Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 515 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Litwanja


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Litwanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih ma identifikatx lil-Litwanja bħala wieħed mill-Istati Membri li jirrikjedi li jsirlu analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għal-Litwanja 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Litwanja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Litwanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat uffiċjalment it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. Qiegħda tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tikkawża tfixkil fil-katini ta’ provvista dinjija, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjti tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Ġabet magħha xokk ekonomiku mill-akbar li diġà qiegħed ikollu riperkussjonijiet negattivi serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonali, neċessarja, għal żmien limitat, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun soġġetta għas-sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkondividiet il-fehma tagħha mal-Kunsill li, minħabba t-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku mistenni kaġun tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti li temporanjament ir-rotta tiddevja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ żmien medju, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika neċessarji fil-qafas tal-Patt.

(6)Hija meħtieġa azzjoni kontinwa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza adegwati fil-post tax-xogħol bl-għan li tissokta l-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jisiltu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 uriet biċ-ċar il-flessibbiltà li joffri s-Suq Uniku biex jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni malajr u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u ħaddiema, iridu jitneħħew il-miżuri eċċezzjonali li ma jħallux lis-Suq Uniku jaħdem b’mod normali, hekk kif dawn ma jibqgħux aktar indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-bżonn ta’ pjanijiet ta’tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji mtejba ta’ xiri, katini diversifikati ta’ provvista u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi kruċjali għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 7 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi kollha mhux użati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex dawn ikunu jistgħu jittrattaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati u razzjonalizzati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. Il-Litwanja hija mħeġġa tuża bis-sħiħ dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u s-setturi l-aktar affettwati mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li ma jinfirxux bl-istess mod fis-setturi u r-reġjuni tal-Litwanja minħabba xejriet ta’ speċjalizzazzjoni differenti. Dan jinvolvi riskju li jinfirxu aktar l-inugwaljanzi fil-Litwanja. Flimkien mar-riskju li l-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri jisfaxxa temporanjament, is-sitwazzjoni attwali titlob risposti mmirati ta’ politika.

(10)Fil-15 ta’ Mejju 2020, il-Litwanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u, fit-30 ta’ April 2020, il-Programm tagħha ta’ Stabbiltà tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(11)Il-Litwanja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,3 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 11,4 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa pprojettat li jonqos għal 3,9 % tal-PDG fl-2021. Wara li żdied għal 36,3 % tal-PDG fl-2019, id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika bħala proporzjon tal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 50,6 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospetti makroekonomiċi u fiskali huma milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)Bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ ikkoordinat tal-Unjoni, il-Litwanja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi l-aktar milquta. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji ammontaw għal 6,8 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu differimenti tat-taxxa, finanzjament addizzjonali biex jinxtraw provvisti mediċi, sussidji biex jiġu sostnuti l-impjiegi u benefiċċji soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-impjegati milquta mill-kriżi tal-virus tal-COVID-19. Billi l-analiżi mill-Kummissjoni tad-disinn u tal-implimentazzjoni ta’ xi miżuri jindikaw assorbiment potenzjali relattivament baxx, il-Kummissjoni assumiet impatt iżgħar tal-miżuri tal-Gvern fuq il-finanzi pubbliċi. Barra minn hekk, il-Litwanja ħabbret miżuri diskrezzjonali li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu għar-rispons għall-kriżi, fosthom is-sostenn tal-likwidità għan-negozji, stmati mill-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 li jammontaw għal 3,8 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu l-garanziji għas-self (2,9 % tal-PDG). B’mod kumplessiv, il-miżuri meħuda mil-Litwanja huma f’konformità mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita minn iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jagħtu lok għal dan, se tikkontribwixxi għall-ippreservar tas-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, taħt il-politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Litwanja huwa mbassar li jkun ta’ -6,9 % tal-PDG fl-2020 u -2,7 % fl-2021. Il-projezzjoni tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika hija li jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG fl-2020 u fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat min-naħa tal-Litwanja tal-limitu tad-defiċit tal-PDG ta’ 3 % fl-2020. Kollox ma’ kollox, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat.

