpaniji involuti, kien deċiż li jsir użu mid-dispożizzjonijiet għal teħid ta’ kampjuni u, għal dan l-għan, intgħażel kampjun ta’ kumpaniji produtturi, bl-akbar volumi ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità (produtturi esportaturi), b’konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta’ l-industrija Norveġiża.

(9) Skond l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-kampjun magħżul kopra l-volum ta’ esportazzjonijiet l-aktar rappreżentattivi possibbli li b’mod raġonevoli seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli.

(10) Kienu sottomessi talbiet għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ dumping individwali mill-kumpaniji mhux magħżula fil-kampjun. Madankollu, minħabba l-għadd kbir ta’ talbiet u l-għadd kbir ta’ kumpaniji magħżula fil-kampjun, kien ikkunsidrat li dawn il-kontrolli individwali kienu ser ikunu ta’ piż żejjed mhux ġustifikat fis-sens ta’ l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku u kienu se jipprevjenu t-tlestija ta’ l-investigazzjoni fiż-żmien dovut. It-talbiet biex ikunu determinati marġni individwali huma għaldaqstant rifjutati.

(11) Wieħed mill-produtturi li jesporta magħżul fil-kampjun, iddikjara li ma setax jikkompleta t-tweġiba għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping. Dan il-produttur li jesporta għalhekk kien eskluż mill-kampjun u r-riżultati fir-rigward tiegħu kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

(12) L-investigazzjoni żvelat ukoll li żewġ esportaturi oħra li jesportaw inklużi fil-kampjun ma esportawx il-prodott ikkonċernat prodott minnhom jew mill-kumpaniji relatati l-oħra lejn il-Komunità matul il-perjodu ta’ investigazzjoni rivedut (‘PIR’). Ladarba ma kien disponibbli ebda prezz ta’ l-esportazzjoni, ma seta’ jkun stabbilit ebda marġni ta’ dumping għal dawn il-produtturi li jesportaw.

(13) It-tliet produtturi li jesportaw inklużi fil-kampjun finali rrappreżentaw madwar 33 % ta’ l-esportazzjonijiet Norveġiżi ta’ LRT lejn il-Komunità u 31 % tal-volum ta’ produzzjoni fin-Norveġja matul il-PIR li xorta kien ikkunsidrat rappreżentattiv.

(14) Sa fejn huma kkonċernati l-importaturi, u sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk kienx neċessarju t-teħid ta’ kampjuni, it-Taqsima 5.(a)(ii) ta’ l-avviż tal-bidu talbet lill-importaturi fil-Komunità biex jissottomettu l-informazzjoni speċifikata f’din it-taqsima. Tliet importaturi biss fil-Komunità wieġbu għall-formola tat-teħid tal-kampjuni. Minħabba l-għadd baxx ta’ importaturi li kkooperaw, ebda teħid ta’ kampjuni ma kien neċessarju f’dan il-każ.

(15) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa għad-determinazzjoni tad-dumping. Għal dan l-iskop il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet kollha li kienet taf li huma kkonċernati u lill-partijiet l-oħrajn kollha li għamlu lilhom infushom magħrufa fl-iskadenzi stabbiliti fl-avviż tal-bidu biex jikkooperaw fil-proċedura preżenti u biex jimlew il-kwestjonarji rilevanti.

(16) Il-Kummissjoni wettqet żjarat ta' verifika ġewwa l-fondi ta' dawn il-kumpaniji li ġejjin:

1. Il-produtturi fin-Norveġja

2. Marine Harvest AS, Bergen, in-Norveġja

3. Hallvard Leroy AS, Bergen, in-Norveġja

4. Sjotroll Havbruk AS, Bekkjarvik, in-Norveġja

5. Svanoy Havbruk AS, Svanoybukt, in-Norveġja

6. Hyen Laks AS, Hyen, in-Norveġja

7. Il-negozjanti relatati fin-Norveġja

8. Coast Seafood AS, Maloy, in-Norveġja

9. Skaar Norway AS, Floro, in-Norveġja

(17) Il-partijiet interessati kollha li talbu hekk u li urew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingћataw seduta ta’ smigħ.

5. Perjodu ta’ investigazzjoni

(18) L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2006 sat-31 ta’ Marzu 2007 (“il-perjodu ta’ l-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “RIP”).

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTTI SIMILI

1. Prodott ikkonċernat

(19) Il-prodott li qiegħed jiġi rivedut huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri troti kbar rainbow (Oncorhynchus Mykiss) kemm jekk friski, imkessħin jew iffriżati, kemm jekk fil-forma ta’ ħut sħiħ (bl-irjus u bil-garġi, imnaddfin, li jiżnu iktar minn 1.2 kg kull waħda jew mingħajr irjus, mingħajr garġi u mnaddfin, li jiżnu iktar minn 1 kg kull waħda), jew fil-forma ta’ fletti (li jiżnu iktar minn 0.4 kg kull waħda), li joriġinaw fin-Norveġja (‘il-prodott ikkonċernat’).

(20) Il-prodott ikkonċernat huwa fil-preżent klassifikabbli taħt il-kodiċijiet ta’ NM 0302 11 20, 0303 21 20, 0304 19 15 u 0304 29 15 li jikkorrispondu għal preżentazzjonijiet differenti tal-prodott (ħut frisk jew imkessaħ, fletti friski jew imkessħin, ħut iffriżat u fletti ffriżati).

2. Prodott simili

(21) Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u kkonfermat b’din l-investigazzjoni, il-prodott ikkonċernat u l-prodott ipproduċut u mibjugħ fis-suq domestiku fin-Norveġja nstabu li kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kellhom l-istess użu. Għalhekk tqiesu bħala prodotti simili fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. Billi din ir-reviżjoni kienet limitata għad-dumping, ma ntlaħqet ebda konklużjoni rigward il-prodott ipproduċut u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq tal-Komunità.

