Official Journal L 007 , 10/01/1997 P. 0001 - 0004
C 193 19/06/1998 P. 0001
Azzjoni konġunta tas-16 ta' Diċembru 1996 adottata mill-Kunsill abbażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li tikkonċerna format uniformi ta' permessi għal residenza (97/11/AĠI) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu K.3(2) (b) tiegħu, Billi l-Artikolu K.1 (3) tat-Trattat jipprovdu li l-politika dwar l-immigrazzjoni u l-politika rigward ċittadini ta' pajjiżi terzi jikkonstitwixxi materja ta' interess komuni; Billi huwa mixtieq li jkun armonizzat il-format tal-permessi ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini ta' pajjiż terz; Billi huwa essenzjali li format uniformi għall-permessi ta' residenza għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa u li jilħaq in-normi tekniċi ferm għolja, partikolarment f'dak li jirrigwardja s-salvagwardji kontra l-impustar u l-falzifikazzjoni; billi dan għandu wkoll ikun tajjeb għall-użu tal-Istati Membri u jkollu fatturi ta' sigurtà universalment rikonoxxuti li huma ċarament viżibbli għall-għajn naturali umana; Billi din l-Azzjoni Konġunta tistabbilixxi biss dawk l-ispeċifikazzjonijiet li ma humiex sigrieti; billi dawn l-ispeċifikazzjonijiet jeħtieġ li jkunu ssupplementati b'aktar speċifikazzjonijiet li għandhom jibqgħu sigrieti sabiex ikun ipprevenut il-qerq u l-falzifikazzjonijiet u li ma jistgħux jinkludu dettalji personali jew referenza għal dettalji bħal dawk; billi l-Kunsill għandu jistabbilixxi dawn l-ispeċifikazzjonijiet supplementari; Billi, sabiex tkun assigurata li l-informazzjoni referuta ma tkunx disponibbli għal aktar persuni milli meħtieġ, huwa wkoll essenzjali li kull Stat Membru għandu jinnomina mhux aktar minn korp wieħed li jkollu r-reponsabbiltà għall-istampar tal-format uniformi tal-permessi tar-residenza, bl-Istati Membri jibqgħu fil-libertà li jibdlu dak il-korp, jekk meħtieġ; billi għal raġunijiet ta' sigurtà, kull Stat Membru għandu jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lejn il-Kunsill u lejn il-Kummissjoni; Billi, f'dak li jirrigwardja d-dettalji personali li għandhom ikunu nklużi fil-format uniformi għall-permesi tar-residenza, bi qbil ma l-Anness t'hawnhekk, il-konformità għandha tkun assigurata bid-disposizzjonijiet applikabbli tal-protezzjoni tad-dettalji, ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA: Artikolu 1 Il-permessi ta' residenza maħruġa mill-Istati Membri li1 ċittadini ta' pajjiż terz għandhom ikunu f'format uniformi u jipprovdu spazju għall-informazzjoni elenkata fl-Anness t'hawnhekk. Il-format uniformi jista jkun użat bħala tikketta li teħel jew inkella bħala dokument li jaġixxi waħdu. Kull Stat Membru jista jżid fl-ispazju relevanti tal-format uniformi kwalunkwe informazzjoni ta' importanza fir-rigward tan-natura tal-permess u tal-persuna kkonċernata, inkluża l-informazzjoni dwar jekk jew le il-persuna jkollhiex il-permess tax-xogħol. Artikolu 2 1. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-inkorporazzjoni ta' l-informazzjoni elenkata fl-Anness dwar il-format uniformi għall-permessi tar-residenza għandhom ikunu stabbiliti mingħajr dewmien mill-Kunsill. Aktar speċifikazzjonijiet tekniċi li jwasslu ħalli l-permess tar-residenza jkun aktar diffiċli li jkun wieħed b'qerq jew iffalzifikat għandhom ukoll ikunu stabbiliti mingħajr dewmien mill-Kunsill. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet għandhom ikunu sigrieti u m'għandhomx ikunu ppublikati. Dawn għandom ikunu disponibbli biss għal dawk il-korpi nnominati mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar u għal dawk il-persuni li huma awtorizzati kif xieraq minn Stat Membru. 2. Kull Stat Membru għandu jinnomina korp wieħed li jkollu r-responsabbiltà għall-istampar tal-permessi tar-residenza. Dan għandu jikkomunika l-isem ta' dak il-korp lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-istess korp jista jkun innominat għal dan l-iskop minn tnejn jew aktar Stati Membri. Kull Stat Membru għandu jkun intitolat li jibdel il-korp innominat minnu. Huwa għandu jinforma lill-Kunsill u lill-Kummisjoni kif meħtieġ. 3. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kunsil u lill-Kummissjoni bl-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti għall-ħruġ tal-permessi tar-residenza. Artikolu 3 1. Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet aktar estensivi li huma applikabbli rigward il-protezzjoni ta' dettalji, individwu li lilu jinħariġlu permess tar-residenza għandu jkollu d-dritt li jivverifika d-dettalji personali tiegħu kif miktuba fuq il-permess tar-residenza u, meta xieraq, li jitlob għal xi korrezzjonijiet jew tħassir sabiex isiru. 