SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

29 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Suq Rumen tat-trasport bl-ajru – Għajnuna mogħtija mir-Rumanija lil Blue Air fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 – Għajnuna għas-salvataġġ ta’ Blue Air – Self iggarantit mill-Istat Rumen – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Rikors għal annullament – Għajnuna intiża biex tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Evalwazzjoni tad-dannu – Rabta kawżali – Diffikultajiet finanzjarji preeżistenti tal-benefiċjarju – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż evitabbli – Linji gwida dwar l-għajnuna għas-salvataġġ u għar-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà għajr l-istabbilimenti finanzjarji – Artikolu 107(3)(c) TFUE – Kontribuzzjoni tal-għajnuna għal għan ta’ interess komuni – Nuqqas ta’ rikorrenza tal-għajnuna għas-salvataġġ – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Libertà ta’ stabbiliment – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑142/21,

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), stabbilita fi Budapest (l-Ungerija), irrappreżentata minn E. Vahida, S. Rating u I.-G. Metaxas-Maranghidis, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, V. Bottka u I. Barcew, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta, waqt deliberazzjonijiet, minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse (Relatur) u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.), titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2020) 5830 final, tal‑20 ta’ Awwissu 2020, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.57026 (2020/N) – Ir-Rumanija – COVID‑19: Għajnuna favur Blue Air (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

2

Wara fażi ta’ qabel in-notifika, li kienet bdiet fl‑10 ta’ April 2020, ir-Rumanija nnotifikat, fit‑18 ta’ Awwissu 2020, lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna favur il-kumpannija tal-ajru Blue Air Aviation S.A. (iktar ’il quddiem “Blue Air”) fil-forma ta’ self għal ammont ta’ 300775000 leu Rumen (RON) (madwar EUR 62130000) flimkien mal-interessi ssussidjati, iggarantit sa 100 % mill-Istat Rumen (iktar ’il quddiem il-“miżura inkwistjoni”).

3

Blue Air hija kumpannija tal-ajru privata Rumena li għandha bażijiet tal-ajru fir-Rumanija, fl-Italja u f’Ċipru, li l-azzjonijiet tagħha huma miżmuma 99.99 % mill-kumpannija Rumena Airline Invest SA u 0.01 % minn ċittadin Amerikan. L-attività prinċipali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri u ta’ manutenzjoni tal-ajruplani. Fl-2019, Blue Air ittrasportat madwar 4 miljun passiġġier u rreġistrat dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 414 miljun. Fix-xahar ta’ Settembru ta’ dik l-istess sena, din il-kumpannija tal-ajru użat flotta ta’ 23 ajruplan. Blue Air kienet topera kemm konnessjonijiet nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

4

Il-miżura inkwistjoni tikkonċerna żewġ għajnuniet distinti bbażati fuq żewġ bażijiet legali differenti, kull wieħed minnhom li jkopri ammont ta’ għajnuna definit, jiġifieri:

–

miżura ta’ kumpens għad-danni, ibbażata fuq l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għal ammont ta’ EUR 28290000 għal tul ta’ sitt snin, intiża sabiex tikkumpensa lil Blue Air għad-dannu direttament subit minħabba l-kanċellazzjoni jew ir-riprogrammazzjoni tat-titjiriet tagħha wara l-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet fil-qasam tal-moviment, u b’mod partikolari tal-miżuri ta’ lockdown, fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, matul il-perijodu inkluż bejn is‑16 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Ġunju 2020 (iktar ’il quddiem il-“miżura ta’ kumpens għad-danni”);

–

għajnuna għas-salvataġġ, ibbażata fuq l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, moqri flimkien ma’ Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU 2014, C 249, p. 1; iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), għal ammont ta’ EUR 33840000 u limitata għal tul ta’ sitt xhur, li hija intiża sabiex tkopri parzjalment il-bżonnijiet urġenti ta’ likwidità ta’ Blue Air li jirriżultaw minn telf kbir ta’ operat li hija rreġistrat wara l-pandemija ta’ COVID-19 u li tippermettilha b’hekk tkompli l-attivitajiet tagħha filwaqt li tfassal pjan ta’ ristrutturazzjoni vijabbli (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għas-salvataġġ”).

[omissis]

It-talbiet tal-partijiet

6

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

7

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-proporzjonalità tal-miżura ta’ kumpens għad-danni

[omissis]

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, dwar l-evalwazzjoni tad-danni kkawżati lil Blue Air

[omissis]

19

Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 29, 30 u 93 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni pparagunat, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tad-danni, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Blue Air li fiha d-danni kkawżati mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19 kienu diġà ġew ikkonkretizzati u, min-naħa l-oħra, xenarju kontrofattwali li kien iseħħ fl-assenza tal-imsemmija restrizzjonijiet, li kien jieħu inkunsiderazzjoni d-dħul u l-ispejjeż previsti fil-baġit 2020 għall-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020.

20

Issa, id-diffikultajiet preeżistenti għall-pandemija ta’ COVID-19 ta’ Blue Air kienu ġew riflessi f’dawn iż-żewġ xenarji. Fil-fatt, minn naħa, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Blue Air li fiha d-danni kkawżati mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar kienu diġà ġew ikkonkretizzati kienet tikkorrispondi mar-riżultati reali ta’ Blue Air matul il-perijodu kkonċernat, li kien jirrifletti neċessarjament l-impatt tad-diffikultajiet preeżistenti ta’ Blue Air. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, u hekk kif jirriżulta mill-metodoloġija deskritta b’mod partikolari fil-paragrafi 29, 30 u 93 sa 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-baġit 2020 għall-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020, li fuqu kien ibbażat ix-xenarju kontrofattwali, kien jirrifletti wkoll l-impatt tad-diffikultajiet preeżistenti għall-pandemija ta’ COVID-19 ta’ Blue Air. Għaldaqstant, hekk kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni, peress li l-impatt tad-diffikultajiet preeżistenti kien ġie rifless fiż-żewġ xenarji, isegwi, impliċitament iżda neċessarjament, li dan l-impatt ġie nnewtralizzat fil-kalkolu tad-danni kkawżati bir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020 fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19.

21

Il-paragrafu 29 tad-deċiżjoni kkontestata jippreċiża li l-ispejjeż eliġibbli għall-perijodu bejn is‑16 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Ġunju 2020 jikkorrispondu għad-danni kkawżati direttament mir-restrizzjonijiet dovuti għall-pandemija ta’ COVID-19 lil Blue Air matul dan il-perijodu. Id-dannu huwa għalhekk iddefinit bħala t-telf ta’ dħul li jirriżulta mill-imsemmija restrizzjonijiet, li minnu jitnaqqsu l-ispejjeż evitati rreġistrati meta pparagunati mad-dħul u mal-ispejjeż stmati fil-baġit 2020 għat-tul tal-imsemmi perijodu. Barra minn hekk, il-profitt nett stmat fil-baġit 2020 għall-istess perijodu huwa eskluż mill-ammont tad-danni.