C. DUMPING

1. Ġenerali

(22) Il-produtturi Norveġiżi ta’ LRT kienu qegħdin jagħmlu bejgħ tal-prodott ikkonċernat lill-Komunità jew direttament, jew permezz ta’ negozjanti relatati u mhux relatati. Bejgħ identifikabbli biss maħsub għas-suq tal-Komunità u magħmul direttament jew permezz ta’ kumpaniji relatati ta’ l-akkwirenti li jesportaw, inklużi fil-kampjun ibbażat fin-Norveġja, intuża biex ikun ikkalkolat il-prezz ta’ l-esportazzjoni.

2. Il-valur normali

(23) Sabiex ikun determinat il-valur normali l-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet, għal kull wieħed mill-produtturi li jesportaw inklużi fil-kampjun, jekk il-bejgħ domestiku totali tal-prodott ikkonċernat kienx rappreżentattiv meta pparagunat mal-bejgħ totali ta’ l-esportazzjoni tiegħu lejn il-Komunità. Skond l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, il-bejgħ domestiku jiġi kkunsidrat rappreżentattiv meta l-volum tal-bejgħ domestiku totali ta’ kull produttur esportatur kien mill-anqas 5 % tal-volum totali tiegħu tal-bejgħ ta’ esportazzjoni lejn il-Komunità.

(24) Sabiex ikun determinat jekk il-bejgħ domestiku kienx rappreżentattiv, bejgħ lil negozjanti mhux relatati li kienu jinstabu fin-Norveġja matul il-PIR ma kienx meqjus ladarba d-destinazzjoni finali ta’ dan il-bejgħ ma setgħetx tkun stabbilita b’ċertezza. L-investigazzjoni indikat li dan il-bejgħ kien fil-parti l-kbira tiegħu ddestinat għall-esportazzjoni lejn swieq ta’ pajjiżi terzi u għalhekk ma sarx għal konsum domestiku.

(25) Il-Kummissjoni sussegwentement identifikat dawk it-tipi ta’ prodotti mibjugħa b’mod domestiku mill-kumpaniji li għandhom bejgħ domestiku rappreżentattiv globali, li kienu identiċi jew direttament komparabbli mat-tipi mibjugħa għall-esportazzjoni lill-Komunità.

(26) Bejgħ domestiku ta’ tip ta’ prodott partikolari kien ikkunsidrat rappreżentattiv biżżejjed meta l-volum ta’ dak it-tip ta’ prodott mibjugħ fis-suq domestiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni rivedut kien jirrappreżenta 5 % jew iktar tal-volum totali tat-tip ta’ prodott paragunabbli mibjugħ għal esportazzjoni lejn il-Komunità.

(27) Kien eżaminat ukoll jekk il-bejgħ domestiku ta’ kull tip ta’ prodott ikkonċernat, mibjugћ lokalment fi kwantitajiet rappreżentattivi setax jitqies bћala li kien qed jinbiegћ fl-andament ordinarju tal-kummerċ skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku, billi jiġi stabbilit il-proporzjon ta’ bejgћ bi qligħ lill-klijenti indipendenti tat-tip ikkonċernat. Dan sar billi kien stabbilit il-proporzjon ta’ bejgħ domestiku bi profitt lil klijenti indipendenti ta’ kull tip ta’ prodott esportat, fis-suq domestiku matul il-perjodu ta’ investigazzjoni rivedut, kif ġej:

(28) Fejn il-volum tal-bejgħ ta’ tip ta’ prodott, mibjugħ bi prezz nett ta’ bejgħ daqs jew iktar mill-ispiża kkalkulata tal-produzzjoni, irrappreżenta aktar minn 80 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dan it-tip, u fejn il-prezz medju differenzjat ta’ dak it-tip kien daqs jew iktar mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezzijiet domestiċi reali. Dan il-prezz kien ikkalkulat bħala l-medja differenzjata tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku kollu ta’ dak it-tip li sar matul il-PIR, irrispettivament minn jekk dan il-bejgħ kienx bi qligħ jew le.

(29) Fejn il-volum tal-bejgħ bi qligħ ta’ tip ta’ prodott irrappreżenta 80 % jew inqas tal-volum totali tal-bejgħ ta’ dak it-tip, jew fejn il-prezz medju bil-piż divrenzjali ta’ dak it-tip kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni, il-valur normali kien ibbażat fuq il-prezz domestiku reali, ikkalkulat bħala l-medja bil-piż divrenzjali tal-bejgħ profitabbli ta’ dak it-tip biss, sakemm dan il-bejgħ kien jirrappreżenta 10 % jew aktar tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip.

(30) Meta l-volum tal-bejgħ bi profitt ta’ kull tip ta’ prodott kien jirrappreżenta inqas minn 10 % tal-volum tal-bejgħ totali ta’ dak it-tip, kien ikkunsidrat li l-prezz domestiku ta’ dan it-tip partikolari ma jipprovdix bażi addattata biex ikun stabbilit il-valur normali.

(31) Kulfejn il-prezzijiet domestiċi ta’ tip ta’ prodott partikolari mibjugħ minn produttur esportatur ma setgħux jintużaw sabiex jiġi stabbilit il-valur normali, kellu jiġi applikat metodu ieħor.

(32) F’dan ir-rigward, l-ewwel kien eżaminat jekk il-valur normali setax ikun stabbilit fuq il-bażi ta’ prezzijiet domestiċi ta’ produtturi oħra fin-Norveġja skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku. Minħabba li f’dan il-każ, l-istrutturi korporali tal-gruppi magħżula fil-kampjun kienu kumplessi ħafna u kienu jvarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin, li bl-ikbar probabbiltà kellu impatt fuq il-prezz tal-bejgħ fis-suq domestiku tal-produttur li jesporta, kien ikkunsidrat li f’dan il-każ l-użu tal-prezzijiet tal-bejgħ ta’ produtturi oħra ma kienx adatt minħabba li dan ma kienx jagħti riżultati li wieħed seta’ aktar joqgħod fuqhom milli kieku ntużat id-data ta’ kull produttur li jesporta. Għaldaqstant, il-valur normali tfassal skond l-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku kif ġej:

(33) Il-valur normali tfassal billi flimkien ma’ l-ispejjeż ta’ manifattura tat-tipi esportati tal-produttur li jesporta, aġġustati meta neċessarju, kien miżjud ammont raġonevoli għall-bejgħ, għal spejjeż ġenerali u amministrattivi (‘SG&A’) u marġni raġonevoli ta’ profitt.

