Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI -ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, EU:T:2026:35) – Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport bl-ajru – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Kumpens lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil ta’ titjira – Kundizzjonijiet – Artikolu 5(3) – Kunċett ta’ ‘ċirkustanzi straordinarji’ – Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru – Allokazzjoni ta’ slots tat-tluq imdewma minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena – Preġudizzju għall-unità u għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑108/26 RX,

li għandha bħala suġġett l-eżami mill-ġdid, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 245 TFUE tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, EU:T:2026:35), li biha din tal-aħħar ddeċidiet dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2025, fil-proċedura

D S.A.

vs

P S.A.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, Z. Csehi M. Gavalec u F. Schalin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: R. Norkus,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D S.A., minn P. P. Gad, adwokat,

–        għal P S.A., minn E. Uznańska, adwokatka,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u D. Lutostańska, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn B. Sasinowska u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat l-Artikolu 62a u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din il-proċedura tirrigwarda l-eżami mill-ġdid tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, iktar ’il quddiem is-“sentenza eżaminata mill-ġdid”, EU:T:2026:35), li biha din tal-aħħar ddeċidiet dwar it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Novembru 2024, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Frar 2025

2        L-eżami mill-ġdid jittratta l-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43) u tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226), is-sentenza eżaminata mill-ġdid tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni peress li l-Qorti Ġenerali qatgħet u qatgħet u ddeċidiet li:

–        deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma hijiex inerenti, minħabba n-natura jew minħabba l-oriġini tagħha stess, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, peress li ma tifformax parti mill-attività tiegħu, iżda tagħmel parti mill-attivitajiet u mill-kompetenza tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

–        tali deċiżjoni, irrispettivament mir-raġuni li mmotivatha, taħrab mill-kontroll effettiv ta’ dan l-operatur, sakemm dan ma kkontribwixxiex għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni; u

–        konsegwentement, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10), għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li hija twassal għalih u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont il-premessi 1, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004:

“(1)      Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

(2)      Il-fatt li ma jitħallewx jitilgħu u l-kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet jistgħu jikkawżaw problemi serji u inkonvenjenza għall-passiġġieri.

[...]

(14)      Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru, konkluża f’Montreal fit‑28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea fid‑9 ta’ Diċembru 1999 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE tal‑5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)      Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4        L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kanċellazzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) u fil-paragrafu 3 tiegħu:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[...]

(ċ)      jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba [sakemm] [ikunu infurmati bil-kanċellazzjoni:]

(i) huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat; jew

[...]

[...]

3.      Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

5        L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dritt għall-kumpens”, jipprevedi kumpens standardizzat u b’rata fissa għall-passiġġieri li l-ammont tiegħu jvarja, b’mod partikolari, skont id-distanza tat-titjira.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża sottomessa għal eżami mill-ġdid

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6        A kienet passiġġiera fuq it-titjira LO 6110 li kellha ssir fil‑25 ta’ Lulju 2023 mit-trasportatur bl-ajru P.

7        L-ajruplan li kellu jagħmel din it-titjira kellu jitlaq mill-ajruport ta’ Izmir (it-Turkija) fis‑18:20 UTC u jinżel f’Varsavja (il-Polonja) fid‑21:10 UTC.

8        Fir-realtà, dan l-ajruplan telaq fl-21:40 UTC u niżel l-għada f’00:17 UTC, jiġifieri b’dewmien fil-wasla ta’ iktar minn tliet sigħat.

9        It-titjira LO 6110 kienet ippreċeduta mit-titjira LO 6111, operata permezz tal-istess ajruplan fil-kuntest ta’ “rotazzjoni”. L-ajruplan li kellu jagħmel it-titjira LO 6111 kellu jitlaq minn Katowice (il-Polonja) fit‑14:55 UTC u jinżel f’Izmir fil-17:20 UTC. Fis‑12:55 UTC, it-trasportatur bl-ajru kkonċernat irċieva mingħand is-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru Messaġġ ta’ Allokazzjoni ta’ Slot (Slot Allocation Message, SAM) li indika li t-titjira LO 6111 kienet ingħatat slot għat-tluq tagħha fl‑16:30 UHT. Din id-deċiżjoni ta’ allokazzjoni oriġinat minn miżura ta’ Ġestjoni tal-Fluss tat-Traffiku tal-Ajru (Air Traffic Flow Management, ATFM) dwar ir-restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tal-Ungerija u tar-Rumanija implimentati minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena. Fit‑15:04 UTC, l-istess trasportatur bagħat messaġġ li kien jindika li huwa kien lest sabiex iwettaq it-titjira (Ready to depart, REA), u talab l-awtorizzazzjoni sabiex jitlaq qabel. Madankollu, dan il-messaġġ la wassal lis-servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru sabiex ibiddlu d-deċiżjoni tagħhom ta’ allokazzjoni ta’ slot u lanqas ma kellu l-effett li jippermetti li t-titjira LO 6111 titlaq qabel. Din it-titjira b’hekk telqet fl‑16:02 UTC u waslet fis‑18:32 UTC, jiġifieri b’dewmien fil-wasla ta’ siegħa u tnax-il minuta.