22

Għalkemm ir-rikorrenti ma tikkontestax il-metodoloġija li ppermettiet li jiġi ddeterminat l-ammont tal-miżura ta’ kumpens għad-danni (ara l-punt 19 iktar ’il fuq), hija tiżviluppa argument dwar in-natura xierqa tal-baġit 2020, kif stabbilit qabel l-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar.

23

Għalhekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tivverifika jekk il-baġit 2020 kienx realistiku jew potenzjalment wisq ottimist, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni bbażat ix-xenarju kontrofattwali tagħha billi ħadet bħala valuri ta’ referenza għall-kalkolu tad-danni d-dħul u l-ispejjeż previsti fil-baġit 2020 għall-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020, peress li dawn il-valuri kienu jippermettu, skont ir-Rumanija, li tiġi stabbilita approssimazzjoni aħjar tad-danni milli d-dħul reali u l-ispejjeż irreġistrati matul xhur korrispondenti tal‑2019. F’dan ir-rigward, mill-paragrafi 30 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din l-għażla hija spjegata mir-rieda li jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ fatturi. Minn naħa, it-trasformazzjoni tal-mudell kummerċjali ta’ Blue Air f’trasportatur tal-ajru li jopera kompletament low cost ipprekludiha milli tiġġenera dħul li joriġina minn titjiriet charter jew mill-kiri ta’ ajruplani b’ekwipaġġ, manutenzjoni u assigurazzjoni inklużi fl-2020, kuntrarjament għal dak li kien seħħ matul is-sena 2019. Min-naħa l-oħra, id-dewmien fil-kunsinna ta’ sitt Boeing 737-MAX ġodda obbliga lil Blue Air tkompli topera sitt ajruplani iktar antiki, li naqqas b’10 % l-kapaċità medja stmata ta’ siġġijiet disponibbli u qrib 10 % l-użu tal-flotta eżistenti, li jżid ukoll l-ispejjeż ta’ manutenzjoni b’EUR 25 miljun meta pparagunat mas-sena 2019. Minn dan isegwi li, billi bbażat ruħha fuq il-baġit 2020, il-Kummissjoni stmat id-danni fl-ammont ta’ EUR 28.57 miljun, abbażi tal-profitt qabel l-interessi u t-taxxi (PQIT) għall-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020. B’dan il-mod, il-Kummissjoni adottat approċċ prudenti, li wassal għal kwantifikazzjoni tad-danni iktar baxxa minn dik li kienet tinkiseb bl-użu tar-riżultati finanzjarji reali tax-xhur korrispondenti tal‑2019 bħala referenza peress li dawn wasslu għal stima tad-danni ogħla, evalwata għal EUR 33.51 miljun abbażi tal-PQIT.

24

Ma’ dan jiżdied il-fatt li, kif dan huwa indikat fil-paragrafu 32 tad-deċiżjoni kkontestata, Blue Air ġarrbet telf fid-dħul tal-operat li jirriżulta minn tnaqqis fin-numru ta’ titjiriet operati u minn koeffiċjent tat-tagħbija mnaqqas għal xi titjiriet li kien fadal għax-xhur minn Marzu sa Ġunju 2020. Għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta minn dan l-istess paragrafu u kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-ammont tat-tnaqqis tal-ispejjeż tnaqqas mil-lucrum cessans. Dan it-tnaqqis kien jinkludi spejjeż tal-operat diretti inferjuri, iffrankar tal-ispejjeż indiretti u differenzi fl-ispejjeż marbuta mal-ammortizzament, mal-kiri tal-ekwipaġġ u mal-penalitajiet. Minn dan irriżulta telf nett eliġibbli għal kumpens ta’ EUR 28.29 miljun. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li l-ammont ta’ EUR 28.57 miljun, imsemmi fil-paragrafi 30 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi stadju intermedjarju fil-kalkolu tal-ammont tad-danni.

25

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 31 u 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-awtoritajiet Rumeni eskludew il-profitt previst fil-baġit 2020 għall-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020 mill-kumpens għad-danni, li jfisser li l-kumpens propost kien inqas mid-danni kkwantifikati.

26

Barra minn hekk, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, in-numru ta’ passiġġieri realment ittrasportati minn Blue Air f’Jannar u f’Frar 2020, jiġifieri qabel l-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, kien qrib ħafna l-istimi previsti fil-baġit 2020. Dan juri li d-dħul baġitarju matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Ġunju 2020 kien ikun ukoll realistiku fl-assenza tal-imsemmija restrizzjonijiet.

27

Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-ammont tat-tnaqqis potenzjali fid-dħul ta’ Blue Air fl‑2020 meta pparagunat mal‑2019 hija purament spekulattiva. Fil-fatt, fir-rigward tal-argument li t-tnaqqis tal-kapaċità totali u tal-użu tal-apparati jista’ jwassal għal tnaqqis tal-ammont tad-dħul ta’ Blue Air meta pparagunat mas-sena 2019, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 30 u 95 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impatt ta’ kapaċità ta’ postijiet disponibbli mnaqqsa, ta’ użu inqas tal-ajruplani u ta’ żieda fl-ispejjeż ta’ manutenzjoni diġà ttieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni waqt l-eżami tal-baġit 2020.

28

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex sostnuta u ma hijiex ta’ natura li turi li x-xenarju kontrofattwali bbażat fuq il-baġit 2020 u elaborat mill-Kummissjoni ma kienx plawżibbli.

29

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, anki jekk Blue Air ltaqgħet ma’ diffikultajiet preeżistenti, ir-rikorrenti ma identifikat l-ebda element ta’ spejjeż speċifiku li, fil-fehma tagħha, kellu jiġi eskluż jew ittrattat b’mod differenti mill-Kummissjoni minħabba l-fatt li dawn l-ispejjeż kienu ġew ikkawżati mill-imsemmija diffikultajiet preeżistenti, u mhux mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020 fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19.

30

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li peress li l-impatt tad-diffikultajiet preeżistenti ta’ Blue Air għall-pandemija ta’ COVID-19 kien ġie rifless fiż-żewġ xenarji msemmija iktar ’il fuq, isegwi, impliċitament iżda neċessarjament, li dan l-impatt ġie nnewtralizzat fil-kalkolu tad-danni kkawżati mir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar imposti matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020 fil-kuntest tal-imsemmija pandemija.

31

Għaldaqstant għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti.

32

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura ruħha li Blue Air kienet għamlet dak li kien neċessarju sabiex tnaqqas l-ispejjeż tagħha matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020, b’mod li jiġu esklużi mill-kumpens tad-danni mhux biss l-ispejjeż evitati, iżda wkoll l-ispejjeż “evitabbli”, jiġifieri l-ispejjeż li hija setgħet tevita, iżda li hija xorta waħda sostniet, għandu jiġi rrilevat, fil-paragrafi 92 u 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni spjegat li d-danni li kellhom jiġu kkumpensati kienu jikkorrispondu għat-telf tal-valur miżjud, iddefinit bħala d-differenza bejn, minn naħa, il-lucrum cessans ta’ Blue Air, jiġifieri d-differenza bejn id-dħul mill-bejgħ li hija setgħet tipprevedi li jkollha, matul il-perijodu bejn is‑16 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Ġunju 2020, fuq il-bażi tal-bażi tal-baġit 2020, fl-assenza tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ta’ miżuri ta’ lockdown oħra marbuta mal-pandemija tal-COVID-19, u d-dħul mill-bejgħ effettivament imwettaq matul dan il-perijodu, ikkorreġut bil-marġni ta’ profitt ta’ Blue Air, u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż evitati.

