Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis-26 ta’ Marzu 2026 (1)

Kawża C‑706/23

Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui

vs

Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui f’isem u għall-membri tagħha,

KM,

LN,

HT,

JC,

BF,

AX,

TK,

MG,

DB,

EJ,

RL,

DV,

MR,

GP

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Iaşi (il‑Qorti tal-Appell ta’ Iaşi, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2003/88/KE – Artikolu 7 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 31(2) – Ftehim qafas bejn UNICE, CEEP u CES fuq ix-xogħol part-time – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – L-ewwel punt tal‑klawżoli 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ pro rata temporis – Kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol separati – Persunal li jgħallem ingaġġat abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol full-time għal żmien indeterminat u part-time għal żmien determinat – Remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas ikkalkolata esklużivament abbażi tal-kuntratt ta’ xogħol full-time għal żmien indeterminat – Għoti ta’ allowance tal-ikel abbażi tal-ħin tax-xogħol effettiv imwettaq skont il-kuntratt ta’ xogħol full-time biss”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE (2) u tal-Artikolu 31(2) tal‑Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (3) u tal-ewwel punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81/KE (4), u tal‑ewwel punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad‑Direttiva 1999/70/KE (5) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“Ftehimiet qafas”). Dawn l-ewwel punti tal-klawżoli 4 huma redatti, essenzjalment, f’termini identiċi.

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Uniunea Sindicală “Didactica” Vaslui (is-sindakat “Didactica” ta’ Vaslui, ir-Rumanija), li qed taġixxi f’isem u għan-nom ta’ erbatax‑il membru tagħha, li huma persunal li jgħallem jew persunal li jgħallem awżiljarju (iktar ’il quddiem l‑“impjegati kkonċernati”) u l-iŞcoala Gimnazială “Mihai Eminescu” Vaslui (l-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” ta’ Vaslui, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem l-“iskola sekondarja “Mihai Eminescu”) dwar il‑kalkolu tad-drittijiet pekunjarji tagħhom relatati mal-leave annwali mħallas u l-għoti ta’ allowance tal-ikel li għandha tiżdied mar‑remunerazzjoni tagħhom, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat (6) full-time għall-kariga ewlenija u ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat (7) part-time.

3.        Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88 u tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas bil-għan li tiġi ggarantita l-ugwaljanza fit-trattament f’dak li jirrigwarda r‑remunerazzjoni dovuta għal-leave annwali mħallas, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi linji gwida sodi. Il-kwistjoni ġdida li trid tiġi ttrattata hija dik tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti konklużi minn ħaddiem, b’mod partikolari, mal‑istess persuna li timpjega.

4.        Din il-kwistjoni taqa’ f’sensiela ta’ ġurisprudenza estensiva li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja spjegat b’mod stabbilit, bħala premessa għall‑interpretazzjoni tagħha tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas, li dawn għandhom jinftiehmu bħala li jesprimu prinċipju tad-dritt soċjali tal‑Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv fid-dawl tal‑għan li tiġi ggarantita l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien determinat jew part-time. Ser nesponi r-raġunijiet għalfejn, fl-opinjoni tiegħi, il-Ftehimiet qafas huma applikabbli fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, peress li l-kumulu ta’ kuntratti, fil-fatt, ma għandux rilevanza.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

5.        Għandu jsir riferiment għall-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u għall-Klawżoli 2 sa 4 tal-Ftehimiet qafas.

B.      Id-dritt Rumen

6.        L-elementi essenzjali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jistgħu jitqassru kif ġej, b’riferiment:

–        għal-Legea nr. 1/2011 a educației naționale (il-Liġi Nru 1/2011 dwar l-edukazzjoni nazzjonali) (8) tal‑5 ta’ Jannar 2011, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (9) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 1/2011”);

–        għal-Legea-cadru nr. 153/2017 privind salarizarea personalului plătit din fonduri publice (il-Liġi Qafas Nru 153/2017 dwar ir‑remunerazzjoni tal-persunal imħallas minn fondi pubbliċi) (10) tat‑28 ta’ Ġunju 2017, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi Qafas Nru 153/2017”), u

–        għall-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-Liġi Nru 1/2011:

–        in-Normele metodologice privind întocmirea proiectului de încadrare, respectiv a planului de încadrare a personalului didactic de predare din unitățile de învățământ preuniversitar și încadrarea în regim de plata cu ora a personalului didactic de predare din învățământul preuniversitar (modalitajiet ta’ implimentazzjoni dwar l-iżvilupp tal-proġett u tal-pjan ta’ impjieg tal-persunal li jgħallem tal-istituzzjonijiet edukattivi preuniversitarji, kif ukoll l-impjieg, taħt kuntratt ta’ ħlas bis‑siegħa, tal-persunal li jgħallem tal-istituzzjonijiet edukattivi preuniversitarji), approvati bl-Ordinul nr. 4165/2018 (id-Digriet Nru 4165/2018) (11) tal‑24 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem il-“modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2018”), u

–        in-Normele metodologice privind efectuarea concediului de odihnă al personalului didactic de predare, de conducere, de îndrumare și control și al personalului de cercetare din învățământul de stat (modalitajiet ta’ implimentazzjoni dwar il-leave annwali tal-persunal li jgħallem, ta’ tmexxija, ta’ superviżjoni u ta’ kontroll, u tal-persunal tar-riċerka tal‑edukazzjoni tal-Istat), approvati bl-Ordinul nr. 4050/2021 (id-Digriet Nru 4050/2021) (12) tad‑29 ta’ Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem il-“modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2021”) (13).

7.        L-għalliema mħallsa minn fondi pubbliċi jistgħu jiġu impjegati taħt KŻI jew taħt KŻD (l-Artikolu 254(1) tal-Liġi Nru 1/2011). Il-kumulu ta’ funzjonijiet ta’ tagħlim huwa permess fil-każ ta’ post vakanti, bil‑kundizzjoni li jiġu osservati kemm id-dispożizzjonijiet legali ġenerali kif ukoll dawk li jirregolaw is-sovrappożizzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, il‑limitu massimu tas-sigħat ta’ xogħol pedagoġiku fil‑ġimgħa u d-dritt għall-mistrieħ f’każ li jinqabeż tali limitu (l-Artikolu 29 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017 u l-Artikolu 6 tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2018, li għandu bħala suġġett l-impjieg b’kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa).

8.        It-tul tal-ħin tax-xogħol bażiku għall-għalliema tal-edukazzjoni sekondarja u postsekondarja mhux universitarja huwa ta’ 18‑il siegħa fil‑ġimgħa [l-Artikolu 262(3)(c) tal-Liġi Nru 1/2011] b’perijodu massimu ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa (8 sigħat kuljum) [l-Artikolu 262(1) ta’ din il-liġi]. Dan l-Artikolu 262 jinsab fit-taqsima tal-imsemmija liġi intitolata “Il-ħin ta’ xogħol pedagoġiku”.

9.        Ir-remunerazzjoni tal-persunal li jgħallem huwa kkalkolat abbażi tal-ħin pedagoġiku fis-siegħa f’każ ta’ KŻD jew ta’ kumulu ta’ impjiegi (l-Artikolu 254(1) tal-Liġi Nru 1/2011; l-Artikolu 12(1) tal-Parti B, tal‑Kapitolu 1 tal-Anness I tal-Liġi Qafas Nru 153/2017, u l‑Artikolu 3(6) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2018).

10.      L-għalliema impjegati full-time taħt KŻD jew taħt KŻI matul is‑sena skolastika kollha jibbenefikaw minn 62 jum ta’ xogħol ta’ leave annwali mħallas, li jista’ jinġarr għas-sena skolastika ta’ wara jekk ma jittieħedx (l-Artikolu 267(1) u (3) tal-Liġi Nru 1/2011) (14). Dawk li jkunu ħadmu parti mis-sena skolastika jew li jkunu impjegati part-time jibbenefikaw minn leave annwali pro rata, skont il-perijodu ta’ xogħol effettiv matul is-sena skolastika kkonċernata (l-Artikolu 3(2) u (5) tal‑modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2021 (15)).

11.      Matul il-leave annwali, il-persunal li jgħallem jirċievi “allowance ta’ leave annwali kkalkolata skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-persunal imħallas minn fondi pubbliċi” (l-Artikolu 11 tal-Parti B, tal-Kapitolu I tal-Anness I tal-Liġi Qafas Nru 153/2017).

