European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4765

29.7.2024

Avviż għall-attenzjoni tal-persuni, gruppi u entitajiet inklużi fil-lista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2056 li taġġorna l-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet koperti bil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2055 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu

(C/2024/4765)

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet imsemmija hawn fuq inklużi fil-lista fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2056 (1) u fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/2055 (2) ta' 26 ta’ Lulju 2024 għall-informazzjoni li ġejja.

Il-Kunsill iddeċieda li jinkludi Il-Bażi fil-lista ta' persuni, gruppi u entitajiet koperti bil-miżuri fl-Artikoli 2 u 3 tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK (3) tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta' miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 (4) tas-27 ta' Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu.

Fir-rigward tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet l-oħra inklużi fil-lista fid-Deċiżjoni (PESK) 2024/2056 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2024/2055, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddetermina li r-raġunijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-lista msemmija hawn fuq ta' persuni, gruppi u entitajiet koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK u r-Regolament (KE) Nru 2580/2001 għadhom validi. Konsegwentement, il-Kunsill iddeċieda li jżomm dawk il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet f'dik il-lista.

Ir-Regolament (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta' Diċembru 2001 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi l-oħrajn kollha li jappartjenu lill-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati u li l-ebda fondi, assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn ma jistgħu jsiru disponibbli għalihom, kemm direttament jew indirettament.

Qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i rilevanti kif inklużi fil-lista fl-Anness tar-Regolament, sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni biex il-fondi ffriżati jintużaw għal ħtiġijiet bażiċi jew ħlasijiet speċifiċi, skont l-Artikolu 5(2) ta' dak ir-Regolament.

Il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw talba biex jiksbu dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill għall-inklużjoni jew iż-żamma tagħhom fil-lista msemmija hawn fuq (dment li d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet ma tkunx ġiet diġà kkomunikata lilhom). Din it-talba għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

Council of the European Union (Attn: COMET designations)

Rue de la Loi/Wetstraat 175

1048 Brussels

BELGIUM

Email: sanctions@consilium.europa.eu

Il-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati jistgħu jippreżentaw fi kwalunkwe ħin talba lill-Kunsill, flimkien ma' kwalunkwe dokumentazzjoni ta' appoġġ, biex id-deċiżjoni li jiġu inklużi u jinżammu fil-lista tiġi kkunsidrata mill-ġdid, fl-indirizz ipprovdut hawn fuq. Tali talbiet ikunu kkunsidrati meta jiġu riċevuti. F'dan ir-rigward, qed tinġibed l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għar-rieżami regolari mill-Kunsill tal-lista skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK. Sabiex it-talbiet jiġu kkunsidrati fir-rieżami li jmiss, għandhom jiġu ppreżentati sal- 4 ta' Ottubru 2024 .

Qed tinġibed ukoll l-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li jikkontestaw id-deżinjazzjoni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 263(4) u (6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.


(1)   ĠU L, 2024/2056, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2056/oj.

(2)   ĠU L, 2024/2055, 26.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2055/oj.

(3)   ĠU L 344, 28.12.2001, p. 93.

(4)   ĠU L 344, 28.12.2001, p. 70.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4765/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)