(34) Fil-każijiet kollha l-infiq għall-bejgħ u dak ġenerali u amministrattiv u l-qligħ kienu stabbiliti skond il-metodi ddefiniti fl-Artikolu 2(6) tar-Regolament bażiku. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-infiq għall-bejgħ, għall-infiq ġenerali u amministrattiv li sar u l-qligħ magħmul minn kull wieħed mill-produtturi esportaturi kkonċernati fis-suq domestiku kinux jikkostitwixxu data ta’ min joqgħod fuqha.

(35) Wieħed mit-tliet produtturi li jesportaw ikkonċernati li għalihom kellu jitfassal il-valur normali ma kellux bejgħ domestiku rappreżentattiv. Għalhekk, il-metodu kif deskritt fl-introduzzjoni ta’ Artikolu 2(6) ma setax jintuża.

(36) Minħabba li l-produtturi l-oħrajn li jesportaw kellhom bejgħ domestiku rappreżentattiv matul l-operazzjonijiet kummerċjali normali, l-SG&A u l-profitt għal dan il-produttur li jesporta kienu determinati skond l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku, jiġifieri fuq il-bażi tal-medja mgħobbija ta’ l-ammonti attwali determinati għal esportaturi jew produtturi oħrajn soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini.

3. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni

(37) Fil-każijiet kollha fejn il-prodott ikkonċernat ġie esportat lil klijenti indipendenti fil-Komunità, il-prezz ta’ esportazzjoni ġie stabbilit skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni effettivament imħallsa jew dovuti.

(38) Meta l-bejgħ għal esportazzjoni sar permezz ta’ importaturi relatati, il-prezz ta’ l-esportazzjoni nbena, skond l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezz li bih il-prodotti importati l-ewwel kienu mibjugħa mill-ġdid lil xerrej indipendenti, aġġustati kif jixraq għall-ispejjeż kollha akkumulati bejn l-importazzjoni u l-bejgħ mill-ġdid, kif ukoll marġni raġonevoli għall-SG&A u l-profitt. F’dan ir-rigward, intużaw l-SG&A attwali matul il-PIR ta’ l-importaturi relatati. Fejn huwa kkonċernat il-profitt, dan kien determinat fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli, u fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra aktar affidabbli, fuq li 2 % profitt kien raġonevoli għal importatur f’dan is-settur kummerċjali.

(39) Kif ingħad hawn fuq fil-premessa (24), f’każijiet fejn il-bejgħ sar permezz ta’ negozjanti mhux relatati, ma kienx possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza d-destinazzjoni finali tal-prodott esportat. Għalhekk, ma setax jiġi stabbilit jekk ċertu bejgħ sarx lil klijent fil-Komunità jew f’pajjiż terz ieħor, u għalhekk kien deċiż biex ma jitqiesx il-bejgħ lil negozjanti mhux relatati.

4. Il-paragun

(40) Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz għall-esportazzjoni sar abbażi ta’ kif dawn joħorġu mill-fabbrika.

(41) Sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fil-każijiet kollha, fejn instab li kienu raġonevoli, preċiżi u appoġġati b’evidenza verifikata, ingħataw aġġustamenti xierqa. Fuq din il-bażi saru konċessjonijiet għal differenzi fi skonti, kummissjonijiet, trasport, assigurazzjoni, immaniġġjar, spejjeż ta’ tagħbija u spejjeż anċillari, ippakkjar, krediti fuq tariffi bankarji u dazji fuq l-importazzjoni.

5. Il-marġnijiet tad-dumping

5.1. Il-Kumpaniji tal-kampjun

(42) Għall-produtturi esportaturi li kienu inklużi fil-kampjun, ġie kkalkulat marġni individwali ta’ dumping. Għal dawn il-kumpaniji, il-koeffiċjent medju tal-valur normali ta’ kull tip tal-prodott ikkonċernat li ġie esportat lejn il-Komunità tqabbel mal-koeffiċjent medju tal-prezz ta’ l-esportazzjonijiet tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku.

(43) Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-marġni ta’ dumping tal-kumpaniji fil-kampjun espressi bħala perċentwali tal-prezz CIF nett frank fuq il-fruntiera tal-Komunità, bid-dazju mhux imħallas, huma:

Marine Harvest AS | -12.1 % |

Hallvard Leroy AS | -3.3 % |

Sjotroll Havbruk AS | 0.6 % |

5.2. Il-marġni ta’ dumping madwar il-pajjiż kollu

(44) Minħabba li l-marġni ta’ dumping determinati għall-kumpaniji kollha fil-kampjun kienu de minimis u l-kooperazzjoni f’din l-investigazzjoni kienet għolja ħafna, il-marġni ta’ dumping madwar il-pajjiż kollu wkoll kien ikkunsidrat bħala de minimis .

D. NATURA PERMANENTI TAĊ-ĊIRKOSTANZI MIBDULA

1. Ġenerali

(45) Kien eżaminat ukoll, skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, jekk iċ-ċirkostanzi matul il-PIR; jiġifieri l-marġni ta’ dumping kif indikati fuq, kinux ta’ natura permanenti. F’dan ir-rigward, kienu eżaminati b’mod partikolari l-aspetti li ġejjin: (i) l-iżvilupp probabbli tal-valur normali, (ii) l-evoluzzjoni tal-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja u (iii) l-iżvilupp tal-konsum ta’ LRT fis-suq tal-Komunità, (iv) l-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u ta’ volumi lejn swieq ta’ pajjiżi terzi kif ukoll (v) l-iżvilupp ta’ prezzijiet ta’ esportazzjoni u ta’ volumi lejn il-Komunità.

2. L-iżvilupp tal-valur normali

(46) Sabiex tkun determinata l-evoluzzjoni probabbli tal-valur normali u billi l-valuri normali stabbiliti matul il-PIR kellhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-manifattura tal-produttur li jesporta bl-akbar volum ta’ esportazzjoni lejn l-KE skond l-Artikolu 2(3) u 2(6) tar-Regolament bażiku, kien ikkunsidrat xieraq li tkun eżaminata l-evoluzzjoni probabbli ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fin-Norveġja bħala sostitut għall-prezzijiet domestiċi.

