KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA
ippreżentati fit‑30 ta’ Marzu 2023 ( 1 )
Kawża C‑27/22
Volkswagen Group Italia S.p.A.,
Volkswagen Aktiengesellschaft
vs
Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,
fil-preżenza ta’:
Associazione Cittadinanza Attiva Onlus,
Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons)
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet fundamentali – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Sanzjonijiet imposti fil-qasam tal-prattiki kummerċjali żleali – Kundanna kriminali irrevokabbli mogħtija fi Stat Membru – Sanzjoni amministrattiva finanzjarja ta’ natura kriminali imposta fi Stat Membru ieħor kontra l-istess persuna għall-istess fatti – Applikazzjoni tal-prinċipju ne bis in idem għall-kumulu ta’ proċeduri ta’ sanzjoni transkonfinali – Limitazzjoni għall-prinċipju ne bis in idem – Koordinazzjoni tal-akkumulazzjoni tal-proċeduri ta’ sanzjoni”
|
1. |
Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-applikazzjoni transkonfinali tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), f’kawża li ma hijiex marbuta mal-moviment liberu tal-persuni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. |
|
2. |
Fil-kawża inkwistjoni, jikkonverġu sanzjonijiet u proċeduri ta’ sanzjoni tal-awtoritajiet taż-żewġ Stati Membri, il-Ġermanja u l-Italja ( 2 ). L-aġir punibbli huwa attribwit lill-istess konglomerat ta’ kumpanniji tal-karozzi stabbiliti fil-Ġermanja, li l-effetti tiegħu ser jiġu skjerati fiż-żewġ Stati (fost ħafna oħrajn). |
|
3. |
F’tilwim ta’ din in-natura, il-problema tal-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet għad-dritt ne bis in idem, abbażi tal-Artikolu 52 tal-Karta, tqum meta l-proċeduri mibdija mill-awtoritajiet ta’ żewġ Stati Membri ma jitmexxewx b’mod suffiċjentement ikkoordinat, u dan iwassal għad-duwalità tas-sanzjonijiet. |
|
4. |
Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ sanzjoni hija rekwiżit indispensabbli sabiex jiġu aċċettati dawn il-limitazzjonijiet. Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli (u realistiku) li dan ir-rekwiżit jinżamm matul l-akkumulazzjoni ta’ proċeduri ta’ sanzjoni ta’ żewġ Stati Membri, immexxija minn awtoritajiet kompetenti f’diversi setturi ta’ attività, u ma jeżistix mekkaniżmu legali ta’ koordinazzjoni tal-attivitajiet tagħhom ( 3 ). |
I. Il‑kuntest ġuridiku
A. Id‑dritt tal‑Unjoni
1. Il‑Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal‑Unjoni Ewropea
|
5. |
L-Artikolu 50 (“Id-dritt li wieħed ma jiġix iġġudikat jew jingħata piena darbtejn għall-istess reat”) jipprovdi li: “L-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi.” |
|
6. |
L-Artikolu 52 (L-ambitu […] ta’ drittijiet […]” jistabbilixxi li: “1. Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. […].” |
2. Id‑Direttiva 2005/29/KE ( 4 )
|
7. |
Skont l-Artikolu 1: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern u li tikseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur billi tapprossima l-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar prattiċi kummerċjali żleali li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.” |
|
8. |
L-Artikolu 3(4) jippreċiża li: “Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli Komunitarji oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.” |
|
9. |
L-Artikolu 13 kien jipprevedi li: “L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li dawn jiġu nfurzati. Dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” |
|
10. |
L-istess Artikolu 13, wara li ġie emendat bid-Direttiva (UE) 2019/2161 ( 5 ), b’effett mit‑28 ta’ Mejju 2022, ġie fformulat kif ġej: “1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali addottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kriterji mhux eżawrjenti u indikattivi li ġejjin jitqiesu għall-impożizzjoni ta’ penali, fejn xieraq: […]
[…] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta l-penali jiġu imposti skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) 2017/2394, huma jinkludu l-possibbiltà li jiġu imposti multi permezz ta’ proċeduri amministrattivi jew li jinbdew proċedimenti legali biex jiġu imposti multi, jew it-tnejn li huma, fejn l-ammont massimu ta’ tali multi jkun tal-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati. […] […].” |
B. Id‑dritt nazzjonali. Id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206, tas‑6 ta’ Settembru 2005 ( 7 )
|
11. |
L-Artikolu 20(2) jindika li: “Prattika kummerċjali tkun żleali jekk tmur kontra d-diliġenza professjonali u jekk toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni sinjifikattiva, fir-rigward tal-prodott, fil-komportament ekonomiku tal-konsumatur medju li hija taffettwa jew li hija indirizzata lilu jew tal-membru medju tal-grupp partikolari ta’ konsumaturi mmirat minn din il-prattika.” |
|
12. |
L-Artikolu 20(4) jidentifika żewġ kategoriji ta’ prattiki żleali: il-prattiki qarrieqa (imsemmija fl-Artikoli 21, 22 u 23) u l-prattiki aggressivi (imsemmija fl-Artikoli 24, 25 u 26). |
|
13. |
L-Artikolu 27(9) jipprevedi li: “Flimkien mal-miżura li tipprojbixxi l-prattika kummerċjali żleali, l-Awtorità tiddeċiedi li tapplika sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ EUR 5000 sa EUR 5000000, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità u t-tul tal-ksur. Fil-każ ta’ prattiki kummerċjali żleali ta’ konformità msemmija fl-Artikolu 21(3) u (4), is-sanzjoni ma tistax tkun inqas minn EUR 50000.” |
II. Il‑fatti, il‑kawża u d‑domandi preliminari
|
14. |
Permezz tad-Deċiżjoni Nru 26137, tal‑4 ta’ Awwissu 2016, l-AGCM imponiet fuq Volkswagen Group Italia SpA u Volkswagen Aktiengesellschaft (iktar ’il quddiem, rispettivament, “VWGI” u “VWAG”), sanzjoni pekunjarja ta’ EUR 5 miljun, minħabba li huma kienu ħatja ta’ prattiki kummerċjali żleali msemmija fl-Artikolu 21(1)(b), fl-Artikolu 23(1)(d) u fl-Artikolu 21(3) u (4) tal-Kodiċi tal-Konsum. Dawn id-dispożizzjonijiet jittrasponu d-Direttiva 2005/29 fid-dritt Taljan. |
|
15. |
Skont id-digriet tar-rinviju, il-ksur allegat fil-konfront ta’ VWGI u VWAG mill-AGCM kien jikkonsisti f’:
|
|
16. |
VWGI u VWAG ikkontestaw id-deċiżjoni tal-AGCM quddiem it-Tribunale Amministrativo Regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, Italia, iktar ’il quddiem it-“TAR ta’ Lazio”). |
|
17. |
Fl‑2018, wara li l-AGCM kienet adottat id-deċiżjoni tagħha Nru 26137 tal‑2016, iżda qabel ma t-TAR tal-Lazio kien ta s-sentenza tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig innotifika lil VWAG b’deċiżjoni li timponilha, f’konformità mal-Gesetz über Ordnungswidrigkeiten (il-Liġi dwar il-Ksur Amministrattiv; iktar ’il quddiem l-“OWiG”), sanzjoni ta’ biljun euro ( 9 ). |
|
18. |
Din is-sanzjoni kienet tikkonċerna, fost oħrajn, l-istess fatti li kienu ssanzjonati mill-AGCM. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-aġir taħt akkuża fil-Ġermanja kien jikkonsisti fi:
|
|
19. |
