Brussell, 27.11.2023

COM(2023) 737 final

ANNESS

tal-

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili


ANNESS

tal-

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili

Abbozz

tad-DEĊIŻJONI 1/2023 tal-KUMITAT GNSS UE/ASECNA (KUMITAT KONĠUNT)

ta’ XXX 2023

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT GNSS UE/ASECNA,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ASECNA”), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)Il-Ftehim ġie ffirmat fi Brussell fil-5 ta’ Diċembru 2016 u ilu japplika bejn l-ASECNA u l-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Novembru 2018.

(2)Skont l-Artikolu 29(2) tal-Ftehim, jenħtieġ li l-Kumitat GNSS/UE ASECNA (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat Konġunt”) jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(3)Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma jew gruppi ta’ esperti sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(4)F’konformità mal-Artikolu 29(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn delegati tal-ASECNA u tal-Unjoni Ewropea,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan adottati.

Magħmul bil-Franċiż fi Brussell fi XXXX 2023 u f’Dakar fi XXXX 2023.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President Is-Segretarju għall-Unjoni Ewropea Is-Segretarju għall-ASECNA

Regoli ta’ proċedura

tal-

KUMITAT GNSS UE/ASECNA (KUMITAT KONĠUNT)

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għall-Kumitat GNSS UE/ASECNA (“Kumitat Konġunt”) stabbilit bl-Artikolu 29, is-subparagrafu 1, tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejħa “ASECNA”), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili, iffirmat fil-5 ta’ Diċembru 2016 fi Brussell, u applikabbli mill-1 ta’ Novembru 2018.

Artikolu 2

Kompożizzjoni tal-Kumitat Konġunt

1.Minn naħa waħda, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul, għall-Unjoni Ewropea, minn delegati tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) u min-naħa l-oħra, minn delegati tal-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“ASECNA”). Minn hawn ’il quddiem, iż-żewġ Partijiet għandhom jissejħu b’mod individwali bħala l-“Parti” jew b’mod konġunt bħala l-“Partijiet”.

2.Id-delegati tal-Partijiet jistgħu jkunu akkumpanjati minn persuni li jaġixxu f’isem il-Partijiet minħabba l-kompetenza speċifika tagħhom.

Artikolu 3

Presidenza

1.Il-Partijiet għandu jkollhom il-Presidenza tal-Kumitat Konġunt b’mod alternattiv, għal perjodu ta’ sena kalendarja.

2.Il-Presidenza għandha tinżamm mill-ASECNA matul l-ewwel sena mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

3.Il-Parti li jkollha l-Presidenza għandha taħtar il-persuna jew id-delegat tagħha bħala President tal-Kumitat Konġunt.

4.Il-President imexxi l-ħidma tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Osservaturi

Bi ftehim komuni bejn il-Partijiet, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jistieden persuni fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra biex jattendu l-laqgħa tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi. Il-Kumitat Konġunt għandu jiftiehem it-termini u l-kundizzjonijiet li bihom l-osservaturi jkunu jistgħu jattendu għal-laqgħat. Il-persuni mistiedna mill-Kumitat bħala esperti jew osservaturi ma għandhomx jikkontribwixxu għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet fil-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 5

Segretarjat

1.Uffiċjal tal-Kummissjoni u aġent tal-ASECNA għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarji tal-Kumitat Konġunt.

2.Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli għall-komunikazzjoni bejn il-Partijiet, inkluż it-trażmissjoni ta’ dokumenti.

3.Il-funzjonijiet tas-Segretarjat huma taħt ir-responsabbiltà tal-Parti li jkollha l-presidenza.

Artikolu 6

Laqgħat tal-Kumitat Konġunt

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ skont il-bżonn, fil-prinċipju darba fis-sena.

Wara konsultazzjonijiet mal-Partijiet, il-President għandu jsejjaħ il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt f’ħin u f’post miftiehma flimkien. Jekk il-Partijiet jaqblu jistgħu jsiru wkoll awdjokonferenzi u vidjokonferenzi.

Il-President għandu jsejjaħ seduta speċjali tal-Kumitat Konġunt jekk jitolbuh l-Unjoni Ewropea jew l-ASECNA.

Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ fi żmien 15-il jum kalendarju minn meta ssir talba skont l-Artikolu 29(3) tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ fi Brussell jew f’Dakar, skont liem Parti jkollha l-Presidenza, sakemm il-Partijiet ma jiftehmux mod ieħor.

3.Il-Presidenza għandha tibgħat avviż dwar is-sejħa tal-laqgħa, flimkien mal-abbozz tal-aġenda u d-dokumenti meħtieġa għal-laqgħa, lid-delegati tal-Partijiet mill-inqas 21 jum kalendarju qabel il-laqgħa. Id-dokumenti għal-laqgħat imsejħa f’konformità mal-Artikolu 29(3) tal-Ftehim, għandhom jintbagħtu sa mhux iktar tard minn 7 ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

4.Bi ftehim mal-Partijiet, il-President jista’ jqassar il-limiti ta’ żmien stipulati fil-paragrafu 3 biex jitqiesu r-rekwiżiti ta’ xi kwistjoni partikolari.

5.Il-President għandu jiġi infurmat dwar il-kompożizzjoni tad-delegazzjoni ta’ kull Parti mill-inqas 7 ijiem kalendarji qabel kull laqgħa.