(47) F’dan il-qafas, ġew eżaminati diversi fatturi li għandhom influwenza fuq il-livell ta’ l-ispejjeż ta’ l-unità, bħall-ispejjeż ta’ l-għalf, l-ispejjeż tas-smolt u l-impatt tal-proċess ta’ konsolidazzjoni ta’ l-industrija Norveġiża ta’ l-LRT. L-ewwel, l-investigazzjoni wriet li ż-żewġ elementi prinċipali ta’ l-ispiża, l-ispiża ta’ l-għalf u l-ispiża tas-smolt, li jirrappreżentaw iktar minn 60 % ta’ l-ispiża totali, naqsu mill-investigazzjoni oriġinali u stabbilizzaw minn meta nbeda l-PIR. Ma nstabu ebda indikazzjonijiet li juru li dawn se jvarjaw b’mod sinifikanti fil-ġejjieni previdibbli. Dan kien ikkonfermat mil-listi tal-prezzijiet ta’ l-għalf għall-ewwel kwart ta’ l-2008 verifikati matul l-investigazzjoni. It-tieni, il-proċess ta’ konsolidazzjoni fl-industrija kellu wkoll effett ta’ tnaqqis ta’ l-ispiża minħabba l-ekonomiji ta’ skala. B’hekk, l-ispejjeż ġenerali tal-produzzjoni naqsu b’madwar 12 % bejn l-investigazzjoni oriġinali u l-PIR. Huwa mistenni li l-ispejjeż ġenerali issa jistabbilizzaw fil-livelli li nstabu matul il-PIR.

(48) Minħabba li l-valuri normali stabbiliti matul il-PIR ma kinux dejjem kostruwiti, kien ikkontrollat jekk hemmx il-probabbiltà li l-prezzijiet tal-bejgħ domestiku jibqgħu fl-istess livell bħal matul il-PIR. Ma kienet disponibbli ebda informazzjoni fir-rigward ta’ prezzijiet domestiċi fin-Norveġja wara l-PIR. Għalkemm kien osservat, fuq il-bażi ta’ data statistika disponibbli għall-pubbliku li turi evoluzzjonijiet fil-prezz matul is-snin imgħoddija, li l-prezzijiet domestiċi fin-Norveġja u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità kienu f’livelli simili u ġeneralment segwew l-istess xejra, dan ma seta’ jwassal għal ebda konklużjoni raġjunata. B’hekk kien diffiċli li wieħed ibassar kif il-prezzijiet domestiċi sejrin jiżviluppaw fil-ġejjieni iżda seta’ jkun inferit li x’aktarx isegwu xejra simili għal dik tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(49) Bħala konklużjoni, meta wieħed jikkunsidra dan ta’ hawn fuq, huwa meqjus li l-valur normali, meta bbażat fuq l-ispiża tal-produzzjoni ma tantx huwa probabbli li jiżdied b’mod sinifikanti fil-ġejjieni previdibbli. Min-naħa l-oħra, l-analiżi tal-valur normali, meta bbażata fuq prezzijiet domestiċi, ma wrietx stampa ċara ta’ żviluppi fil-ġejjieni. Għaldaqstant, għalkemm ma setgħet titfassal ebda konklużjoni ġenerali definittiva, hemm indikazzjoni li l-valur normali mhuwiex probabbli li jiżdied b’mod sinifikanti fil-ġejjieni previdibbli.

(50) Wara l-iżvelar, l-Industrija Komunitarja (‘IK’) iddikjarat li l-konklużjonijiet li ntlaħqu sa fejn huma kkonċernati l-ispiża ta’ l-għalf u tas-smolt kienu se jirriżultaw żbaljati. L-IK allegat li l-prezz ta’ l-għalf fil-Finlandja kien se jkun żdied b’36 % bejn l-2001 u l-2008 u li l-evoluzzjoni tal-prezz ta’ l-għalf Norveġiż kien se jsegwi l-istess xejra. L-IK iddikjarat ukoll li l-prezz ta’ komponenti ta’ l-għalf kien se jiżdied b’mod drastiku matul u wara l-PIR u dan jindika żieda fl-ispiża tal-produzzjoni ta’ l-LRT fin-Norveġja.

(51) Minħabba li l-allegazzjonijiet li jikkonċernaw il-prezz ta’ l-għalf fil-Finlandja ma kinux appoġġati minn xi informazzjoni pubblika jew verifikabbli, kellhom ikunu miċħuda. Sa fejn huwa kkonċernat il-prezz ta’ komponenti ta’ l-għalf, mhuwiex ikkontestat li dawn setgħu żdiedu. Madankollu, minħabba s-sostitwibbiltà bejn komponenti ta’ għalf differenti; xi kultant komponenti bi prezz ogħla jistgħu jkunu sostitwiti b’komponenti bi prezz irħas, huwa mistenni li anke jekk l-ispiża ta’ ċerti komponenti ta’ l-għalf tiżdied, din mhix ser ikollha impatt lineari dirett fuq l-ispiża ta’ l-għalf ġenerali (u sussegwentement l-ispiża totali tal-produzzjoni), jiġifieri jekk ikun hemm xi żieda fl-ispejjeż ġenerali ta’ l-għalf, din iż-żieda tkun waħda sostanzjalment kawta.

(52) L-IK iddikjarat ukoll li l-istatistiċi Norveġiżi wrew li l-ispiża ta’ unità ta’ smolt kienet żdiedet bi 15.7 % bejn l-2003 u l-2006. L-istess statistiċi madankollu wrew li, meta wieħed iħares lejn firxa ta’ żmien iktar wiesgħa, l-ispiża tas-smolt kienet varjat matul l-aħħar għaxar snin u in ġenerali ma żdiditx b’mod sinifikanti. Ukoll, għandu jkun innutat li l-ispiża medja tas-smolt, sottomessa mill-IK ma kienet tirreferi għal ebda piż medju tas-smolt. Meta wieħed jikkunsidra dan ta’ hawn fuq, l-argumenti mressqa mill-industrija tal-Komunità fir-rigward ta’ l-ispiża ta’ l-għalf u tas-smolt kienu injorati u l-konklużjonijiet fil-premessa (49) hawn fuq huma għaldaqstant ikkonfermati.