10      Wara l-inżul f’Izmir, instabet ħsara teknika fuq l-ajruplan. It-tiswija tagħha damet sagħtejn u tmien minuti.

11      Fis‑26 ta’ Lulju 2023, A ttrasferixxiet id-dritt tiegħu għal kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa lil D, kumpannija speċjalizzata fl-irkupru ta’ krediti.

12      D għalhekk marret quddiem is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja) b’azzjoni intiża li jinkiseb il-ħlas minn P ta’ ammont ta’ EUR 400, flimkien tal-interessi moratorji legali mis‑17 ta’ Awwissu 2023 sad-data tal-ħlas.

13      Din il-qorti kkonstatat li, kieku t-telf ta’ ħin li jirriżulta mill-miżuri ta’ ġestjoni tal-flussi tat-traffiku tal-ajru imposti fuq it-trasportatur ikkonċernat kellu jitnaqqas mit-tul totali tad-dewmien, it-titjira LO 6110 jkollha dewmien ta’ inqas minn tliet sigħat. Madankollu, hija tistaqsi dwar il-possibbiltà li deċiżjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ slots imdewma jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

14      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 5(3) tar-[Regolament Nru 261/2004] għandu jiġi interpretat fis-sens li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, irrispettivament mit-tul tiegħu, anki jekk ma twassalx, fiha nnifisha, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat, tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja?

(2)      Jekk mhux kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, il-qorti nazzjonali għandha teżamina r-raġuni li kienet il-bażi ta’ tali deċiżjonijiet ta’ ġestjoni, pereżempju kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżniena li jillimitaw il-kapaċità tas-setturi fuq ir-rotta tat-titjira, u, għalhekk, għandha d-dritt li tevalwa jekk din tkunx ċirkustanza straordinarja?

(3)      Jekk it-titjira ta’ passiġġier tiddewwem għal iktar minn tliet siegħat, inkluż peress li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru kienet ġiet adottata għat-titjira li kienet tippreċedi immedjatament it-titjira tal-passiġġer minħabba l-kapaċità limitata tas-setturi fuq ir-rotta tat-titjira minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena, din id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja?

(4)      F’sitwazzjoni bħal din, id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandha tikkonċerna direttament it-titjira mdewma jew tista’ tikkonċerna wkoll titjira preċedenti li kienet tagħmel parti mir-rotazzjoni?”

 Is-sentenza eżaminata mill-ġdid

15      Fis-sentenza eżaminata mill-ġdid, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, irrispondiet, fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, għall-ewwel u għat-tieni domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li hija twassal għalih u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni kienet taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jkun jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni, ħaġa li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

16      Insostenn ta’ din it-tweġiba, il-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, eskludiet, fil-punti 17 sa 25 tal-imsemmija sentenza, li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”. Din l-interpretazzjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” għandu jiġi interpretat b’mod strett u li dan jeżiġi li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li għandhom jiġu evalwati każ b’każ. Skont dawn il-kundizzjonijiet, l-avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, jaqgħu taħt tali ċirkustanzi.

17      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet dwar l-imsemmija kundizzjonijiet kumulattivi.

18      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija qieset, fil-punti 28 u 29 tal-istess sentenza, li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tikkostitwixxix element inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attivitajiet ta’ trasportatur bl-ajru, peress li ma tistax titqies li hija intrinsikament marbuta mal-funzjonament tal-inġenju tal-ajru li wettaq it-titjira mdewma u li, barra minn hekk, hija taqa’ taħt l-attivitajiet u taħt il-kompetenza tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

19      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali qieset li, fil-punti 33 sa 36 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, li, indipendentement mir-raġunijiet li jiġġustifikawha, tali deċiżjoni taħrab mill-kontroll effettiv ta’ dan it-trasportatur, sakemm dan ma jkunx ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni. Hija speċifikat li, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza rilevanti ma hijiex il-motiv tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, iżda hija din id-deċiżjoni nnifisha, sa fejn hija din id-deċiżjoni li taffettwa, b’mod estern, l-eżekuzzjoni tat-titjira ppjanata, ħlief jekk it-trasportatur ikun ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni .

20      It-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punti 37 sa 40 ta’ dik is-sentenza, li avveniment, bħal deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru jista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, anki jekk ma tkunx wasslet, fiha nnifisha, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat.

21      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali rrispondiet, fil-punt 45 tal-imsemmija sentenza, għat-tielet u għar-raba’ domanda li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi stabbilit barra minn hekk li din id-deċiżjoni taħrab mill-kontroll effettiv tiegħu, trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka, bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li affettwat titjira preċedenti operata minnu stess bl-istess ajruplan, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira li huwa jkun opera sussegwentement, ħaġa li għandha tiġi evalwata mill-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mill-imsemmi trasportatur.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22      Wara l-proposta tal-Avukat Ġenerali Ewlieni, l-Awla għall-Eżami mill-Ġdid qieset, permezz tad-deċiżjonijiet tagħha tat‑12 ta’ Marzu 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (C‑108/268 RX), EU:C:2026:212), adottata skont l-Artikolu 62 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 194(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li kien hemm lok li jsir eżami mill-ġdid tas-sentenzi kkonċernati sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn jippreġudikawx l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

23      Id-domanda li, skont din id-deċiżjoni, għandha tiġi eżaminata mill-ġdid hija riprodotta fil-punt 2 ta’ din is-sentenza.

 Fuq l-eżami mill-ġdid

24      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tat‑12 ta’ Marzu 2026, (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (C‑108/26 RX, EU:C:2026:212), u mill-punt 2 ta’ din is-sentenza, huwa meħtieġ, fil-fatt, li jiġi eżaminat, bħala l-ewwel pass, jekk, meta jittieħdu f'kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-ġurisprudenza tal-Qorti dwar il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-interpretazzjonijiet adottati mill-Qorti Ġenerali fir-risposti tagħha għall-ewwel u t-tieni domanda fis-sentenza li qed tiġi eżaminata huma kompatibbli mal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, mal-kuntest tagħha kif ukoll mal-objettivi mfittxija minn dan ir-regolament.

25      Jekk dan ma jkunx il-każ, ikun imbagħad meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dik is-sentenza tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2013, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Strack, C‑579/12 RX‑II, EU:C:2013:570, punt 25, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 52).

 Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-passiġġieri ta’ titjiriet imdewma jistgħu jiġu assimilati mal-passiġġieri ta’ titjiriet ikkanċellati għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt għal kumpens u li għalhekk jistgħu jinvokaw id-dritt għal kumpens previst fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament meta huma jsofru, minħabba t-titjira mdewma, telf ta’ ħin ta’ tliet sigħat jew iktar, jiġifieri meta jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom tliet sigħat jew iktar wara l-ħin tal-wasla inizjalment skedat mit-trasportatur bl-ajru kkonċernat (sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et (C‑402/07 u C‑432/07 tat‑13 ta’ Ġunju 2024, C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 69, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna), C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 24).

27      L-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessi 14 u 15 ta’ dan tal-aħħar, jeżenta lit-trasportatur bl-ajru minn dan l-obbligu li jagħti kumpens jekk ikun f’pożizzjoni li juri li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil tat-titjira mal-wasla kienu dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki li kieku ttieħdu l-miżuri raġonevoli kollha u, fil-każ li tkun teżisti tali ċirkustanza, li jkun adotta l-miżuri xierqa għas-sitwazzjoni bl-implimentazzjoni tal-mezzi kollha ta’ persunal jew ta’ materjal u l-mezzi finanzjarji kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jevita li din is-sitwazzjoni twassal għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ April 2019, Germanwings, C‑501/17, EU:C:2019:288, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata); tat‑23 ta’ Marzu 2019, Airhelp, C‑28/17, EU:C:2021:288, punt 22, kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, (Difett fid-disinn tal-magna), C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 25).

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat b’mod strett peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri, u fid-dawl tal-għan imfittex minn dan ir-regolament li huwa li jiġi żgurat, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20); tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 24; kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 26).

29      Dan il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, jirreferi għal avvenimenti li, min-natura jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħarbu mill-kontroll effettiv tiegħu, peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu kumulattivi u l-osservanza tagħhom għandha tkun suġġetta għal evalwazzjoni każ b’każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 23; tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp (C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 23; kif ukoll tat‑13 ta’ Ġunju 2024, D. (Difett fid-disinn tal-magna) (C‑411/23, EU:C:2024:498, punt 27).

