23.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 217/12


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tar-Renju Unit u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tar-Renju Unit, 2011-2014

2011/C 217/04

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014), u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-Linji Gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq fuq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qagħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Hu talab lill-Istati Membri jsarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(5)

Fit-28 ta’ April 2011, ir-Renju Unit ressaq il-Programm ta’ Konverġenza 2011 aġġornat tiegħu li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tiegħu. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt. Għall-ewwel darba il-Programm ta’ Konverġenza tar-Renju Unit kien fih previżjonijiet ekonomiċi u fiskali mill-Uffiċċju għar-Responsabbilità tal-Baġit (OBR), ġdid u indipendenti, u li huwa titjib milqugħ għall-qafas fiskali tar-Renju Unit.

(6)

Ir-Renju Unit kien partikolarment espost għall-kriżi finanzjarja internazzjonali minħabba s-settur finanzjarju tiegħu li hu integrat globalment u minħabba livelli għolja ta' dejn domestiku. Il-PDG niżel b'0,1 % fl-2008 u b'4,9 % fl-2009. Il-gvern tar-Renju Unit intevjena bil-kbir biex isostni s-settur bankarju, u pprovda likwidità straordinarja addizzjonali lis-settur kollu. Id-defiċit tal-gvern tela' bi 8,5 punti perċentwali f'sentejn għal 11,2 % tal-PDG fl-2009. Il-qgħad żdied minn 5,3 % fl-2007 għal 7,6 % fl-2009. Fir-raba' trimestru tal-2009 it-tkabbir trimestrali reġa' rritorna għalkemm il-prodott għadu taħt il-quċċata li laħaq fil-perjodu qabel il-kriżi. Il-perspettiva fit-terminu qasir hija ta' tkabbir moderat immexxi minn investiment korporattiv qawwi u żieda fl-esportazzjoni netta xprunata mir-rata tal-kambju. Madankollu, it-tkabbir se jinżamm lura bi tkabbir dgħajjef jew negattiv fil-konsum domestiku u tal-gvern. L-inflazzjoni mistennija tibqa' ogħla sew mill-mira uffiċjali ta' 2 % matul l-2011 - u dan jirrifletti żidiet fit-taxxa fuq il-valur miżjud u prezzijiet ogħla għall-importazzjonijiet u l-enerġija – u mbagħad terġa' tonqos fl-2012. L-inflazzjoni għolja mistennija tnaqqar l-introjti reali u t-tkabbir fil-pagi mistenni jibqa' baxx. Ir-riskji ewlenin fit-tbassir huma li ż-żidiet fl-investiment korporattiv jew fl-esportazzjoni netta ma jseħħux u li minħabba l-inflazzjoni persistentement għolja l-infiq iktar baxx tal-gvern ma jistax jitpaċa bl-użu tal-politika monetarja.

(7)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawsibbli ħlief għall-2012 meta jista’ jkun li huwa kemxejn favorevoli żżejjed. Il-Programm ta’ Konverġenza ma jinkludix objettiv ta' terminu medju (OTM) kif previst mill-kodiċi tal-kondotta għalkemm dan jista' jiġi inferit mill-miri fil-programm. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja huwa li d-defiċit jitniżżel minn 9,9 % fl-2010-2011 għal 1,7 % fl-2015-2016, primarjament bit-trażżin tan-nefqa, strateġija konsistenti ma’ evidenza dwar il-konsolidamenti fiskali li sostnew it-tkabbir. Il-Programm ta’ Konverġenza jippjana li jniżżel id-defiċit taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG sal-2014-2015, l-iskadenza stipulata mill-Kunsill. Il-proġettazzjonjiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza jipprevedu li l-proporzjon tad-dejn minn 78,7 % fl-2010-2011 jiżdied għal 87,2 % sal-2013-2014 qabel ma jibda jonqos bil-mod. L-isforz fiskali annwali medju fil-perjodu mill-2010-2011 sal-2014-2015 huwa ta' 1,6 %. Dan huwa ħarira taħt dak rakkomandat mill-Kunsill f'Diċembru 2009 (1,75 % tal-PDG) iżda, madankollu, huwa wieħed xieraq meta jitqies li l-isforz qed isir minn defiċit baġitarju ferm inqas milli mistenni fl-2009-2010 u, għalhekk, huwa konsistenti mat-tnaqqis tad-defiċit nominali għal taħt il-valur referenzjarju sal-2014-2015. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi jidhru li huma għoljin.