(16)Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Litwanja huwa mistenni jiċkien bi 8 % u pprojettat li wara dan ikun hemm irkupru rapidu ta’ 7,5 % fl-2021. Il-Litwanja, sabiex twieġeb għat-tifqigħa tal-COVID-19 u ttaffi l-effetti tal-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, fis-16 ta’ Marzu ħarġet bil-“Pjan għall-Istimolu Ekonomiku u l-Mitigazzjoni tal-Konsegwenzi tat-Trażmissjoni tal-COVID-19”. Id-daqs tal-pjan jammonta għal EUR 2,5 biljun jew 6,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) u jinkludi sa massimu ta’ EUR 500 miljun jew 1,3 % tal-PDG biex jiġu żgurati r-riżorsi neċessarji għas-sistema tas-saħħa. Ġew allokati EUR 500 miljun aktar għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-introjtu. Il-kapaċità tal-fondi ta’ garanzija tal-Gvern żdiedet b’EUR 500 miljun, u ġew approvati garanziji tal-Gvern addizzjonali li jammontaw għal EUR 500 miljun biex jistimulaw l-ekonomija. F’April, il-Kummissjoni Ewropea approvat diversi skemi ta’ għajnuna tal-Litwanja biex tiġi sostnuta l-ekonomija Litwana fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dawn l-iskemi huma mfassla biex jgħinu lin-negozju jkopru l-bżonnijiet immedjati ta’ kapital operatorju u jissoktaw bl-attivitajiet tagħhom matul u wara l-pandemija. Barra minn hekk, il-Bank tal-Litwanja llaxka xi rekwiżiti kapitali għall-banek kummerċjali biex iżid is-self lill-ekonomija reali.

(17)Ir-riżultati fil-qasam tas-saħħa fil-Litwanja għadhom lura b’mod persistenti meta mqabbla ma’ dawk ta’ Stati Membri oħra, minħabba, sa ċertu punt, l-effiċjenza mhux mill-aqwa tas-sistema tas-saħħa, li tbati minn finanzjament baxx. Il-pandemija ta’ bħalissa wasslet biex is-sistema tkun soġġetta għal pressjoni addizzjonali u poġġiet taħt il-lenti l-isfidi strutturali ulterjuri li jinkludu l-progress kajman fit-titjib tal-kwalità tas-servizzi, is-sottoinvestiment fil-kura tas-saħħa primarja u l-ebda progress biex isir adattament fin-network tal-isptar biex isir aktar effiċjenti u reattiv għall-ħtiġijiet. Il-kriżi tal-COVID-19 qed toħroġ fil-beraħ ukoll l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa li jirrigwardaw in-nuqqasijiet ta’ ħaddiema u l-iżbilanċi ġeografiċi bejn is-servizzi u l-ħtiġijiet. Il-Litwanja għandha bżonn timmobilizza r-riżorsi meħtieġa biex tittratta l-kriżi ta’ bħalissa u biex ittejjeb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa tagħha fil-futur. Filwaqt li l-azzjoni immedjata qed tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet f’termini ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, provvisti mediċi kritiċi u tagħmir mediku kritiku sabiex jiġu salvati l-ħajjiet waqt il-pandemija, jenħtieġ li l-investimenti fuq perjodu itwal ta’ żmien jiżdiedu jsiru fuq skaluna ogħla sabiex itejbu r-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa biex din tkun tiflaħ għall-operazzjonijiet, tissokta bil-prestazzjoni ottimali tagħha u tkun preparata għal theżżiżiet ġodda. Dan se jkun jirrikjedi l-allokazzjonijiet ta’ biżżejjed riżorsi biex titjieb l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema tas-saħħa, biex tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għall-isfidi ta’ kundizzjonijiet kroniċi li qed jiżdiedu, għat-tixjiħ u għall-inugwaljanzi persistenti fis-saħħa. Il-kura tas-saħħa primarja u l-iżvilupp tas-sistema tas-saħħa elettronika għandhom rwol ċentrali x’jaqdu f’dan ir-rigward. Jenħtieġ li l-Litwanja taċċerta li ma jiġix kompromess it-titjib li sar dan l-aħħar fir-rigward tal-affordabilità tal-kura tas-saħħa. Fl-aħħar nett, ir-reżiljenza fil-futur se tkun tirrikjedi wkoll li jsir titjib fl-abbiltà tas-sistema li tnaqqas l-istili ta’ ħajja li jagħmlu ħsara għas-saħħa (wieħed mill-fatturi l-oħra importanti li kkaġunaw riżultati batuti fil-qasam tas-saħħa fil-Litwanja) u sforzi akbar biex is-settur tal-kura fit-tul ikun preparat biex jieħu ħsieb il-popolazzjoni li qed tixjieħ.

