7.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 210/3


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1361

tas-6 ta' Awwissu 2015

li jħassar id-dazju definittiv antidumping fuq importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Il-miżuri fis-seħħ

(1)

Il-Kunsill, wara investigazzjoni dwar l-antidumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), impona, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 393/2009 (2), dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3406 00 00 (Kodiċi TARIC 3406 00 00 90) u li joriġinaw mir-Repubblika Tal-Poplu taċ-Ċina (“il-miżuri tal-antidumping definittivi”).

(2)

Il-miżuri ħadu l-forma ta' ammont fiss ta' euro għal kull tunnellata ta' kontenut ta' fjuwil (ġeneralment iżda mhux neċessarjament fil-forma ta' xaħam, stearina, xama' tal-paraffina jew xemgħat oħra, inkluż in-niċċa) stabbilit f'EUR 549,33 għal kull tunnellata ta' fjuwil.

(3)

Ġew stabbiliti dazji fissi individwali tal-produtturi esportaturi li ġejjin: Aroma Consumer Products (Hangzhou) Co., Ltd (321,83 EUR/tunnellata), Dalian Bright Wax Co., Ltd (171,98 EUR/tunnellata), Dalian Talent Gift Co., Ltd (367,09 EUR/tunnellata). Dawn il-kumpaniji kienu soġġetti għal rata ta' dazju żero: Gala-Candles (Dalian) Co., Ltd, M.X. Candles and Gifts (Taicang) Co., Ltd, Ningbo Kwung's Home Interior & Gift Co., Ltd, Ningbo Kwung's Wisdom Art & Design Co., Ltd, u l-kumpanija relata tagħhaShaoxing Koman Home Interior Co., Ltd uQingdao Kingking Applied Chemistry Co., Ltd.

(4)

Peress li t-teħid ta' kampjuni kien applikat fl-investigazzjoni oriġinali, dazju medju għall-produtturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun għal EUR 345,86 għal kull tunnellata ta' kontenut ta' fjuwil b'hekk ġie stabbilit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. Id-dazju għall-kumpaniji l-oħra kollha ġie stabbilit għal EUR 549,33 għal kull tunnellata ta' kontenut ta' fjuwil.

2.   Talba għal rieżami ta' skadenza

(5)

Wara l-pubblikazzjoni ta' avviż dwar l-iskadenza imminenti (3) tal-miżuri tal-antidumping definittivi fis-seħħ, fl-14 ta' Frar 2014 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza ta' dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

(6)

It-talba ġiet ippreżentata fis-16 ta' Frar 2014 minn produtturi tax-xemgħat fl-UE (“l-applikanti”) li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom.

(7)

It-talba kienet imsejsa fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għall-kontinwazzjoni ta' dumping u r-rikorrenza ta' ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

3.   Bidu ta' rieżami ta' skadenza

(8)

Wara li ddeterminat, sussegwentement għal konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kienet teżisti biżżejjed evidenza għall-bidu ta' rieżami ta' skadenza, fl-14 ta' Mejju 2014 il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta' avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4) (“l-avviż ta' bidu”), il-bidu ta' rieżami ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

4.   L-investigazzjoni

4.1.   Perjodu tal-investigazzjoni ta' rieżami u l-perjodu kkunsidrat

(9)

L-investigazzjoni ta' kontinwazzjoni ta' dumping kopriet il-perjodu ta' bejn l-1 ta' April 2013 u t-31 ta' Marzu 2014 (“il-perjodu ta' investigazzjoni tar-reviżjoni” jew “il-PIR”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-verifika tal-probabbiltà ta' rikorrenza tal-ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta' Jannar 2011 sa tmiem il-PIR (“il-perjodu kkunsidrat”).

4.2.   Partijiet ikkonċernati mill-investigazzjoni

(10)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produtturi l-oħra magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa fir-RPĊ soġġetti għal miżuri antidumping, lill-importaturi mhux relatati, lill-utenti li huma magħrufa li huma involuti, u lill-awtoritajiet tar-RPĊ dwar it-tnedija tal-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza. Il-partijiet kollha interessati ngħataw l-opportunità li jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-notifika tal-bidu.