2. L-ebda informazzjoni f'għamla li tinqara mill-magni m'għandha tkun mogħtija fuq il-format uniformi tal-permessi tar-residenza sakemm din ma tkunx tidher ukoll fil-kaxxi deskritti fil-punti 10 u 11 ta' l-Anness, jew sakemm din tkum imsemmija fid-dokument relevanti tal-ivvjaġġar. Artikolu 4 Għall-iskopijiet ta' din l-Azzjoni Konġunta, "permess tar-residenza" għandu jfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru li jippermetti lil ċittadin ta' pajjiż terz li jibqa' legalment fit-territorju tiegħu, bl-eċċezzjoni ta': - viżi, - permessi maħruġa għal soġġorn li t-tul tiegħu huwa ddeterminat b'liġi nazzjonali imma li ma jkunx jista jeċċedi sitt xhur, - permessi maħruġa sakemm isseħħ l-eżaminazzjoni ta' applikazzjoni għall-permess tar-residenza jew għall-ażilju. Artikolu 5 Meta l-Istati Membri jużaw il-format uniformi għal permessi tar-residenza għal iskopijiet oħrajn apparti minn dawk koperti bl-Artikolu 4, miżuri xierqa għandhom jittieħdu sabiex jassiguraw li konfużjoni mal-permess ta' residenza referut fl-Artikolu 4 ma tkunx possibbli. Artikolu 6 Din l-Azzjoni Konġunta tapplika għall-permessi ta' residenza maħruġa lil ċittadini ta' pajjiż terz, bl-eċċezzjoni ta': - membri tal-familji ta' ċittadini ta' l-Unjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu, - ċittadini tal-Istati Membri ta' l-Assoċċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles li huma parti mall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u l-membri tal-familji tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu. Artikolu 7 Din l-Azzjoni Konġunta għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, u għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 1 mhux aktar tard minn ħames snin wara l-adozzjoni tal-miżuri referuti fl-Artikolu 2(1). B'dana kollu, il-validità ta' l-awtorizzazzjonijiet mogħtija fid-dokumenti diġa maħruġa m'għandhiex tkun affettwata bl-introduzzjoni tal-format uniformi tal-permess tar-residenza, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jiddeċiedix mod ieħor. Magħmula fi Brussel, fis-16 ta' Diċembru 1996. Għall-Kunsill Il-President M. D. Higgins -------------------------------------------------- ANNESS +++++ TIFF +++++ Deskrizzjoni Id-dokument għandu jkun prodott jew bħala tikketta li teħel, jekk possibbli fil-format ID 2, jew bħala dokument li jaġixxi waħdu. 1. It-titolu tad-dokument (permess tar-residenza) għandu jidher f'dan l-ispazju fil-lingwa(i) tal-Istat Membru tal-ħruġ. 2. In-numru tad-dokument – b'fatturi speċjali tas-sigurtà u ppreċedut b'ittra ta' l-identifikazzjoni – għandu jidher f'dan l-ispazju. Is-sezzjoni li għandha tkun mimlija għandha disa' sub-sezzjonijiet: 3. l-ewwel sub-sezzjoni Isem: din is-sub-sezzjoni għandha jkollha l-kunjom u l-isem(ismijiet) f'dik l-ordni. 4. it-tieni sub-sezzjoni Validu sal-: din is-sub-sezzjoni għandha tindika d-data relevanti tal-iskadenza, jew, meta xieraq, kelma li tindika validità mingħajr limitu. 5. it-tielet sub-sezzjoni Post/data tal-ħruġ: din is-sub-sezzjoni għandha tindika l-post u d-data tal-ħruġ tal-permess tar-residenza. 6. ir-raba' sub-sezzjoni Tip tal-Permess: din is-sub-sezzjoni għandha tindika it-tip speċifiku tal-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadin ta' pajjiż terz mill-Istati Membru. 7. il-ħames sad-disa' sub-sezzjonijiet Rimarki: fil-ħames sad-disa' sub-sezzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jiktbu d-dettalji u l-indikazzjonijiet għall-użu nazzjonali fir-rigward tar-regoli tagħhom dwar ċittadini ta' pajjiż terz, inklużi l-indikazzjonijiet li jirrigwardjaw għal xi permess tax-xogħol. 8. Data/Firma/Awtorizzazzjoni: hawn jistgħu jidhru – jekk meħtieġ - il-firma u s-siġill ta' l-awtorità tal-ħruġ u/jew tad-detentur. 9. F'dan l-ispazji iż-żona tal-istampar għandha jkollha l-emblema nazzjonali tal-Istat Membru li tiddistingwixxi l-permess tar-residenza u tipprovdi salvagward għall-oriġini nazzjonali tiegħu. 10. Din il-kaxxa hija rriservata għaż-żona li tinqara bil-magni. Iż-żona li tinqara bil-magni għandha tkun konformi mal-linji ta' gwida ICAO. 11. It-test stampat ta' din il-kaxxa għandu jkun fih karattru li jindika esklussivament l-Istat Membru rispettiv. Dan il-karattru ma jistgħx jaffetwa l-fatturi tekniċi taż-żona li tinqara bil-magni. 12. Dan l-ispazju għandu jkun fih effett ta' deħra metalizzata moħbija li tinkludi l-kodiċi tal-pajjiż tal-Istat Membru. 13. Dan l-ispazju għandu jkun fih OVD (kinegramma jew sinjal ekwivalenti). 14. Jekk il-permess tar-residenza jkun prodott f'dokument li jaġixxi waħdu, ritratt ta' l-dentità għandu jkun imwaħħal f'dan l-ispazju u assigurat b'tertuqa OVD (kinefilm jew laminat tas-sigurtà ekwivalenti). 15. Il-kaxxi ta' l-informazzjoni addizzjonali li ġejjin għandhom ikunu pprovduti fuq in-naħa ta' wara fil-każ ta' dokument li jaġixxi waħdu: - data/post tat-twelid: - nazzjonalità, - sess, - rimarki. L-indirizz tad-detentur tal-permess jista wkoll ikun indikat. --------------------------------------------------