12.      Fir-rigward tal-kalkolu ta’ din l-“allowance ta’ leave annwali”, li l-persunal li jgħallem ikkonkluda KŻD jew KŻI, l-ebda dispożizzjoni legali partikolari ma hija ċċitata fit-talba għal deċiżjoni preliminari. Mill‑Artikolu 5(1) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2021 (16) jista’ jiġi dedott li r-remunerazzjoni mħallsa matul il-ħin tax-xogħol taħt KŻI tinżamm kollha kemm hi. Għalhekk hemm lok li, bħall-Kummissjoni Ewropea, isir riferiment għar-regola ġenerali applikabbli għall-ħaddiema kollha, stipulata fl-Artikolu 150 tal-Legea nr. 53/2003 privind Codul muncii (il-Liġi Nru 53/2003 dwar il-Kodiċi tax-Xogħol) (17) tal‑24 ta’ Jannar 2003 (18). Skont dan l-artikolu, “[g]ħall-perijodu tal-leave annwali, l-impjegat jibbenefika minn allowance ta’ leave, li ma tistax tkun inqas mis-salarju bażiku, kif ukoll minn allowances u bonuses ta’ natura permanenti dovuti għal dan il-perijodu, previsti fil-kuntratt individwali ta’ xogħol. [...] L-allowance ta’ leave annwali tikkorrispondi għall-medja ta’ kuljum ta’ [dawn] id-drittijiet salarjali [...] fuq l-aħħar tliet xhur ta’ qabel il-perijodu li matulu jittieħed il-leave, immultiplikata bin-numru ta’ jiem ta’ leave”.

13.      Min-naħa l-oħra, f’każ ta’ kumulu ta’ impjiegi, “[l]-għalliema attivi li jeżerċitaw ukoll attività taħt kuntratt ta’ ħlas fis‑siegħa għandhom dritt għal leave annwali mħallas biss fir-rigward tal-kariga ewlenija li għaliha jkun ġie konkluż il-kuntratt individwali tax-xogħol” (l‑Artikolu 5(1) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2021 (19)).

14.      Barra minn hekk, il-persunal imħallas minn fondi pubbliċi jirċievi allowances tal-ikel li jirrappreżentaw tnax‑il parti minn żewġ salarji nazzjonali minimi bażiċi gross iggarantiti, mogħtija kull xahar pro rata skont il-ħin ta’ xogħol effettiv tax-xahar preċedenti, sa ċertu limitu (l‑Artikolu 18(1) u (2) tal-Liġi Qafas Nru 153/2017). Il-ħlas tal‑allowance tal-ikel u ta’ bonuses oħra, kumpens u affarijiet kumplimentari oħra ma jistax jaqbeż 30 % tas-salarju bażiku (l‑Artikolu 25(1) ta’ din il-liġi).

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Matul is-snin skolastiċi tal-2019/-2020 sal-2022/-2023, kull wieħed mill-impjegati kkonċernati kkonkluda KŻD part-time (20) mal-iskola sekondarja “Mihai Eminescu”, bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, għall‑perijodu bejn ix-xhur ta’ Settembru sa Ġunju ta’ kull waħda minn dawn is-snin skolastiċi. Dawn il-kuntratti kienu jakkumulaw mal-KŻI full‑time li huma kienu kkonkludew, bħala membru tal-persunal li jgħallem jew persunal li jgħallem awżiljarju, ma’ dan l-istabbiliment jew, fil-każ ta’ wieħed minnhom, ma’ stabbiliment ieħor.

16.      Id-drittijiet pekunjarji relatati mal-perijodi ta’ leave annwali meħud (21) u l-allowance tal-ikel ġew stabbiliti biss b’rabta mar‑remunerazzjoni tal-ħin tax-xogħol bażiku, jiġifieri abbażi tal-KŻI full-time, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni l-attività eżerċitata fil‑qafas tal-KŻD.

17.      Ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem it-Tribunalul Vaslui (il‑Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui, ir-Rumanija) intiż sabiex l-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” tiġi ordnata tikkalkola u tħallas lill‑impjegati kkonċernati l-allowances ta’ leave annwali u l-allowances tal-ikel (pro rata tal-ħin tax-xogħol effettiv) abbażi tas-salarji mħallsa skont kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa.

18.      Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2023, din il-qorti laqgħet din it-talba. L-ewwel nett, sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-atti amministrattivi ta’ natura regolatorji (22) li jillimitaw l-għoti tal-leave annwali mħallas għall-kuntratt konkluż għall-kariga ewlenija, hija rrilevat li l-Artikolu 144(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol, li jiggarantixxi d-dritt għal-leave annwali mħallas, għandu valur legali ogħla fil-ġerarkija tar‑regoli. Hija bbażat ruħha wkoll fuq l-applikazzjoni konġunta tal‑Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, dwar il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-għoti tal-leave annwali mħallas hija inkompatibbli ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

19.      It-tieni nett, fir-rigward tal-allowance tal-ikel mitluba pro rata tal‑ħin tax-xogħol effettiv, l-imsemmija qorti qieset, sabiex tordna l-ħlas tagħha, li l-leġiżlazzjoni applikabbli (23) ma tagħmel l-ebda distinzjoni fir‑rigward tan-natura tal-kuntratt.

20.      L-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” appellat minn din is‑sentenza quddiem il-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iaşi, ir‑Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju, u l-appell kien limitat għall‑kwistjoni tal-għoti tal-allowance ta’ leave annwali.

21.      Dan l-istabbiliment skolastiku jsostni li s-salarju bażiku tal‑għalliem impjegat taħt KŻD jintuża sabiex tiġi kkalkolata r‑remunerazzjoni fis-siegħa relatata mal-postijiet ta’ għalliema vakanti jew irriżervati u li l-eżerċizzju ta’ attività ta’ tagħlim imħallsa fis-siegħa għandu jitqies bħala att addizzjonali mal-kuntratt bażiku. Huwa jqis li mid-dispożizzjonijiet legali jirriżulta li l-leġiżlatur Rumen ikkunsidra li l‑allowance ta’ leave annwali kellha tingħata biss għall-ħin tax-xogħol bażiku, li huwa dak tal-KŻI.

22.      Barra minn hekk, huwa jsostni li l-impjegati kkonċernati jibbenefikaw mill-allowance tal-ikel għall-kariga ewlenija, li tammonta għal wieħed minn tnax ta’ żewġ salarji nazzjonali minimi bażiċi gross iggarantiti. Għalhekk, l-għoti mill-qorti tal-ewwel istanza tal-allowance tal-ikel għall-attività eżerċitata taħt kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa jwassal sabiex jinqabeż il-limitu ta’ 30 % tal-ammont tas-salarji bażiċi, kif previst fl-Artikolu 25 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017 imsemmi fl-Artikolu 18 tagħha.

23.      Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi li ma hemmx dubju dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni relatata mal-ħlas tal-leave annwali toħloq differenza fit-trattament bejn l-impjegati, għad-detriment ta’ dawk li jaħdmu b’mod kumulattiv, li tirriżulta mill-kalkolu tar-remunerazzjoni tagħhom imħallsa matul il-leave annwali mħallas b’rabta biss mad-dħul salarjali riċevut għall-kariga ewlenija, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mix-xogħol imwettaq abbażi tal-KŻD part‑time. Madankollu, hija tispjega li, parti mill-qrati nazzjonali u l‑Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) iqisu li din id-differenza fit-trattament ma hijiex diskriminatorja. Hija tfakkar li din tal-aħħar iddeċidiet (24) li d-determinazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu tal‑ammont tal-allowance ta’ leave annwali, li japplika mingħajr diskriminazzjoni għall-impjegati kollha fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-persunal imħallas minn fondi pubbliċi taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-leġiżlatur u ma tistax tikkostitwixxi kwistjoni ta’ kostituzzjonalità, sakemm ikun irrikonoxxut id-dritt għal‑leave annwali mħallas. Il-qorti tar‑rinviju tistaqsi dwar il‑kompatibbiltà ta’ din l-analiżi mad-dritt tal-Unjoni.

24.      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tispjega, qabelxejn, li l-allowance tal-ikel hija somma ta’ flus li tiżdied mad-drittijiet salarjali. L-ammont tagħha jvarja skont l-ammont tas-salarju nazzjonali minimu bażiku gross iggarantit u ma jistax jaqbeż wieħed minn tnax tad-doppju tiegħu, b’dan il-massimu jiġi kkalkolat għal xogħol full-time. Sussegwentement, hija tesponi li d-dritt għall-allowance tal-ikel jidher li huwa marbut b’mod inseparabbli mal-kundizzjonijiet tal-impjieg, kif iddefiniti fil‑ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (25), peress li r-regoli legali jinkludu din l-allowance fil-kategorija tad-dħul salarjali mensili u li hija suġġetta għat-taxxa kif ukoll għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet relatati. Hija tistaqsi, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, bħal fil-każ tal-kalkolu tal‑allowance ta’ leave annwali mħallas, dwar id-differenza fit-trattament tal-għalliem f’sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ impjiegi, minħabba l-fatt li huwa jirċievi allowance tal-ikel biss għall-attività li jeżerċita abbażi ta’ KŻI full-time u mhux abbażi ta’ KŻD part-time bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa.