4.3.   Kampjunar

(11)

Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ u importaturi mhux relatati fl-Unjoni involuti, ġie meqjus xieraq li jiġi eżaminat jekk it-teħid ta' kampjuni għandux jiġi applikat. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tiddeċiedi jekk it-teħid ta' kampjuni huwiex meħtieġ u, jekk iva, tagħżel kampjun, dawk il-partijiet ġew mitluba li jagħmlu infushom magħrufa lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mill-inizjazzjoni tar-rieżami u biex jipprovdu, kif ġie speċifikat fl-avviż tal-inizjazzjoni, informazzjoni bażika dwar l-attivitajiet tagħhom relatati mal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu bejn l-1 ta' April 2013 u l-31 ta' Marzu 2014.

(12)

25 produttur esportatur fir-RPĊ ippreżenta informazzjoni valida fil-qafas tal-eżerċizzju tat-teħid tal-kampjuni u qablu li jikkooperaw fl-investigazzjoni. Dawn ammontaw għal 36 % tal-volum totali ta' importazzjonijiet magħmula fl-Unjoni minn kumpaniji Ċiniżi soġġetti għal dazji antidumping matul il-perjodu tal-investigazzjoni tar-rieżami. Minħabba n-numru relattivament kbir ta' produtturi esportaturi fir-RPĊ li qablu li jikkooperaw fl-investigazzjoni, ġie deċiż li jiġi limitat in-numru ta' partijiet li jridu jiġu investigati għal kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta' produzzjoni u bejgħ ta' esportazzjoni li b'mod raġonevoli jista' jkun investigat fiż-żmien disponibbli skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. Il-kampjun magħżul kien jikkonsisti minn erba' produtturi esportaturi li ammonta għal 21 % tal-volum totali ta' esportazzjonijiet magħmula minn kumpaniji soġġetti għal dazji. Id-dejta tagħhom ġiet ivverifikata matul żjarat ta' verifika fuq il-post.

(13)

Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet Ċiniżi ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Produttur esportatur wieħed inkluż fil-proposta inizjali iddeċieda li jirtira l-kooperazzjoni tiegħu. Produttur esportatur wieħed talab li jiġi inkluż fil-kampjun fuq il-bażi tal-piż tal-esportazzjonijiet tiegħu. Għalhekk, il-kampjun finali kien stabbilit skont dan.

(14)

It-tweġibiet gћall-kwestjonarju waslu mingħand importaturi tal-Unjoni wieħed. Għalhekk it-teħid ta' kampjuni ma kienx neċessarju biex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ta' importaturi mhux relatati.

(15)

Kif spjegat aktar fil-premessa 73 hawn taħt, fl-istadju preliminari tal-investigazzjoni, 26 produttur tal-Unjoni jew grupp ta' produtturi qablu li jikkooperaw fl-investigazzjoni. Minħabba n-numru kbir ta' produtturi li kkooperaw, il-Kummissjoni iddeċidiet li tapplika t-teħid ta' kampjuni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv tal-produzzjoni li seta' jiġi investigat b'mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli filwaqt li tqieset ukoll il-firxa ġeografika u kopertura suffiċjenti ta' tipi differenti ta' prodotti. Il-kampjun magħżul kien jikkonsisti f'seba' kumpaniji. Il-kampjun tqies li kien rappreżentattiv u kopra 37 % tal-produzzjoni totali stmata tal-Unjoni ta' xemgħat matul il-PIR.

(16)

Fir-rigward l-utenti, l-ebda wieħed minnhom ma ppreżenta ruħu jew offra li jikkoopera fl-investigazzjoni sal-iskadenza mogħtija fl-avviż ta' inizjazzjoni jew aktar tard fil-proċedura.

(17)

Saru żjarat ta' verifika fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

(a)

Produtturi fl-Unjoni:

—

Bolsius International (NL)

—

Vollmar GmbH (DE)

—

GIES Kerzen GmbH (DE) (5)

—

Promol Industria de Velas SA (PT)

—

Liljeholmens Stearinfabriks AB (SE)

—

Korona Candles S.A. (PL)

—

Spaas Kaarsen N.V. (BE)

(b)

Importaturi tal-Unjoni

—

Asda Stores Limited, Leeds (UK)

(c)

Esportaturi fir-RPĊ:

—

Beijing Candleman Candle Co Ltd, No 515 Yanfang Industrial Park, Fangshan District, 102413 Beijing;

—

Dalian Talent Gift co Ltd, Tangfang village Taiping country, 116200 Pulandian;

—

Shanghai Grand Industrial Co., Ltd, Rm.38-301,3/F,No.633 JiangChuan RD, Minhang District, 200240 Shanghai; kif ukoll

—

Zheijang Neeo Home decoration Co, Ltd, Chengjiang Industry Area, Huang Yan, 318020 Taizhou.