It-tixjiħ se jqum fit-tul ħafna iktar mill-medja tal-UE u l-pożizzjoni baġitarja ta' bħalissa qed tkompli tkabbar din il-problema. Bil-pożizzjoni fiskali attwali, id-dejn se jitla' għal 128 % tal-PDG sal-2020. Madankollu, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Programm ta’ Konverġenza tkun biżżejjed biex id-dejn jerġa' jibda jitnaqqas iżda xorta waħda jkun għadu iktar minn 80 % fl-2020. Lil hinn mill-pjanijiet ta’ konsolidazzjoni tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit ħabbar miżuri li ser isostnu s-sostenibilità fit-tul; dawn jikludu li tiġi mmexxija ‘il quddiem id-data taż-żieda ppjanata fl-Età tal-Pensjoni Statali minn 65 għal 66 u tibdiliet għall-metodu li bih tiġi mgħollija r-rata ta' ċerti benefiċċji u limiti tat-taxxa.

(8)

L-implimentazzjoni tal-konsolidazzjoni fiskali proposta tibqa' sfida ewlenija. Biex terġa' tiġi stabilita pożizzjoni fiskali sostenibbli jeħtieġ li l-pjanijiet tal-infiq ippubblikati jiġu segwiti strettament. Madankollu, minħabba r-rati storikament baxxi tal-investimenti fl-infrastruttura pubblika, partikolarment fit-trasport, in-nefqa li ttejjeb t-tkabbir għandha tingħata prijorità. Kif diġà previst fil-Programm ta’ Konverġenza, l-assigurazzjoni li jkun hemm biżżejjed surplus primarji fit-terminu medju, ittejjeb is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi.

(9)

Minħabba s-suq tax-xogħol flessibbli tar-Renju Uniti, dan seta' jirreaġixxi pjuttost tajjeb għat-tnaqqis kbir fil-PDG waqt il-kriżi. Madankollu, iż-żidiet fil-qgħad kienu kkonċentrati ħafna fuq iż-żgħażagħ: bejn l-2008 u l-2010, il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied minn 15 % għal kważi 20 %. L-eżiti batuti tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ huwa marbut ma' defiċenzi iktar ġenerali u strutturali fil-provvista tal-ħiliet. Il-proporzjon ta' żgħażagħ mir-Renju Unit bejn it-18 u l-24 sena li jitilqu mill-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ta' 15,7 % u huwa ogħla mill-medja tal-UE ta' 14,4 %. Filwaqt li s-sehem ta' persuni li għandhom bejn 25 u 64 sena li kisbu livelli għolja ta' ħiliet huwa partikolarment għoli fir-Renju Unit, hemm xi nuqqasijiet fil-livell tal-ħiliet intermedji, u s-sehem ta' dawn il-persuni f'dan il-grupp bħalissa huwa inqas mill-medja tal-UE. Sfida oħra essenzjali għas-suq tax-xogħol tar-Renju Unit hija l-proporzjon konsiderevoli ta' tfal li qed jgħixu f'unitajiet domestiċi diżokkupati: fil-livell ta' 17,5 %, dan huwa l-ogħla livell fl-UE, fejn il-medja globali hija ta' 10,2 %. Il-problema hija speċifikament akuta għall-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed, u dan jirrifletti inċentivi finanzjarji baxxi u nuqqas ta' alternattivi għall-indukrar tat-tfal: iktar minn 32 % tal-persuni b'responsabilitajiet ta' indukrar mhumiex attivi jew jaħdmu part-time minħabba n-nuqqas ta' servizzi tal-indukrar (dan huwa 4 punti perċentwali iktar mill-medja tal-UE).