30      Sabiex jiġi evalwat jekk avveniment, min-natura tiegħu jew mill-oriġini tiegħu, huwiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, għandu b’mod partikolari, jiġi ddeterminat jekk it-trasportaturi tal-ajru li joperaw humiex jew jistgħux jiġu kkonfrontati, b’mod ordinarju, b’dan it-tip ta’ avvenimenti fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom u jekk tali avvenimenti jaqgħux taħt il-ġestjoni normali ta’ dawn l-attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 24; id-digriet tal‑14 ta’ Novembru 2014, Siewert, C‑394/14, EU:C:2014:2377, punt 19; is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punti 41 u 42; tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C‑159/18, EU:C:2019:535, punti 18 u 19; tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punti 29 u 30, kif ukoll tal‑11 ta’ Mejju 2023, TAP PortCugal (Mewt tal-kopilota), C‑156/22 sa C‑158/22, EU:C:2023:393, punt 22).

31      Min-naħa tiegħu, l-eżami tal-kundizzjoni dwar l-assenza ta’ kontroll effettiv tal-avveniment mit-trasportatur bl-ajru li jopera jwassal sabiex jiġi ddeterminat jekk dan l-avveniment jaqax taħt ċirkustanzi li fuqhom dan it-trasportatur bl-ajru ma għandu ebda kontroll (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punt 36, u tat‑13 ta’ Ġunju 2024, Finnair (Difett fid-disinn tal-apparat li jkejjel l-ammont tal-karburant), C‑385/23, EU:C:2024:497, punt 32). F’dan il-kuntest, l-avvenimenti li l-oriġini tagħhom hija “interna” għandhom jiġu distinti minn dawk li l-oriġini tagħhom hija “esterna” għat-trasportatur bl-ajru li jopera. Jaqgħu għalhekk taħt il-kunċett, “avvenimenti esterni”, dawk l-avvenimenti li jirriżultaw mill-attività tat-trasportatur bl-ajru u minn ċirkustanzi esterni, ftit jew wisq frekwenti fil-prattika, iżda li t-trasportatur bl-ajru ma jkollux kontroll fuqhom, għaliex dawn joriġinaw minn fatt naturali jew minn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Marzu 2021, Airhelp, C‑28/20, EU:C:2021:226, punti 39 sa 41); tas‑7 ta’ Lulju 2022, SATA International –Azores Airlines (Ħsara tas-sistema ta’ provvista tal-karburant), C‑308/21, EU:C:2022:533, punt 225, kif ukoll tas‑16 ta’ Ottubru 2025, AirHelp Germany (Ajruplan milqut mis-sajjetta), C‑399/24, EU:C:2025:791, punti 28 u 29).

32      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jidher, fl-ewwel lok, li l-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipji interpretattivi u l-kunċetti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 28 sa 31 ta’ din is-sentenza, meta ddeċidiet, fil-punti 28 u 29 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tistax titqies li hija inerenti, min-natura jew mill-oriġini tagħha, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat minħabba li tali deċiżjoni ma tistax, mid-definizzjoni tagħha stess, titqies li hija intrinsikament marbuta mal-funzjonament tal-inġenju tal-ajru li jkun wettaq it-titjira mdewma u, barra minn hekk, ma tagħmilx parti mill-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, iżda taqa’ taħt l-attivitajiet u taħt il-kompetenza tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

33      Fil-fatt, l-ewwel nett, billi naqqset l-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza għall-evalwazzjoni tar-rabtiet bejn l-avveniment invokat, f’dan il-każ id-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, u l-funzjonament tal-inġenju tal-ajru kkonċernat, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, il-fatt li, fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu, kull trasportatur bl-ajru li jopera huwa neċessarjament ikkonfrontat, b’mod ordinarju u regolari, b’deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

34      It-tieni nett, billi bbażat ir-raġunament tagħha fuq in-natura “esterna” ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u fuq l-assenza ta’ kompetenza tat-trasportatur bl-ajru li jopera kkonċernat, il-Qorti Ġenerali ħawdet iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004. Filwaqt li l-Qorti Ġenerali kellha l-intenzjoni li tiddeċiedi dwar l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, dawn l-elementi ta’ evalwazzjoni jaqgħu, fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, taħt l-evalwazzjoni tat-tieni waħda minnhom, ibbażata fuq l-assenza ta’ kontroll effettiv tal-avveniment inkwistjoni mit-trasportatur bl-ajru li jopera kkonċernat.