Id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig saret definittiva fit‑13 ta’ Ġunju 2018, minħabba li VWAG irrinunzjat għad-dritt tagħha li tikkontestaha u, barra minn hekk, ħallset is-sanzjoni pekunjarja fit‑18 ta’ Ġunju 2018. |
|
20. |
Fit‑3 ta’ April 2019, it-TAR ta’ Lazio, fis-sentenza Nru 6920/2019, ċaħdet ir-rikors ta’ VWGI u ta’ VWAG, minkejja li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu invokaw id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig. |
|
21. |
VWGI u VWAG invokaw b’mod partikolari numru ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati ta’ Stati Membri oħra, li fihom kienu ntemmu proċeduri interni dwar it-tibdil tal-kejl tal-emissjonijiet, minħabba li dawn il-fatti kienu diġà ġew issanzjonati fil-Ġermanja. |
|
22. |
It-TAR ta’ Lazio ċaħdet dan l-argument. Hija ddeċidiet li s-sanzjoni tal-AGCM kellha bażi legali differenti minn dik imposta fil-Ġermanja u li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma kienx jipprekludi lill-ewwel waħda. |
|
23. |
VWGI u VWAG appellaw mis-sentenza tat-TAR ta’ Lazio quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
III. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
|
24. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2022. |
|
25. |
Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-AGCM, mill-assoċjazzjoni Codacons ( 10 ), minn VWGI, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern Taljan kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. |
|
26. |
L-AGCM, VWGI, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni intervjenew fis-seduta tad‑19 ta’ Jannar 2023. |
IV. Evalwazzjoni
A. Ammissibbiltà
|
27. |
L-AGCM tqis li d-domandi preliminari huma inammissibbli għal żewġ raġunijiet:
|
|
28. |
L-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ argumenti ma jidhirli li huwa konvinċenti sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi ddikjarat inammissibbli. |
|
29. |
Fir-rigward tal-ewwel wieħed, l-Artikolu 51(1) tal-Karta jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tagħha huma indirizzati lill-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni ( 12 ). Peress li d-deċiżjoni tal-AGCM hija bbażata fuq dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-konsum Taljan li jimplimentaw id-Direttiva 2005/29, ninsabu f’qasam li fih Stat Membru japplika d-dritt tal-Unjoni. |
|
30. |
Dan il-fatt huwa biżżejjed sabiex jiġi implimentat l-Artikolu 50 tal-Karta, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk, barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż itteħditx, jew le, abbażi ta’ regola interna li timplimenta d-dritt tal-Unjoni. |
|
31. |
Barra minn hekk, għalkemm is-sanzjoni Ġermaniża għandha bħala kopertura immedjata l-OWiG (liġi barranija, bħala prinċipju, għad-dritt tal-Unjoni), hija tissanzjona, finalment, mhux biss is-sempliċi ksur formali tad-dmirijiet ta’ sorveljanza, iżda, permezz ta’ miżura, il-ksur materjali tar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-vetturi ( 13 ). F’dan ir-rigward, hija timplimenta wkoll id-dritt tal-Unjoni u għandha, għalhekk, tosserva l-Karta, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tagħha. |
|
32. |
Lanqas ma tista’ tintlaqa’ t-tieni raġuni ta’ inammissibbiltà invokata mill-AGCM, li tirrigwarda iktar il-mertu tal-kawża milli l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
|
33. |
Il-fatti li wasslu għall-proċeduri ta’ sanzjoni Taljani u Ġermaniżi huma konnessi mill-qrib minħabba li, fiż-żewġ każijiet, jittrattaw: a) l-installazzjoni mhux xierqa ta’ apparat li jiffalsifika t-testijiet tal-emissjonijiet u b) il-promozzjoni u l-bejgħ ta’ vetturi, li jaħbu din iċ-ċirkustanza, fi Stat Membru ieħor. |
|
34. |
Jekk din ir-rabta hijiex suffiċjenti sabiex tiġi evalwata l-identiċità tal-fatti ssanzjonati fiż-żewġ proċeduri, nirrepeti, jaqa’ taħt il-mertu u mhux taħt il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
B. Osservazzjonijiet preliminari
|
35. |
Qabel ma nissuġġerixxi risposta lill-qorti tar-rinviju, ser nagħmel żewġ preċiżazzjonijiet dwar ir-regoli li l-qorti tar-rinviju ssemmi fit-tielet domanda preliminari tagħha. |
|
36. |
Fost dawn, l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 13(2)(e) tad-Direttiva 2005/29, kif ukoll l-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Schengen, ma jidhirlix li huma rilevanti f’dan il-każ. |
|
37. |
Fir-rigward tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 ( 14 ), moqri fid-dawl tal-premessa 10 tagħha, minn dan jirriżulta li din id-direttiva tapplika fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-kunflitti bejn ir-regoli tal-Unjoni, u mhux bejn ir-regoli nazzjonali ( 15 ). |
|
38. |
Dan l-artikolu huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ta’ speċjalità: il-proċedura tad-Direttiva 2005/29 hija ppreżentata bħala waħda sussidjarja meta mqabbla ma’ proċeduri oħra iktar speċifiċi tad-dritt tal-Unjoni li jissanzjonaw prattiki kummerċjali żleali ( 16 ). Din ma hijiex dispożizzjoni legali li timplika l-ispeċifikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, protett mill-Artikolu 50 tal-Karta. Hija sempliċement intiża sabiex tipprevjeni l-akkumulazzjoni ta’ proċeduri rregolati minn regoli differenti fil-qasam tar-repressjoni tal-prattiki kummerċjali żleali. |
|
39. |
Fir-rigward tal-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2005/29, dan ġie inkorporat fiha permezz tad-Direttiva 2019/2161 ( 17 ) u pproduċiet l-effetti tagħha biss mit‑28 ta’ Mejju 2022 ( 18 ). Għaldaqstant, dan ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-fatti li ġew issanzjonati fil-kawża prinċipali. |
|
40. |
F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Schengen, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit fl-imsemmi artikolu huwa intiż li jiġi evitat, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li persuna ġġudikata definittivament tkun, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt tagħha għal moviment liberu, suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati Membri […] ( 19 ).” |
|
41. |
F’dan il-każ, għalkemm jirrigwarda l-applikazzjoni transkonfinali tal-prinċipju ne bis in idem bl-involviment tal-awtoritajiet Ġermaniżi u Taljani, il-protezzjoni tal-moviment liberu tal-persuni, li tikkostitwixxi r-raġuni għall-eżistenza tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ta’ Schengen, ma hijiex rilevanti. |
|
42. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, inqis li r-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tingħata biss fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
C. L‑ewwel domanda
|
43. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi jekk sanzjonijiet imposti fir-rigward ta’ prattiki kummerċjali żleali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li ttrasponiet id-Direttiva 2005/29 jistgħux jiġu kkwalifikati bħala sanzjonijiet amministrattivi ta’ natura kriminali. L-ammont ta’ dawn is-sanzjonijiet jista’ jvarja minn EUR 5000 miljun sa EUR 5 miljun. |
|
44. |