33

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ddefinixxiet l-ispejjeż evitati bħala dawk li Blue Air kienet sostniet matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020, li kieku l-attività tagħha ma kinitx ġiet affettwata mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u mill-miżuri ta’ lockdown marbuta mal-pandemija ta’ COVID‑19, u li hija ma kellhiex għalfejn issostni minħabba l-kanċellazzjoni tal-operazzjonijiet tagħha. Il-Kummissjoni ppreċiżat, fil-paragrafu 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ispejjeż evitati kienu jikkonċernaw, pereżempju, l-ispejjeż tal-karburant kif ukoll l-ispejjeż tal-persunal. Hija spjegat ukoll li l-ispejjeż evitati kellhom jiġu kkwantifikati billi jiġu pparagunati l-ispejjeż previsti fil-baġit 2020 u l-ispejjeż effettivament sostnuti minn Blue Air matul il-perijodu mis‑16 ta’ Marzu sat‑30 ta’ Ġunju 2020.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li l-evalwazzjoni tal-ispejjeż evitati, kif esposta fid-deċiżjoni kkontestata, hija opaka.

35

Minbarra dan, f’dan il-każ għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tibqa’ ma tippreċiżax konkretament liema spejjeż oħra, barra l-ispejjeż evitati diġà meħuda inkunsiderazzjoni, Blue Air setgħet evitat u għalhekk kellhom jiġu esklużi mill-evalwazzjoni tad-danni kkawżati lilha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tista’ tikkonstata biss li l-ilment tar-rikorrenti dwar allegat ommissjoni tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni spejjeż “evitabbli” huwa wisq astratt u ma huwa sostnut minn ebda data konkreta.

36

Għalhekk, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

37

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni danni subiti minn kumpanniji tal-ajru oħra, għandu l-ewwel jitfakkar li, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, hija kompatibbli mas-suq intern l-għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew minn avvenimenti straordinarji oħra.

38

F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tikkontestax l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, adottata fid-deċiżjoni kkontestata, li l-pandemija tal-COVID-19 kellha titqies bħala “avveniment straordinarju” fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Barra minn hekk, mill-paragrafi 7, 86 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-pandemija tal-COVID-19 waslet għall-interruzzjoni tal-parti l-kbira tat-trasport bl-ajru tal-passiġġieri, fid-dawl, b’mod partikolari, tar-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar u ta’ miżuri ta’ lockdown imposti oħra kif ukoll tal-għeluq tal-fruntieri ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni, fosthom ir-Rumanija.

39

Minn dan isegwi li r-rikorrenti tirrileva, ġustament, li Blue Air ma hijiex l-unika impriża, u lanqas l-unika kumpannija tal-ajru, li ġiet affettwata mill-avveniment straordinarju inkwistjoni.

40

Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt, kif issostni ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li ma jeżisti ebda obbligu, għall-Istati Membri, li jagħtu għajnuna intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

41

B’mod partikolari, minn naħa, għalkemm l-Artikolu 108(3) TFUE jobbliga lill-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-proġetti tagħhom fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat qabel ma jimplimentawhom, dan ma jobbligahomx, għall-kuntrarju, li jagħtu għajnuna (digriet tat‑30 ta’ Mejju 2018, Yanchev, C‑481/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:352, punt 22).

42

Min-naħa l-oħra, għajnuna tista’ tkun intiża li tirrimedja d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, indipendentement mill-fatt li din ma tirrimedjax dawn id-danni kollha.

43

Konsegwentement, la mill-Artikolu 108(3) TFUE u lanqas mill-Artikolu 107(2)(b) TFUE ma jirriżulta li l-Istati Membri huma obbligati jirrimedjaw id-danni kollha kkawżati minn avveniment straordinarju b’tali mod li lanqas ma jistgħu jiġu obbligati jagħtu għajnuna lill-vittmi kollha ta’ dawn id-danni (sentenzi tal‑14 ta’ April 2021, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (SAS, Danimarka; Covid‑19), T‑378/20, taħt appell, EU:T:2021:194, punt 24, u tal‑14 ta’ Lulju 2021, Ryanair u Laudamotion vs Il‑Kummissjoni (Austrian Airlines; Covid‑19), T‑677/20, taħt appell, EU:T:2021:465, punt 57). Covid-19), T‑677/20, taħt appell, EU:T:2021:465, punt 57).

44

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni kienet obbligata tevalwa, fid-deċiżjoni kkontestata, id-dannu kkawżat lill-kumpanniji tal-ajru differenti minn Blue Air.

[omissis]

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

[omissis]

Fuq l-eliġibbiltà ta’ Blue Air għall-għajnuna għas-salvataġġ

[omissis]

55

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-punt 22 tal-Linji Gwida jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet kumulattivi li jippermettu li titqies bħala kompatibbli mas-suq intern għajnuna mogħtija lil kumpannija li tagħmel parti minn grupp. Għalhekk, hija l-Kummissjoni li għandha teżamina, l-ewwel, jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jagħmilx parti minn grupp u, jekk ikun il-każ, il-kompożizzjoni tiegħu, it-tieni, jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom il-benefiċjarju humiex speċifiċi għalih u ma jirriżultawx minn tqassim arbitrarju tal-ispejjeż fi ħdan il-grupp u, it-tielet, jekk dawn id-diffikultajiet humiex serji wisq sabiex jiġu solvuti mill-imsemmi grupp innifsu.

56

Għalhekk, l-għan ta’ din il-projbizzjoni huwa li grupp ta’ impriżi jiġi prekluż milli jgħaddi lill-Istat l-ispiża ta’ operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ waħda mill-impriżi li tifforma parti minnu, meta din l-impriża hija f’diffikultà u meta l-grupp innifsu huwa fl-oriġini ta’ dawn id-diffikultajiet jew fejn għandu l-mezzi sabiex jaffaċċja, waħdu, dawn id-diffikultajiet. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il‑Kummissjoni, T‑511/09, EU:T:2015:284, punt 159).

57

Mill-paragrafi 27 u 105 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li 99.99 % tal-azzjonijiet ta’ Blue Air huma miżmuma mill-kumpannija Rumena Airline Invest, stabbilita f’Diċembru 2019, u li 0.01 % l-oħra jappartjenu lil ċittadin Amerikan. Huwa indikat ukoll li 99.99 % tal-azzjonijiet tal-kumpannija Airline Invest, li ma teżerċitax attivitajiet oħra minbarra dik li żżomm l-azzjonijiet ta’ Blue Air, huma miżmuma minn persuna fiżika li ma teżerċita ebda attività diretta jew indiretta oħra.