35      Fit-tieni lok, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru għandhom jitqiesu li huma, min-natura u mill-oriġini tagħhom, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività ta’ trasportatur bl-ajru li jopera. Peress li l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza ma hijiex issodisfatta, għandu jiġi konkluż li dawn id-deċiżjonijiet ma jistgħux, fihom infushom, jiġu kklassifikati bħala “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, mingħajr lanqas ma hemm bżonn li tiġi eżaminata t-tieni waħda minn dawn il-kundizzjonijiet.

36      Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni bħala “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandha ssir biss fid-dawl taċ-ċirkustanza li tat lok għall-kanċellazzjoni jew għad-dewmien twil tat-titjira kkonċernata (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C‑159/18, EU:C:2019:535, punt 17). Huwa l-motiv ta’ tali kanċellazzjoni jew ta’ tali dewmien li huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat, fil-kuntest tal-kumpens għad-dannu mġarrab mill-passiġġieri minħabba l-kanċellazzjoni tat-titjira tagħhom, jekk, jekk ikun il-każ, din il-kanċellazzjoni jew dan id-dewmien humiex dovuti għal “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2011, Sousa Rodríguez et, C‑83/10, EU:C:2011:652, punt 34).

37      B’hekk, għandu jiġi osservat, bħala eżempju, li, meta deċiżjoni li twassal għall-għeluq ta’ parti mill-ispazju tal-ajru Ewropew jew tar-runways ta’ ajruport tkun ikkawżata, rispettivament, minn eruzzjoni ta’ vulkan jew il-preżenza ta’ petrol fuq dawn ir-runways, huwa fir-rigward ta’ dawn l-aħħar avvenimenti li tiġi evalwata l-kwistjoni dwar jekk kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet li jirriżultaw minn tali għeluq humiex dovuti għal ċirkustanzi straordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh, C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 34, kif ukoll tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Moens, C‑159/18, EU:C:2019:535, punti 13 u 18 sa 22).

38      Minn dan isegwi li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, trasportatur bl-ajru li jopera ma jistax sempliċement jallega li d-dewmien twil huwa kkawżat minn deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Huwa għandu juri li din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għalhekk il-qorti nazzjonali adita li għandha tevalwa jekk l-avveniment li jikkostitwixxi l-kawża jew il-motiv tal-imsemmija deċiżjoni jissodisfax iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza.

39      Din l-interpretazzjoni, li teskludi li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-trasport bl-ajru tista’ tikkostitwixxi, fiha nnifisha, “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, tapplika wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji” kif ukoll tal-għan ta’ protezzjoni għolja tal-passiġġieri. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-separazzjoni ta’ tali deċiżjoni mill-motivi li fuqhom hija bbażata tirriskja li twessa’ kunsiderevolment il-portata tal-eżenzjoni tat-trasportaturi tal-ajru mill-obbligu ta’ kumpens tagħhom stabbilit mill-imsemmi regolament, peress li sempliċi invokazzjoni tal-eżistenza ta’ deċiżjoni amministrattiva dwar il-ġestjoni tat-trasport bl-ajru hija biżżejjed sabiex tiġi invokata din l-eżenzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi stabbilita n-natura straordinarja tal-motiv li wassal għall-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

40      Tali interpretazzjoni hija barra minn hekk koerenti mal-premessa 15 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, billi jillimita l-kunċett ta’ “ċirkustanza straordinarja” għall-każ fejn deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru li tikkonċerna ajruplan speċifiku għal ġurnata speċifika tiġġenera, b’mod partikolari, dewmien twil, il-leġiżlatur tal-Unjoni bl-ebda mod ma ried jistabbilixxi prinċipju li kull deċiżjoni dwar din il-ġestjoni tista’, indipendentement mir-raġunijiet li mmotivawha, tikkostitwixxi tali ċirkustanza.

41      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, meta ddeċidiet, fil-punti 33 sa 36 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tista’ tikkostitwixxi ċirkustanza straordinarja, indipendentement mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li hija taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru li jopera kkonċernat, b’mod partikolari meta jista’ jiġi eskluż li dan it-trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni.

42      Minn dan isegwi li r-risposta mogħtija mill-Qorti Ġenerali għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, fil-punt 41 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid, skont l-evalwazzjonijiet li jinsabu fil-punti 26 sa 40 tagħha, tikser l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

 Fuq l-eżistenza ta’ preġudizzju għall-unità jew għall-koerenza tad-dritt tal-Unjoni

43      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi l-obbligi imposti fuq it-trasportatur bl-ajru li jopera fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi ta’ protezzjoni tal-konsumaturi b’mod ġenerali, meta l-kanċellazzjoni jew id-dewmien twil ta’ titjira jwasslu għal inkonvenjenzi serji għall-passiġġieri (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Konformement ma’ dan l-għan, id-dispożizzjonijiet li jagħtu drittijiet lill-passiġġieri tal-ajru, inklużi dawk li jagħtu dritt għal kumpens, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, EU:C:2009:716, punt 45), filwaqt li l-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, għandu, bħala deroga mill-prinċipju tad-dritt għal kumpens tal-passiġġieri u kif ġie rrilevat fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20).