Il-prinċipju ta’ ne bis in idem, imsemmi fl-Artikolu 50 tal-Karta, jipprojbixxi l-akkumulazzjoni kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali, fis-sens tal-imsemmi artikolu, għall-istess atti kontra l-istess persuna ( 20 ). |
|
45. |
Hija r-responsabbiltà tal-qorti tar-rinviju li tivvaluta, f’kull każ, in-natura kriminali tal-proċeduri u tas-sanzjonijiet, bl-applikazzjoni tal-kriterji aċċettati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirreferu għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 21 ) (magħrufa bħala l-“kriterji Engel”) ( 22 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ toffri preċiżazzjonijiet addizzjonali biex tiggwida lill-qorti nazzjonali fl-interpretazzjoni tagħha. |
|
46. |
Dawn l-imsemmija kriterji jindirizzaw: i) il-kwalifika legali tal-ksur fid-dritt intern; ii) in-natura tas-sanzjoni; iii) il-gravità tas-sanzjoni li tista’ tiġi imposta ( 23 ). |
1. Kwalifika legali tal‑ksur
|
47. |
Id-dritt Taljan jikkwalifika bħala amministrattiv il-ksur (kif ukoll il-proċedura ta’ konstatazzjoni) fl-Artikoli 21 u 23 tal-Kodiċi tal-Konsum. Din l-istess natura għandha s-sanzjoni pekunjarja applikabbli, skont l-Artikolu 27(9) ta’ dan il-kodiċi. |
|
48. |
Fir-rigward tas-sanzjoni imposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-qorti tar-rinviju ma għandhiex dubju dwar in-natura kriminali tagħha. |
|
49. |
Ksur u sanzjoni msejħa amministrattivi, skont id-dritt intern, jistgħu madankollu jkollhom natura kriminali għall-finijiet li jinteressawna hawnhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta ma hijiex limitata biss għall-proċeduri u s-sanzjonijiet li d-dritt nazzjonali jikkwalifika bħala “kriminali”, iżda testendi – indipendentement mill-kwalifika tagħhom fid-dritt intern – għal dawk il-proċeduri u s-sanzjonijiet li għandhom jitqiesu ta’ natura kriminali fir-rigward taż-żewġ kriterji l-oħra msemmija iktar ’il fuq ( 24 ). |
2. In‑natura tas‑sanzjoni
|
50. |
F’dak li jirrigwarda n-natura tas-sanzjoni, għandu jiġi vverifikat jekk din “għandhiex, b’mod partikolari, għan repressiv. […] Minn dan isegwi li sanzjoni li għandha għan repressiv hija ta’ natura kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta, u li l-fatt biss li hija għandha wkoll għan preventiv ma huwiex ta’ natura li jneħħilha l-kwalifika tagħha ta’ sanzjoni kriminali. […] [H]uwa fin-natura nfisha tas-sanzjonijiet kriminali li dawn ikunu intiżi kemm għar-repressjoni kif ukoll għall-prevenzjoni ta’ aġir illegali. Min-naħa l-oħra, miżura li sempliċement tirrepara d-dannu kkawżat mill-ksur ikkonċernat ma għandhiex natura kriminali ( 25 ).” |
|
51. |
L-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsum jipprevedi li s-sanzjoni pekunjarja għandha tiġi miżjuda b’mod obbligatorju ma’ miżuri oħra previsti sabiex jitwaqqfu l-prattiki kummerċjali żleali, b’mod partikolari mal-projbizzjoni ta’ tkomplija jew ta’ repetizzjoni ta’ dawn il-prattiki. |
|
52. |
Skont il-Gvern Taljan, huma dawn il-miżuri, u mhux is-sanzjoni pekunjarja tal-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsum, li huma ta’ natura repressiva. Is-sanzjoni pekunjarja hija intiża sabiex tinnewtralizza l-vantaġġ kompetittiv miksub mill-impriża permezz tal-aġir frawdolenti tagħha fil-konfront tal-konsumaturi u sabiex terġa’ tistabbilixxi l-kompetizzjoni fis-suq, kif kien jeżisti qabel il-prattika kummerċjali żleali. |
|
53. |
Mingħajr preġudizzju għall-evalwazzjoni finali tal-qorti tar-rinviju, ma ninsabx konvint mill-argument tal-Gvern Taljan dwar dan il-punt. Għall-kuntrarju, jiena tal-fehma li s-sanzjoni pekunjarja tal-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsum hija ta’ natura repressiva: l-għan primarju tagħha ma huwiex li jissewwa d-dannu mġarrab minn terzi bħala riżultat tal-ksur, iżda li jikkastiga mġiba illegali ( 26 ). |
|
54. |
Fil-fatt, dan l-artikolu ma jinkludi l-ebda indikazzjoni dwar in-natura ta’ tiswija tas-sanzjoni, u lanqas l-ammont tagħha ma jiddependi mill-effetti tal-ksur fuq terzi. |
|
55. |
Finalment, ma tantx huwa importanti, għal dak li issa huwa rilevanti, li għall-għan repressiv tagħha s-sanzjoni takkumula intenzjoni preventiva, jiġifieri dik li tiddiswadi lill-impriżi milli jwettqu prattiki kummerċjali żleali. |
3. Severità tas‑sanzjoni
|
56. |
Il-limitu massimu tas-sanzjoni previst fl-Artikolu 27(9) tal-Kodiċi tal-Konsum jammonta għal EUR 5 miljun, ammont għoli ħafna, li jindika s-severità tiegħu ( 27 ). |
|
57. |
Huwa minnu li sanzjoni ta’ EUR 5 miljun tista’ ma tkunx partikolarment oneruża għal impriża multinazzjonali bi dħul mill-bejgħ għoli, bħalma huwa l-każ ta’ VWAG ( 28 ). |
|
58. |
Madankollu, dan il-fatt ma huwiex ta’ natura li jqajjem dubju dwar in-natura gravement afflittiva tas-sanzjoni prevista mil-liġi. L-iktar l-iktar, hija tista’ tħeġġeġ lil-leġiżlatur sabiex iżid l-ammont tal-multi fil-każ ta’ prattiki kummerċjali żleali, billi jissostitwixxi l-ammont fiss b’ammont proporzjonali mad-dħul mill-bejgħ ( 29 ). |
|
59. |
Barra minn hekk, il-gravità tas-sanzjoni għandha tiġi evalwata skont il-karatteristiċi oġġettivi tagħha u mhux skont l-impatt tagħha, b’mod partikolari fuq impriża speċifika ssanzjonata. |
|
60. |
Fil-qosor, inqis li sanzjoni amministrattiva bħal dik inkwistjoni, li l-ammont tagħha jista’ jitla’ għal EUR 5 miljun minħabba l-implimentazzjoni ta’ prattiki kummerċjali żleali, hija ta’ natura materjalment kriminali fis-sens tal-Artikolu 50 tal-Karta. |
D. It‑tieni domanda
|
61. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi jekk l-Artikolu 50 tal-Karta jipprekludix “leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tiġi kkonfermata quddiem qorti u ssir definittiva sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali fil-konfront ta’ persuna ġuridika għal aġir illegali li jintegra prattiki kummerċjali żleali, li għalihom sadanittant tkun ġiet deċiża kundanna kriminali definittiva kontriha fi Stat Membru differenti, fejn it-tieni kundanna tkun saret res judicata qabel it-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-ewwel sanzjoni amministrattiva pekunjarja ta’ natura kriminali.” |
|
62. |
Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija suġġetta għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jkun hemm deċiżjoni preċedenti definittiva (il-kundizzjoni “bis”) u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni preċedenti u l-proċeduri jew id-deċiżjonijiet sussegwenti jikkonċernaw l-istess fatti (il-kundizzjoni “idem”) ( 30 ). |
1. F’dak li jirrigwarda l‑“bis”
|
63. |
“[S]abiex deċiżjoni ġudizzjarja tkun tista’ titqies bħala li tkun iddeċidiet b’mod definittiv dwar il-fatti sottomessi għal tieni proċedura, huwa neċessarju mhux biss li din id-deċiżjoni tkun saret definittiva, iżda wkoll li din tkun ingħatat wara evalwazzjoni dwar il-mertu tal-kawża ( 31 ).” |
|
64. |
Mill-atti tal-proċedura jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig saret definittiva fit‑13 ta’ Ġunju 2018 u li ttieħdet, b’mod motivat, wara evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża. F’din id-data, il-proċedura amministrattiva tas-sanzjonar Taljana kienet diġà nbdiet, iżda kienet għadha ma ġietx konkluża: id-deċiżjoni tal-AGCM tal‑4 ta’ Awwissu 2016 ġiet appellata u ma kinitx (u għadha ma hijiex) finali. |