3. L-evoluzzjoni tal-volumi tal-produzzjoni fin-Norveġja

(53) Kuntrarju għall-argumenti mressqa mill-partijiet interessati Norveġiżi, l-investigazzjoni wriet li l-volum tal-produzzjoni fin-Norveġja tal-prodott ikkonċernat x’aktarx iżid iktar fil-ġejjieni qrib. Għalkemm jidher li żewġ produtturi Norveġiżi maġġuri tal-prodott ikkonċernat iddeċidew li jġibu fit-tmiem il-produzzjoni tagħhom tal-prodott ikkonċernat, l-investigazzjoni wriet ukoll li produtturi oħra kemm ta’ l-LRT kif ukoll tas-salamun kienu qegħdin jippjanaw li jwaqqfu l-produzzjoni tas-salamun u li jikkonċentraw fuq il-produzzjoni ta’ l-LRT.

(54) Il-liċenzji tal-produzzjoni maħruġa mill-gvern Norveġiż qegħdin ikopru kemm il-prodott ikkonċernat minn din ir-reviżjoni (LRT) kif ukoll is-salamun u jillimitaw il-volum tal-produzzjoni ta’ dawn iż-żewġ prodotti. Għalkemm ma hu mistenni li jinħarġu ebda liċenzji ġodda qabel l-2009, produtturi individwali jistgħu jiddeċiedu li jbiddlu fl-istess liċenzja mill-produzzjoni tas-salamun għall-produzzjoni ta’ LRT (u viċi versa). Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-volum relattiv tal-produzzjoni bejn is-salamun u l-LRT (fuq medja madwar 90 % f’liċenzja waħda jintuża għall-produzzjoni tas-salamun filwaqt li 10 % biss għall-produzzjoni ta’ LRT) l-impatt ta’ bidla minn salamun għal LRT ikun ħafna iktar sinifikanti milli kieku bil-kuntrarju.

(55) Il-partijiet interessati Norveġiżi ddikjaraw li l-produtturi maġġuri ta’ LRT kienu qegħdin ibiddlu dejjem iżjed għall-produzzjoni tas-salamun minħabba d-differenzi bijoloġiċi bejn l-LRT u s-salamun (eż. il-frekwenza tal-qbid, perjodu iqsar biex ikunu rilaxxati smolt tat-troti) u dan jagħmel il-produzzjoni tas-salamun waħda iktar effiċjenti u għaldaqstant li trendi iktar flus. Minbarra l-fatt li dan l-argument ma kellux is-sostenn ta’ xi evidenza, ma kienx qiegħed jikkunsidra wkoll il-fatt li l-LRT ilu prodott b’suċċess fin-Norveġja għal ħafna snin, filwaqt li l-istess differenzi bijoloġiċi bejn is-salamun u l-LRT dejjem kienu jeżistu. Ma kienx spjegat liema kienu ċ-ċirkostanzi eżatti li nbidlu li issa għamlu bidla fl-istrateġiji tal-produzzjoni waħda iktar probabbli milli fl-imgħoddi. Dan l-argument kien ukoll kuntrarju għall-istennijiet tal-produtturi Norveġiżi ta’ LRT li l-konsum kien ser iżid fid-dinja kollha (ara l-premessa (63) hawn taħt). Dan l-argument għalhekk kellu jiġi rrifjutat.

(56) Barra minn hekk, statistiċi disponibbli għall-pubbliku juru li l-għadd ta’ smolt għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat rilaxxat fl-2008 żdied b’mod sinifikanti, jiġifieri b’mill-inqas 20 % meta pparagunat ma’ l-2007. Xejra li turi żieda fil-produzzjoni tista’ tinsilet minn statistiċi oħrajn (SSB- Statistics Norway) li juru żieda sinifikanti fil-produzzjoni (+42 %) u fil-bejgħ (+53 %) ta’ żgħar ta’ LRT matul il-perjodu 2003-2006.

(57) Fl-aħħar, l-evidenza sottomessa mill-partijiet interessati Norveġiżi b’sostenn għall-argumenti tagħhom, jiġifieri li kien hemm tnaqqis fil-livell tal-bijomassa u fil-produzzjoni ta’ bajd tal-ħut li jindika produzzjoni iktar baxxa fil-ġejjieni, kienet inkompleta u bbażata fuq ħafna assunzjonijiet. Għaldaqstant ma kinitx ikkunsidrata konklużiva.

(58) Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-argument tal-partijiet interessati Norveġiżi li l-volumi tal-produzzjoni fin-Norveġja se jonqsu b’mod ġenerali għaldaqstant kellu jkun rifjutat.

(59) L-IK iddikjarat li l-produzzjoni fin-Norveġja hija mistennija żżid anke iktar wara l-ħruġ probabbli ta’ liċenzji ġodda tal-produzzjoni fl-2009. Kif imsemmi fuq fil-premessa (54), mhuwiex mistenni li jinħarġu xi liċenzji ġodda qabel l-2009. F’dan ir-rigward, kien ikkunsidrat li anke jekk il-liċenzji ġodda kellhom jinħarġu fl-2009, l-għadd addizzjonali ta’ liċenzji u b’hekk il-volum addizzjonali tal-produzzjoni għadu mhux magħruf. Barra minn hekk, il-liċenzji jkopru, kemm il-produzzjoni tas-salamun kif ukoll il-produzzjoni tat-troti u f’dan l-istadju mhuwiex possibbli li wieħed ibassar bi grad suffiċjenti ta’ ċertezza kemm minn kull liċenzja se jintuża jew għas-salamun jew għat-troti. Fl-aħħar, għandu jkun innutat li anke li kieku kellhom joħorġu liċenzji ġodda, u meta wieħed jikkunsidra ċ-ċikli ta’ produzzjoni relattivament twal, dan ma jfissirx immedjatament żieda fil-produzzjoni. Dan l-argument kellu għalhekk jiġi miċħud.