(10)

Ir-Renju Unit esperjenza splużjoni fil-prezzijiet tar-residenzi fl-għaxar snin qabel il-kriżi. Wara li tfaċċat il-kriżi, il-prezzijiet naqsu f'daqqa iżda minn dak iż-żmien irkupraw parzjalment u għadhom f'livelli storikament għolja. Il-livelli tat-tranżazzjonijiet ikkollassaw u għadhom baxxi ħafna. L-isplużjoni fil-prezzijiet tar-residenzi kienet fattur fiż-żidiet kbar fid-dejn tal-unitajiet domestiċi u t-tkabbir insostenibbli fil-konsum tal-entitajiet domestiċi fl-għaxar snin qabel il-kriżi. Il-kollass fit-tranżazzjonijiet tar-residenzi wassal għal tnaqqis korrispondenti fir-rikavati mit-taxxi fuq it-tranżazzjonijiet tar-residenzi, u dan għen biex il-pożizzjoni fiskali tar-Renju Unit tkompli tmur għall-agħar. Id-dgħufijiet fis-suq tar-residenzi jistgħu jgħinu wkoll biex jispjegaw in-nefqa għolja tar-Renju Unit fuq il-benefiċċji tar-residenzi u s-sehem kbir tal-popolazzjoni li jgħix f'residenzi ssussidjati mill-Istat. Ir-Renju Unit ħabbar riformi inizjali fis-sistema tal-ippjanar tiegħu u lir-regolazzjoni ipotekarja. B'mod li jirrifletti l-importanza ta' din l-isfida għas-setturi kollha tal-ekonomija tar-Renju Unit, hemm raġunijiet b'saħħithom għaliex wieħed għandu jżid ma' dawn il-miżuri biex jinħoloq pakkett iktar komprensiv ta' riformi, ukoll fis-suq tal-ipoteki u t-tassazzjoni tal-proprjetà, biex dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati.

(11)

Biex l-ekonomija terġa' tiġi bbilanċjata lil hinn mill-konsum domestiku u biex tiżdied il-produttività, jinħtieġ bilfors l-irkupru tal-investiment privat. L-istħarriġiet juru li d-disponibilità u l-kost tal-kreditu huma fatturi sinifikanti li jfixklu l-pjanijiet ta' investiment u espansjoni fis-settur privat, partikolarment għall-kumpaniji żgħar li jserrħu fuq il-finanzjament tal-banek. Ir-rata annwali tat-tkabbir fl-għoti ta' self lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) ilha negattiva mill-aħħar tal-2009, bis-self lin-negozji żgħar jonqos b'rata akbar. Barra minn hekk, filwaqt li l-firxiet fuq ir-rati referenzjarji dehru li stabilizzaw għan-negozji medji, dawn żdiedu kemxejn għan-negozji żgħar. Ir-Renju Unit dan l-aħħar ħa għadd ta' miżuri biex itejjeb l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi inkluż strumenti ta' investiment sponsorjat mill-Istat u l-ilħuq ta' ftehim mal-banek tar-Renju Unit li jirrikjedi li dawn iżidu s-self gross lill-SMEs. Huwa mportanti li jiġu rikonoxxuti wkoll l-isfidi fuq in-naħa tad-domanda, u li n-negozji jridu wkoll jagħmlu l-parti tagħhom billi jaderixxu għall-iskemi li jsiru disponibbli għalihom. Biex tiżviluppa soluzzjoni li tista' tibqa' taħdem mingħajr l-intervenzjoni regolari tal-gvern, jeħtieġ aktar riformi bil-għan li jtejbu l-kompetizzjoni fis-settur bankarju u l-faċilitazzjoni tal-iżvilupp ulterjuri tas-swieq għall-finanzi mhux bankarji aċċessibbli għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta’ Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma wkoll il-konformità mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Hija tqis li l-Programmi jistipulaw miżuri ambizzjużi biex inaqqsu d-defiċit u tħeġġeġ lill-gvern biex jipproċedi kif ippjanat. Għandhom jittieħdu wkoll passi ulterjuri biex jiġi rriformat is-suq tar-residenzi, jitnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ u t-tluq bikri mill-iskola, tiġi indirizzata s-sitwazzjoni ta' tfal li jgħixu f'unitajiet domestiċi diżokkupati u tittejjeb id-disponibilità tal-kreditu għas-settur privat.