|
65. |
Għalkemm iż-żewġ proċeduri żvolġew parzjalment b’mod parallel fiż-żmien (huma kienu għaddejjin fl-istess ħin għal 4 xhur, skont l-informazzjoni pprovduta waqt is-seduta), is-sanzjoni imposta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig saret definittiva qabel ma l-awtoritajiet Taljani ddeċidew definittivament dwar l-istess fatti u impriżi identiċi. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li n-natura definittiva tad-deċiżjoni Ġermaniża tirriżulta mill-fatt li VWAG ma ppreżentatx rikors kontra din id-deċiżjoni ( 32 ). |
|
66. |
Għaldaqstant, teżisti d-duwalità ta’ proċeduri, li waħda minnhom wasslet għal sanzjoni definittiva, li tobbliga li jiġi ddeterminat jekk dawn it-tnejn kinux jirrigwardaw jew le l-istess fatti u kinux diretti kontra l-istess persuna. |
2. F’dak li jirrigwarda l‑“idem”
|
67. |
It-teżi predominanti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija li l-projbizzjoni tal-piena doppja tikkonċerna l-istess fatti materjali (idem factum), mifhuma bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti inseparabbilment marbuta bejniethom, indipendentement mill-kwalifika ġuridika tagħhom (idem crimen). |
|
68. |
Bħalma tindika l-qorti tar-rinviju, iż-żewġ proċeduri inkwistjoni fil-kawża jikkonċernaw l-istess persuna ġuridika (VWAG). Huwa minnu li d-deċiżjoni Taljana affettwat ukoll lil VWGI, iżda din l-informazzjoni ma hijiex neċessarjament ta’ natura li tikser l-identità suġġettiva, peress li din l-aħħar impriża tappartjeni lill-ewwel u li tinsab taħt il-kontroll tagħha. |
|
69. |
Fi kwalunkwe każ, quddiem l-oġġezzjonijiet imqajma f’dan ir-rigward mill-AGCM, huwa l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li għandu jsolvi d-dibattitu dwar l-identità suġġettiva tal-impriżi kkonċernati. |
|
70. |
Fir-rigward tal-identità oġġettiva, l-Artikolu 50 tal-Karta jipprojbixxi li jiġu imposti, għal fatti identiċi, diversi sanzjonijiet ta’ natura kriminali wara proċeduri differenti mibdija għal dan il-għan ( 33 ). |
|
71. |
Għalhekk ma huwiex biżżejjed li dawn ikunu fatti simili, iżda għandhom ikunu identiċi. L-identiċità tal-fatti materjali tinftiehem bħala ġabra ta’ ċirkustanzi konkreti li jirriżultaw minn avvenimenti li huma, essenzjalment, l-istess, sakemm jinvolvu l-istess awtur u jkunu marbuta b’mod inseparabbli bejniethom fiż-żmien u fl-ispazju ( 34 ). |
|
72. |
Fl-evalwazzjoni tal-identiċità tal-fatti, il-kwalifika ġuridika tagħhom mid-dritt nazzjonali ssir sekondarja. Hija wkoll id-disparità tal-interessi legali protetti, fi Stat jew ieħor, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-istess ksur, peress li l-portata tal-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor ( 35 ). |
|
73. |
Fis-sentenzi bpost u Nordzücker, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-prevalenza tal-identità fattwali (idem factum) fuq dik tad-dritt (idem crimen). Hija affermat dan fl-ambitu tar-regoli tal-kompetizzjoni ħielsa, billi kkwalifikat il-ġurisprudenza preċedenti tagħha f’dan il-qasam ( 36 ). |
|
74. |
Waqt is-seduta, il-Gvern Taljan ippropona ( 37 ) li, meta l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali ma tkunx fattibbli, l-interessi ġenerali protetti mir-regoli taż-żewġ Stati Membri kkonċernati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx identiċità fattwali. |
|
75. |
Dan huwa każ fejn, jekk fhimt sewwa, ikolli nerġa’ nirreferi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-applikazzjoni tan-ne bis in idem fil-qasam tar-regoli tal-kompetizzjoni, li kienet teħtieġ l-identità fattwali u tal-interessi legali protetti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-idem. Nista’ nifhem, madankollu, li din it-teżi inqabżet mis-sentenzi bpost u Nordzücker. |
|
76. |
Huwa l-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) li għandu jiddetermina jekk, f’dan il-każ, il-fatti humiex identiċi minn perspettiva materjali u temporali. Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, hija ssemmi “ix-xebh, jekk mhux l-identità” tal-fatti ssanzjonati, sabiex sussegwentement tenfasizza l-“omoġenità tal-aġir”, peress li aġir li jikkonċerna l-kummerċjalizzazzjoni ta’ vetturi b’apparat imbagħbas u r-reklamar li kien jenfasizza l-osservanza tal-leġiżlazzjoni ambjentali ġie ssanzjonat fiż-żewġ proċeduri ( 38 ). |
|
77. |
Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ riflessjoni li ġejjin dwar dan il-punt:
|
|
78. |
Jekk il-qorti tar-rinviju tqis, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li l-idem factum huwa ssodisfatt, id-duwalità tal-proċeduri tikkostitwixxi, bħala prinċipju u bla ħsara għal dak li ser jiġi eżaminat iktar ’il quddiem, ksur tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta ( 43 ). |
E. It‑tielet domanda preliminari
|
79. |
Il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) jistaqsi jekk id-Direttiva 2005/29 [b’mod partikolari l-Artikoli 3(4) u 13(2)(e)] tistax tiġġustifika “deroga mill-projbizzjoni ta’ ‘bis in idem’ stabbilita fl-Artikolu 50 tal-Karta.” |
|
80. |
Diġà indikajt ( 44 ) ir-raġunijiet li għalihom inqis li l-Artikoli 3(4) u 13(2)(e) tad-Direttiva 2005/29 ma japplikawx hawnhekk. Għalhekk, ser nirreferi biss għall-Artikolu 50 tal-Karta u għall-possibbiltajiet li wieħed jirrikorri għall-ewwel sentenza tal-Artikolu 52(1) tagħha, sabiex tiġi ammessa deroga minn tali projbizzjoni. |
|
81. |
Skont ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, limitazzjoni tad-dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 50 tal-Karta tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 52(1) ( 45 ) tagħha, li huwa suġġett għal ċerti kundizzjonijiet: i) li jkun hemm dispożizzjoni legali; ii) li l-kontenut essenzjali tad-dritt ikun rispettat; iii) li jkun hemm raġuni ta’ interess ġenerali jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni ta’ dritt fundamentali; u iv) li l-limitazzjoni tkun tikkonforma mal-prinċipji ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità. |
1. Dispożizzjoni legali
|
82. |
Kif jidher li jirriżulta mid-digriet tagħha, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig u tal-AGCM Taljana huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-liġi. |
|
83. |
Ma jidhirx li hemm ħafna dubji f’dan ir-rigward, peress li l-AGCM kienet applikat il-Kodiċi tal-Konsum u l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig l-OWiG. |
2. Osservanza tal‑kontenut essenzjali tad‑dritt għan‑ne bis in idem
|
84. |
Il-qorti tar-rinviju lanqas ma tidher li għandha dubji dwar l-osservanza ta’ din il-kundizzjoni fil-kawża li ġiet imressqa quddiemha. |
3. Protezzjoni ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali
|
85. |
L-eċċezzjoni, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, għall-projbizzjoni li persuna tiġi ġġudikata jew ikkundannata darbtejn għall-istess fatti għandha tissodisfa għan jew għanjiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxut(i) mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor. |