58

Issa, l-argument tar-rikorrenti jikkonsisti li jiġi sostnut li l-persuna fiżika li żżomm 99.99 % tal-azzjonijiet ta’ Airline Invest tista’ tkun il-persuna nominata ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument ma huwiex sostnut u jibqa’ ipotetiku, peress li huwa bbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet ibbażati biss fuq artikli tal-istampa li l-kontenut tagħhom ma huwiex ta’ natura li juri li l-azzjonist ta’ Airline Invest huwa persuna nominata. Konsegwentement, dan l-argument huwa purament spekulattiv u huwa sostnut biss mill-provi li tirreferi għalihom ir-rikorrenti. Barra minn hekk, meta ġiet mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi informazzjoni iktar preċiża dwar dan is-suġġett.

59

Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’dan is-sens, għandu jiġi miċħud l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet eżami insuffiċjenti tal-ewwel kundizzjoni prevista fil-punt 22 tal-linji gwida, jiġifieri jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna kienx jagħmel parti minn grupp.

[omissis]

Fuq il-kontribuzzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ għal għan ta’ interess komuni

[omissis]

65

F’dan il-każ, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti sabiex jiġi vverifikat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, minn naħa, li s-servizz inkwistjoni kien “importanti” u, min-naħa l-oħra, li kien ikkomplikat li dan jiġi riprodott, fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida.

66

Fl-ewwel lok, fir-rigward tan-natura importanti tas-servizz ipprovdut minn Blue Air, jirriżulta b’mod partikolari mill-paragrafi 51, 52, 58, 108 u 109 tad-deċiżjoni kkontestata li din il-kumpannija tal-ajru kienet tiżgura l-konnessjoni tar-Rumanija sa fejn hija kienet topera konnessjonijiet tal-ajru interni u internazzjonali, li wħud minnhom kienu jgħaqqdu reġjuni remoti ta’ dan l-Istat Membru li kienu diffiċilment aċċessibbli bl-art minħabba stat ħażin tal-infrastrutturi tat-toroq u ferrovjarji Rumeni.

67

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif dan huwa indikat fil-paragrafu 111 tad-deċiżjoni kkontestata, ċerti ajruporti nazzjonali żgħar jistgħu anki ma jibqgħux moqdija jew jiġu moqdija b’mod kunsiderevolment inqas wara l-ħruġ mis-suq ta’ Blue Air, peress li, minn naħa, il-kumpanniji tal-ajru low cost l-oħra qatt ma wrew interess li joperaw il-konnessjonijiet tal-ajru interni bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ wħud minn dawn l-ajruporti u, min-naħa l-oħra, li l-kumpannija tal-ajru nazzjonali tar-Rumanija, TAROM, ma tippropronix konnessjonijiet tal-ajru low cost, ħaġa li l-partijiet ma jikkontestawx.

68

Barra minn hekk, fir-rigward tal-konnessjonijiet tal-ajru internazzjonali, mill-paragrafu 52 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li Blue Air kienet tikkostitwixxi l-unika kumpannija tal-ajru low cost li topera l-konnessjonijiet bi tluq mir-Rumanija u b’destinazzjoni lejn l-ajruporti ta’ Firenze (l-Italja), Stuttgart (il-Ġermanja), Köln/Bonn (il-Ġermanja), Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), Milano-Linate (l-Italja), Pariġi-Orly (Franza) u Ħelsinki (il-Finlandja).

69

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li Blue Air wettqet servizz importanti billi toffri, minn naħa, konnessjonijiet bi tluq u b’destinazzjoni ta’ diversi reġjuni Rumeni remoti, li l-konnettività tagħhom bl-ajru kellha importanza ekonomika partikolari fir-rigward tal-istat tal-infrastrutturi nazzjonali terrestri, u, min-naħa l-oħra, konnessjonijiet bi tluq u b’destinazzjoni lejn diversi bliet kbar tal-Ewropa, billi tikkontribwixxi b’dan il-mod għall-konnettività internazzjonali tal-imsemmija reġjuni.

70

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, is-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri pprovduti minn Blue Air kienu mmirati, b’mod partikolari, għal żewġ kategoriji speċifiċi ta’ passiġġieri, jiġifieri l-imprendituri lokali ż-żgħar u l-komunità Rumena stabbilita barra mill-pajjiż, partikolarment preżenti fl-Italja, fi Franza, fi Spanja, fil-Ġermanja u fir-Renju Unit, permezz ta’ network uniku ta’ rotot nazzjonali u internazzjonali, speċifikament imfassla skont il-bżonnijiet tagħhom, li hija kienet żviluppat għal dan il-għan matul l-aħħar ħmistax-il sena. Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-assenza ta’ alternattivi validi minħabba l-istat ħażin tal-infrastrutturi tat-toroq u ferrovjarji Rumeni, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mir-rikorrenti, dawn iż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri mobbli ħafna, li jiċċaqilqu ġewwa r-Rumanija għal skopijiet professjonali (għall-ewwel kategorija) jew jgħixu u jaħdmu barra mill-pajjiż billi jagħmlu vjaġġi bir-ritorn frekwenti bejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom u l-post ta’ residenza rispettiv tagħhom (għat-tieni kategorija), jiddependu minn konnessjonijiet tal-ajru low cost.

71

Għalhekk, l-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata f’dan il-każ, essenzjalment, fuq il-konstatazzjoni li l-waqfien tal-attività ta’ Blue Air ikun ta’ preġudizzju għall-konnettività kemm reġjonali kif ukoll internazzjonali tar-Rumanija u, b’mod partikolari, ta’ ċerti reġjuni remoti tal-pajjiż, kif ukoll għall-mobbiltà taż-żewġ kategoriji ta’ passiġġieri msemmija fil-punt 70 iktar ’il fuq, u li, fil-każ ta’ ħruġ mis-suq tal-benefiċjarju, jeżisti riskju konkret ta’ interruzzjoni ta’ ċerti servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri kkunsidrati bħala importanti minn dan l-Istat Membru.

72

Barra minn hekk, mill-paragrafi 59, 62, 111 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, billi tiżgura l-mobbiltà tal-imprendituri lokali żgħar bejn ir-reġjuni differenti tal-pajjiż, Blue Air tikkontribwixxi għall-ħajja ekonomika ta’ dawn ir-reġjuni.

73

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-paragrafi 53 u 110 tad-deċiżjoni kkontestata, ħruġ mis-suq ta’ Blue Air kellu impatt dirett fuq iktar minn 400000 passiġġier, fejn iktar minn 250000 minnhom kellhom it-titjiriet tagħhom ikkanċellati minħabba restrizzjonijiet ta’ moviment imposti mill-Istati Ewropej sabiex jillimitaw it-tixrid tal-pandemija ta’ COVID-19 u jew kienu stennew ir-rimbors tal-biljetti tagħhom, jew kienu aċċettaw nota ta’ kreditu sabiex jużaw fuq titjira oħra. Fir-rigward tal-150 000 passiġġier li kien fadal, dawn kienu rriżervaw titjira ma’ Blue Air fit-tnax-il xahar ta’ wara.

74

Fir-rigward tal-elementi msemmija fil-punti 65 sa 73 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ssottomettiet lill-Qorti Ġenerali ebda element li jippermetti li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li Blue Air kienet tipprovdi servizz importanti fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida.