25.      Fl‑aħħar nett, hija żżid li din id-differenza fit-trattament hija ġġustifikata biss mil-limitu legali li jimponi li ma jinqabiżx l-ammont massimu tal-allowance tal-ikel dovut fil-każ ta’ xogħol full-time, anki jekk l-għalliem jaħdem lil hinn mill-ħin ta’ xogħol legali mensili, abbażi ta’ żewġ kuntratti separati. Il-qorti tar-rinviju tqis li dan il-vantaġġ ekonomiku ma huwiex irrikonoxxut fil-qafas tal-kalkolu tal-allowance ta’ leave annwali, peress li dan jingħata biss pro rata tal-ħin tax-xogħol effettiv.

26.      F’dan ir-rigward, din il-qorti tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (26), sabiex issostni li, jekk jitqies li l‑allowance tal-ikel tifforma parti mir-remunerazzjoni ordinarja tal‑għalliem relatata ma’ KŻD part-time, din l‑allowance għandha wkoll tiġi inkluża fid-determinazzjoni tad-drittijiet pekunjarji relatati mal-leave annwali mħallas.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iaşi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill‑Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88[,] l-Artikolu 31(2) tal‑[Karta], [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part-time [...] u [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi li, fil‑każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem fil‑qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] [KŻI] full‑time [bħala] l-kariga ewlenija u [KŻD] part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, il-ħaddiem huwa intitolat għal remunerazzjoni fir-rigward tal-leave annwali mħallas ikkalkolat biss għall-kariga ewlenija?

2)      [L-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol part‑time [...], [l-ewwel punt] tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss [...], u l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jimpedixxu li, fil-każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-persunal li jgħallem fil‑qasam tal-edukazzjoni preuniversitarja, [jiġifieri] [KŻI] full‑time [bħala] l-kariga ewlenija u [KŻD] part-time [jiġifieri] kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, tingħata allowance tal-ikel pro rata mal‑ħin attwalment maħdum taħt il-[KŻD] part-time u li din l‑allowance tiġi inkluża fid-determinazzjoni tal-ammont ta’ allowance għal-leave annwali?”

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Rumen u mill-Kummissjoni.

29.      Fl‑10 ta’ Diċembru 2024, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tirreferi din il-kawża lis-Sitt Awla u li tiddeċiedi dwar din il-kawża mingħajr ma jiġu ppreżentati konklużjonijiet.

30.      Fuq talba tas-Sitt Awla, imressqa skont l-Artikolu 60(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din iddeċidiet, fit‑28 ta’ Ottubru 2025, li terġa’ tassenja l-imsemmija kawża lill-Ewwel Awla u li tordna l-preżentazzjoni ta’ konklużjonijiet (27).

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

31.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88, l-Artikolu 31(2) tal-Karta u l-ewwel punt tal‑klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem tal-edukazzjoni preuniversitarja, jiġifieri KŻI full-time għall-kariga ewlenija u KŻD part-time bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, li r-remunerazzjoni li għaliha dan il-ħaddiem għandu dritt bħala leave annwali mħallas hija kkalkolata mingħajr ma tiġi kkunsidrata r-remunerazzjoni riċevuta taħt KŻD part-time.

32.      Dan il-kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol konklużi minn għalliema taħt KŻI jaqa’ f’kuntest partikolari. Qabelxejn, l-għan huwa li, fuq bażi eċċezzjonali u għall-perijodu ta’ sena skolastika, jimtlew postijiet vakanti permezz ta’ KŻD, abbażi ta’ ħin tax-xogħol bażiku ta’ 18‑il siegħa fil‑ġimgħa skont il-KŻI, li jista’ jiżdied permezz tal-KŻD, filwaqt li jibqa’ jitgawda d-dritt għal 62 jum ta’ leave annwali meħud matul il‑perijodu tal-vaganzi skolastiċi, irrispettivament min‑numru ta’ kuntratti involuti.

33.      Sussegwentement, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, “[k]ull kuntratt ta’ xogħol part-time kien jinkludi Kapitolu 1, intitolat “Il-leave”, fejn kien stipulat li, “skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tax-Xogħol [...], il‑leave jingħata biss fir-rigward tal-ħin tax-xogħol bażiku”.

34.      Fl-aħħar nett, il-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-għalliema għal‑leave annwali mħallas, li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-KŻI, huwa bbażat fuq il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011 u tal‑2021, applikabbli skont is-snin skolastiċi inkwistjoni. Dawn l-atti amministrattivi regolatorji, li jikkostitwixxu deroga mis-sistema ġenerali tad-dritt tax-xogħol (28), ġew adottati abbażi ta’ leġiżlazzjoni speċjali li tirregola l-attività tal-għalliema fis-settur pubbliku (29) u japplikaw biss f’każijiet ta’ kumulu ta’ KŻD u ta’ KŻI (30).

35.      Peress li l-kawża tikkonċerna r-remunerazzjoni dovuta bħala leave annwali mħallas ta’ ħaddiem fl-edukazzjoni preuniversitarja ta’ 62 jum tax-xogħol, u peress li l-ħlas tas-sigħat ta’ tagħlim imwettqa taħt KŻD huwa eskluż mill-kalkolu tagħha f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti, l-eżami tal‑konformità mar-regolamentazzjoni Rumena speċjali inkwistjoni mad‑dritt tal-Unjoni għandu jsir fid-dawl ta’ żewġ prinċipji, wieħed ikkonkretizzat mid-Direttiva 2003/88 u l-ieħor mid-Direttivi 97/81 u 1999/70, kif ukoll mill-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas.

1.      Fuq id-dritt għal-leave annwali mħallas

36.      Għandu jitfakkar li, minn naħa, id-dritt għal-leave annwali mħallas jikkostitwixxi prinċipju essenzjali tad-dritt soċjali tal-Unjoni, rifless u kkonkretizzat fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, li sadanittant ġie espressament stabbilit bħala dritt fundamentali fl-Artikolu 31(2) tal‑Karta, li minnu ma jistax isir deroga ħlief b’osservanza tal‑kundizzjonijiet stretti previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta (31).

37.      Min-naħa l-oħra, dan id-dritt fundamentali jinkludi wkoll dritt għall-ksib ta’ pagament u, bħala dritt intrinsikament marbut ma’ dan id‑dritt għal-leave annwali “mħallas”, id-dritt għal kumpens finanzjarju fir‑rigward ta’ leave annwali li ma jkunx ittieħed meta tintemm ir‑relazzjoni ta’ xogħol (32).

38.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li:

–        “id-Direttiva 2003/88 tittratta d-dritt għal-leave annwali u d-dritt li jinkiseb ħlas f’dan ir-rigward bħala li jikkostitwixxu żewġ aspetti tal‑istess dritt” (33);

–        l-espressjoni “leave annwali mħallas”, li tinsab fl-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, tfisser li, għall-perijodu tal-“leave annwali”, fis-sens ta’ din id-direttiva, ir-remunerazzjoni għandha tibqa’ titħallas (34), u

–        fi kliem ieħor, il-ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni normali għal dan il-perijodu ta’ mistrieħ (35).

39.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, “meta l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol jirrikjedu li l-ħaddiem jaħdem is‑sahra fuq bażi prevedibbli u regolari ħafna, fejn ir-remunerazzjoni għas-sahra tikkostitwixxi element importanti tar-remunerazzjoni totali li l-ħaddiem jirċievi fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tiegħu, ir‑remunerazzjoni għas-sahra għandha tiġi inkluża fir-remunerazzjoni ordinarja dovuta fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88” (36).

40.      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li:

–        l-għan li jitħallas il-leave annwali huwa li l-ħaddiem, matul dan il‑leave, jitqiegħed f’sitwazzjoni li hija, fir-rigward tas-salarju, paragunabbli mal-perijodi ta’ xogħol (37), u

–        il-persuna li timpjega għandha tagħti din ir-remunerazzjoni, skont l‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, għat-tul tal-leave annwali minimu previst f’din id-dispożizzjoni (38) biss.

41.      B’hekk, “żieda fid-drittijiet għal-leave annwali mħallas li tmur lil hinn mill-minimu rikjest fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 jew il‑possibbiltà li jinkiseb dritt għal-leave annwali mħallas kontinwu huma miżuri favorevoli għall-ħaddiema li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti minimi previsti f’din id-dispożizzjoni u, għalhekk, ma humiex regolati minnha” (39).

