IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.11.2023
COM(2023) 737 final
2023/0420(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat GNSS UE/ASECNA (il-“Kumitat Konġunt”) stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) fid-dawl tal-adozzjoni prevista tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt.
2.Kuntest tal-proposta
Il-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (il-“Ftehim”) għandu l-għan li jiżviluppa r-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jipprovdi s-servizzi assoċjati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili billi jippermettilha tibbenefika mill-programmi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2018.
Il-Ftehim stabbilixxa l-Kumitat tal-GNSS UE/ASECNA (il-“Kumitat Konġunt”) responsabbli għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tajba tiegħu. Għal dan l-għan, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet fi ħdan l-oqfsa previsti fil-Ftehim jew jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet li għalihom ma jkollu l-ebda setgħa li jieħu deċiżjoni. Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
L-Artikolu 29(1) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li, fost dispożizzjonijiet oħra, għandhom jinkludu l-arranġamenti għas-sejħa tal-laqgħat, għall-ħatra tal-president tiegħu u għad-definizzjoni tal-mandat tal-president. L-abbozz tar-regoli ta’ proċedura mehmuż huwa r-riżultat tan-negozjati mal-ASECNA.
Fid-dawl ta’ dawn in-negozjati, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura tiegħu.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li huma ‘‘jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni’’.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt huwa korp maħluq permezz ta’ ftehim, jiġifieri permezz tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili.
L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA).
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi qabelxejn fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tittieħed pożizzjoni fir-rigward tiegħu f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-objettiv jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jikkonċernaw in-networks trans-Ewropej, b’mod partikolari dawk tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u b’mod partikolari l-istabbiliment u l-operat tas-sistema SBAS-ASECNA, ibbażata fuq it-teknoloġija tas-sistema EGNOS, u fuq l-użu tas-sistema stabbilita fl-ambitu tal-programm Galileo fl-Afrika.
Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 171, it-tielet subparagrafu, tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta għandha tkun l-Artikolu 171, it-tielet subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9), tat-TFUE.
2023/0420 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), min-naħa l-oħra, dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 171, it-tielet subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA), dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi assoċjati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili ilu japplika mill-1 ta’ Novembru 2018.
(2)L-Artikolu 29 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, imsejjaħ il-“Kumitat GNSS UE/ASECNA” (minn hawn ’il quddiem il-“Kumitat Konġunt”), u jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
(3)Jenħtieġ li fil-laqgħa tiegħu fi [id-data għad trid tiġi ddeterminata], il-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu dwar, fost dispożizzjonijiet oħra, l-arranġamenti għas-sejħa tal-laqgħat tiegħu, għall-ħatra tal-president tiegħu, għad-definizzjoni tal-mandat tal-president u għall-kuntatti bejn il-Partijiet.
(4)Billi l-Ftehim se jkun vinkolanti fuq l-Unjoni, jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt.
(5)Biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, huwa meħtieġ li l-Kumitat Konġunt jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.
(6)Għalhekk jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura li jenħtieġ li jiġu adottati mill-Kumitat Konġunt.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1.Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni fil-Kumitat tal-GNSS UE/ASECNA stabbilit bil-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f’Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta’ servizzi relatati fiż-żona ta’ kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura ta’ dak il-Kumitat Konġunt għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
2.Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar emendi żgħar fl-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr ebda deċiżjoni oħra tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President