75

Barra minn hekk, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali ma jista’ jikkontesta din il-konklużjoni.

76

L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li Blue Air ma hijiex kumpannija tal-ajru low cost u li l-prezz medju tal-biljetti proposti minnha huwa saħansitra ogħla minn dak tal-biljetti mibjugħa minnha stess, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar issostni, insostenn tal-argumenti tagħha, li l-prezz medju tal-biljetti tagħha kien ta’ EUR 68.27 fl‑2019 u ta’ EUR 55.59 fl‑2020 filwaqt li, għal dawn l-istess sentejn, dak tal-biljetti proposti minn Blue Air kien rispettivament ta’ EUR 89.09 u ta’ EUR 63.37.

77

Mistoqsija fuq dan il-punt waqt is-seduta, ir-rikorrenti żiedet li, minbarra l-aspett tariffarju fih innifsu, il-karatteristika l-oħra tal-kumpanniji tal-ajru low cost hija r-rata ta’ tagħbija partikolarment għolja tal-ajruplani tagħhom. F’dan il-każ, fil-fehma tagħha, ir-rata ta’ tagħbija tal-ajruplani tagħha hija, globalment, ogħla minn dik tal-ajruplani operati minn Blue Air.

78

Issa, iż-żewġ ċirkustanzi rrilevati mir-rikorrenti, dejjem jekk jiġu pprovati, ma humiex ta’ natura, minnhom infushom, li juru li s-servizz ipprovdut minn Blue Air ma kienx importanti fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida. Fil-fatt, dawn ma jippermettux li jitqajjem dubju dwar il-konstatazzjoni, li tirriżulta mill-punti 65 sa 73 iktar ’il fuq, li s-servizz ipprovdut minn Blue Air kien jiżgura l-konnettività ta’ diversi reġjuni Rumeni u kien jiffaċilita l-moviment ta’ żewġ kategoriji ta’ passiġġieri ddefiniti sew, l-imprendituri żgħar u ċ-ċittadini Rumeni stabbiliti fi Stati Membri oħra, u b’hekk jiżgura l-konnettività tar-Rumanija fl-intier tagħha u kien, għalhekk, jikkostitwixxi servizz importanti għal dawn il-passiġġieri. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-paragun f’ċifri tal-prezzijiet medji tal-biljetti ma jurix, fi kwalunkwe każ, li Blue Air ma hijiex kumpannija tal-ajru low cost bl-istess mod bħar-rikorrenti u barra minn hekk minn dan jirriżulta li Blue Air kienet kapaċi f’sena li tnaqqas b’iktar minn EUR 25 il-prezz medju tal-biljetti tagħha, li fl-2020 kien biss ogħla b’EUR 7.78 dak tal-biljetti tar-rikorrenti.

[omissis]

81

It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konnessjonijiet nazzjonali operati minn Blue Air setgħu kienu suġġetti għal obbligi ta’ servizz pubbliku minflok is-salvataġġ ta’ Blue Air, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma turix li l-implimentazzjoni ta’ tali obbligi ta’ servizz pubbliku setgħet titwettaq f’terminu suffiċjentement qasir, filwaqt li tiżgura l-konnettività kontinwa tal-imsemmija reġjuni.

82

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-servizzi pprovduti minn Blue Air kinux diffiċli li jiġu rreplikati fis-sens tal-punt 44(b) tal-linji gwida, mill-paragrafi 54, 55, 63, 109, 110 u 112 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-imsemmija servizzi kollha ma setgħux jiġu żgurati fi żmien qasir minn kumpanniji tal-ajru oħra, b’mod partikolari dawk low cost, peress li diversi fosthom kienu diġà reċentement għalqu wħud mill-konnessjonijiet tal-ajru tagħhom, ukoll operati minn Blue Air, u għalhekk din tal-aħħar tħalliet waħedha sabiex tiżgurahom.

83

Barra minn hekk, l-ewwel, għandu jiġi rrilevat, skont il-Kummissjoni, li l-kumpanniji tal-ajru low cost l-oħra huma ftit jew xejn preżenti fil-parti l-kbira tar-rotot ta’ Blue Air sa fejn il-mudell ekonomiku tagħhom huwa bbażat fuq l-użu tal-ajruporti msejħa “sekondarji”, jiġifieri ajruporti li jinsabu f’distanza partikolari mill-ajruporti urbani kkunsidrati bħala “primarji”. Fil-fatt, l-ajruporti “sekondarji” jirrikjedu l-ħlas ta’ tariffi tal-ajruport inqas għoljin u l-islots huma iktar faċilment disponibbli milli fl-ajruporti nazzjonali l-kbar.

84

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li hija ma taqdix ċerti ajruporti “primarji” moqdija minn Blue Air.

85

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat fil-paragrafu 109 tad-deċiżjoni kkontestata li Blue Air kienet tokkupa spazju li ma kienx operat minn kumpanniji tal-ajru low cost oħra fis-suq Rumen. B’hekk, ir-rikorrenti ma wrietx li hija setgħet tkompli l-konnessjonijiet tal-ajru operati minn Blue Air peress li l-mudell ekonomiku tagħha kien kunsiderevolment differenti minn dak ta’ Blue Air.

86

Bl-istess mod, ir-rikorrenti lanqas ma kkontestat il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru low cost kompetituri ta’ Blue Air ma kinux interessati li jkomplu l-konnessjonijiet tal-ajru bi tluq jew b’destinazzjoni ta’ ċerti ajruporti reġjonali Rumeni, bħal dawk ta’ Oradea u ta’ Baia Mare, sa fejn dawn il-kumpanniji tal-ajru kompetituri kienu diġà joperaw konnessjonijiet tal-ajru bi tluq minn ajruporti reġjonali oħra, li kien joħloq riskju li dawn l-ewwel ajruporti jitħallew ftit jew xejn moqdija, fil-każ ta’ ħruġ mis-suq ta’ Blue Air.

87

Barra minn hekk, in-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 19 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li l-kumpanniji tal-ajru low cost kompetituri ta’ Blue Air kienu diġà rtiraw minn Oradea u mill-konnessjoni Bukarest-Cluj (ir-Rumanija) fl-2018, li jikkonferma l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-assenza ta’ interess ta’ dawn il-kumpanniji tal-ajru li joffru din il-kopertura.

88

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li diversi konnessjonijiet ma kinux għadhom moqdija minn Blue Air, bħal dawk bi tluq u b’destinazzjoni ta’ Oradea. Madankollu, b’dan il-mod, ir-rikorrenti tirreferi għal data attwali u għalhekk sussegwenti għad-data tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ kellha fil-mument meta ġiet adottata, u mhux abbażi ta’ avvenimenti sussegwenti. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud.

