26.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 265/1


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1214

tat-22 ta’ Lulju 2021

li tawtorizza lill-Polonja tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħha tal-varjetà ta’ qanneb Finola skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE

(notifikata bid-dokument C(2021) 5295)

(It-test bil-Pollakk biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-varjetajiet komuni ta’ katalgi ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18 tagħha,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Direttiva 2002/53/KE, fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tippubblika l-Katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli (2), li jinkludi ċerti varjetajiet ta’ qanneb.

(2)

L-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jistipula li sabiex jiġi evitat l-appoġġ għall-produzzjoni ta’ wċuħ tar-raba’ illegali, iż-żoni li jintużaw għall-produzzjoni tal-qanneb għandhom ikunu eliġibbli biss jekk il-varjetajiet imkabbrin ikollhom kontenut ta’ tetraidrokannabinol (THC) li ma jkunx iżjed minn 0,2 %.

(3)

L-Artikolu 9(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 (4) jistabbilixxi li, jekk għat-tieni sena l-medja tal-kampjuni kollha ta’ varjetà partikolari ta’ qanneb taqbeż il-kontenut tat-THC kif stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istat Membru jrid jinnotifika lill-Kummissjoni bit-talba għal awtorizzazzjoni biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tat-tali varjetà skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE.

(4)

Fid-19 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba mill-Polonja għal awtorizzazzjoni biex tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju kollu tagħha tal-varjetà ta’ qanneb Finola, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 639/2014. Il-Polonja infurmat lill-Kummissjoni li skont l-analiżijiet, il-medja tal-kampjuni kollha tal-varjetà Finola qabżet il-kontenut ta’ THC ta’ 0,2 % stabbilit fl-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għat-tieni sena konsekuttiva.

(5)

Skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE, Stat Membru jista’ jiġi awtorizzat, fuq talba, biex jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ varjetà inkluża fil-katalgu komuni tal-varjetajiet jekk il-koltivazzjoni ta’ din il-varjetà tippreżenta riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem.

(6)

It-THC għandu effett psikotropiku u hemm bżonn li l-esponiment tal-bniedem jiġi limitat billi tiġi limitata l-preżenza tat-THC fil-varjetajiet ta’ qanneb ikkummerċjalizzati.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-Polonja tiġi awtorizzata li tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-varjetà ta’ qanneb Finola fit-territorju kollu tagħha.

(8)

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tinforma lill-Istati Membri l-oħra u taġġorna l-Katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli, jenħtieġ li l-Polonja tkun meħtieġa li tinforma lill-Kummissjoni bid-data minn meta beħsiebha tapplika l-awtorizzazzjoni mogħtija b’din id-Deċiżjoni.

(9)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Polonja tista’ tipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni tal-varjetà ta’ qanneb Finola fit-territorju kollu tagħha skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2002/53/KE.

Artikolu 2

Il-Polonja għandha tinnotifika lill-Kummissjoni d-data minn meta se tapplika l-awtorizzazzjoni prevista fl-Artikolu 1.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Stella KYRIAKIDES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 193, 20.7.2002, p. 1.

(2)  Il-Katalgu komuni tal-varjetajiet ta’ speċijiet ta’ pjanti agrikoli Suppliment 2021/2 (ĠU C 42, 5.2.2021).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).

(4)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014, li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lil bdiewa skont skemi ta’ appoġġ fi ħdan il-qafas tal-politika agrikola komuni u li jemenda l-Anness X ta’ dak ir-Regolament (ĠU L 181, 20.6.2014, p. 1).