52009PC0437

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jtemm ir-reviżjoni ta’ ‘esportatur ġdid’ għar-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet minn esportatur partikolari f'dan il-pajjiż u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet /* KUMM/2009/0437 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 31.8.2009

KUMM(2009) 437 finali

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni ta’ ‘esportatur ġdid’ għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet minn esportatur partikolari f'dan il-pajjiż u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

- Ir-raġunijiet u l-għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 ('ir-Regolament bażiku') fil-proċediment dwar l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

- Il-kuntest ġenerali

Din il-proposta qed issir fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku u hi r-riżultat ta’ investigazzjoni li twettqet f’konformità mar-rekwiżiti sostantivi u proċedurali stabbiliti fir-Regolament bażiku.

- Id-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008 li jikkjarifika l-ambitu tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005.

- Il-konsistenza ma’ politiki u għanijiet oħra tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2. IL-KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

- Il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Il-partijiet interessati kkonċernati mill-proċediment kellhom il-possibbiltà li jiddefendu l-interessi tagħhom matul l-investigazzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku.

- Il-ġbir u l-użu ta' għarfien espert

Ma kien hemm l-ebda ħtieġa ta’ għarfien espert estern.

- Il-valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija r-riżultat tal-implimentazzjoni tar-Regolament bażiku.

Ir-Regolament bażiku ma jinkludix dispożizzjonijiet għall-valutazzjoni ġenerali tal-impatt iżda fih lista eżawrjenti ta’ kundizzjonijiet li jridu jiġu valutati.

3. L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

- L-azzjoni proposta fil-qosor

Fil-21 ta' Jannar 2009, il-Kummissjoni nediet reviżjoni ta’ 'esportatur ġdid' għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jirrevoka d-dazju fir-rigward tal-importazzjonijiet minn esportatur wieħed f’dan il-pajjiż u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni Il-kumpanija kkonċernata hija Crown Equipment (Suzhou) Company Limited ('l-applikant').

Fit-22 ta' Mejju 2009 l-applikant irtira t-talba tiegħu għal reviżjoni. Wara li tqies jekk hux ta' min l-investigazzjoni titkompla ex officio , ġie konkluż li r-reviżjoni għandha tintemm. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, id-dazju applikabbli għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha' impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għandu jkun impost mill-ġdid fuq l-applikant.

Huwa għalhekk propost li l-Kunsill jadotta l-proposta għal Regolament mehmuża li għandha tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux aktar tard mill-21 ta' Ottubru 2009.

- Il-bażi legali

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2117/2005 tal-21 ta' Diċembru 2005 u b'mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu.

- Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Komunità. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

- Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Il-forma ta' azzjoni hi deskritta fir-Regolament bażiku u ma tħalli l-ebda ambitu għal deċiżjoni nazzjonali.

L-indikazzjoni ta’ kif il-piż finanzjarju u amministrattiv li jaqa’ fuq il-Komunità, il-gvernijiet nazzjonali, l-awtoritajiet reġjonali u lokali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini huwa mnaqqas u miġjub fi proporzjon mal-għan tal-proposta, ma tapplikax.

- L-għażla tal-istrumenti

L-istrumenti proposti: regolament.

Mezzi oħra ma jkunux adegwati għar-raġuni li ġejja:

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati minħabba li r-Regolament bażiku ma jipprevedix għażliet alternattivi.

4. L-IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit Komunitarju.

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jtemm ir-reviżjoni ta’ ‘esportatur ġdid’ għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward ta' dawn l-importazzjonijiet minn esportatur partikolari f'dan il-pajjiż u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1] ('ir-Regolament bażiku'), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1. IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005[2] li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għall-erba' kumpaniji b'dazji individwali, id-dazji fis-seħħ ivarjaw minn 7,6 % sa 39,9 %. Id-dazju applikabbli għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha' huwa ta' 46,7 %. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 684/2008[3] li jiċċara l-ambitu tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005.