89

It-tieni, ir-rikorrenti tafferma li hija żgurat iktar minn 80 % tal-konnessjonijiet tal-ajru internazzjonali wkoll imwettqa minn Blue Air. F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi enfasizzat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li mill-annessi tar-rikors ma jirriżultax li r-rikorrenti hija preżenti fuq 80 % tal-konnessjonijiet tal-ajru żgurati minn Blue Air, peress li l-imsemmija annessi jirreferu biss għal “destinazzjonijiet” internazzjonali li jitilqu mir-Rumanija, u mhux għal konnessjonijiet speċifiċi. Minbarra dan, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għal data sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata fis-sens li hija tirreferi għal data li tkopri s-sena 2020 kollha. Għalhekk, fir-rigward tal-kontenut tagħha u tal-perijodu li miegħu hija relatata, din id-data ma tissostanzjax b’mod suffiċjenti l-argument tar-rikorrenti. Fi kwalunkwe każ, din id-data tikkonferma li parti mhux insinjifikattiva mill-konnessjonijiet moqdija minn Blue Air ma kinitx moqdija mir-rikorrenti.

90

It-tielet, f’dak li jirrigwarda l-argument li l-kapaċità mitlufa ta’ kumpannija tal-ajru tista’ tiġi ssostitwita malajr minn kumpanniji tal-ajru oħra li jixtiequ jużaw mod ieħor il-kapaċità żejda tagħhom, għandu jiġi enfasizzat li ebda element ma jippermetti li jintwera li l-kapaċità eċċessiva tar-rikorrenti, li toriġina mill-miżuri adottati mill-Istati Membri fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, tippermettilha li tiżgura l-konnessjonijiet tal-ajru preċedentement imwettqa minn Blue Air. Għaldaqstant, ma ġiex ipprovat li, ladarba titkompla l-attività tagħha stess, ir-rikorrenti jkun għad ikollha biżżejjed kapaċità ta’ trasport sabiex tkompli l-imsemmija konnessjonijiet. Fil-fatt, il-kapaċità żejda tas-settur ma hijiex biżżejjed waħedha sabiex jiġi preżunt li l-kompetituri ser jużaw il-kapaċitajiet mhux użati tagħhom taħt kwalunkwe kundizzjoni u jsostnu spejjeż addizzjonali filwaqt li jipprovdu servizz mhux interrott bi prezzijiet aċċessibbli.

91

Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li kumpanniji tal-ajru kompetituri ta’ Blue Air kienu lesti li jkomplu l-konnessjonijiet kollha operati minnha f’każ ta’ ħruġ mis-suq ta’ din ta’ l-aħħar.

92

Ir-raba’, anki jekk jitqies li s-sostituzzjoni ta’ Blue Air kienet possibbli fuq uħud mill-konnessjonijiet interni jew internazzjonali inkwistjoni, ir-rikorrenti lanqas ma wriet, fid-dawl tal-waqfien probabbli u imminenti tal-attività ta’ Blue Air, li din is-sostituzzjoni setgħet isseħħ fi żmien qasir, u dan sabiex tiġi evitata sa fejn ikun possibbli kull interruzzjoni tas-servizz, u taħt kundizzjonijiet li jkunu qrib dawk li taħthom dawn il-konnessjonijiet kienu operati.

93

Fil-fatt, minkejja li r-rikorrenti ssostni li hija kienet lesta li tiżgura l-konnessjonijiet ta’ Blue Air f’inqas minn sitt xhur fil-każ ta’ ħruġ mis-suq tagħha, mill-annessi tar-rikors dwar l-espansjoni tar-rikorrenti fl‑2020 jirriżulta li l-parti l-kbira tal-konnessjonijiet tal-ajru li hija bdiet jew ma kienu bl-ebda mod moqdija minn Blue Air fl‑2019 u fl‑2020, jew baqgħu jiġu moqdija minn din tal-aħħar ukoll fl‑2020. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li Blue Air kienet diġà ġiet issostitwita fuq ċerti konnessjonijiet jew setgħet faċilment tiġi ssostitwita fi żmien sitt xhur mill-waqfien tal-attività tagħha.

94

Fid-dawl, b’mod partikolari, tal-importanza tar-rwol ta’ Blue Air sabiex tiggarantixxi konnessjonijiet tal-ajru bi prezz aċċessibbli għal żewġ kategoriji ta’ passiġġieri li jipprovdu kontribuzzjoni essenzjali għall-ekonomija reġjonali tar-Rumanija, jiġifieri l-imprendituri lokali żgħar u l-komunità Rumena stabbilita barra mill-pajjiż, kif ukoll għall-konsegwenzi li jkollu nuqqas min-naħa tagħha fuq din l-ekonomija u fuq iktar minn 400000 passiġġier (ara l-punt 73 iktar ’’il fuq), għandu jiġi konkluż li l-ħruġ ta’ Blue Air mis-suq kien iwassal għal riskju ta’ interruzzjoni ta’ servizz importanti li kien ikun diffiċli li jiġi rreplikat fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ.

95

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-għajnuna għas-salvataġġ kienet tissodisfa r-rekwiżiti previsti fil-punti 43 u 44 tal-linji gwida.

[omissis]

Fuq l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-għajnuna għas-salvataġġ

[omissis]

99

L-ewwel, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li r-rata ta’ interessi applikata għas-self inkwistjoni ma hijiex għolja biżżejjed fir-rigward tar-riskji marbuta mal-imsemmi self, għandu jiġi enfasizzat li l-punt 56 tal-linji gwida jipprovdi dan li ġej:

“Il-livell ta’ rimunerazzjoni li benefiċjarju jrid iħallas għall-għajnuna għas-salvataġġ għandu jirrifletti l-affidabbiltà kreditizja sottostanti tal-benefiċjarju, mingħajr kunsiderazzjoni tal-effetti temporanji kemm tad-diffikultajiet ta’ likwidità u kemm tal-appoġġ mill-Istat, u għandu jipprovdi inċentivi għall-benefiċjarju biex iħallas lura l-għajnuna mill-aktar fis possibbli. Il-Kummissjoni għaldaqstant tirrikjedi li r-remunerazzjoni tiġi stabbilita għal rata ta’ mhux inqas mir-rata ta’ referenza stipulata fil-Komunikazzjoni dwar ir-Rata ta’ Referenza għal impriżi dgħajfin li joffru livelli normali ta’ kollateralizzazzjoni (bħalissa IBOR ta’ sena flimkien ma’ 400 punt bażi) u li għandha tiżdied b’mill-inqas 50 punt bażi għall-għajnuna għas-salvataġġ li l-awtorizzazzjoni tagħhom tingħata skont il-punt 55(d)[(ii)].”

100

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat mill-partijiet li r-rata ta’ interessi marbuta mas-self inkwistjoni hija ekwivalenti jew qrib ir-rata ta’ referenza msemmija fil-punt 56 tal-linji gwida u għalhekk ma tiksirx il-limitu impost.

