|
17.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 297/69 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2254
tal-14 ta’ Novembru 2022
li tawtorizza lill-Bulgarija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/112/KE jippermetti lill-Bulgarija biex teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 25 600 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha. |
|
(2) |
Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2022, il-Bulgarija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/112/KE u b’hekk teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 51 130 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha (“il-miżura speċjali”). Il-miżura speċjali tkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (2). Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru partikolari ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet il-Bulgarija lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-26 ta’ Lulju 2022. Permezz ta’ ittra bid-data tas-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba. |
|
(4) |
Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern. |
|
(5) |
Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. |
|
(6) |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Bulgarija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali. |
|
(7) |
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (3), ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Bulgarija fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem. |
|
(8) |
Peress li l-Bulgarija tistenna li l-miżura speċjali ser twassal għal tnaqqis fl-obbligi tal-VAT u għalhekk għal tnaqqis fil-piż amministrattiv u fil-kostijiet ta’ konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li mhux se jkun hemm impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tintroduċi l-miżura speċjali. |
|
(9) |
L-applikazzjoni tal-miżura speċjali jenħtieġ li tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u tistipula regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
B’deroga mill-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż l-ekwivalenti ta’ EUR 51 130 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).
(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).