(60) Il-Federazzjoni u l-Assoċjazzjoni Norveġiża tal-Frott tal-Baħar ikkontestat li l-volum tal-produzzjoni tat-troti kienet se tiżdied jew kienet se tiżdied iktar fil-ġejjieni u ddikjarat li l-bijomassa totali u l-għadd ta’ ħut f’April 2008 kien b’mod sinjifikanti iktar baxx meta pparagunat ma’ April 2007. Dawn l-allegazzjonijiet ma setgħux madankollu jkunu verifikati u kellhom ikunu rifjutati.

(61) Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li l-volumi ta’ produzzjoni ta’ LRT fin-Norveġja x’aktarx jiżdiedu fil-ġejjieni previdibbli.

4. L-evoluzzjoni tal-konsum tal-Komunità

(62) Huwa nnutat li din l-investigazzjoni kienet limitata għad-dumping u għaldaqstant ma kinitx disponibbli dejta preċiża dwar il-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u bejgħ ta’ LRT fis-suq tal-Komunità matul il-PIR.

(63) Madankollu, diversi fonti kkonfermaw li d-domanda dinjija għal prodotti tal-ħut li jinkludu l-LRT hija mistennija tiżdied b’5 % fuq bażi annwali fil-ġejjieni. Din ix-xejra ta’ espansjoni x’aktarx ukoll tkun osservata fil-Komunità għalkemm id-domanda fil-Komunità mhix mistennija tassorbi l-volumi addizzjonali intieri kollha ta’ LRT prodotti fin-Norveġja.

(64) Wara l-iżvelar l-Assoċjazzjoni Finlandiża tal-Farms tal-Ħut (Finnish Fish Farmers' Association - ‘FFFA’) oġġezzjonat għall-konklużjoni ta’ hawn fuq u ddikjarat li, anki jekk matul id-dinja d-domanda tal-ħut hija mistennija tiżdied, ma kien ser ikun hemm ebda domanda addizzjonali għal LRT Norveġiżi fil-Komunità. L-FFFA ddikjarat ukoll li kull domanda addizzjonali kienet se tkun diretta lejn speċi ġodda u eżotiċi tal-ħut iktar milli lejn it-troti. Wieħed għandu jkun jaf li kif imsemmi fil-premessa (63) fuq, diversi sorsi indikaw żieda fil-konsum ta’ LRT, li kien ukoll ikkonfermat minn partijiet interessati oħra li jirrappreżentaw allevaturi allokati f’diversi Stati Membri iżda wkoll fin-Norveġja. Minħabba li l-FFFA ma ssottomettiet ebda informazzjoni jew evidenza li setgħet tissostanzja l-allegazzjonijiet tagħha, dawn kellhom ikunu rifjutati.

5. L-evoluzzjoni tal-prezzijiet ta’ esportazzjoni u tal-volumi lejn swieq ta’ pajjiżi terzi

(65) L-investigazzjoni wriet li s-swieq prinċipali Norveġiżi ta’ l-esportazzjoni huma r-Russja u f’livell inqas il-Ġappun, fejn, f’total, madwar 57 % ta’ l-esportazzjonijiet Norveġiżi ta’ LRT, filwaqt li 13 % biss ta’ l-esportazzjonijiet Norveġiżi, kienu destinati għas-suq tal-Komunità fl-2007. Madwar 14 % ta’ l-esportazzjonijiet Norveġiżi totali ta’ LRT kienu wkoll destinati għall-Ukraina u għat-Tajwan fl-istess sena.

(66) L-esportazzjonijiet Norveġiżi fis-suq dinji huma f’kompetizzjoni ma’ esportazzjonijiet miċ-Ċili; biċ-Ċili li għandu l-ikbar rwol globali, fejn il-volumi tiegħu tal-produzzjoni u ta’ l-esportazzjoni jeċċedu lil dawk tan-Norveġja.

(67) Madankollu, wara domanda dejjem tiżdied, l-esportazzjonijiet Norveġiżi lejn ir-Russja iżda wkoll lejn l-Ukraina żdiedu b’mod sinifikanti matul is-snin imgħoddija; jiġifieri minn 8 600 tunnellata metrika fl-2002 għal 31 500 tunnellata metrika f’total fl-2007. Din ix-xejra hija kkonfermata minn statistiċi reċenti, li juru li volumi addizzjonali sinifikanti ta’ LRT miċ-Ċili u min-Norveġja huma esportati lejn ir-Russja.

(68) Kif dikjarat fil-premessa (65), l-investigazzjoni wriet li r-Russja saret is-suq prinċipali ta’ l-esportazzjoni għal produtturi Norveġiżi. B’żieda mal-volum sinifikanti ta’ esportazzjoni lejn ir-Russja, setgħet ukoll tkun osservata bidla minn bejgħ ta’ troti ffriżati għal troti friski fl-2007. Din il-bidla turi r-rieda ta’ produtturi Norveġiżi li jissodisfaw il-ħtiġiet tal-klijenti Russi tagħhom li jippreferu prodotti friski, u b’hekk tindika l-interess qawwi tal-produtturi Norveġiżi ta’ l-esportazzjoni fis-suq Russu li qiegħed jiffjorixxi.

(69) Esportazzjonijiet Norveġiżi lejn il-Ġappun juru xejra ’l isfel bejn l-2006 u l-2007, jiġifieri naqsu b’39 % minn 10 877 sa 6 661 tunnellata metrika. Bħal fil-każ tar-Russja, importazzjonijiet Norveġiżi huma f’kompetizzjoni ma’ importazzjonijiet miċ-Ċili fis-suq Ġappuniż. Iċ-Ċili seta’ jżid b’mod sinifikanti l-volumi ta’ l-esportazzjoni tagħha lejn il-Ġappun. Madankollu, sabiex wieħed jasal għal konklużjonijiet iktar definittivi wieħed għandu jħares lejn medda ta’ żmien itwal. Fuq il-bażi tad-dejta disponibbli għas-servizzi tal-Kummissjoni, madankollu, din il-konklużjoni ma setgħetx tintlaħaq.