101

B’mod iktar preċiż, mill-paragrafu 19 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, għalkemm is-self kellu jingħata f’żewġ partijiet, ir-rata tal-interessi tal-parti tas-self relatata mal-għajnuna għas-salvataġġ u tal-garanzija mill-Istat korrispondenti tkun tal-inqas ugwali għal-livell tar-Romanian Interbank Offer Rate (ROBOR) jew tal-Euro Interbank Offered Rate (Euribor) għal sena (skont il-munita li biha s-self ikun iddenominat), miżjuda b’marġni ta’ riskju ta’ mill-inqas 400 punt bażi. Jekk is-self kellu jingħata f’parti waħda, ir-rata tal-interessi tas-self sħiħ u tal-garanzija tkun tal-inqas ugwali għal-livell tal-ROBOR jew tal-Euribor għal sena (skont il-munita li biha s-self ikun iddenominat), miżjuda b’marġni ta’ riskju ta’ mhux inqas minn 400 punt bażi.

102

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mill-punt 56 tal-linji gwida jirriżulta li ma hemmx lok li din ir-rata tiżdied qabel eventwali estensjoni tal-awtorizzazzjoni.

103

Għaldaqstant, peress li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tipprevedi b’ċertezza jekk ir-Rumanija kinitx ser tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni qabel l-iskadenza, ir-rikorrenti ma tistax takkużaha li ma żiditx ir-rata ta’ interessi applikata sa mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Tali skadenza ma hijiex prevista mill-punt 56 tal-linji gwida.

104

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li l-argument tar-rikorrenti li r-rata ta’ interessi kellha tkun ogħla fl-assenza ta’ kollaterazzjonijiet ipprovduti mill-benefiċjarju jirriżulta minn qari żbaljat tal-punt 56 tal-linji gwida. Dan il-punt jipprevedi l-applikazzjoni tar-rata prevista għall impriżi dgħajfa li joffru livelli normali ta’ kollateralizzazzjoni (ara l-punt 99 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-imsemmi punt jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interessi minima li tapplika għall-għajnuna għas-salvataġġ kollha, indipendentement mill-garanziji pprovduti mill-benefiċjarji f’kull każ. Kif tirrileva l-Kummissjoni, dan huwa spjegat mill-urġenza inerenti għall-għajnuna għas-salvataġġ, li tirrikjedi l-istabbiliment ta’ regola ċara u applikabbli fil-każijiet kollha, b’tali mod li l-Kummissjoni ma jkollhiex bżonn teżamina n-natura xierqa tar-remunerazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ każ b’każ.

[omissis]

107

It-tielet, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni sa fejn kellha titlob lir-Rumanija tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni f’terminu iqsar minn dak ta’ sitt xhur. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, kien ċar sa mill-bidu li s-self ma kienx ser jiġi rrimborsat fit-terminu ta’ sitt xhur previst u li r-Rumanija kienet ser tispiċċa sabiex testendi dan il-perijodu billi tippreżenta pjan ta’ ristrutturazzjoni. Issa, fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID-19, il-kumpanniji tal-ajru kollha sofrew telf serju u miżura ta’ għajnuna mogħtija de facto għal perijodu ta’ iktar minn sitt xhur lil waħda minnhom toħloq distorsjoni sinjifikattiva.

108

Madankollu, dawn l-argumenti tar-rikorrenti ma jċaħħdux minn plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni.

109

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-punt 55(d) tal-linji gwida jirriżulta b’mod ċar li huwa l-Istat Membru li għandu jibgħat lill-Kummissjoni, f’terminu massimu ta’ sitt xhur mill-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, prova ta’ rimbors tal-kreditu, pjan ta’ ristrutturazzjoni (sa fejn il-benefiċjarju jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala impriża f’diffikultà) jew pjan ta’ stralċ. Ċertament, l-Istat Membru kkonċernat dejjem għandu d-dritt li jissottometti wieħed minn dawn id-dokumenti qabel it-tmiem tat-terminu ta’ sitt xhur, iżda mill-formulazzjoni tal-imsemmi punt ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija awtorizzata tiffissa terminu iqsar fuq inizjattiva tagħha stess.

110

Bl-istess mod, il-punt 55(d)(ii) tal-linji gwida jipprovdi b’mod ċar, fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru jkun ittrażmetta pjan ta’ ristrutturazzjoni, li l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ tiġi estiża awtomatikament sakemm il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni definittiva dwar dan il-pjan. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata ma ngħatat ebda awtorizzazzjoni ta’ dan it-tip.

111

Fl-aħħar, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-linji gwida u b’mod partikolari l-punt 60 tagħhom, għajnuna għas-salvataġġ għandha l-għan li żżomm lill-benefiċjarju attiv għal sitt xhur, għan li huwa diffiċilment kompatibbli ma’ tnaqqis tat-tul tal-għajnuna.

[omissis]

Fuq l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna għas-salvataġġ

[omissis]

115

L-ewwel, ir-rikorrenti tirrileva li, kif jirriżulta mill-paragrafu 123 tad-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna għas-salvataġġ tkopri, parzjalment, bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Blue Air ikkawżati mir-restrizzjonijiet tal-ivjaġġar fil-kuntest tal-pandemija ta’ COVID‑19. Għalhekk, skont ir-rikorrenti, billi awtorizzat din l-għajnuna, il-Kummissjoni aġixxiet kontra għanijiet u l-loġika tal-komunikazzjoni tagħha tad‑19 ta’ Marzu 2020 intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1) u emendata fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1) li teskludi l-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi li kienu diġà f’diffikultà fil‑31 ta’ Diċembru 2019, u ppermettiet l-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi li kienu l-inqas kapaċi jilħqu l-għan tal-għajnuna marbuta mal-pandemija tal- COVID‑19.

116

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda miż-żewġ miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni ma ġiet awtorizzata skont il-komunikazzjoni msemmija fil-punt 115 iktar ’il fuq.

117

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li l-miżura ta’ kumpens għad-danni kienet intiża sabiex tikkumpensa d-danni subiti minn Blue Air matul il-perijodu inkluż bejn is‑16 ta’ Marzu u t‑30 ta’ Ġunju 2020, filwaqt li l-għajnuna għas-salvataġġ kienet tippermettilha tkopri l-bżonnijiet ta’ likwidità tagħha matul perijodu differenti, jiġifieri dak ta’ bejn Settembru 2020 u Frar 2021. Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna mogħtija lil Blue Air bis-saħħa tal-miżura ta’ kumpens għad-danni ttieħdet inkunsiderazzjoni fil-pjan ta’ likwidità għall-perijodu minn Settembru 2020 sa Frar 2021 u għalhekk ippermettiet li jitnaqqas l-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ neċessarju.

118

Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti ma hijiex ta’ natura li tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proporzjonalità tal-għajnuna għas-salvataġġ.

119

It-tieni, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-għajnuna għas-salvataġġ ma kinitx taqbeż il-minimu neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess komuni.

120

F’dan ir-rigward, il-punt 60 tal-linji gwida jindika dan li ġej:

“L-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun ristretta għall-ammont meħtieġ biex il-benefiċjarju jibqa’ jopera n-negozju għal sitt xhur. Sabiex jiġi ddeterminat dan l-ammont, għandha tingħata importanza lir-riżultat tal-formula stipulat fl-Anness I. Kull għajnuna li taqbeż ir-riżultat ta’ dan il-kalkolu se tiġi awtorizzata biss jekk tkun debitament iġġustifikata billi jiġi pprovdut pjan ta’ likwidità li jistabbilixxi l-ħtiġijiet ta’ likwidità tal-benefiċjarju fis-sitt xhur li jkunu ġejjin.”