42.      Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx jintużaw sabiex jikkumpensaw l-effett negattiv, għall-ħaddiem, ta’ tnaqqis fir‑remunerazzjoni dovuta għal dan il-leave, taħt piena li jiġi mminat id‑dritt għal-leave annwali mħallas skont l-Artikolu 7(1), li parti integrali tiegħu hija d-dritt tal-ħaddiem li jgawdi, matul il-perijodu tiegħu ta’ mistrieħ u ta’ serħan, minn kundizzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma’ dawk li jikkonċernaw it-twettiq tax-xogħol tiegħu (40).

43.      Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, meta r‑remunerazzjoni mogħtija fir-rigward tad-dritt għal-leave annwali mħallas previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 hija inqas mir‑remunerazzjoni ordinarja li l-ħaddiem jirċievi matul il-perijodi ta’ xogħol effettiv, hemm riskju li tali ħaddiem ikun inkoraġġit li ma jiħux il-leave annwali mħallas, għall-inqas matul il-perijodi ta’ dan ix-xogħol, sa fejn dan iwassal, matul dawn il-perijodi, għal tnaqqis fir‑remunerazzjoni tiegħu (41).

44.      Bħala konklużjoni intermedjarja, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, jista’ jiġi dedott li d-dritt nazzjonali, applikabbli għall‑għalliema f’każ ta’ kumulu ta’ impjiegi, ma jistax jeskludi mill‑kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta bħala leave annwali mħallas is‑sigħat maħduma taħt KŻD part-time, għal perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previsti fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 (42), u ma jistax ikun ibbażat fuq l-għoti ta’ drittijiet għal-leave annwali mħallas sabiex ikun iġġustifikat (43).

45.      B’mod konkret, l-ammont tar-remunerazzjoni mħallas lill‑ħaddiema, fir-rigward tal-leave annwali mħallas minimu previst fl‑Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma għandux ikun inferjuri għall‑medja tar-remunerazzjoni ordinarja li dawn jirċievu matul il‑perijodi ta’ xogħol effettiv.

46.      Barra minn hekk, il-fatt li l-ħaddiem taħt KŻI huwa marbut ukoll mal-persuna li timpjegah taħt KŻD ma għandu l-ebda effett fuq l‑applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja meta jintemm KŻD, l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva ma jistabbilixxi ebda kundizzjoni għall-għoti tad-dritt għal kumpens finanzjarju ħlief dik relatata mal-fatt, minn naħa, li r-relazzjoni ta’ xogħol tkun intemmet u, min-naħa l-oħra, li l-ħaddiem ma jkunx ħa l-leave annwali kollu li għalih huwa kien intitolat fid-data meta din ir-relazzjoni ntemmet (44).

47.      Konsegwentement, l-esklużjoni tas-sigħat maħduma taħt KŻD part-time mill-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta bħala leave annwali mħallas tqajjem il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Ftehimiet qafas għal sitwazzjonijiet ta’ kumulu ta’ kuntratti, bħal dawk inkwistjoni.

2.      Fuq id-differenza ta’ trattament fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta bħala leave annwali mħallas lil għalliem f’każ ta’ kumulu ta’ KŻD u ta’ KŻI

48.      L-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas jistabbilixxu projbizzjoni li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jew part-time jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat jew full-time li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, sempliċement għar-raġuni li jaħdmu għal żmien determinat jew part-time, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.

49.      Din il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, li jagħmel parti mill‑prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni (45).

50.      Peress li l-kliem tal-ewwel u tat-tieni punt tal-klawżola 4 tal‑Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time u dak tal-ewwel u tat-tieni punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat huma, essenzjalment, identiċi, għandu jiġi rrilevat li l-kunsiderazzjonijiet espressi fir-rigward ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll, mutatis mutandis, fir-rigward tal-oħra (46).

51.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet dwar l-applikazzjoni konġunta tal-prinċipji kkonkretizzati bl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u fuq il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bejn ħaddiema part-time u full‑time/taħt KŻD u taħt KŻI, stipulati fil-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas (47).

52.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’każ ta’ xogħol part-time, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-leave annwali mħallas jiġi kkalkolat skont il-prinċipju ta’ pro rata temporis stipulat fit-tieni punt tal‑Klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix‑xogħol part-time (48). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-klawżola u l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2003/88 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kalkolu tad‑drittijiet għal leave annwali mħallas għandu jsir skont l-istess prinċipji, sew jekk jirrigwarda l-istabbiliment tal-allowance kumpensatorja għal-leave annwali mħallas mhux meħud dovuta f’każ fejn ir-relazzjoni ta’ xogħol tiġi tterminata u sew jekk jirrigwarda l‑istabbiliment tal-bqija tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas f’każ ta’ żamma tar-relazzjoni ta’ xogħol (49).

53.      Konsegwentement, fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali, il‑kwistjoni partikolari li għandha tiġi evalwata hija dik tal-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet f’każ ta’ kumulu ta’ KŻI full-time u ta’ KŻD part-time konkluż minn ħaddiem, b’mod partikolari, mal-istess persuna li timpjega.

54.      F’dan ir-rigward, il-Gvern Rumen huwa tal-opinjoni li l-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas ma humiex applikabbli ratione materiae minħabba li “il-fatt li jitqies li d-dispożizzjonijiet invokati tad‑Direttivi 97/81 u 1999/70 huma applikabbli għal ħaddiem li jakkumula [KŻI] għaż-żmien tal-kariga ewlenija u [KŻD] part-time, bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, li s-sitwazzjoni tiegħu tiġi mqabbla ma’ dik ta’ ħaddiem li għandu biss [KŻI] għall-perijodu tax-xogħol bażiku, imur lil hinn mill-formulazzjoni, mill-kamp ta’ applikazzjoni u mill-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

55.      Qabelxejn, għandu jiġi stabbilit jekk is-sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni kemm ratione personae u ratione materiae tad-Direttivi 97/81 u 1999/70 kif ukoll tal-Ftehimiet qafas.

a)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae

56.      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel punt tal-klawżoli 2 tal‑Ftehimiet qafas, dawn japplikaw għal ħaddiema part-time/għal żmien determinat li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif iddefiniti mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew skont il-prattiki fis-seħħ f’kull Stat Membru.

57.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-Direttiva 1999/70 u l-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat japplikaw għall-ħaddiema kollha li jipprovdu servizzi mħallsa fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg għal żmien determinat li torbothom mal-persuna li timpjegahom, kemm jekk din tkun amministrazzjoni pubblika jew entità oħra tas-settur pubbliku (50).

58.      F’dan il-każ, huwa stabbilit li kull wieħed mill-impjegati kkonċernati jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” u ta’ “ħaddiem part-time”, fis-sens tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal‑Ftehimiet qafas, moqrija flimkien mal-ewwel punt tal-klawżoli 3 tagħhom, u għalhekk, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id‑dispożizzjonijiet.

59.      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, iqumu s-segwenti mistoqsijiet: l-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas huwa applikabbli fil-każ ta’ kumulu ta’ impjiegi? Għandha ssir distinzjoni bejn il‑każ ta’ kumulu mal-istess persuna li timpjegah u dak ta’ kumulu ma’ persuni li jimpjegaw differenti?

60.      Infakkar li, fil-kawża prinċipali, waħda mill-għalliema hija marbuta mal-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” permezz ta’ KŻD biss. Hija kkonkludiet KŻI ma’ stabbiliment skolastiku ieħor (51).

61.      Fl-ewwel lok, jiena nqis li s-sitwazzjoni ta’ kumulu ta’ impjiegi ma hijiex intiża bħala li tista’ tkun is-suġġett ta’ esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, skont it-tieni punt tal-klawżola 2 tiegħu u ma kinitx is-suġġett ta’ tali esklużjoni skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet previsti fit-tieni punt tal‑klawżola 2 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time f’dak li jirrigwarda l-ħaddiema part-time li jaħdmu fuq bażi okkażjonali (52).

62.      Fit-tieni lok nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

–        fid-dawl tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mill-Ftehimiet qafas (53), il‑Klawżoli 4 tagħhom għandhom jinftehmu bħala li jesprimu prinċipju ta’ dritt soċjali tal-Unjoni li ma għandux jiġi interpretat b’mod ristrettiv (54),

–        l-ewwel punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat japplika l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir‑rigward ta’ ħaddiema b’kuntratt għal żmien determinat sabiex tiġi prekluża l-possibbiltà li relazzjoni ta’ impjieg ta’ dan it-tip tintuża minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lil ħaddiema għal żmien indeterminat  (55).