(70) Instab li prezzijiet ta’ l-esportazzjoni Norveġiżi kienu ogħla għal swieq ta’ pajjiżi terzi milli għall-Komunità (fuq medja b’8.6 %) matul il-PIR. Madankollu, statistiċi li jirreferu għall-perjodu wara l-PIR juru xejra ta’ tnaqqis fil-prezzijiet ukoll fis-swieq Norveġiżi tradizzjonali ta’ l-esportazzjoni. Prezzijiet ta’ l-esportazzjoni medji min-Norveġja lejn ir-Russja varjaw bejn l-2006 u l-2007 minn 34.70 NOK/kg għal 24.22 NOK/kg, li hu spjegat fil-parti l-kbira permezz tal-bidla minn troti ffriżati għal troti friski, li kienet inqas għalja, iżda wkoll mill-kompetizzjoni internazzjonali. Bl-istess mod, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Ġappun iċċaqalqu minn medja ta’ 33.26 NOK/kg fl-2006 għal 29.79 NOK/kg. Minkejja dan it-tnaqqis, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn l-KE fl-2007 kien għandhom b’medja ta’ 4 % taħt il-prezzijiet ta’ esportazzjoni lejn il-Ġappun u r-Russja. Din ix-xejra hija wkoll ikkonfermata għall-bidu ta’ l-2008.

(71) F’sitwazzjoni ta’ domanda globali li qiegħda tiżdied, minħabba s-suq prinċipali li qiegħed jespandi (ir-Russja) li dejjem qiegħed jidher iktar attraenti (prezzijiet ogħla) u minħabba d-domanda, ta’ swieq oħra, li qiegħda tiżdied b’mod kontinwu bħall-Ukraina u pajjiżi tal-Lvant Imbiegħed fejn esportazzjonijiet ta’ LRT li joriġinaw fin-Norveġja ilhom jiżdiedu matul is-snin imgħoddija, x’aktarx li volumi supplimentari ta’ LRT ikunu fil-parti l-kbira mmirati lejn u assorbiti minn dawn is-swieq.

(72) Wara l-iżvelar l-IK iddikjarat li hemm livelli għoljin ta’ stokks ta’ LRT iffriżat fin-Norveġja li għandhom jitqiesu fl-analiżi ta’ l-iżvilupp probabbli ta’ volumi ta’ l-esportazzjoni fil-Komunità. Madankollu, l-IK ma ssottomettiet ebda evidenza li timmarka l-eżistenza ta’ livelli għoljin ta’ stokks. Din id-dikjarazzjoni kienet għaldaqstant ikkunsidrata bħala waħda spekulattiva. Huwa wkoll innutat li seħħew żjarat ta’ verifika fuq il-post ta’ l-ikbar produtturi ta’ esportazzjoni ta’ LRT fin-Norveġja u li ma setgħu jinstabu ebda livelli għoljin ta’ stokks ta’ dan it-tip. Għalhekk dan l-argument ġie miċħud.

(73) L-IK iddikjarat ukoll l-eżistenza tal-produzzjoni Russa ta’ LRT li qiegħda tiżdied u l-introduzzjoni probabbli ta’ dazji doganali addizzjonali mill-awtoritajiet Russi fuq l-LRT Norveġiż biex jipproteġu l-produzzjoni Russa ta’ l-LRT. Produtturi oħra ta’ l-LRT iddikjaraw li l-produtturi Norveġiżi ta’ l-LRT kienu jiddependu fuq is-suq Russu u li, fil-każ li l-aċċess għas-suq għar-Russja jkun limitat minħabba l-imprevidibbiltà ta’ dan is-suq, volumi sinifikanti ta’ LRT kienu jkunu diretti lejn il-Komunità.

(74) Bl-istess mod, dawn l-allegazzjonijiet ma kinux appoġġati minn xi evidenza u kienu kkunsidrati purament spekulattivi. B’hekk, ma kien hemm ebda raġunijiet biex ikun assunt li s-suq Russu li qiegħed jespandi fil-preżent kien se jillimita l-aċċess għal esportazzjonijiet Norveġiżi. Huwa wkoll innutat li, kif imsemmi fuq il-premessa (65), swieq ta’ pajjiżi terzi oħrajn bħall-Ukraina u l-Lvant Imbiegħed qegħdin jespandu wkoll u esportazzjonijiet min-Norveġja lejn dawn il-pajjiżi żdiedu. L-argument li n-Norveġja tiddependi biss fuq esportazzjonijiet lejn ir-Russja għandu għalhekk ikun rifjutat.

6. L-evoluzzjoni ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u tal-volumi lejn il-Komunità

(75) Data dwar prezzijiet disponibbli fuq bejgħ ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità uriet li bejn l-2006 u l-2007 il-prezzijiet medji ta’ l-esportazzjoni ċċaqilqu minn medja ta’ EUR 4.02/kg fl-2006 għal medja ta’ EUR 2.87/kg fl-2007. Madankollu, mill-aħħar kwart ta’ l-2007 sal-bidu ta’ l-2008, l-istatistiċi juru li din ix-xejra waqfet u li l-prezzijiet issa huma stabbli.

(76) Hekk kif l-analiżi ta’ hawn fuq turi fil-premessa (71), f’sitwazzjoni ta’ swieq li qegħdin jikbru, mhuwiex probabbli li l-volum miżjud ta’ produzzjoni ta’ LRT fin-Norveġja jkun dirett kompletament lejn il-Komunità fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu. Id-domanda qiegħda tiżdied matul id-dinja kollha u l-esportazzjonijiet Norveġiżi huma diġà stabbiliti tajjeb f’diversi swieq ta’ pajjiżi terzi u huma mistennija jiżdiedu iktar. Minkejja l-kompetizzjoni ma’ esportazzjonijiet miċ-Ċili, u għalkemm f’termini relattivi n-Norveġja tilfet ishma tas-suq għaċ-Ċili f’xi swieq, l-esportazzjonijiet tagħha lejn il-parti l-kbira ta’ dawn il-pajjiżi f’termini assoluti żdiedu u huma mistennija jiżdiedu iktar minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji.