2. L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

2.1. It-talba għal reviżjoni

(2) Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni ta’ 'esportatur ġdid' għar-Regolament (KE) Nru 1174/2005, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku minn produttur esportatur partikolari ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(3) It-talba ġiet irreġistrata minn Crown Equipment (Suzhou) Company Limited ('Crown Suzhou' jew 'l-applikant')

(4) L-applikant allega li huwa jopera f'kundizzjonijiet ta' ekonomija tas-suq u li l-prodott ikkonċernat ma ġiex esportat lejn il-Komunità Ewropea matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri kontra d-dumping jiġifieri bejn l-1 ta' April 2003 u l-31 ta' Marzu 2004 (il-'perjodu tal-investigazzjoni oriġinali') u li ma huwa relatat mal-ebda esportatur produttur tal-prodott ikkonċernat li huwa suġġett għall-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, huwa allega li kien beda jesporta pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

2.2. It-tnedija ta’ reviżjoni ta' 'esportatur ġdid'

(5) Wara li kien iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta' reviżjoni ta' esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fir-rigward tal-applikant (ir-'reviżjoni'), permezz tar-Regolament (KE) Nru 52/2009[4].

(6) Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 52/2009, id-dazju kontra d-dumping ta' 46,7% impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti mill-applikant ġie revokat. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew mitluba li jieħdu l-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

2.3. Il-prodott ikkonċernat

(7) Il-'prodott ikkonċernat' huwa l-istess kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 684/2008, li huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażis u komponenti idrawliċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa klassifikati bil-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddefiniti bħala trakkijiet bir-roti b’dirgħajn forma ta' furketta għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu tagħbija, billi wieħed jippompja l-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew biex jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters); (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers); (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal-livell fejn isir ix-xogħol (scissorlifts); jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbijiet (weighing trucks).

2.4. Il-partijiet ikkonċernati

(8) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-industrija Komunitarja u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kienet tnediet din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament (KE) Nru 52/2009.

(9) Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu wkoll formola ta' talba għal trattament ta' ekonomija tas-suq ('MET' - market economy treatment) flimkien ma' kwestjonarju lill-applikant, u rċevew ir-risposti qabel l-iskadenzi stabbiliti għal dak il-għan.

2.5. Il-perjodu tal-investigazzjoni għal reviżjoni

(10) Il-perjodu tal-investigazzjoni għad-dumping kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-31 ta' Diċembru 2008.

3. L-IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL REVIŻJONI TA' ESPORTATUR ĠDID

(11) Permezz tal-ittra lill-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2009, Crown Suzhou irtiraw formalment it-talba għal reviżjoni ta' 'esportatur ġdid' skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(12) Ġie meqjus jekk ikunx ta' min l-investigazzjoni titkompla ex officio . Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tmiem tal-investigazzjoni ma jaffettwax il-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ, li r-rata ta' dazju applikabbli għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha' għandha tiġi imposta retroattivament għal Crown Suzhou u li t-tmiem tal-investigazzjoni mhuwiex kontra l-interess Komunitarju Abbażi ta' dan, l-investigazzjoni għandha tintemm.

(13) Il-partijiet interessati kienu infurmati bl-intenzjoni li l-investigazzjoni tintemm u li d-dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Crown Suzhou jerġa' jkun impost u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu biddlu din id-deċiżjoni.

(14) Kien għalhekk konkluż li l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom jiġifieri xażis u komponenti idrawliċi, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa klassifikati skont il-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 u li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni minn Crown Suzhou għandhom ikunu suġġetti għad-dazju applikabbli għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha' fil-pajjiż kollu (46,7 %) impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 u li dik ir-rata ta' dazju għandha tkun imposta mill-ġdid.

4. L-IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING

(15) Fid-dawl tas-sejbiet ta' hawn fuq, id-dazju kontra d-dumping applikabbli għal Crown Suzhou għandu jiġi impost retroattivament, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 52/2009, fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li kienu saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 ta' dak ir-Regolament.

5. IT-TUL TA' ŻMIEN TAL-MIŻURI

(16) Din ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Ir-reviżjoni ta' esportatur ġdid li tnediet bir-Regolament (KE) 52/2009 tiġi b’dan fit-tmiem u d-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għall-'kumpaniji l-oħrajn kollha' (kodiċi addizjonali TARIC A999) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hu b’dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009.

2. Id-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005, għall-'kumpaniji l-oħra kollha' fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’dan huwa impost b’effett mit-23 ta’ Jannar 2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 52/2009.

3. L-awtoritajiet tad-dwana permezz ta’ dan huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009.

4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

[2] ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

[3] ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.

[4] ĠU L 17, 22.1.2009, p. 19.