63.      Konsegwentement, interpretazzjoni tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas li tintroduċi distinzjoni, ibbażata fuq il-kumulu ta’ kuntratti, li t-termini ta’ dawn il-klawżoli ma jissuġġerux, twassal sabiex jitnaqqas, kuntrarjament għall-kliem u għall-kuntest tal-imsemmija klawżoli kif ukoll għall-għan li għandhom jilħqu, il-kamp tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati kontra d-diskriminazzjonijiet.

64.      F’dan ir-rigward, nosserva li dawn ir-raġunijiet kollha ġew adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi, fis-sentenza Rosado Santana, li l-ħaddiema għal żmien indeterminat, li uħud minnhom, fil-passat, ipprovdew is-servizzi tagħhom bħala ħaddiema għal żmien determinat, jaqgħu taħt il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat. Fil‑kawża li wasslet għal din is-sentenza, ir-rikorrenti kellu l-għan essenzjalment, fil-kwalità tiegħu ta’ impjegat permanenti taċ-ċivil, li jikkontesta differenza fit-trattament waqt proċedura ta’ għażla interna, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-anzjanità u l-esperjenza professjonali miksuba, minħabba li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil ma ġewx ikkunsidrati (56).

65.      F’dawn il-kundizzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti interpretazzjoni b’analoġija mas-sentenza Rosado Santana, billi jiġi spjegat li, f’dan il-każ ukoll, hemm lok li jiġu dedotti l-konsegwenzi ta’ kumulu ta’ KŻI u ta’ KŻD sabiex l-ammont kollu tar‑remunerazzjonijiet dovuti skont iż‑żewġ tipi ta’ kuntratti jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tal-leave annwali mħallas.

66.      Għaldaqstant, inqis li l-fatt li l-kuntratti jkunu ġew konklużi bejn impjegat u l-istess persuna li timpjega ma huwiex rilevanti għall-analiżi tal-applikabbiltà tal-Ftehimiet qafas f’dan l-istadju. Min-naħa l-oħra, il‑kwistjoni tal-effetti tal-pluralità, jew le, ta’ persuni li jimpjegaw ser ikollha terġa’ tiġi eżaminata mill-perspettiva tal-komparabbiltà tas‑sitwazzjonijiet.

67.      Konsegwentement, għandu jitfakkar x’inhu inkluż fil-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg” fis-sens tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal‑Ftehimiet qafas.

b)      Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae: il‑“kundizzjonijiet ta’ impjieg”

68.      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li “remunerazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, tagħmel parti mill‑“kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas (57).

69.      Il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” huwa ddefinit fl‑Artikolu 157(2) TFUE bħala “il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu”. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, dan il‑kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens wiesa’ tiegħu u jinkludi, b’mod partikolari, il-benefiċċji kollha fi flus jew in natura, attwali jew futuri, dejjem jekk ikun hemm kunsens, anki indirettament, mill-persuna li timpjega lill-ħaddiem abbażi tal-impjieg ta’ dan tal-aħħar, kemm jekk skont kuntratt ta’ xogħol, skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew fuq bażi volontarja (58).

70.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis‑sens tal-ewwel punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat ikopru l-elementi li jikkostitwixxu r‑remunerazzjoni, inkluż l-ammont tagħhom, id-dritt għal-leave annwali mħallas, kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta mal-pensjonijiet tal-irtirar li jiddependu mir-relazzjoni ta’ xogħol (59).

71.      Peress li s-sitwazzjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali jaqgħu, mill-perspettiva tiegħi, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae u ratione materiae tal-Ftehimiet qafas, hemm lok li issa jiġi eżaminat jekk, u sa liema punt, il-leġiżlazzjoni Rumena inkwistjoni twassal, fir-rigward tal-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għar-rigward tal-leave annwali mħallas f’każ ta’ kumulu ta’ KŻI full-time u ta’ KŻD part-time, għal differenza fit-trattament li tikkostitwixxi trattament inqas favorevoli tal‑ħaddiema għal żmien determinat part-time meta mqabbla ma’ ħaddiema għal żmien indeterminat full-time li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli.

c)      Fuq il-komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet f’każ ta’ kumulu ta’ impjiegi

72.      L-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas jistipulaw li, fir‑rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, il-ħaddiema part-time/għal żmien determinat ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema full-time/għal żmien indeterminat komparabbli sempliċement għaliex jaħdmu part-time/għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat b’raġunijiet oġġettivi.

73.      Infakkar, minn naħa, li l-espressjonijiet “ħaddiem full-time tal‑istess tip” u “ħaddiem għal żmien indeterminat tal-istess tip” huma ddefiniti fit-tieni punt tal-klawżoli 3 tal-Ftehimiet qafas.

74.      Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk persuni jeżerċitawx xogħol identiku jew simili, fis-sens tal-Ftehimiet qafas, għandu, skont it-tieni punt tal-klawżola 3 u l-ewwel punt tal-klawżola 4 ta’ dawn il-Ftehimiet, jiġi eżaminat jekk, fid-dawl ta’ sett ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax‑xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli. Jekk jiġi stabbilit li, meta jkunu impjegati, il-ħaddiema part-time/għal żmien determinat jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħall-ħaddiema impjegati mill-istess persuna li timpjega full-time/għal żmien indeterminat jew li jokkupaw l-istess pożizzjoni bħal dawn, hemm lok, bħala regola, li s-sitwazzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ kategoriji ta’ ħaddiema jitqiesu bħala komparabbli (60).

75.      F’każ ta’ kumulu ta’ impjiegi taħt KŻD jew part-time, japplikaw l‑istess prinċipji. Fl-opinjoni tiegħi, l-istess għandu japplika wkoll meta, bħal fil-każ inkwistjoni, ikun hemm KŻD part-time. Il-komparabbiltà tibqa’ possibbli għal kull wieħed minn dawn il-kuntratti ma’ ħaddiema jew taħt KŻI jew taħt kuntratt full-time, b’mod distributtiv skont kull ftehim qafas, jew, fi kliem ieħor, abbażi ta’ kull Ftehim qafas meqjus separatament.

76.      B’hekk meta ħaddiem ikun ikkonkluda KŻI u KŻD ma’ persuni li jimpjegaw differenti, is-sitwazzjoni tiegħu tista’ titqabbel ma’ dik ta’ ħaddiem f’kull wieħed mill-istituzzjonijiet ikkonċernati. Fil-każ preżenti, dan huwa l-każ tal-għalliema li kkonkludiet KŻD part-time mal-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” u KŻI full-time ma’ stabbiliment ieħor (61).

77.      Il-fatt li KŻD part-time u KŻI full-time ġew konklużi minn impjegat mal-istess persuna li timpjega lanqas ma jista’, fl-opinjoni tiegħi, jeskludi tali komparabbiltà, għal diversi raġunijiet.

78.      L-ewwel nett, il-komparabbiltà tista’ ssir fir-rigward tal-grupp ta’ ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat jew full-time minn din il‑persuna li timpjega, abbażi tal-fatturi kollha ddefiniti mill-Qorti tal‑Ġustizzja.

79.      It-tieni nett, l-eżami tad-dritt għal-leave annwali mħallas għandu jsir għal kull kuntratt u mhux għal kull ħaddiem. Minħabba modalitajiet ta’ kalkolu u ta’ għoti ta’ dan id-dritt, l-analiżi għandha neċessarjament tkun differenti minn dik użata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ tal‑applikazzjoni tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/88, li jiżgura dritt għal mistrieħ ta’ kuljum ta’ mill-inqas ħdax‑il siegħa konsekuttiva (62).

80.      It-tielet nett, l-interpretazzjoni għandha ssir f’konformità mal‑prinċipji ta’ interpretazzjoni favur il-ħaddiem kif stabbiliti mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (63).

81.      F’dan il-każ, jista’ jintlaqa’ argument a fortiori li jiġġustifika eżami għal kull kuntratt, peress li, fin-nuqqas tal-possibbiltà li jiġi estiż il-perijodu ta’ leave annwali mħallas tal-għalliema li diġà huwa kopert mill-ħin tax-xogħol taħt KŻI, l-unika soluzzjoni fi tmiem il-KŻD hija l‑ħlas tal-allowance kumpensatorja prevista fl-Artikolu 7(2) tad‑Direttiva 2003/88 jew, b’mod ekwivalenti, il-kumulu tar‑remunerazzjonijiet riċevuti matul l-eżekuzzjoni tal-KŻI jew tal-KŻD tul il-perijodu tal-leave annwali mħallas (64).