6.Il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi sakemm il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor.

Artikolu 7

Aġenda

1.Il-President, bl-għajnuna tas-Segretarji, għandu jfassal l-aġenda proviżorja għal kull laqgħa.

2.Kull Parti tista’ tipproponi li jiddaħħlu kwistjonijiet addizzjonali fl-aġenda. Din it-talba għandha tkun issostanzjata kif xieraq u tintbagħat bil-miktub lill-President mill-inqas 7 ijiem kalendarji qabel il-laqgħa.

3.Il-Kumitat Konġunt għandu japprova l-aġenda fil-bidu tal-laqgħa.

Artikolu 8

Tmexxija tad-dibattiti

Il-President, bl-għajnuna tas-Segretarji, għandu jiżgura l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, imexxi l-laqgħat u jidderieġi d-dibattiti filwaqt li jiżgura li d-dibattiti jkunu strutturati u ffukati fuq is-suġġett. Il-President jagħti l-kelma lill-kelliema skont l-ordni li fiha jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li jitkellmu u jista’ jitlob lil kelliem biex jillimita l-kummenti tiegħu għall-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa.

Artikolu 9

Gruppi ta’ ħidma tal-Kumitat Konġunt

1.Il-kompożizzjoni u l-funzjonament tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti, stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 29(4) tal-Ftehim, għandhom jiġu miftiehma abbażi ta’ mandat stabbilit mill-Kumitat Konġunt.

2.Il-gruppi ta’ ħidma jew il-gruppi ta’ esperti għandhom japplikaw dawn ir-regoli ta’ proċedura mutatis mutandis.

3.Il-gruppi ta’ ħidma jew il-gruppi ta’ esperti għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jibagħtulu rapport wara kull laqgħa li jkollhom. Dawn mhumiex awtorizzati li jieħdu deċiżjonijiet, iżda jistgħu jressqu rakkomandazzjonijiet għall-attenzjoni tal-Kumitat Konġunt.

4.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jemenda jew li jtemm il-mandat tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu d-deċiżjonijiet u jfassal ir-rakkomandazzjonijiet permezz ta’ ftehim komuni bejn il-Partijiet, f’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim. Dawn għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni”, segwit b’numru ta’ sekwenza, id-data tal-adozzjoni u referenza għas-suġġett tagħhom.

2.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu ffirmati mill-President u mis-Segretarji u jitqassmu lill-Partijiet.

3.Jekk ir-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità ma jipprekludux dan, kwalunkwe Parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni adottata mill-Kumitat Konġunt skont ir-regoli tagħha stess. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin bl-intenzjoni tagħhom li jippubblikaw deċiżjoni jew rakkomandazzjoni.

4.Il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta d-deċiżjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn is-Segretarji, li jaġixxu bi qbil mal-Partijiet. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta għandu jiġi ċċirkolat f’konformità mal-Artikolu 5 ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura, f’limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn 21 jum kalendarju li fih għandha tiġi mgħarrfa kull riżerva jew emenda. F’ċirkostanzi speċjali, il-President jista’ jqassar il-limitu taż-żmien, bi qbil mal-Partijiet. Ladarba jiġi miftiehem it-test, id-deċiżjoni jew ir-rakkomandazzjoni għandha tkun iffirmata mill-President u mis-Segretarji.

Artikolu 11

Minuti

1.Is-Segretarjat għandu jħejji l-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa. L-abbozz għandu jindika d-deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu u r-rakkomandazzjonijiet li jkunu tħejjew. L-abbozz tal-minuti għandu jitressaq lill-Kumitat Konġunt biex jiġi adottat. Ladarba jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt, il-minuti għandhom ikunu ffirmati mill-President u mis-Segretarji.

2.L-abbozz tal-minuti għandu jitfassal fi żmien 21 jum kalendarju mid-data tal-laqgħa u jitressaq għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt permezz ta’ proċedura bil-miktub jew fil-laqgħa sussegwenti tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 12

Kunfidenzjalità

Meta Parti tressaq informazzjoni li tkun indikata bħala klassifikata jew sensittiva lill-Kumitat Konġunt, il-Parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala tali. Il-Partijiet għandhom jiskambjaw informazzjoni klassifikata jew sensittiva biss jekk ikunu kkonkludew ftehim dwar dan. Huma għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jistabbilixxu qafas ġuridiku komplut u koerenti li jippermetti l-konklużjoni ta’ ftehim bħal dan.

Artikolu 13

Spejjeż

1.Kull Parti għandha tħallas kwalunkwe spiża li ġġarrab marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma jew tal-gruppi ta’ esperti.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jaqbel dwar il-qsim tal-ispejjeż għal kwalunkwe missjoni assenjata lill-esperti.

3.L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qiegħda torganizza l-laqgħa.

Artikolu 14

Korrispondenza

Il-korrispondenza kollha indirizzata lill-President tal-Kumitat Konġunt jew mibgħuta minnu għandha tintbagħat lis-Segretarjat tal-Kumitat Konġunt.

Artikolu 15

Emendar tar-regoli ta’ proċedura

Dawn ir-regoli ta’ proċedura jistgħu jiġu emendati b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt f’konformità mal-Artikolu 10 tiegħu.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tagħhom.