(d)

Produtturi fil-pajjiż analogu:

—

Yankee Candle, South Deerfield, Massachusetts, USA

5.   Żvelar

(18)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għas-sejbiet u l-konklużjonijiet ta' din l-investigazzjoni tar-rieżami tal-iskadenza u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Dawn ingħataw ukoll perjodu ta' żmien biex jippreżentaw il-kummenti wara d-divulgazzjoni. Ir-rappreżentant tar-rikorrenti talab kjarifiki u informazzjoni addizzjonali dwar l-imġiba ta' produtturi esportaturi soġġetti għal dazju żero, il-metodoloġija użata biex jiġu stabbiliti l-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn swieq oħra ta' pajjiżi terzi, is-sors ta' informazzjoni pubblika msemmija fil-premessa 29 hawn taħt u l-istima tal-konsum tal-Unjoni matul l-investigazzjoni oriġinali. Il-Kummissjoni pprovdiet il-kjarifiki u l-informazzjoni mitluba bil-miktub fis-27 ta' Mejju 2015 jew fid-dokument ta' żvelar.

(19)

Il-partijiet interessati kollha kellhom l-opportunità li jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

(20)

Fuq talba tar-rappreżentant tar-rikorrenti, saret seduta ta' smigħ ippreseduta mill-Uffiċjal tas-Seduta fis-27 ta' Mejju 2015. Waqt is-seduta, ir-rappreżentant tar-rikorrenti sostna li s-sejbiet tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq analiżi inadegwata u/jew li ma kien hemm l-ebda evidenza ta' mġiba futura ta' produtturi esportaturi soġġetti għal dazju żero. Poġġa inkwistjoni wkoll ir-riżultati tal-kalkoli tat-tnaqqis eċċessiv fil-prezzijiet, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta' produzzjoni fir-RPĊ u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, intqal li l-fajl mhux kunfidenzjali ma kienx komplut u kien qed juri xi nuqqasijiet. Dawn in-nuqqasijiet ġew rrettifikati malajr kif meħtieġ.

(21)

Kummenti dwar l-informazzjoni żvelata u kjarifiki addizzjonali waslu fit-2 ta' Ġunju 2015. Fejn xieraq tali kummenti ġew ikkunsidrati u meqjusa.

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

1.   Il-Prodott ikkonċernat

(22)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa xemgħat, kandiletti u bħalhom, ħlief xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħrajn ta' barra (“il-prodott rieżaminat”), li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3406 00 00 (kodiċi TARIC 3406 00 00 90) u li joriġina mir-Repubblika Tal-Poplu taċ-Ċina.

(23)

Għall-għanijiet ta' dan ir-rieżami, “xemgħat taċ-ċimiterju u xemgħat oħrajn ta' barra” tfisser xemgħat, kandiletti u bħalhom, li għandhom waħda mill-karatteristiċi li ġejjin jew aktar:

—

il-fjuwil tagħhom fih iktar minn 500 ppm ta' toluwol,

—

il-fjuwil tagħhom fih iktar minn 100 ppm benżin,

—

għandhom niċċa b'dijametru ta' mill-inqas 5 millimetri,

—

huma individwalment ippakkjati f'kontenitur tal-plastik b'ħitan vertikali ta' mill-inqas 5 cm fit-tul.

(24)

Il-prodott taħt rieżami jinsab f'varjetà kbira ta' daqsijiet, forom u piż, jista' jkun abjad jew ikkulurit, jew għal kollox jew biss fuq barra; b'riħa jew bla riħa, u dekorat jew mhux dekorat. Il-wiċċ jista' jkun lixx jew raff. Ix-xemgħat jistgħu jkunu f'tazza/vażett, f'kontenituri taċ-ċeramika/tal-aluminju. L-ittikkettar u l-imballaġġ jistgħu jiġu pprovduti fuq talba tax-xerrejja. Madankollu, minkejja dawn id-differenzi, dawn it-tipi kollha tal-prodott taħt rieżami għandhom l-istess karatteristiċi kimiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użi u sa ċertu punt jistgħu jinbidlu bejniethom. Għalhekk, huwa kkunsidrat li x-xemgħat kollha koperti minn din l-investigazzjoni huma parti mill-istess prodott.

(25)

Dawn il-karatteristiċi deskritti hawn fuq għandhom effett fuq il-prezz individwali tax-xemgħa iżda statistika tal-importazzjonijiet disponibbli ma tistax taqbad din il-varjetà kbira.

2.   Il-prodott simili

(26)

L-investigazzjoni wriet li l-prodott prodott u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u/jew esportat lejn l-Unjoni u l-prodott magħmul u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użu bażiku.

