European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/2290

12.11.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/2290

tas-6 ta’ Novembru 2025

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stipula r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3)

Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

(4)

Jixraq li jiġi previst li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ 3 xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ din it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ 3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2025.

Għall-Kummissjoni

Gerassimos THOMAS

Direttur Ġenerali

Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1987/2658/oj).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Prodott mhux assemblat li jinkludi profili (magħmulin mill-aluminju u anodizzati) u qfieli (magħmulin mill-plastik), għall-użu fl-assemblaġġ ta’ kabina tal-votazzjoni, li jikkonsistu f’dawn li ġejjin:

—

sitt profili “vertikali” vojta, maqtugħin għat-tul, b’sezzjoni trasversali uniformi mat-tul kollu tagħhom, bit-toqob u mgħammrin bi qfieli;

—

12-il profil “orizzontali” vojta, maqtugħin għat-tul, b’sezzjoni trasversali uniformi mat-tul kollu tagħhom, bit-toqob u mgħammrin bi qfieli.

Il-kabina tal-votazzjoni tiġi assemblata fuq il-post.

Skont l-aġġustament tiegħu, il-prodott assemblat jista’ jitqiegħed fuq l-art jew fuq mejda u jista’ jinġarr kull fejn ikun meħtieġ.

Il-“ħitan” (pjanċi ddisinjati biex jiġu mmuntati bejn il-profili) mhumiex inklużi fl-importazzjoni.

Il-prodott, ladarba jiġi assemblat u mgħammar bil-ħitan, huwa ddisinjat biex jipprovdi għata temporanja biex tiġi żgurata s-segretezza tal-votant.

7616 99 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 2(a) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u bil-kliem tal-kodiċijiet NM 7616, 7616 99 u 7616 99 90.

Il-prodott jikkonsisti f’diversi komponenti, ippreżentati mhux assemblati. Jinkludi mhux biss profili tal-aluminju iżda wkoll qfieli, kollha maħsuba biex jintużaw flimkien biex jiġi assemblat oġġett speċifiku, jiġifieri, il-qafas ta’ kabina tal-votazzjoni. Għaldaqstant il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 7604 bħala profili tal-aluminju hija eskluża.

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9403 bħala għamara oħra u l-parts tagħha hija eskluża wkoll. L-oġġett assemblat ma jintużax, prinċipalment bi skop utilitarju, biex jgħammar l-abitazzjonijiet privati, il-lukandi, it-teatri, is-swali taċ-ċinema, l-uffiċċji, il-knejjes, l-iskejjel, il-kafetteriji, ir-ristoranti, il-laboratorji, l-isptarijiet, is-swali tal-kirurġija tad-dentisti, eċċ. Il-prodott (ladarba jiġi assemblat u mgħammar bil-ħitan) huwa ddisinjat biex jipprovdi għata temporanja matul il-votazzjoni.

Barra minn hekk, l-oġġett assemblat jista’ jitqiegħed jew fuq l-art jew fuq biċċiet oħra ta’ għamara (bħal imwejjed). Madankollu, it-terminu “għamara” ma japplikax għall-oġġetti użati bħala għamara iżda ddisinjati biex jitqiegħdu fuq għamara oħra jew xkafef, jew biex jiddendlu fuq il-ħitan jew mis-saqaf. (Ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata tal-Kapitolu 94, Ġenerali, il-punt (B) u l-paragrafu tal-esklużjoni ta’ dan il-punt.)

Għaldaqstant, l-oġġett irid jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 7616 99 90, bħal oġġetti oħrajn tal-aluminju.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/2290/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)