|
86. |
Kif diġà esponejt, l-identiċità tal-interessi legali protetti mir-regoli li permezz tagħhom iż-żewġ sanzjonijiet huma imposti ma hijiex iktar rilevanti għall-kwalifika tal-idem ( 46 ). |
|
87. |
Madankollu, sa mis-sentenza Menci, dawn l-istess interessi ġuridiċi jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-Artikolu 52 tal-Karta. Ikun neċessarju li r-regoli jipproteġu interessi ġenerali addizzjonali, iżda mhux identiċi. Kieku ż-żewġ proċeduri nazzjonali kellhom bħala għan il-protezzjoni tal-istess interess ġenerali, il-komplementarjetà kienet tintilef u l-akkumulazzjoni tagħha ma kinitx tista’ tiġi ġġustifikata mill-Artikolu 52 tal-Karta ( 47 ). |
|
88. |
Fil-kawża ineżami, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża u l-leġiżlazzjoni Taljana ma jidhrux li għandhom għanijiet identiċi, iżda komplementari:
|
|
89. |
Għalhekk, dawn huma għanijiet komplementari: ir-rispett tad-dmir ta’ sorveljanza tal-impriżi jiffavorixxi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi li jixtru l-prodotti tagħhom. Nirrepeti li t-tnejn li huma jsegwu kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tivverifika ( 49 ). |
4. Proporzjonalità u neċessità tal‑limitazzjoni
|
90. |
Il-limitazzjoni tal-prinċipji ta’ ne bis in idem abbażi tal-Artikolu 52(1) tal-Karta għandha, barra minn hekk, tkun proporzjonata u neċessarja. |
|
91. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet duttrina ġenerali dwar il-proporzjonalità u n-neċessità tal-limitazzjoni inkwistjoni hawnhekk, li tidher sew f’dawn il-kunsiderazzjonijiet li ser nirriproduċi:
|
|
92. |
Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja teżiġi li tiġi analizzata l-osservanza ta’ dawn it-tliet kriterji:
|
|
93. |
Għal darba oħra, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, jekk dawn it-tliet kriterji humiex issodisfatti fil-kawża a quo. Madankollu, sabiex tipprovdilha risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdilha l-preċiżazzjonijiet li ġejjin. |
a) Iċ‑ċarezza u l‑preċiżjoni tar‑regoli li jirrigwardaw il‑kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet
|
94. |
Id-digriet tar-rinviju ma jistabbilixxix regoli nazzjonali, la Taljani u lanqas Ġermaniżi, li jipprevedu speċifikament il-possibbiltà (u l-kundizzjonijiet) li jinbdew proċeduri simultanji u li jiġu imposti sanzjonijiet indipendenti għall-istess fatti, meta dawn iseħħu f’żewġ Stati Membri. |
|
95. |
Tkun kwistjoni differenti li kemm l-OWiG kif ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Konsum Taljan dwar il-prattiċi kummerċjali żleali jikkostitwixxu bażijiet legali sodi għall-istruttorja tal-proċeduri u għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet. Kif diġà esponejt, iċ-ċarezza u l-preċiżjoni ta’ dawn ir-regoli ma jidhrux li qegħdin iqajmu dubji. |
|
96. |
Minn din il-perspettiva, VWAG setgħet tipprevedi u tistenna li tiġi ssanzjonata fiż-żewġ Stati Membri (u f’oħrajn) għall-aġir tagħha fir-rigward tat-tbagħbis tal-magni, tal-bejgħ ta’ karozzi b’dawn il-magni u tar-reklamar li ħeba dan it-tbagħbis. |
b) Il‑gravità tas‑sanzjonijiet imposti kollha
|
97. |
Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-kumulu tas-sanzjoni Taljana ma’ dik Ġermaniża ma jirriżultax sproporzjonat meta mqabbel mal-aġir punibbli, fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ ta’ VWAG u tal-vantaġġ ekonomiku miksub minn din l-impriża multinazzjonali minħabba t-tbagħbis tal-magni (stmat għal EUR 995 miljun). |
|
98. |
Is-sanzjoni tal-awtorità Ġermaniża hija ta’ EUR 1000 miljun u dik tal-awtorità Taljana ta’ EUR 5 miljun. Is-somma tat-tnejn b’hekk ma tidhirx eċċessiva għar-repressjoni tal-aġir issanzjonat. |
|
99. |
Huwa minnu li s-sanzjoni Ġermaniża tintegra parti strettament “punittiva”, u oħra li tikkorrispondi għan-newtralizzazzjoni tal-benefiċċju miksub minn VWAG. Iżda dan il-fatt ma jipprekludix, fih innifsu, li din hija sanzjoni ta’ portata kbira. L-istess japplika għas-sanzjoni tal-AGCM, li hija l-ikbar waħda li setgħet tiġi imposta skont il-leġiżlazzjoni Taljana li inkorporat id-Direttiva 2005/29. |
|
100. |
Fi kwalunkwe każ, nirrepeti, il-kumulu tas-sanzjonijiet ma jidhirx sproporzjonat fid-dawl tal-gravità tal-ksur imwettaq u tal-profitti miksuba minn VWAG. |
c) Il‑koordinazzjoni tal‑proċeduri
|
101. |
Il-koordinazzjoni bejn il-proċeduri ta’ sanzjoni Ġermaniżi u dawk Taljani u l-prova ta’ rabta materjali u temporali suffiċjentement stretta bejniethom tqajjem, f’dan il-każ, dubju suffiċjenti. |
|
102. |
Ser nagħti attenzjoni partikolari għal din il-problema, għaliex, diġà minn qabel, nifhem li, sakemm il-qorti tar-rinviju ma għandhiex informazzjoni addizzjonali f’sens ieħor, ma kienx hemm koordinazzjoni bejn iż-żewġ proċeduri mwettqa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig u mill-AGCM Taljana. |
|
103. |
Wieħed jista’ l-iktar l-iktar jaċċetta li kien hemm rabta materjali bejn iż-żewġ proċeduri u li dawn żvolġew fi żmien qrib, iżda, nirrepeti, ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni ma ġiex osservat. |
|
104. |
Ċerti setturi tad-dritt tal-Unjoni għandhom mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali (kemm bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni jew ma’ korp ieħor tal-Unjoni) sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni, l-għajnuna reċiproka u l-iskambju ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda l-investigazzjoni tal-proċeduri:
|
|
105. |
Dawn il-mekkaniżmi jiffaċilitaw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem billi jevitaw proċeduri doppji għall-istess fatti f’tilwimiet transkonfinali li jinvolvu lil diversi Stati Membri ( 56 ). |
|
106. |
Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, ma kienx jeżisti mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni speċifiku għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali li għandhom setgħat eteroġenji. |
|
107. |
Huwa minnu li r-Regolament (UE) Nru 2006/2004 ( 57 ), applikabbli fil-mument tal-fatti, u sussegwentement issostitwit bir-Regolament 2017/2394, jipprevedi mezz ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali inkarigati bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi. L-AGCM hija waħda minn dawn l-awtoritajiet u tista’ tuża dan l-istrument, iżda dan ma kienx il-każ fir-rigward tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig ( 58 ). |
|
108. |
B’risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ipprovdew, waqt is-seduta, l-informazzjoni li ġejja:
|
|
109. |
Fi kwalunkwe każ, din it-talba għal deċiżjoni preliminari tenfasizza, fil-fehma tiegħi, id-diffikultà li tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li taċċetta limitazzjonijiet skont l-Artikolu 50 tal-Karta, li huma bbażati fuq l-Artikolu 52 tagħha, għal każijiet bħal dan. |
|
110. |