(27)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li dawn il-prodotti huma għaldaqstant prodotti simili skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   PROBABBILTÀ TA' KONTINWAZZJONI TA' DUMPING

(28)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri eżistenti hux probabbli li twassal għal kontinwazzjoni ta' dumping mir-RPĊ.

1.   Kummenti preliminari

(29)

Il-valutazzjoni tal-probabbiltà ta' kontinwazzjoni tad-dumping kienet ibbażata fuq id-dejta pprovduta mill-partijiet interessati u verifikata kif jixraq, fuq dejta li tinsab fit-talba ta' riezami tal-iskadenza flimkien mad-dejta miġbura minn sorsi oħra, bħalma huma l-istatistiċi tal-kummerċ dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet (il-Eurostat u bażijiet tad-dejta tal-esportazzjoni Ċiniża) u informazzjoni oħra disponibbli pubblikament bħall-websajts tal-Kummissjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali tal-Istati Uniti u ta' produtturi u bejjiegħa ta' xemgħat bl-imnut. Il-Kummissjoni użat ukoll l-informazzjoni kunfidenzjali rappurtata mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku għall-kontroverifika tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet u biex tanalizzata l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal marġni ta' dumping individwali.

(30)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni użat id-dejta tal-industrija tal-Unjoni biex jiġi stabbilit il-valur normali minħabba fin-nuqqas ta' kooperazzjoni minn kwalunkwe produttur li jinsab f'pajjiż analogu. Għal din l-investigazzjoni, produttur li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) qabel li jikkoopera u jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi stabbilit il-valur normali fl-investigazzjoni attwali, kif spjegat fil-premessi 31 sa 35 hawn taħt.

2.   Dumping ta' importazzjonijiet matul il-PIR

2.1.   Il-valur normali

2.1.1.   Għażla ta' pajjiż analogu

(31)

Fin-notifika ta' bidu, il-Brażil ġie propost bħala pajjiż analogu xieraq għall-iskop ta' stabbiliment ta' valur normali fir-RPĊ. Il-Kummissjoni stiednet il-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar din il-proposta iżda ma waslu l-ebda kummenti. Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil produtturi Brażiljani magħrufa. Madankollu, ebda kooperazzjoni ma waslet mill-produtturi fil-Brażil.

(32)

F'dan ir-rigward, il-kooperazzjoni ta' produtturi allokati f'pajjiżi ta' ekonomija tas-suq bħall-Arġentina, il-Kanada, iċ-Ċilì, l-Indja, l-Indoneżja, l-Iżrael, il-Malasja, in-New Zealand, it-Tajwan u t-Tajlandja ġiet mistħarrġa. Madankollu, ebda kooperazzjoni ma waslet mill-produtturi li jinsabu fil-pajjiżi msemmija.

(33)

Il-Kummissjoni investigat sorsi oħra disponibbli ta' informazzjoni sabiex issib pajjiż analogu potenzjali, jiġifieri Eurostat u bażi tad-dejta pubblika pprovduta mill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti. Instab li s-swieq tal-Unjoni u l-Istati Uniti huma swieq dinjin ewlenin għal xemgħat u li l-produzzjoni tal-Istati Uniti kienet esportata wkoll lejn is-suq tal-Unjoni.

(34)

Abbażi tal-websajt tal-US National Candle Association (“l-NCA”) irriżulta li hemm madwar 400 produttur tax-xemgħat stabbilit fl-Istati Uniti, il-volum tal-produzzjoni totali huwa sinifikanti u li dan il-pajjiż qed jimporta ammonti kbar għall-konsum tiegħu stess. Għalhekk, l-Istati Uniti tqies li hu pajjiż analogu xieraq għall-fini ta' din l-investigazzjoni.

(35)

Il-Kummissjoni talbet l-appoġġ tal-NCA u produttur wieħed tal-Istati Uniti rreaġixxa u qabel li jikkoopera fl-investigazzjoni. L-informazzjoni pprovduta minn dan il-produttur tqieset bħala suffiċjenti u valida biex jiġi stabbilit il-valur normali fl-investigazzjoni attwali.

2.1.2.   Id-determinazzjoni tal-valur normali

(36)

Għalhekk, il-valur normali ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku. Kif imsemmi fil-premessa 30 hawn fuq, il-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tad-dejta pprovduta u vverifikata fl-istabbilimenti tal-produttur tal-Istati Uniti li kkoopera.