(77) Fir-rigward tas-suq tal-Komunità, kif imsemmi fuq fil-premessa (63), il-konsum għal LRT x’aktarx jiżdied u għaldaqstant is-suq tal-Komunità jkun jista’ jassorbi kwantitajiet miżjuda ta’ importazzjoni mingħajr ma jesperjenza neċessarjament pressjoni sinifikanti fil-prezzijiet. Huwa nnutat ukoll li l-kompetizzjoni bejn importazzjonijiet min-Norveġja u miċ-Ċile mhix biss b’saħħitha fi swieq oħrajn ta’ pajjiżi terzi, iżda wkoll fis-suq tal-Komunità. Ma hemm għaldaqstant ebda indikazzjonijiet ċari li l-volumi ta’ importazzjoni min-Norveġja lejn il-Komunità se jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-każ li l-miżuri jitħallew jiskadu.

(78) Minħabba ż-żieda mistennija fil-konsum, u s-sitwazzjoni fis-suq dinji kif deskritt fuq, ma jistax ikun konkluż li hemm riskju ta’ provvista eċċessiva fis-suq tal-Komunità b’waqgħat konsegwenti sinifikanti fil-prezzijiet.

(79) Għalhekk, kien konkluż li s-sitwazzjoni kif kienet matul il-PIR fir-rigward tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u l-volum tal-produzzjoni hija ta’ natura permanenti.

(80) Wara l-iżvelar, l-IK iddikjarat li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Finlandja kienu naqsu b’mod sinifikanti matul u wara l-PIR u li l-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ LRT lejn il-Finlandja kien inqas mill-ispiża tal-produzzjoni minn Lulju 2007.

(81) Wieħed għandu l-ewwel jinnota li l-ispejjeż ta’ LRT prodott fin-Norveġja kif stmati mill-IK kienu sopradikjarati u ma kinux jikkorrispondu għall-ispiża attwali verifikata ta’ l-allevament u tal-produzzjoni tal-kumpaniji investigati. Sa fejn hu kkonċernat il-livell ta’ prezzijiet ta’ l-esportazzjoni u għalkemm il-Finlandja timporta parti sinifikanti mill-esportazzjonijiet totali tan-Norveġja lejn il-Komunità, huma esportati wkoll kwantitajiet sinifikanti fl-Iżvezja u fid-Danimarka fejn il-prezz medju ta’ l-esportazzjoni kien ogħla. Ladarba għandha ssir valutazzjoni fuq bażi fil-Komunità kollha, għandhom ikunu kkunsidrati prezzijiet medji ta’ l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi kollha tal-Komunità. Fuq din il-bażi, il-konklużjoni ta hawn fuq fil-premessa (75), jiġifieri li prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità, in ġenerali, kienu stabbli fil-bidu ta’ l-2008 hija għaldaqstant ikkonfermata.

7. Konklużjoni

(82) L-investigazzjoni wriet li l-marġni ta’ dumping instab li kienu de minimis .

(83) L-investigazzjon wriet ukoll li l-kapaċità ta’ produzzjoni għall-prodott ikkonċernat fin-Norveġja x’aktarx tiżdied. Madankollu, l-investigazzjoni wriet ukoll li għalkemm xi kwantitajiet miżjuda jistgħu jkunu diretti lejn il-Komunità, minħabba żieda mistennija fil-konsum, il-volum miżjud tal-produzzjoni x’aktarx ikun assorbit fil-parti l-kbira minn swieq oħrajn ta’ pajjiżi terzi. Il-konsum x’aktarx jiżdied ukoll fis-suq tal-Komunità li se jkun jista’ jassorbi ż-żieda potenzjali fl-importazzjonijiet u għaldaqstant ma hi mistennija ebda provvista eċċessiva sinifikanti.

(84) Barra minn dan, għalkemm il-prezzijiet fil-Komunità wrew xejra ta’ tnaqqis, din ix-xejra mhix ikkonfermata wara l-PIR, meta l-prezzijiet imbagħad laħqu stabbiltà. Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, jiġifieri konsum miżjud u ebda riskju probabbli ta’ provvista eċċessiva, il-pressjoni tal-prezzijiet fil-Komunità mhix mistennija tiżdied.

(85) Huwa għaldaqstant konkluż li ċ-ċirkostanzi li fuq il-bażi tagħhom kienu kkalkolati l-marġni ta’ dumping matul il-PIR huma ta’ natura permanenti.

(86) Ir-reviżjoni interim preżenti għandha għalhekk tintemm u l-miżuri definittivi ta’ anti-dumping għandhom jitħassru.

F. ŻVELAR

(87) Partijiet interessati kienu infurmati bil-fatti essenzjali u bil-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun terminata r-reviżjoni interim attwali. Il-partijiet kollha ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Il-kummenti tagħhom ittieħdu f’kunsiderazzjoni fejn iġġustifikati u sostanzjati b’evidenza.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu Waħdieni

Ir-reviżjoni interim parzjali tal-miżuri ta’ anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ troti kbar rainbow ( Oncorhynchus Mykiss ) kemm jekk friski, imkessħin jew iffriżati, kemm jekk fil-forma ta’ ħut sħiħ (bl-irjus u bil-garġi, imnaddfin, li jiżnu iktar minn 1.2 kg kull waħda jew mingħajr irjus, mingħajr garġi u mnaddfin, li jiżnu iktar minn 1 kg kull waħda), jew fil-forma ta’ fletti (li jiżnu iktar minn 0.4 kg kull waħda), li joriġinaw fin-Norveġja, fil-preżent klassifikabbli taħt il-kodiċijiet tan-NM 0302 11 20, 0303 21 20, 0304 19 15 u 0304 29 15, mibdija skond l-Artikolu 11(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, hija hawnhekk mitmuma u l-miżuri fis-seħħ fuq importazzjonijiet li joriġinaw min-Norveġja huma mħassrin.

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u hu applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, […]

Għall-Kunsill

Il-President […]

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2117/2005 (ĠU L 340, 23.12.2005, p. 17).

[2] ĠU L 72, 11.3.2004, p. 23.

[3] ĠU C 109, 15.5.2007, p. 23.