(18)Qabel il-pandemija tal-COVID-19, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol kienet għolja u l-qgħad kien baxx, iżda din il-kriżi ġabet magħha sfidi ġodda. Bl-għajnuna tal-finanzjament tal-Unjoni, il-Litwanja implimentat skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar biex ittaffi l-effetti tal-pandemija fuq l-impjiegi u introduċiet għadd ta’ miżuri oħra biex ittaffi l-effetti negattivi fuq in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom. Qabel il-kriżi, il-kopertura tal-miżuri tal-Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol kienet qed tonqos, u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim għall-adulti baqgħet baxxa. Madankollu, se jkun hemm bżonn ta’ kopertura ogħla tal-miżuri tal-Politika Attiva tas-Suq tax-Xogħol u miżuri oħra għat-taħriġ mill-ġdid u għat-taħriġ ta’ aġġornament tal-forza tax-xogħol sabiex il-persuni qiegħda jerġgħu lura għas-suq tax-xogħol malajr kemm jista’ jkun. It-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali hija importanti biex jiġi żgurat l-involviment sinifikattiv u f’waqtu tagħhom fit-tfassil tal-proċess ta’ ħruġ u ta’ rkupru.

(19)Filwaqt li ttieħdu passi qabel il-kriżi biex jiġi trattat ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, pereżempju billi kien hemm żidiet fil-pensjonijiet u l-benefiċċji universali għat-tfal, il-faqar u l-inugwaljanzi fl-introjtu għadhom fost l-ogħla fl-UE. B’paragun ma’ oħrajn, il-Litwanja għandha nefqa pubblika baxxa fuq il-protezzjoni soċjali, u l-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar huwa baxx, u vvalutat bħala kritiku fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali. Il-progressività u l-kapaċità baxxi ta’ ridistribuzzjoni tas-sistema tat-taxxa u tal-benefiċċji tillimita l-ħila tal-pajjiż li jiffinanzja l-beni u s-servizzi pubbliċi u li jnaqqas il-faqar u l-inugwaljanza fl-introjtu. L-effett negattiv tal-pandemija tal-COVID-19 fuq il-qgħad u l-introjtu tal-unitajiet domestiċi x’aktarx li se jaggrava dawn il-problemi. Jaf ikun hemm bżonn ta’ miżuri temporanji bħar-reviżjoni tar-regoli ta’ eliġibbiltà, tal-ammonti u t-tul ta’ żmien ta’ xi benefiċċji, biex ikun żgurat li s-sitwazzjoni ta’ dawk l-aktar milquta mill-pandemija ma tmurx għall-agħar. Jenħtieġ li s-salvagwardja tal-protezzjoni soċjali tiġi estiża biex trieġi lill-gruppi kollha, fosthom dawk li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema atipiċi u l-persuni l-aktar vulnerabbli. Il-provvista tas-servizzi soċjali prinċipali u tal-ħtiġijiet tal-akkomodazzjoni soċjali jenħtieġ li tissaħħaħ biex tkun ta’ sostenn għal min jiġi bżonnhom.

(20)L-appoġġ ta’ likwidità għan-negozji permezz ta’ self u garanziji tas-settur pubbliku, b’attenzjoni fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kien ta’ importanza kbira, iżda d-distribuzzjoni tal-appoġġ ta’ likwidità lill-intrapriżi trid tiġi implimentata b’mod effettiv u f’qasir żmien mill-intermedjarji u l-kundizzjonijiet tas-self iridu jqisu s-sitwazzjoni ta’ kriżi. Matul il-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri, jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Li jitħallew isiru pagamenti differiti tat-taxxi u tal-kontribuzzjonijiet soċjali u li l-pagamenti kuntrattwali mill-awtoritajiet pubbliċi jsiru b’pass aktar mgħaġġel jista’ wkoll jgħin biex jittejjeb il-fluss tal-flus tal-SMEs. L-istart-ups li għadhom kemm jiġu stabbiliti u n-negozji li qed jespandu jaf ikunu jeħtieġu sostenn speċifiku, pereż. f’għamla ta’ sehem fl-ekwità mill-istituzzjonijiet pubbliċi u inċentivi għall-fondi ta’ kapital ta’riskju biex iżidu l-investimenti tagħhom f’dawn l-intrapriżi. Jenħtieġ li l-isforzi jinżammu biex jitnaqqsu l-piżijiet regolatorji u amministrattivi u biex jiġu offruti servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti liċ-ċittadini u lin-negozji.