B’mod partikolari, huwa diffiċli li r-rekwiżit tal-koordinazzjoni jiġi osservat meta jkun hemm kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, minn awtoritajiet nazzjonali ta’ żewġ Stati li għandhom kompetenzi f’oqsma differenti, li għalihom ma jeżistux mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni speċifiċi previsti mid-dritt tal-Unjoni ( 60 ). |
|
111. |
Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni bejn awtoritajiet meta jkun hemm kumulu ta’ proċeduri u sanzjonijiet jista’ jkollhom, f’dawn il-każijiet, effett paradossali:
|
|
112. |
Huwa forsi għal dawn ir-raġunijiet jew raġunijiet analogi li, waqt is-seduta, il-Gvern Taljan ippropona, sussidjarjament ( 61 ), li ma jiġix applikat ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni, billi jeżiġi biss li tiġi vverifikata l-proporzjonalità tal-kumulu tas-sanzjonijiet. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, talbet li tingħata interpretazzjoni laxka tal-kundizzjoni tal-koordinazzjoni, li saħansitra tafferma li l-kriterju tal-koordinazzjoni ma huwiex neċessarju f’każijiet bħal dan inkwistjoni ( 62 ). |
|
113. |
Min-naħa tiegħi, ma tantx għandi tama li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tbiddel il-ġurisprudenza tagħha f’dan il-qasam. Jekk ma ħaditx il-pożizzjoni li jien iddefendejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Menci ( 63 ), u lanqas il-kritika sussegwenti tal-Avukat Ġenerali Bobek ( 64 ) fir-rigward tal-kriterju stabbilit fis-sentenza Menci (imtenni iktar tard fis-sentenzi bpost u Nordzücker), ma huwiex probabbli li ser tagħmel dan issa. |
|
114. |
Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tagħżel bejn tliet possibbiltajiet:
|
|
115. |
Il-koerenza mal-ġurisprudenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħżel, fil-fehma tiegħi, it-tielet soluzzjoni. Kemm għal din ir-raġuni kif ukoll għaliex l-applikazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta jidhirli li tipprevali u nikkunsidra li l-Artikolu 52(1) tagħha ma jkoprix il-multiplikazzjoni ta’ proċeduri mibdija u sanzjonijiet applikati minn awtoritajiet nazzjonali ta’ oqsma differenti għall-istess persuna għal fatti identiċi, meta ma teżistix koordinazzjoni suffiċjenti bejn l-azzjonijiet tagħhom, hija wkoll dik li nipproponi għal din il-kawża. |
V. Konklużjoni
|
116. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja) kif ġej: “L-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.
( 2 ) Dawn huma, minn naħa, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato, l-Italja (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) u, min-naħa l-oħra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Braunschweig, il-Ġermanja.
( 3 ) Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet dwar kawżi ta’ ne bis in idem li kienu jinvolvu sanzjonijiet minn awtoritajiet nazzjonali differenti tal-istess Stat Membru [bħal dik eżaminata fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, bpost (C‑117/20, EU:C:2022:202, iktar ’il quddiem is-“sentenza bpost”), fejn intervjenew l-awtoritajiet Belġjani li jirregolaw is-servizzi postali u dawk tal-protezzjoni tal-kompetizzjoni]. Hija ddeċidiet ukoll dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari meta s-sanzjonijiet kienu joriġinaw minn awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ żewġ Stati Membri [sentenza tat‑22 ta’ Marzu 2022, Nordzucker (C‑151/20, EU:C:2022:203), iktar ’il quddiem is-“sentenza Nordzucker”].
( 4 ) Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86),
( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU 2019, L 328, p. 7).
( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU 2017, L 345, p. 1).
( 7 ) Decreto legislativo n. 206 – Codice del consumo, a norma dell’articolo 7 della legge 29 luglio 2003, n. 229 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 li jistabbilixxi l-Kodiċi tal-Konsum skont l-Artikolu 7 tal-Liġi Nru 229, tad‑29 ta’ Lulju 2003), tas‑6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 235, tat‑8 ta’ Ottubru 2005; iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsum”).
( 8 ) Dan huwa apparat installat fuq vetturi mgħammra b’magni Volkswagen li fihom kien ġie installat software li kapaċi jidentifika meta l-vettura bil-mutur kienet tinsab f’bank ta’ prova għall-ittestjar tal-emissjonijiet inkwinanti tagħha, b’tali mod li jkollha għaldaqstant funzjonament inqas inkwinanti, sabiex inaqqas l-emissjonijiet tal-gass. Ladarba t-testijiet ikunu tlestew b’suċċess, il-vettura tirkupra l-livell ta’ emissjonijiet tagħha, livell ferm ogħla minn dak legalment awtorizzat, fl-użu abitwali tagħha. Dan l-apparat huwa pprojbit mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1). Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2020, CLCV et (Apparat ta’ manipulazzjoni fuq magni diesel) (C‑693/18, EU:C:2020:1040); tal‑14 ta’ Lulju 2022, GSMB Invest (C‑128/20, EU:C:2022:570); u tal‑14 ta’ Lulju 2022, Porsche Inter Auto u Volkswagen (C‑145/20, EU:C:2022:572).
( 9 ) Id-deċiżjoni Ġermaniża għandha r-referenza “NZS 411 JS 27840/18.”
( 10 ) L-assoċjazzjoni Codacons (Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’Ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori) (Koordinazzjoni tal-assoċjazzjonijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u tad-drittijiet tal-utenti u tal-konsumaturi) tintervjeni fil-proċedura fil-kawża prinċipali insostenn tat-teżi tal-AGCM.
( 11 ) Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9; iktar ’il quddiem il-“KIFS”). Skont l-Artikolu 54 tagħha: “Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”
( 12 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982), punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et (C‑537/16, EU:C:2018:193, iktar ’il quddiem is-“sentenza Garlsson Real Estate”, punt 23; u tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punti 19 u 21).
( 13 ) Dan huwa dak li sostniet VWGI waqt is-seduta.
( 14 )
( 15 ) Dan huwa dak li jaffermaw is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2018, Wind Tre u Vodafone Italia (C-54/17 u C-55/17, EU:C:2018:710), punti 58 u 59; u tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C-544/13 u C-545/13, EU:C:2015:481), punt 79.
( 16 ) Qiegħed nirreferi għall-analiżi li għamilt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Wind Tre u Vodafone Italia (C-54/17 u C-55/17, EU:C:2018:377), punti 92 sa 119.
( 17 ) Il-paragrafu l-ġdid huwa riprodott, parzjalment, fil-punt 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Dan huwa dak li jistabbilixxi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2019/2161.
( 19 ) Sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2022, Generalstaatsanwaltschaft München (Estradizzjoni u ne bis in idem) (C‑435/22 PPU, EU:C:2022:852), punt 76.
( 20 ) Sentenzi bpost, punt 24; Nordzucker, punt 28; u tal‑20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, iktar ’il quddiem, is-“sentenza Menci”), punt 25.
( 21 ) Iktar ’il quddiem, il-“QEDB”.
( 22 ) Sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il_Pajjiżi l-Baxxi (rikorsi nri 5100/71, 5101/71, 5102/71, 5354/72 u 5370/72 (CE:ECHR:1976:0608JUD000510071)).