82.      Barra minn hekk, il-fatt li, fil-qafas ta’ KŻD, l-għalliema kienu żguraw li jimtlew il-postijiet vakanti ta’ għalliema (65) jista’ jiġi kkunsidrat (66).

83.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, inqis li huwa korrett li l-qorti tar-rinviju tosserva li l-unika differenza fit-trattament tal-impjegati kkonċernati tirriżulta min-natura temporanja u parzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg li kienet torbothom mal-persuna li timpjegahom. Sabiex tali differenza fit‑trattament tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita, jeħtieġ li din ma tkunx iġġustifikata b’raġunijiet oġġettivi.

d)      Fuq il-ġustifikazzjoni

84.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehim qafas għandu jinftiehem bħala li ma jippermettix li tiġi ġġustifikata differenza fit‑trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat jew bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full‑time minħabba l-fatt li din id-differenza hija prevista minn regola nazzjonali ġenerali u astratta, bħal liġi jew ftehim kollettiv (67).

85.      Għall-kuntrarju, dan il-kunċett jirrikjedi, skont ġurisprudenza daqstant stabbilita, li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni tal-impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat jew part-time u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (68).

86.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li “[i]r-regola tad-dritt nazzjonali ma tistabbilixxix, la b’mod espliċitu u lanqas b’mod impliċitu, l-għan leġittimu mfittex, u lanqas ma tiddetermina l-proporzjonalità tal‑miżuri regolatorji adottati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Gvern Rumen, bħal ċerti qrati li l-ġurisprudenza tagħhom hija ċċitata fid‑deċiżjoni tar-rinviju, isostni li l-KŻD part-time jiġu konklużi sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attività ta’ tagħlim f’każ ta’ nuqqas ta’ persunal li jgħallem u r-rispett tad-dritt għall-edukazzjoni tal-istudenti. Madankollu, dan ir-rekwiżit oġġettiv relatat mal-impjieg li għandu jimtela, li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jissodisfaw fid-dawl tal‑marġni ta’ evalwazzjoni li minnu jgawdu l-Istati Membri, ma hijiex ta’ natura li tiġġustifika t-trattament iddifferenzjat inkwistjoni abbażi biss tan-natura temporanja u part-time tar-relazzjoni ta’ impjieg.

87.      Bħala konklużjoni, inqis li l-esklużjoni tar-remunerazzjoni mħallsa għall-KŻD part-time fil-kalkolu tar-remunerazzjoni dovuta għal‑leave annwali mħallas ma hijiex permessa fid-dawl tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

88.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(1) tad‑Direttiva 2003/88 u l-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jeskludu, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol għall‑persunal li jgħallem tal-edukazzjoni preuniversitarja, jiġifieri KŻI full-time għall-kariga ewlenija u KŻD part-time bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, li l-allowance tal-ikel tingħata pro rata mal-ħin effettiv imwettaq taħt il-KŻD part-time u li din l-allowance tiġi inkluża fid‑determinazzjoni tal-ammont ta’ allowance għal-leave annwali.

89.      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li t-Tribunalul Vaslui (il‑Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui), li ddeċidiet fl-ewwel istanza, laqgħet it‑talba tal-impjegati kkonċernati sabiex l-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” tħallas l-allowances tal-ikel pro rata skont il-ħin tax-xogħol effettiv abbażi tas-salarji riċevuti taħt kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, u dan sad-data tat-terminazzjoni tal-kuntratti individwali tax-xogħol. Il-qorti tar-rinviju spjegat li l-appell ippreżentat minn din l-iskola ma kienx jikkonċerna din id-deċiżjoni.

90.      Għaldaqstant inqis it-tieni domanda preliminari, fil-parti finali tagħha, bħala kontinwazzjoni tal-ewwel domanda li tirrigwarda l-bażi għall-kalkolu tar-remunerazzjoni mħallsa matul il-leave annwali mħallas.

91.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, din id-domanda għandha tibbenefika minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Peress li tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija obbligata, bħala regola, li tiddeċiedi (69).

92.      It-tieni domanda preliminari tirreferi għalhekk għall-Artikolu 18 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017, kif applikat, f’dan il-każ, mill-iskola sekondarja “Mihai Eminescu”.

93.      Infakkar li, essenzjalment, din id-dispożizzjoni tipprevedi li allowances tal-ikel, li jirrappreżentaw wieħed minn tnax ta’ żewġ salarji nazzjonali minimi bażiċi gross iggarantiti, għandhom jingħataw pro rata skont il-ħin tax-xogħol effettiv tax-xahar preċedenti, fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 25(1) ta’ din il-Liġi Qafas, jiġifieri 30 % tal-ammont tas‑salarji bażiċi. Huwa stabbilit, skont id-dritt nazzjonali kif interpretat mill-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja ta’ Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija), li din l-allowance taqa’ fil-kategorija tad‑dħul salarjali ta’ kull xahar.

94.      Din it-tieni domanda twassal biex isir riferiment, minn naħa, għad‑definizzjoni tar-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tal-leave annwali mħallas (70). Għandu jiġi deċiż, essenzjalment, li l-espressjoni “leave annwali mħallas”, li tinsab fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88, tfisser li ħaddiem għandu jirċievi r-remunerazzjoni ordinarja bħala korrispettiv għall-eżekuzzjoni tad-doveri normali tiegħu.

95.      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Ftehimiet qafas, kif spjegat fil-punti 58 u 66 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, għandu jiżdied li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg fis-sens tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas, li d‑definizzjoni tagħhom tfakkret fil-punti 68 sa 70 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, imsemmi f’dawn il-klawżoli, jinkludi, b’mod partikolari, il-bonuses u l-elementi l-oħra ta’ remunerazzjoni li jirrappreżentaw rabta mal-impjieg tal-ħaddiema (71).

96.      Għalhekk, fl-opinjoni tiegħi, mid-definizzjonijiet mogħtija mill‑Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tiddeduċi korrettament li l‑allowances tal-ikel li jitħallsu lill-persunal minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-persunal imħallas minn fondi pubbliċi mal-persuna li timpjegahom jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel punt tal‑klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas (72).

97.      Konsegwentement, il-kalkolu ta’ allowance tal-ikel meta l‑għalliem huwa impjegat part-time jkun oġġettivament iġġustifikat, fis‑sens tal-ewwel punt tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, u xieraq fis-sens tat-tieni punt tal-klawżola 4 ta’ dan il-Ftehim qafas u adattat għan-natura tal-allowance (73).

98.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, f’dan il-każ, l‑għalliem li kkonkluda KŻI full-time u KŻD part-time jirċievi, fil‑prattika, trattament legali differenti u sfavorevoli, peress li jirċievi allowance tal-ikel għall-attività li jwettaq abbażi ta’ KŻI full-time biss.

99.      F’dan ir-rigward, nirreferi, bħall-Kummissjoni, għall-kliem tal‑Artikolu 18 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017. Differenti mill‑Artikolu 5(1) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011 u tal‑2021, dan l-Artikolu 18 ma jipprevedi ebda restrizzjoni, lanqas fil-każ ta’ KŻD (74) u lanqas fil-każ ta’ kumulu ta’ impjiegi fir-rigward tal-ħlas tal‑allowance tal-ikel. Barra minn hekk, mill-konstatazzjoni tal-qorti tar‑rinviju dwar il-prassi tal-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” u tal‑kliem użat fid-domanda preliminari għandu jiġi dedott li l-espressjoni “salarju bażiku” tikkorrispondi għall-ammont riċevut taħt il-“kariga ewlenija” (75).

100. Fil-fatt, din il-qorti tispeċifika li d-differenza fit-trattament inkwistjoni hija ġġustifikata biss mil-limitu massimu stabbilit mil-liġi, ikkalkolat abbażi ta’ KŻI full-time. B’hekk, l-iskola sekondarja “Mihai Eminescu” ma tqisx il-fatt li l-ħaddiem jaħdem lil hinn mill-ħin tax‑xogħol mensili fil-kuntest ta’ KŻD part-time. Nifhem li, b’mod mekkaniku, peress li l-limitu jkun intlaħaq taħt il-KŻI, ma titħallas ebda allowance taħt il-KŻD u, konsegwentement, lanqas għas-sigħat żejda mwettqa, u dan iwassal sabiex jitqies li, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti, l‑impjegat part-time jiġi żvantaġġjat b’mod sistematiku meta mqabbel mal‑impjegat full-time, bħalma jiġri fil-qasam tal-leave annwali mħallas.