45      Issa, billi ħawdet iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jikkaratterizzaw il-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, u billi naqset milli tieħu inkonsiderazzjoni l-motiv li wassal għal deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni wiesgħa ta’ dan il-kunċett, li tkopri, b’mod definittiv, kull deċiżjoni ta’ ġestjoni tat-traffiku tal-ajru sakemm ma jiġix stabbilit li t-trasportatur bl-ajru li jopera kkontribwixxa għall-adozzjoni tiegħu. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma osservatx il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-imsemmi kunċett u, korrelattivament, dak ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal kumpens. Konsegwentement, hija qalbet ukoll il-bilanċ imfittex minn dan ir-regolament bejn, minn naħa, id-drittijiet u l-obbligi tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw u, min-naħa l-oħra, dawk tal-passiġġieri billi llimitat l-obbligi ta’ dawk tal-ewwel u billi naqqset il-protezzjoni ta’ dawn tal-passiġġieri.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, li barra minn hekk taffettwa dispożizzjoni essenzjali ta’ dan ir-regolament li tirrifletti l-għan fundamentali tiegħu relatat mal-protezzjoni tal-passiġġieri tal-ajru, hija ta’ natura li tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni.

47      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ikkunsidrati flimkien, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza eżaminata mill-ġdid tippreġudika l-unità u l-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li:

–        deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma hijiex inerenti, minħabba n-natura jew minħabba l-oriġini tagħha stess, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, peress li ma tifformax parti mill-attività tiegħu, iżda tagħmel parti mill-attivitajiet u mill-kompetenza tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

–        tali deċiżjoni, irrispettivament mir-raġuni tagħha, taħrab mill-kontroll effettiv ta’ dan l-operatur, sakemm dan ma kkontribwixxiex għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni; u

–        konsegwentement, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li din tinvolvi u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni taħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-eżami mill-ġdid u fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari

48      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxi li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni, ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi li jkunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid għandha tissostitwixxi dik tal-Qorti Ġenerali.

49      F’din il-kawża, hija għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tirrispondi, fl-ewwel lok, għall-ewwel u għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

50      Min-naħa l-oħra, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 62b tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta wkoll li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha tissostitwixxi r-risposta tagħha għall-kwistjonijiet eżaminati mill-Qorti Ġenerali li ma kinux is-suġġett tal-eżami mill-ġdid. Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali u ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis madankollu opportun, fit-tieni lok, li tirriproduċi, f’din is-sentenza, il-motivi ddedikati, mill-Qorti Ġenerali, għall-eżami tat-tielet u tar-raba’ domanda.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

 Fuq it-tieni domanda

51      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tikkostitwixxi, fiha nnifisha u indipendentement mir-raġunijiet li mmotivawha, “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jew jekk hemmx lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-motiv li wassal għal tali deċiżjoni sabiex jiġi evalwat jekk din hijiex “ċirkustanza straordinarja”.

52      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 26 sa 31 ta’ din is-sentenza.

53      F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punti 35 sa 39 ta’ din is-sentenza, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li kull deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tistax, min-natura tagħha, bħala tali u mingħajr kunsiderazzjoni għall-motiv li fuqu hija bbażata, tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

54      Mill-imsemmija ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, kif ġie osservat fil-punti 36 u 38 ta’ din is-sentenza, hemm lok, għall-kuntrarju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-motiv li wassal għal tali deċiżjoni, fi kliem ieħor l-avveniment li wassal għall-adozzjoni tagħha, u li jiġi evalwat jekk dan l-avveniment huwiex, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu, filwaqt li jitfakkar li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet huma kumulattivi.

55      F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata minħabba restrizzjonijiet tal-ispazju tal-ajru tal-Ungerija u tar-Rumanija implimentati minħabba kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena.

56      F’dan ir-rigward, mill-premessa 14 tar-Regolament Nru 261/2004 jirriżulta li jistgħu jseħħu ċirkustanzi straordinarji, b’mod partikolari, fil-każ ta’ kundizzjonijiet meteoroloġiċi inkompatibbli mat-twettiq tat-titjira kkonċernata.