( 23 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Bonda (C‑489/10, EU:C:2012:319), punt 37; Menci, punti 26 u 27; u bpost, punt 25.
( 24 ) Sentenzi Menci, punt 30; bpost, punt 26; u Nordzucker, punt 31.
( 25 ) Sentenza Garlsson Real Estate, punt 33. Fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (C‑537/16, EU:C:2017:668) punt 64, u fil-konklużjonijiet tat-12 ta’ Settembru 2017, Menci (C-524/15, EU:C:2017:667), punt 113 indikajt li kull sanzjoni, għandha, fil-verità, komponent repressiv u l-effett preventiv jew dissważiv tagħha jirriżulta, preċiżament, mill-kastig li ġġib. Fl-istess sens, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504), punt 89.
( 26 ) Qiegħed nirreferi għall-konklużjonijiet li ppreżentajt fil-kawża Menci (C‑524/15, EU:C:2017:667). Hemmhekk sostnejt li “ġaladarba s-sanzjonijiet amministrattivi u kriminali huma rifless tal-ius puniendi tal-Istat, ma narax kif (ħlief fil-kuntest ta’ interpretazzjoni artifiċjali, sempliċement ta’ natura dommatika) għandha tiġi miċħuda n-natura doppja preventiva u ta’ infurzar fil-każ tal-ewwel, u li tagħmilhom analogi għas-sanzjonijiet strettament kriminali. […] [N]emmen li kull sanzjoni għandha, fil-verità, komponenti ta’ infurzar u l-effett preventiv jew dissważorju tagħha jirriżulta, preċiżament, mill-punizzjoni li tirriżulta minnha (punt 113).
( 27 ) Dan l-istess limitu (EUR 5 miljun) kellha s-sanzjoni prevista fl-Artikolu 187b tal-liġi applikabbli, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fis-sentenza Garlsson Real Estate bħala sanzjoni amministrattiva ta’ natura kriminali, anki jekk fatturi oħra seħħew f’dan il-każ.
( 28 ) L-AGCM tenfasizza li s-sanzjoni tirrappreżenta biss 0.0068 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ VWAG fl‑2015 (EUR 73.510 miljun) u 0.12 % tal-fatturat ta’ VWGI u, li, kieku din kienet multa għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, hija kienet titla’ għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ.
( 29 ) Kif diġà indikajt, wara l-adozzjoni tad-Direttiva 2019/2161, l-ammont massimu tal-multi “jkun tal-inqas 4 % tal-fatturat annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru jew l-Istati Membri kkonċernati […].” Għalhekk, huwa possibbli li jiġu adottati multi għal prattiki kummerċjali żleali li l-livell tagħhom huwa ħafna ogħla minn dawk attwali meta dawn ikunu impriżi nazzjonali jew multinazzjonali li d-dħul mill-bejgħ tagħhom ikun għoli ħafna.
( 30 ) Sentenza bpost, punt 28.
( 31 ) Sentenza bpost, punt 29.
( 32 ) Din hija sempliċi konġettura li jiġi preżunt li r-rinunzja li jiġi ppreżentat rikors kontra s-sanzjoni Ġermaniża tagħmel parti minn strateġija tal-impriża sabiex, abbażi tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, tipparalizza jew tiddiżattiva l-proċeduri mibdija kontra VWAG fi Stati Membri oħra. Il-Kummissjoni tinnota r-riskju li jiġi ffavorit il-forum shopping mill-impriżi multinazzjonali li, billi jinvokaw l-Artikolu 50 tal-Karta, jistgħu jfittxu s-sanzjoni fl-Istat Membru bis-sistema l-iktar benevola u b’hekk jevitaw is-sanzjonijiet għall-istess fatti fl-Istati Membri l-oħra. Waqt is-seduta, l-AGCM sostniet li hija ma kellhiex bażi sabiex issostni li l-istrateġija ta’ VWAG kellha dan l-għan, li din l-impriża kkorroborat billi sostniet li jkun illoġiku li tiġi aċċettata sanzjoni pekunjarja tant ħarxa bħal dik imposta fil-Ġermanja sabiex tiġi evitata oħra li l-ammont tagħha huwa ħafna iżgħar.
( 33 ) Sentenzi Menci, punt 35; Garlsson Real Estate et, punt 37; bpost, punt 33.
( 34 ) Sentenzi tal-Qorti EDB tal‑10 ta’ Frar 2009, Sergueï Zolotoukhine vs Ir‑Russja (CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, §§ 83 u 84); u tal‑20 ta’ Mejju 2014, Pirttimäki vs Il‑Finlandja (CE:ECHR:2014:0520JUD003523211), §§ 49 sa 52, li tirreferi għalihom is-sentenza bpost, punti 36 u 37.
( 35 ) Sentenzi Menci, punt 36; Garlsson Real Estate, punt 38; u bpost, punt 34.
( 36 ) Ara Van Cleynenbreugel, P., “Bpost and Nordzücker: Searching for the essence of the ne bis in idem in European Union Law”, European Constitutional Law Review, 2022, Nru 3, p. 361 u 362.
( 37 ) L-AGCM insistiet ukoll, waqt is-seduta, dwar id-disparità tal-interessi ġenerali protetti mir-regola Ġermaniża u dawk imħarsa mil-leġiżlazzjoni Taljana, bħala argument sabiex tqiegħed fid-dubju l-eżistenza ta’ idem.
( 38 ) Att ta’ akkuża, punti 1.7 u 1.8.
( 39 ) L-ikbar diffikultà fl-evalwazzjoni tal-identità f’dawn l-ipoteżijiet hija riflessa fis-sentenza Nordzücker, punt 46: “Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, għandu, b’mod partikolari, jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjonijiet ġuridiċi magħmula mill-Awtorità Ġermaniża abbażi tal-punti ta’ fatt ikkonstatati fid-deċiżjoni definittiva tagħha rrigwardawx esklużivament is-suq Ġermaniż jew ukoll is-suq Awstrijak taz-zokkor. Huwa wkoll rilevanti l-punt dwar jekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa bbażata fuq id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq affettwat mill-ksur, l-Awtorità Ġermaniża ħaditx bħala bażi ta’ kalkolu biss id-dħul mill-bejgħ magħmul fil-Ġermanja (ara, mutatis mutandis, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 101).”
( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 iktar ’il fuq.
( 41 ) Huwa jsemmi espressament il-fatt li l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur imbagħbsa fi Stati oħra, inkluż fl-Italja, ittieħed inkunsiderazzjoni meta ġiet imposta s-sanzjoni fuq VWAG.
( 42 ) Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li “s-sempliċi fatt li awtorità ta’ Stat Membru ssemmi, f’deċiżjoni li tikkonstata ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni kif ukoll tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt ta’ dan l-Istat Membru, punt ta’ fatt relatat mat-territorju ta’ Stat Membru ieħor ma jistax ikun biżżejjed sabiex jitqies li dan il-punt ta’ fatt ta lok għall-proċeduri jew ġie kkunsidrat minn din l-awtorità fost il-punti li jikkostitwixxu dan il-ksur” (sentenza Nordzücker, punt 44).
( 43 ) Sentenza bpost, punti 38 u 39.
( 44 ) Ara l-punti 36 sa 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 45 ) Sentenzi tas‑27 ta’ Mejju 2014, Spasic (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586), punti 55 u 56; Menci, punt 40; bpost, punt 41; u Nordzücker, punt 49.