(13)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta titqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tar-Renju Unit u l-opinjoni tiegħu (3) qed tiġi riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjonijiet (1) u (2) hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Renju Unit,

JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni tul il-perjodu 2011-2012 sabiex:

1.

Jimplimenta l-konsolidazzjoni fiskali ppjanata bil-għan li d-defiċi jitniżżel għal 6,2 % tal-PDG fl-2012-2013, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, u t-tpoġġija tal-proporzjoni għoli ta’ dejn pubbliku fuq triq 'l isfel meta d-defiċit eċċessiv jiġi korrett sa tmiem il-perijodu tal-programm. Jaċċerta li ma jkunx hemm devjazzjoni mill-miri ambizzjużi għat-tnaqqis tal-infiq, sabiex b'hekk tissaħħaħ is-sostenibilità fit-tul; u, soġġett għal dan jipprijoritizza n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir.

2.

Jiżviluppa programm ta' riforma li jindirizza l-impatt destabilizzanti taċ-ċiklu tal-prezzijiet tar-residenzi fuq il-finanzi publiċi, is-settur finanzjarju u l-ekonomija, bil-ħsieb li jittaffew il-problemi ta' affordabilità u l-bżonn tas-sussidji mill-Istat għar-residenzi. Serje wiesgħa ta’ miżuri u ta’ strumenti ta’ politika jistgħu jiġu kkunsidrati inkluż riformi fis-suq ipotekarju, regolamentazzjoni finanzjarja, taxxa fuq il-proprjetà u s-sistema tal-ippjanar sabiex tiġi pprevenuta l-volatilità eċċessiva.

3.

Jieħu passi sal-2012 sabiex jassigura li sehem ogħla ta’ żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol b’ħiliet adegwati u sabiex titjieb l-impjegabilità ta’ dawk bejn it-18 u l-24 sena li jkunu telqu l-edukazzjoni jew it-taħriġ mingħajr kwalifiċi. Jindirizza d-defiċenzi ta' ħiliet billi jżid in-numri ta' persuni li jiksbu ħiliet intermedji, skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.

4.

Jieħu miżuri, fi ħdan il-pjanijiet baġitarji attwali, sabiex inaqqas in-numru ta' unitajiet domestiċi bla xogħol billi jimmira lejn dawk li huma inattivi minħabba responsabbiltajiet ta’ kura u ġenituri waħedhom.

5.

Jimplimenta miżuri li diġà ġew imħabbra u jkompli x-xogħol sabiex itejjeb b'mod sinifikanti d-disponibilità tal-finanzjament mill-banek u mhux mill-banek lis-settur privat u partikolarment lill-SMEs waqt li jirrikonoxxi l-isfidi potenzjali fuq in-naħa tad-domanda. Iħeġġeġ il-kompetizzjoni fis-settur bankarju u jesplora fi ħdan is-suq, modi kif jittejjeb l-aċċess għall-finanzjament mhux bankarju bħall-kapital ta’ riskju u d-dejn maħruġ fuq is-swieq pubbliċi.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.