|
27.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 85/43 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/513
tas-26 ta' Marzu 2019
dwar il-qafas tas-sigurtà għall-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Il-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża (1) (minn hawn 'il quddiem “il-Programm”) huwa l-programm għall-2019-2020 li jirrigwarda l-parti għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-Fond Ewropew għad-Difiża. |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (2) għandha tapplika għall-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata fil-Programm. |
|
(3) |
Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-Programm u r-rwol li għandhom l-Istati Membri fih, l-Istati Membri li fit-territorju tagħhom ikunu stabbiliti l-benefiċjarji jistgħu jikklassifikaw l-informazzjoni ġdida li tirriżulta mill-eżekuzzjoni ta' azzjoni ta' żvilupp, filwaqt li jistabbilixxu qafas ta' sigurtà għal dan il-għan qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta' għotja, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Klassifikazzjoni tal-informazzjoni
1. Fil-kuntest tal-Programm, l-Istati Membri, li fit-territorju tagħhom jkunu stabbiliti l-benefiċjarji, jiddeċiedu dwar l-oriġini tal-informazzjoni ġdida klassifikata li tirriżulta waqt l-eżekuzzjoni ta' azzjoni ta' żvilupp.
2. Għal dan l-għan, dawn l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar qafas ta' sigurtà speċifiku għall-protezzjoni u l-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata relatata mal-azzjoni, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar dan.
3. Dan il-qafas ta' sigurtà għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni jkollha aċċess għall-informazzjoni meħtieġa sabiex l-azzjoni tiġi implimentata.
4. Jekk ma jiġi stabbilit l-ebda qafas speċifiku ta' sigurtà mill-Istati Membri kkonċernati, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi qafas ta' sigurtà għall-azzjoni skont id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444.
5. Il-qafas ta' sigurtà applikabbli għall-azzjoni għandu jkun fis-seħħ sa mhux aktar tard minn qabel ma jiġi ffirmat il-ftehim ta' għotja.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Marzu 2019.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) Stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2018/1092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp fl-Industrija tad-Difiża bil-għan li jappoġġa l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-Unjoni, ĠU L 200, 7.8.2018, p. 30.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).