121

Fir-rigward tal-ammont previst tal-għajnuna għas-salvataġġ, mill-paragrafi 45, 47, 112 u 118 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan l-ammont huwa bbażat fuq il-pjan ta’ likwidità stabbilit mir-Rumanija. Il-Kummissjoni evalwat dan il-pjan li kien ibbażat fuq projezzjonijiet ta’ dħul u ta’ spejjeż, li kienu jintegraw ruħhom fil-kuntest mingħajr preċedent u inċert ta’ dak iż-żmien li matulu dawn kienu ġew stabbiliti f’dak li jirrigwarda l-projezzjonijiet kollha dwar l-attivitajiet tal-kumpanniji tal-ajru. Fi tmiem l-evalwazzjoni tagħha, hija kkunsidrat li l-pjan ta’ likwidità ma kienx jinkludi spejjeż inabitwali jew illeġittimi bħall-finanzjament ta’ miżuri strutturali jew it-tkabbir tal-attivitajiet lil hinn mill-impenji preċedenti.

122

Issa, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument li jista’ jqajjem dubju dwar il-plawżibbiltà tal-pjan ta’ likwidita. Għall-kuntrarju, hija sempliċement tqabbel il-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Blue Air għall-perijodu meħud inkunsiderazzjoni għall-għajnuna għas-salvataġġ, jiġifieri dak bejn Settembru 2020 u Frar 2021, mal-ispejjeż inevitabbli għal perijodu preċedenti, bejn Marzu u Ġunju 2020.

123

Dan il-paragun huwa madankollu irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna għas-salvataġġ. Fil-fatt, kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, ma hemm l-ebda raġuni sabiex jiġi preżunt li l-bżonnijiet ta’ likwidità u l-ispejjeż inevitabbli msemmija iktar ’il fuq, fir-rigward tal-perijodi, barra minn hekk, differenti, jikkorrispondu. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ġustament ibbażat ruħha fuq l-ipoteżi, ikkunsidrata bħala l-iktar probabbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, tat-tkomplija tat-traffiku tal-ajru matul il-perijodu tal-għajnuna għas-salvataġġ, li minħabba f’hekk kien hemm żieda fl-ispejjeż evitati (karburant, manutenzjoni tal-ajruplani, tariffi tal-inżul, eċċ.) matul il-perijodu ta’ lockdown.

124

It-tielet, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat, fil-paragrafu 122 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-pjan ta’ likwidità ma kienx jinkludi spejjeż intiżi sabiex jiffinanzjaw miżuri strutturali. Madankollu, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li l-impenji preċedenti ta’ Blue Air kienu jinkludu s-sostituzzjoni fuq skala kbira tal-flotta tagħha, bix-xiri ta’ sitt apparati Boeing 737-MAX. Għalhekk, l-għajnuna għas-salvataġġ fir-realtà tippermetti li jiġu ffinanzjati miżuri strutturali u attivitajiet li jaqbżu dak li huwa strettament neċessarju sabiex Blue Air tinżamm vijabbli.

125

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-linji gwida, l-għajnuna għas-salvataġġ għandha tkun limitata għall-ammont neċessarju sabiex il-benefiċjarju jibqa’ jopera matul sitt xhur u ma tistax tintuża għall-finanzjament ta’ miżuri strutturali, bħall-akkwist ta’ fergħat jew ta’ attivi importanti. Madankollu, kif sostniet il-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż li l-ħtieġa ta’ likwidità matul dawn is-sitt xhur tinkludi wkoll il-ħlas ta’ skadenzi li huma dovuti matul dan it-terminu skont impenji preċedenti li jikkonċernaw is-sostituzzjoni ta’ ajruplani. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ rimbors ta’ tali skadenzi jista’ jwassal għall-insolvenza tal-impriża f’diffikultà, li evidentement imur kontra l-għan imfittex.

126

Ir-raba’, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma imponietx tqassim tal-imposti sabiex tiġi assorbita parti mit-telf mill-azzjonisti tal-benefiċjarju, għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li miżuri intiżi sabiex jinqasmu l-piżijiet bejn l-investituri eżistenti huma imposti biss matul il-perijodu ta’ ristrutturazzjoni u mhux matul il-perijodu ta’ salvataġġ, hekk kif jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-punt 61 tal-linji gwida.

127

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ma imponietx tqassim tal-imposti.

[omissis]

Fuq in-natura adegwata tal-linji gwida għall-evalwazzjoni tal-għajnuna

[omissis]

132

Fir-rigward tal-linji gwida, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma kkontestatx li l-għajnuna għas-salvataġġ tista’ titqies bħala tali fis-sens tal-imsemmija linji gwida. Hija tikkritika biss lill-Kummissjoni li ma eżaminatx jekk dawn tal-aħħar kinux adegwati sabiex tiġi evalwata l-għajnuna għas-salvataġġ fid-dawl taċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kriżi ta’ COVID-19.

133

Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tiċċita s-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑431/14 P, EU:C:2016:145), li fil-punt 70 tagħha jirriżulta li, “fil-qasam speċifiku tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija marbuta bl-oqfsa adottati minnha, sa fejn dawn tal-aħħar ma jidderogawx mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, fosthom, b’mod partikolari, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE […], u sa fejn l-applikazzjoni tagħhom ma tiksirx il-prinċipji ġenerali tad-dritt, bħall-ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari meta ċirkustanzi eċċezzjonali, li jkunu differenti minn dawk koperti minn dawn l-oqfsa, jikkaratterizzaw settur partikolari tal-ekonomija ta’ Stat Membru”.

134

Il-punt 72 tas-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2016, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (C‑431/14 P, EU:C:2016:145), tippreċiża li “l-adozzjoni ta’ tali oqfsa ma teħlisx lill-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li teżamina ċ-ċirkustanzi speċifiċi eċċezzjonali invokati minn Stat Membru, f’każ partikolari, bil-għan li tintalab l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, u li timmotiva, jekk ikun il-każ, ir-rifjut tagħha li tilqa’ tali talba”.

135

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-pandemija ta’ COVID-19 u l-miżuri meħuda sabiex tiġi mrażżna taw lok għal ċirkustanzi eċċezzjonali għal diversi impriżi fl-Ewropa, b’mod partikolari għall-kumpanniji tal-ajru.

136

Issa, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ħames parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti la identifikat ir-regoli speċifiċi tal-linji gwida li, fil-fehma tagħha, kienu saru inadegwati minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali marbuta mal-pandemija ta’ COVID-19, u lanqas ma spjegat ir-raġunijiet li għalihom dan huwa l-każ. Hija lanqas ma ppreċiżat jekk, fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni kellhiex tħalli l-linji gwida mhux applikati u tapplika, minflok, direttament l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, tali argument huwa wisq ġenerali u mhux sostnut u b’hekk ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tifhem is-sustanza tiegħu.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Wizz Air Hungary Légiközlekedési Zrt. (Wizz Air Hungary Zrt.) hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ Marzu 2023.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.