( 46 ) Sentenza bpost, punt 34. “[M]ill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kwalifika ġuridika fid-dritt nazzjonali tal-fatti u l-interess ġuridiku protett ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-istess reat, sa fejn il-portata tal-protezzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 tal-Karta ma tistax tvarja minn Stat Membru għall-ieħor”. Korsiv miżjud.
( 47 ) Eżempju f’dan is-sens huwa pprovdut fis-sentenza Nordzücker: “fl-ipoteżi fejn żewġ awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jressqu proċeduri kontra u jissanzjonaw l-istess fatti sabiex jiżguraw l-osservanza tal-projbizzjoni ta’ akkordji skont l-Artikolu 101 TFUE u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-dritt nazzjonali rispettiv tagħhom, dawn iż-żewġ awtoritajiet isegwu l-istess għan ta’ interess ġenerali intiż li jiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix distorta minn ftehimiet, minn deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew minn prattiki miftiehma antikompetittivi” (punt 56). “F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li kumulu ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet, meta dawn ma jfittxux għanijiet komplementari relatati ma’ aspetti differenti tal-istess aġir fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, ma jistax, fi kwalunkwe każ, jiġi ġġustifikat taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta” (punt 57).
( 48 ) Is-sentenza bpost, punti 45 sa 47, tikkunsidra bħala għanijiet ta’ interess ġenerali l-liberalizzazzjoni tas-suq intern tas-servizzi postali u l-protezzjoni tal-kompetizzjoni libera. Is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Di Puma u Zecca (C‑596/16 u C-597/16, EU:C:2018:192), punt 42, issemmi bħala għanijiet ta’ interess ġenerali l-protezzjoni tal-integrità tas-swieq finanzjarji u tal-fiduċja tal-pubbliku fl-istrumenti finanzjarji.
( 49 ) Il-fatt li din il-protezzjoni tal-konsumatur tikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali hija kkonfermata mis-sentenzi bpost, punt 27, u Nordzücker, punti 51 u 52. Dan huwa appoġġjat ukoll mill-Artikoli 12 TFUE, 114 TFUE u 169 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 38 tal-Karta.
( 50 ) Sentenzi Menci, punt 46; bpost, punt 48; u tal‑5 ta’ Mejju 2022, BV (C‑570/20, EU:C:2022:348), punt 34.
( 51 ) Sentenza bpost, punt 49. Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċċita, f’din is-silta, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja (EC:ECHR:2016:1115JUD002413011), §§ 121 u 132. Madankollu, Il-Qorti tal-Ġustizzja ma qablitx bis-sħiħ mal-loġika li tinsab wara din is-sentenza: il-QEDB tikkunsidra li, fil-każ ta’ żewġ proċeduri ta’ natura kriminali marbuta mill-qrib, ma hemmx ksur ta’ ne bis in idem, filwaqt li tali ksur jeżisti għall-Qorti tal-Ġustizzja, iżda jista’ jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 52 tal-Karta.
( 52 ) Sentenzi Menci, punti 49, 52, 53, 55 u 58; u bpost, punt 51; kif ukoll is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011), §§ 130 sa 132. Ara, għal kritika dettaljata tas-sentenza Menci, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi bpost (EU:C:2021:680) u Nordzucker (EU:C:2021:681); b’mod partikolari l-punti 101 sa 117 ta’ dik imsemmija l-ewwel.
( 53 ) Sentenzi Menci, punt 61; u bpost, punt 53; kif ukoll, mutatis mutandis, is-sentenza tal-Qorti EDB tal‑15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja (CE:ECHR:2016:1115JUD002413011), § 130.
( 54 ) Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43).
( 55 ) Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI (ĠU 2018, L 295, p. 138).
( 56 ) L-ipoteżi tas-sentenza Nordzücker hija prova tajba ta’ dan.
( 57 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas‑27 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (“ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi”) (ĠU 2004, L 364, p. 1).
( 58 ) Ara l-lista ta’ dawn l-awtoritajiet fuq din il-link https://commission.europa.eu/system/files/2021-01/designated_bodies_18jan2021.pdf.
( 59 ) Dan jirriżulta mis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) tal‑20 ta’ Settembru 2021 (ES:TS:2021:3449).
( 60 ) Din id-diffikultà kienet diġà indikata mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża bpos (EU:C:2021:680), punt 115: “[…] malli l-kombinazzjoni tal-proċeduri rilevanti tkun tinvolvi numru ta’ reġimi amministrattivi paralleli, u fuq kollox iktar minn Stat Membru wieħed jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Unjoni, suġġerimenti dwar ix‑xewqa ta’ proċeduri uniċi jistgħu malajr jgħaddu mill-isfera ta’ dak li hu mixtieq għal dik tal-fantaxjenza.” Wara li semma l-eżistenza ta’ sistemi ta’ networks ta’ awtoritajiet amministrattivi nazzjonali u tal-Unjoni u d-diffikultajiet ta’ koordinazzjoni li jeżistu minkejja dan, huwa sostna (punt 116 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li, “[j]ekk din hija s-sitwazzjoni kurrenti fin-networks iddedikati u espressament irregolati madwar l-Unjoni, ma huwiex immedjatament ovvju kif il‑livell neċessarju ta’ koordinazzjoni jista’ b’mod raġonevoli jiġi mistenni u jinkiseb f’diversi oqsma ta’ liġi, fi ħdan korpi varji u madwar l-Istati Membri varji.”
( 61 ) L-argument prinċipali tal-Gvern Taljan jirrigwarda l-fatt li ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 50 tal-Karta, b’tali mod li ma huwiex neċessarju li jintuża l-Artikolu 52 tagħha.
( 62 ) Il-Kummissjoni pproponiet, b’mod definittiv, li r-rekwiżit jiġi implimentat skont l-eżistenza ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni jew ta’ skambju ta’ informazzjoni. In-nuqqas ta’ tali mekkaniżmi jista’ jwassal għall-aċċettazzjoni ta’ deroga għall-projbizzjoni tan-ne bis in idem.
( 63 ) Punt 72 “[…] jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kkonsolidat duttrina li skontha żewġ proċeduri, paralleli jew suċċessivi, li jagħtu lok għal żewġ sanzjonijiet materjalment kriminali, għall-istess fatti, ikomplu bħala żewġ proċeduri (bis) u mhux waħda, ma narax raġunijiet issostanzjati għalfejn din għandha tiġi abbandunata.” Fil-punt 73, jiena żidt li “l-introduzzjoni fid-dritt tal-Unjoni ta’ kriterju ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 50 tal-Karta li jistrieħ fuq il-livell ta’ rabta ratione temporis u ratione materiae bejn ċerti proċeduri (dawk kriminali) u oħrajn (dawk amministrattivi ta’ sanzjoni), tkun iżżid inċertezza u kumplessità notevoli fuq id-dritt tal-persuni li ma jiġu la ġġudikati u lanqas ikkundannati darbtejn għall-istess fatti. Id-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta għandhom jinftiehmu faċilment minn kulħadd u l-eżerċizzju tagħhom jirrikjedi prevedibbiltà u ċertezza li, fil-fehma tiegħi, ma humiex kompatibbli ma’ dan il-kriterju.”
( 64 ) Fil-punt 109 tal-konklużjonijiet tiegħu bpost, huwa jafferma li “l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tieqaf tistrieħ fuq test iddefinit b’mod normattiv ex ante. Minflok, isir korrettiv ex post li jista’ jew ma jistax japplika skont iċ-ċirkustanzi u l-ammont eżatt ta’ sanzjonijiet imposti.” Fil-punt 111, huwa jindika li “l-kriterji ta’ test li ma huwiex maħsub għal protezzjoni ex ante, iżda pjuttost għal korrezzjoni ex post, x’aktarx ikunu ċirkustanzjali.”