101. Skont din il-qorti, din id-differenza fit-trattament ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet oġġettivi, fis-sens tal-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja (76). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l‑allowance tal-ikel hija allokata irrispettivament mill-iskedi tal-ħin li fihom jitwettqu d-dmirijiet tal-impjegat u li ma hijiex marbuta mal‑ispejjeż realment sostnuti.

102. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ ħlas tal-allowances tal-ikel taħt KŻD part-time ma huwiex permissibbli fid-dawl tal-ewwel punt tal‑klawżola 4 tal‑Ftehimiet qafas. Kif tissuġġerixxi l-Kummissjoni, il‑limitu massimu tal-ammont tal-allowance għandu jiġi kkalkolat abbażi tal-kuntratti akkumulati u mhux abbażi tal-KŻI biss. Hija l-qorti tar‑rinviju li għandha tistabbilixxi, f’każ ta’ pluralità ta’ istituzzjonijiet skolastiċi, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti.

103. Peress li dawn l-allowances jiffurmaw parti mir-remunerazzjoni ordinarja tal‑għalliem, dawn għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tar‑remunerazzjoni dovuta fir-rigward tal-leave annwali mħallas (77).

C.      Fil-każ ta’ inapplikabbiltà tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal‑Ftehimiet qafas: użu tal-Artikoli 20 u 21 tal-Karta?

104. Peress li din il-kwistjoni ġiet eżaminata fis-sentenza Gnattai, din tista’ terġa’ tiġi invokata jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-Ftehimiet qafas ma humiex applikabbli.

105. Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stipulat fl-Artikolu 21(1) tal-Karta huwa espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u li huwa stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta (78).

106. F’dak li jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli, dawn il-prinċipji ġew implimentati u kkonkretizzati bid-Direttiva 1999/70, u b’mod partikolari mill‑klawżola 4 tal-Ftehim qafas li jinsab fl-anness ta’ din id-direttiva (79). L-istess japplika fir-rigward tad-Direttiva 97/81 u tal-klawżola 4 tal‑Ftehim qafas li jinsab fl-anness ta’ din id-direttiva f’dak li jirrigwarda d-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema part-time u l-ħaddiema full‑time (80).

107. Konsegwentement, peress li d-domandi preliminari jirreferu għal tali differenzi fit-trattament, hemm lok li dawn jiġu eżaminati biss fid‑dawl tal-imsemmija direttivi u tal-ewwel punt tal-klawżoli 4 tal‑Ftehimiet qafas (81).

108. It-tieni nett, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 ma japplikax lil hinn mill-perijodu ta’ erba’ ġimgħat ta’ leave annwali mħallas (82).

109. Għaldaqstant, fl-assenza ta’ “meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, f’qasam kopert mid‑dritt tal-Unjoni, l-Artikoli 20 u 21 tal-Karta ma humiex applikabbli.

V.      Konklużjoni

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill‑Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Curtea de Apel Iaşi (il-Qorti tal-Appell ta’ Iaşi, ir-Rumanija) bil‑mod segwenti:

1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Klawżola 4 tal‑Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix‑xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC, u l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad‑Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem tal-edukazzjoni preuniversitarja, jiġifieri kuntratt għal żmien indeterminat full-time għall-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, li r-remunerazzjoni li għaliha dan il-ħaddiem għandu dritt fir-rigward tal-leave annwali mħallas hija kkalkolata mingħajr ma tiġi kkunsidrata remunerazzjoni riċevuta taħt kuntratt għal żmien determinat part-time.

2)      L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, u l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time, konkluż fis‑6 ta’ Ġunju 1997, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 97/81, u l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jipprekludu leġiżlazzjoni u prassi nazzjonali li jeskludu, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti ta’ xogħol mill-istess ħaddiem tal-edukazzjoni preuniversitarja, jiġifieri kuntratt għal żmien indeterminat full-time għall-kariga ewlenija u kuntratt għal żmien determinat part-time bħala kuntratt ta’ ħlas fis-siegħa, li l-allowance tal-ikel tingħata pro rata tal-ħin tax-xogħol effettiv imwettaq abbażi tal-kuntratt għal żmien determinat part-time u li din tkun inkluża fil-kalkolu tal‑ammont tar-remunerazzjoni dovuta fir-rigward tal-leave annwali mħallas.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).


3      Iktar ’il quddiem il-“Karta”.


4      Direttiva tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 1997 li tikkonċerna il-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 267). Iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time”.


5      Direttiva tal-Kunsill tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). Iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas dwar ix‑xogħol għal żmien determinat”.


6      Iktar ’il quddiem “KŻI”.


7      Iktar ’il quddiem “KŻD”.


8      Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 18 tal‑10 ta’ Jannar 2011.


9      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari ġie spjegat li l-Liġi Nru 1/2011 ġiet abrogata, b’effett mit‑3 ta’ Settembru 2023, permezz tal-Legea nr. 198/2023 a învățământului preuniversitar (il-Liġi Nru 198/2023 dwar l-edukazzjoni preuniversitarja) tal‑4 ta’ Lulju 2023 (Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 613 tal‑5 ta’ Lulju 2023), u permezz tal-Legea nr. 199/2023 a învățământului superior (il-Liġi Nru 199/2023 dwar l-edukazzjoni superjuri), tal‑4 ta’ Lulju 2023 (Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 614 tal‑5 ta’ Lulju 2023).


10      Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 492 tat‑28 ta’ Ġunju 2017.


11      Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 699 tal‑10 ta’ Awwissu 2018.


12      Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 688 tat‑12 ta’ Lulju 2021.


13      L-Ordinul nr. 5559/2011 pentru aprobarea Normelor metodologice privind efectuarea concediului de odihnă al personalului didactic din învățământ (id-Digriet Nru 5559/2011 dwar l-approvazzjoni tal‑modalitajiet ta’ implimentazzjoni dwar it‑teħid tal-leave annwali mill-persunal li jgħallem) tas‑7 ta’ Ottubru 2011 (Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 723 tat‑13 ta’ Ottubru 2011) (iktar ’il quddiem il‑“modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011”), ġie abrogat mid-Digriet Nru 4050/2021 (ara l-Artikolu 2 ta’ dan tal-aħħar). Dawn il-modalitajiet ta’ implimentazzjoni kienu applikabbli matul l-ewwel tliet snin skolastiċi fil-kawża prinċipali.


14      Skont l-Artikolu 267(1) tal-Liġi Nru 1/2011, f’każijiet debitament iġġustifikati, id‑direzzjoni tal-istituzzjoni edukattiva tista’ tinterrompi l-leave legali, u l-persuni kkonċernati jitħallsu għax-xogħol imwettaq.


15      Dawn id-dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, identiċi għal dawk tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011 (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il‑konklużjonijiet). Fl-Artikolu 3(2), tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal-2021, l-espressjoni “pro rata tal-perijodu ta’ xogħol imwettaq” issostitwixxiet l-espressjoni “pro rata għan-numru ta’ xhur ta’ xogħol imwettaq”. Fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, ġiet miżjuda tieni sentenza. Din tirrigwarda l-każ fejn għalliema jkunu impjegati part-time f’żewġ istituzzjonijiet edukattivi jew iktar. Id-dritt tagħhom jiġi eżerċitat fil-livell ta’ kull istituzzjoni edukattiva.


16      L-Artikolu 5(1) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011 kien redatt f’termini identiċi (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


17      Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 72 tal‑5 ta’ Frar 2003, kif ippubblikata mill-ġdid fil-Monitorul Oficial al României, Parti I, nru 345 tat‑18 ta’ Mejju 2011.


18      Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tax-Xogħol”).


19      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Il-perijodu ta’ xogħol ta’ kull ġimgħa kien ivarja. Seta’ jkun b’mod partikolari ta’ 2, 4, 7, 18 jew 20 siegħa.


21      Il-qorti tar-rinviju tispjega li l-impjegati kkonċernati bbenefikaw minn 27 sa 62 jum ta’ leave matul il-perijodu kkonċernat.


22      Jiġifieri l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2011 u tal‑2021 (ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


23      Jiġifieri l-Artikolu 18 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017.


24      Ara s-sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) Nru 385, tas‑17 ta’ April 2007, iċċitata mill-qorti tar-rinviju.


25      Il-qorti tar-rinviju tiċċita, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C‑307/05, iktar ’il quddiem is-“sentenza Del Cerro Alonso”, EU:C:2007:509), u tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 16).


