European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2506

13.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2506

tat-12 ta’ Novembru 2026

li jikkanċella l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Superficid express” f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1133

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Ġunju 2023, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1133 (2) ta awtorizzazzjoni tal-Unjoni bin-numru tal-awtorizzazzjoni EU-0027677-0000 lid-detentur tal-awtorizzazzjoni Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-istess prodott bijoċidali uniku “Superficid express” li fih il-propan-1-ol u l-propan-2-ol, f’konformità mal-Artikolu 44(5), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(2)

Fit-23 ta’ Lulju 2026, f’konformità mal-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH ressqet talba lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) biex tikkanċella dik l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni. It-talba ġiet irreġistrata bin-numru tal-każ BC-AP120147-45 fir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali.

(3)

Fil-15 ta’ Settembru 2026, Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH ressqet motivazzjoni għat-talba għall-kanċellazzjoni, fejn qalet li kienet iddeċidiet li twaqqaf il-produzzjoni ta’ “Superficid express” abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet kummerċjali.

(4)

Fis-16 ta’ Settembru 2026, l-Aġenzija għaddiet it-talba motivata lill-Kummissjoni.

(5)

Għalhekk, jixraq li l-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Superficid express” tiġi kkanċellata fuq talba motivata tad-detentur tal-awtorizzazzjoni u għaldaqstant li jitħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1133.

(6)

Jixraq ukoll li jingħata perjodu ta’ konċessjoni għat-tqegħid fis-suq u għall-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ “Superficid express”, f’konformità mal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Superficid express” mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1133 lil Lysoform Dr. Hans Rosemann GmbH bin-numru tal-awtorizzazzjoni EU-0027677-0000 hija kkanċellata.

Artikolu 2

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1133 jitħassar.

Artikolu 3

Il-prodott bijoċidali “Superficid express” ma għandux ikompli jitqiegħed fis-suq mit-3 ta’ Ġunju 2027 u l-istokkijiet eżistenti ta’ dawn il-prodott bijoċidali ma għandhomx jibqgħu jintużaw mit-3 ta’ Diċembru 2027.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1133 tat-8 ta’ Ġunju 2023 i jagħti awtorizzazzjoni tal-Unjoni għall-prodott bijoċidali uniku “Superficid express” f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. (ĠU L 149, 9.6.2023, p. 54, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1133/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2506/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)