57      Madankollu, iċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa 14 ma humiex neċessarjament u awtomatikament kawżi ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004. Konsegwentement, għandha ssir evalwazzjoni, każ b’każ, jekk dawn jissodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 22 u 23, kif ukoll tas‑17 ta’ April 2018, Krüsemann et, C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17, EU:C:2018:258, punt 34).

58      Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħżiena li wasslu għad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.

59      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li t-trasportaturi tal-ajru li joperaw huma, b’mod regolari, affaċċjati b’kundizzjonijiet meteoroloġiċi li jvarjaw, jew saħansitra diffiċli, xorta jibqa’ l-fatt li, meta kundizzjonijiet meteoroloġiċi jkunu tali li jipprekludu t-twettiq, b’sigurtà sħiħa u konformement mal-ippjanar inizjalment previst, tat-titjira kkonċernata, dawn ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

60      It-tieni nett, peress li kundizzjonijiet meteoroloġiċi ta’ gravità tali li jipprekludu t-twettiq, b’sigurtà sħiħa u konformement mal-iskeda inizjalment prevista, tat-titjira kkonċernata jikkostitwixxu riskji naturali, għandu jitqies li dawn jaħarbu mill-ontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

61      Għaldaqstant, jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, li l-avveniment li wassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi sabiex jitqies li jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

62      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tistax tikkostitwixxi, fiha nnifisha u indipendentement mir-raġunijiet li mmotivawha, “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li, għall-kuntrarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-motiv li wassal għal tali deċiżjoni billi jiġi eżaminat, każ b’każ, jekk l-avveniment li kkawża l-adozzjoni tagħha huwiex, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu.

 Fuq l-ewwel domanda

63      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandux jiġi interpretat fis-sens li avveniment jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk ma wassalx, fih innifsu, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat.

64      Din il-qorti tistaqsi din id-domanda peress li, fil-kawża prinċipali, id-dewmien twil kien dovut, parzjalment, għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi li dewmu s-slot tat-tluq attribwit għat-titjira preċedenti li twettqet bl-istess ajruplan u, parzjalment, għal ħsara teknika kkonstatata fuq l-ajruplan li t-tiswija tiegħu damet sagħtejn u tmien minuti.

65      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 ta’ dan ir-regolament, fil-każ ta’ dewmien ta’ titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla li sseħħ mhux biss f’ċirkustanza straordinarja, li ma setgħetx tiġi evitata permezz ta’ miżuri xierqa għas-sitwazzjoni u li kienet is-suġġett, min-naħa tat-trasportatur bl-ajru, tal-miżuri raġonevoli kollha sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ dan, iżda wkoll f’ċirkustanza oħra li ma taqax taħt din il-kategorija, id-dewmien ikkawżat minn din l-ewwel ċirkustanza għandu jiġi mnaqqas mill-ħin ta’ dewmien totali mill-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien mill-wasla ta’ din it-titjira kellux ikun is-suġġett ta’ kumpens previst taħt l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament (sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 54).

66      Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li avveniment jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk ma jkunx wassal, fih innifsu, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat, b’tali mod li, fl-ipoteżi fejn id-dewmien twil fil-wasla joriġina mhux biss minn dan l-avveniment, iżda wkoll minn ċirkustanza oħra li ma tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, id-dewmien imputabbli għall-imsemmi avveniment għandu jitnaqqas mill-ħin totali ta’ dewmien mal-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien fil-wasla ta’ din it-titjira għandux ikun is-suġġett tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

67      Peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 50 ta’ din is-sentenza, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tissostitwixxi r-risposta tagħha għad-domandi eżaminati mill-Qorti Ġenerali li ma kinux is-suġġett tal-eżami mill-ġdid, għandhom jiġu riprodotti, f’din is-sentenza, il-motivi ddedikati mill-Qorti Ġenerali għat-tielet u għar-raba’ domanda fil-punti 42 sa 45 tas-sentenza eżaminata mill-ġdid. Dawn il-punti jipprovdu kif ġej:

“42      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, sabiex tkun tista’ tikkostitwixxi ‘ċirkustanza straordinarja’, [l-avveniment] tal-ajru għandhiex tikkonċerna [għandux jikkonċerna] titjira effettivament imdewma, jew jekk din tistax tikkonċerna [dan jistax jikkonċerna] wkoll titjira preċedenti fir-rotazzjoni.