26      C‑219/14, EU:C:2015:745, punti 50 u 52.


27      Ara d-digriet tal‑5 ta’ Diċembru 2025, Şcoala gimnazială “Mihai Eminescu” (C‑706/23, EU:C:2025:951).


28      Skont l-Artikolu 35(1) u l-Artikoli 106 u 150 tal-Kodiċi tax-Xogħol, f’każ ta’ kumulu ta’ kuntratti mal-istess persuna li timpjega jew diversi persuni li jimpjegaw, il-ħaddiem jibbenefika mid-dritt għal-leave annwali mħallas, irrispettivament minn hekk huwiex taħt KŻD jew KŻI, full-time jew part-time.


29      Il-qorti tar-rinviju tiċċita żewġ deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) li jfakkru n-natura speċjali ta’ din il-leġiżlazzjoni.


30      Ara l-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet bħala tfakkira tad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar id-dritt għal-leave annwali mħallas tal-għalliema li eżerċitaw l‑attività tagħhom abbażi ta’ KŻI jew ta’ KŻD, full-time jew part-time. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni japplika għalhekk f’dawn is-sitwazzjonijiet skont il-punt 1 tal-klawżoli 4 tal-Ftehimiet qafas.


31      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punti 58, 80 u 84), u d-digriet tal‑15 ta’ Lulju 2025, GTC Dijon (C‑37/25, EU:C:2025:586, punti 17 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).


32      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C‑570/16, EU:C:2018:871, punt 58).


33      Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Hein (C‑385/17, iktar ’il quddiem is‑“sentenza Hein”, EU:C:2018:1018, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenzi Hein (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas) (C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara s-sentenzi f’Hein (punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad-9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas) (C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


36      Sentenza Hein (punt 47).


37      Ara s-sentenzi Hein (punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas) (C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 27).


38      Ara s-sentenza Hein (punt 41).


39      Sentenza Hein (punt 43).


40      Ara s-sentenzi Hein (punt 43) u tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 35).


41      Ara s-sentenzi Hein (punt 44) u tad‑9 ta’ Diċembru 2021, Staatssecretaris van Financiën (Remunerazzjoni matul il-leave annwali mħallas) (C‑217/20, EU:C:2021:987, punt 33).


42      Ara s-sentenza Hein (punt 41).


43      Ara s-sentenza Hein (punt 43).


44      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2021, job-medium (C‑233/20, EU:C:2021:960, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Novembru 2018, Viejobueno Ibáñez u de la Vara González (C‑245/17, EU:C:2018:934, punt 58).


45      Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 58 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u tal‑4 ta’ Settembru 2025, Gnattai (C‑543/23, iktar ’il quddiem is-“sentenza Gnattai”, EU:C:2025:653, punti 33 u 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara s-sentenza tas‑7 ta’ April 2022, Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani) (C‑236/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani)”, EU:C:2022:263, punt 34).


47      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani) (punt 54).


48      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani) (punt 52).


49      Ara s-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2015, Greenfield (C‑219/14, EU:C:2015:745, punt 57).


50      Ara s-sentenzi Del Cerro Alonso (punti 25, 28 u 29), u tat‑8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana (C‑177/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza Rosado Santana”, EU:C:2011:557, punti 42, 55 u 58). Ara, fir-rigward ta’ stabbilimenti skolastiċi pubbliċi, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui (C‑72/18, EU:C:2019:516, punt 24), u Gnattai (punt 37).


51      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, Zone de secours Hainaut‑Centre (C‑377/21, EU:C:2022:530, punt 48).


53      Ara l-klawżola 1(a) tal-Ftehimiet qafas u l-preambolu tagħhom. Ara, ukoll, il‑premessi 3, 11 u 23 tad-Direttiva 97/81 u l-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 imsemmija b’mod partikolari fis-sentenzi Del Cerro Alonso (punt 36), u tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punti 29 u 30).


54      Ara s-sentenzi Del Cerro Alonso (punt 38); tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punti 114 u 115); tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 32), u Rosado Santana (punt 44).


55      Ara s-sentenzi Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani) (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑20 ta’ Frar 2024, X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (C‑715/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment)”,EU:C:2024:139, punt 42), u Gnattai (punt 42).


56      Ara s-sentenza Rosado Santana (punti 38 u 41 sa 44).


57      Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2024, Randstad Empleo et (C‑649/22, EU:C:2024:156, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑476/12, EU:C:2014:2332, punt 16), u tat‑22 ta’ Frar 2024, Randstad Empleo et (C‑649/22, EU:C:2024:156, punt 44).


59      Ara s-sentenzi Ministero della Giustizia et (Status tal-giudici di pace Taljani) (punt 38), u tas‑27 ta’ Ġunju 2024, Peigli (C‑41/23, EU:C:2024:554, punt 43). Ara, fir-rigward tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-ewwel punt tal‑klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, is-sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Bruno et (C‑395/08 u C‑396/08, EU:C:2010:329, punt 42 relatati mal‑pensjonijiet), u tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine (C‑660/20, EU:C:2023:789, punti 41 u 42, relatati ma’ remunerazzjoni addizzjonali).


60      Ara, fuq il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2022, Presidenza del Consiglio dei Ministri et (Riċerkaturi universitarji) (C‑40/20 u C‑173/20, EU:C:2022:985, punti 101 u 102 u l‑ġurisprudenza ċċitata), u, fuq il-Ftehim qafas dwar ix-xogħol part-time, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2023, Lufthansa CityLine (C‑660/20, EU:C:2023:789 punti 44 u 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).


61      Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. F’dan ir-rigward, jidhirli li l-Artikolu 4(1) tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni tal‑2021, identiku għall-Artikolu 3 tal-modalitajiet ta’ implimentazzjoni fil-verżjoni tagħhom tal‑2011, huwa ta’ natura li jsaħħaħ l-analiżi tiegħi, sa fejn jipprevedi tqassim tal-oneru tal-leave annwali mħallas bejn l-istituzzjonijiet fejn l-għalliema kienu impjegati.


62      Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2021, Academia de Studii Economice din Bucureşti (C‑585/19, EU:C:2021:210, punti 45 u 46).


63      Ara l-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


64      Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet


65      Ara l-Artikolu 29 tal-Liġi Qafas Nru 153/2017.


66      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2018:390, punti 50 u 51).


67      Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 2022, Universiteit Antwerpen et (C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 53), u X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (punt 58 u l‑ġurisprudenza ċċitata).


68      Ara s-sentenzi Universiteit Antwerpen et (C‑265/20, EU:C:2022:361, punt 54), u X (Assenza ta’ raġunijiet għal xoljiment) (punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


69      Ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher (C‑231/89, EU:C:1990:386, punti 19 u 20), u tat‑30 ta’ Ottubru 2025, Tomann (C‑134/24, EU:C:2025:839, punt 66), u, fuq il-qafas regolatorju u fattwali ddefinit taħt ir‑responsabbiltà tal-qorti nazzjonali, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2003, Salzmann (C‑300/01, EU:C:2003:283, punt 31); tat‑30 ta’ Novembru 2023, Ministero dell’Istruzione u INPS (C‑270/22, EU:C:2023:933, punt 34), u tat‑13 ta’ Novembru 2025, Oti (C‑525/23, EU:C:2025:877, punt 38).


70      Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71      Ara s-sentenzi Del Cerro Alonso (punt 48) u tal‑20 ta’ Ġunju 2019, Ustariz Aróstegui, C‑72/18, EU:C:2019:516, punti 25 sa 27), u d-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2025, Centro Servizi Culturali Santa Chiara (C-823/24, EU:C:2025:584, punt 24).


72      Ara, ukoll, dwar l-allowances tal-ikel, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott fil-kawża Grupo Norte Facility (C‑574/16, EU:C:2017:1022, punt 54) u fil-kawża Montero Mateos (C‑677/16, EU:C:2017:1021, punt 49).


73      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2014, Österreichischer Gewerkschaftsbund (C‑476/12, EU:C:2014:2332, punti 20 u 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


74      Ara, ukoll, id-deċiżjoni tat-Tribunalul Vaslui (il-Qorti tal-Kontea ta’ Vaslui) imfakkra fil-punt 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


75      Ara, ukoll, l-Artikolu 150(1) tal-Kodiċi tax-Xogħol dwar id-dritt għal “allowance ta’ leave, li ma tistax tkun inqas mis-salarju bażiku”, għall-perijodu tal-leave annwali.


76      Ara l-punti 84 u 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77      Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


78      Ara s-sentenzi tat‑18 ta’ April 2024, Dumitrescu et vs Il‑Kummissjoni u Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, (C‑567/22 P sa C-570/22 P, EU:C:2024:336, punti 65 u 66), u Gnattai (punt 33).


79      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Gnattai (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


80      Ara l-prinċipju ta’ interpretazzjoni mfakkar fil-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


81      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gnattai (punt 35).


82      Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.