(21)Jenħtieġ li l-Litwanja tiżgura li l-miżuri tagħha biex tippromwovi l-irkupru ekonomiku jkunu jħarsu ’l quddiem u jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi, fejn hemm għadd ta’ sfidi li jridu jiġu affrontati. Rigward l-ewwel punt, il-ħiliet diġitali huma taħt il-medja tal-UE, u l-SMEs jirrappurtaw diffikultajiet konsiderevoli fir-reklutaġġ għal postijiet battala fl-ICT. Filwaqt li l-użu tal-internet bil-fibra huwa ’l fuq mill-medja tal-UE, kemm għaż-żoni urbani kif ukoll rurali, il-kopertura tal-broadband fissa u l-assorbiment relatat huma baxxi ħafna u għad hemm distakki wesgħin bejn l-ibliet u ż-żoni rurali.

(22)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Fir-rigward tat-tranżizzjoni ekoloġika, l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fil-Litwanja baqgħu fil-biċċa l-kbira l-istess mill-2010 ’l hawn. Il-produttività tar-riżorsi tal-Litwanja hija fost l-aktar baxxi fl-UE u l-użu ċirkolari (sekondarju) tal-materjali huwa ferm taħt il-medja tal-UE. Skont il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Litwanja, it-titjib tar-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija bis-saħħa ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija rinnovabbli u effiċjenza fl-użu tal-enerġija, l-immodernizzar tas-sistemi tat-tisħin u t-titjib tas-sostenibbiltà tas-settur tat-trasport, jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija. L-investimenti mmirati tas-settur pubbliku u privat bl-għan li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet, u kwistjonijiet oħra b’impatt sinifikanti fuq l-ambjent u fuq is-saħħa. jistgħu jippromwovu t-tkabbir u r-reżiljenza, u jgħinu biex jiġi żgurat irkupru sostenibbli mill-kriżi. L-investimenti li diġà ġew ppjanati jagħtu lok għall-identifikazzjoni f’qasir żmien tal-proġetti li jistgħu jgawdu minn finanzjament antiċipat u jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku, pereżempju fir-rinnovazzjoni tal-bini u l-enerġija rinnovabbli. Il-ħidma preparatorja għall-miżuri ta’ rkupru fuq perjodu medju tista’ tirrikorri għall-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima tal-Istati Membri, il-lista ta’ Proġetti ta’ Interess Komuni u l-pjanijiet ta’ żvilupp tal-infrastruttura. Barra minn hekk, il-proġett Rail Baltica u l-proġetti tal-interkonnessjoni tal-enerġija huma l-prijoritajiet ewlenin ta’ investiment tal-Litwanja bit-tir li jitjiebu s-sikurezza u l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil-Litwanja tittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lil-Litwanja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(23)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu trattati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(24)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, il-Litwanja se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(25)Koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija essenzjali biex ikun hemm irkupru f’qasir żmien mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Litwanja, bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u filwaqt li tqis il-gwida politika tal-Grupp tal-Euro, tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet għaż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(26)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Litwanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Litwanja fi snin preċedenti. Mhux biss ħadet kont tar-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Litwanja, iżda wkoll tal-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li l-governanza ekonomika globali tal-Unjoni tissaħħaħ billi jingħata input f’livell tal-Unjoni dwar deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(27)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Litwanja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa, inkluż billi timmobilizza biżżejjed finanzjament u tindirizza n-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur tas-saħħa u n-nuqqas ta’ prodotti mediċi kritiċi. Ittejjeb l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi tas-saħħa.

2.Ittaffi l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi. Iżżid il-finanzjament u l-kopertura tal-miżuri tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol u tippromwovi l-ħiliet. Tiżgura l-kopertura u l-adegwatezza tas-salvagwardja tal-protezzjoni soċjali u ttejjeb l-effettività tas-sistema tat-taxxi u l-benefiċċji biex tipproteġi mill-faqar.

3.Tappoġġa l-likwidità għan-negozji, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u s-setturi orjentati lejn l-esportazzjoni. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jiġu mbuttat ’il quddiem l-irkupru ekonomiku. Tikkonċentra l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u l-bidla diġitali, b’mod partikolari fuq il-kopertura u l-assorbiment tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna, fuq il-produzzjoni u l-użu tal-enerġija b’mod nadif u effiċjenti, u t-trasport sostenibbli. Tippromwovi l-innovazzjoni teknoloġika fl-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 514 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa tal-COVID-19, (Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.