43      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jeżenta ruħu mill-obbligu li jikkumpensa lill-passiġġieri fil-każ ta’ dewmien twil jew ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka ‘ċirkustanza straordinarja’ li tkun affettwat titjira preċedenti operata minnu permezz tal-istess inġenju tal-ajru, bil-kundizzjoni li jkun hemm rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira sussegwenti, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa dan, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-mod kif jiġi operat l-inġenju tal-ajru inkwistjoni mit-trasportatur tal-ajru kkonċernat (sentenzi tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Transportes Aéreos Portugueses, C‑74/19, EU:C:2020:460, punt 55, u tat‑22 ta’ April 2021, Austrian Airlines, C‑826/19, EU:C:2021:318, punt 57).

44      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, għandu jiġi osservat, bħalma għamlet il-Kummissjoni, li l-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, li tistabbilixxi li ‘[ċ]irkostanzi straordinarji […] jeżistu fejn […] deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil […] ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru’, teħtieġ li d-deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tikkonċernax titjira speċifika, iżda ajruplan speċifiku.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk jiġi stabbilit barra minn hekk li din id-deċiżjoni ma kinitx taqa’ taħt il-kontroll effettiv tiegħu, trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka, bħala ‘ċirkustanza straordinarja’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, [avveniment] li affettwat [affettwa] titjira preċedenti operata minnu stess bl-istess ajruplan, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira li huwa jkun opera sussegwentement, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mill-imsemmi trasportatur.”

 Fuq l-ispejjeż

68      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑21 ta’ Jannar 2026, D (Deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru) (T‑134/25, tippreġudika l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni peress li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bħala risposta għall-ewwel u t-tieni domanda mressqa mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja)

–        deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma hijiex inerenti, minħabba n-natura jew minħabba l-oriġini tagħha stess, għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, peress li ma tifformax parti mill-attività tiegħu, iżda tagħmel parti mill-attivitajiet u mill-kompetenza tas-servizzi tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru;

–        tali deċiżjoni, irrispettivament mir-raġuni li timmotivaha, taħrab mill-kontroll effettiv ta’ dan l-operatur, sakemm dan ma kkontribwixxiex għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni; u

–        konsegwentement, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li tali deċiżjoni tista’ tikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mit-tul tad-dewmien li hija twassal għalih u mir-raġuni li timmotivaha, jekk jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni taħrab mil-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat, b’mod partikolari meta jista’ jiġi eskluż li l-imsemmi trasportatur ikkontribwixxa għat-teħid ta’ din id-deċiżjoni.

2)      Din is-sentenza hija annullata sa fejn tikkonċerna r-risposti għall-ewwel u t-tieni domanda magħmula mis-Sąd Rejonowy dla m.st. Warszawy w Warszawie (il-Qorti Distrettwali għall-Belt Kapitali ta' Varsavja, il-Polonja) għandhom jiġu sostitwiti bir-risposti li ġejjin:

–        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru ma tistax tikkostitwixxi, fiha nnifisha u indipendentement mir-raġunijiet li mmotivawha, “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, iżda li, għall-kuntrarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-motiv li wassal għal tali deċiżjoni billi jiġi eżaminat, każ b’każ, jekk l-avveniment li kkawża l-adozzjoni tagħha huwiex, min-natura jew mill-oriġini tiegħu, inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u jaħrab mill-kontroll effettiv tiegħu.

–        L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

avveniment jista’ jikkostitwixxi “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk ma jkunx wassal, fih innifsu, għal dewmien ta’ mill-inqas tliet sigħat, b’tali mod li, fl-ipoteżi fejn id-dewmien twil fil-wasla joriġina mhux biss minn dan l-avveniment, iżda wkoll minn ċirkustanza oħra li ma tikkostitwixxix “ċirkustanza straordinarja”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, id-dewmien imputabbli għall-imsemmi avveniment għandu jitnaqqas mill-ħin totali ta’ dewmien mal-wasla tat-titjira kkonċernata sabiex jiġi evalwat jekk id-dewmien fil-wasla ta’ din it-titjira għandux ikun is-suġġett tal-kumpens previst fl-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament.

3)      Ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda preliminari mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza, imsemmija fil-punt 1 ta’ dan id-dispożittiv, hija riprodotta kif ġejja:

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

trasportatur tal-ajru jista’ jinvoka, bħala ‘ċirkustanza straordinarja’, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, avveniment li affettwa titjira preċedenti operata minnu stess bl-istess ajruplan, bil-kundizzjoni li tkun teżisti rabta kawżali diretta bejn l-okkorrenza ta’ din iċ-ċirkustanza u d-dewmien jew il-kanċellazzjoni tat-titjira li huwa jkun opera sussegwentement, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, billi tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-metodu ta’ operat tal-inġenju tal-ajru inkwistjoni mill-imsemmi trasportatur.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.