(37)

L-investigazzjoni wriet li n-negozju tax-xemgħa fl-Istati Uniti huwa differenti minn dak fir-RPĊ. Pereżempju, il-produttur tal-Istati Uniti li kkoopera huwa kumpanija kbira b'netwerk tal-bejgħ kumpless li jbigħ firxa ta' tipi ta' prodotti, esklussivament b'xemgħat f'vażett b'riħa/fwieħa, bi prezzijiet relattivament għoljin fis-suq (l-hekk imsejjaħ “suq tal-fwieħa”). F'termini ta' volum, il-produttur Amerikan huwa komparabbli mal-akbar produtturi Ċiniżi, iżda t-taħlita tal-prodotti hija differenti. Kumpaniji Ċiniżi li prinċipalment jipproduċu u jbigħu firxa wiesgħa ta' tea-lights (xemgħat żgħar għat-tisħin tal-platti), xemgħat pilastri, iżda wkoll xemgħat artistiċi u mingħajr fwieħa. L-investigazzjoni wriet ukoll li filwaqt li l-produtturi Ċiniżi jbigħu l-aktar lil bejjiegħa bl-ingrossa, il-produttur tal-Istati Uniti prinċipalment ibigħ permezz tan-netwerk tiegħu ta' ħwienet li jbiegħu bl-imnut.

(38)

Abbażi ta' dak li ntqal hawn fuq, kien ikkunsidrat xieraq li jiġi ddeterminat il-valur normali kif spjegat hawn taħt.

(39)

It-tipi ta' prodott mibjugħa mill-produttur tal-pajjiż analogu fis-suq domestiku tiegħu kien imqabbel mat-tipi ta' prodott prodotti fir-RPĊ u mibjugħa għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. Għal dawk il-mudelli li nstabu li kienu identiċi jew komparabbli direttament il-valur normali ġie mibni kif ġej. Ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) magħmula fuq il-bejgħ domestiku tal-prodott simili fl-istess livell ta' kummerċ u ammont raġonevoli ta' profitt, jiġifieri 6,5 % (din il-marġini kienet użata fl-investigazzjoni oriġinali meta kien qed jiġi stabbilit il-valur normali) ġew miżjuda mal-ispejjeż ta' produzzjoni tal-produttur li kkoopera fil-pajjiż analogu matul il-PIR.

(40)

Għal tipi oħra ta' prodotti, li mhumiex komparabbli, il-valur normali kien stabbilit bl-aġġustament tal-ispiża tal-produzzjoni billi jitneħħa l-kost ta' vażetti/ħġieġ u l-ispejjeż tal-fwejjaħ fl-Istati Uniti. Sussegwentement, ammont raġonevoli għal SG&A u l-profitt ġew miżjuda kif spjegat fil-premessa 39 hawn fuq.

2.2.   Id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni

(41)

Il-bejgħ tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi fil-kampjun lejn l-Unjoni sar direttament lil klijenti indipendenti stabbiliti fl-Unjoni. Il-prezz tal-bejgħ kien għaldaqstant stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-prezz imħallas jew li jrid jitħallas skont kif irrappurtat fl-istatistiċi tal-importazzjoni tal-Eurostat.

(42)

Fl-aħħar nett, dan il-prezz tal-esportazzjoni medju fil-livell CIF kien aġġustat billi tnaqqsu b'mod partikolari l-ispejjeż tat-trasport biex wieħed jasal għall-valur tal-fabbrika.

2.3.   Paragun u aġġustamenti

(43)

Il-paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni sar fuq bażi tal-prezz tal-fabbrika.

(44)

Għall-iskop li jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, tqiesu b'mod xieraq, f'għamla ta' aġġustamenti, id-differenzi fl-ispejjeż tat-trasport, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni, l-ispejjeż terminali u amminstrattivi, l-ispejjeż tal-kreditu, kummissjonijiet, fejn dawn kienu applikabbli u ġġustifikati, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

2.4.   Marġini tad-dumping

(45)

Fuq il-bażi ta' dak li ssemma hawn fuq, instab li produttur esportatur wieħed inkluż fil-kampjun ma kienx qed iwettaq dumping tal-prodotti tiegħu fis-suq tal-Unjoni. Il-marġni ta' dumping medju ta' tliet produtturi esportaturi fil-kampjun li jifdal, espress bħala perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, instab li kien ta' madwar 60 %.

3.   Żvilupp tal-importazzjonijiet f'każ li jiġu revokati l-miżuri

3.1.   Kumment preliminari

(46)

Matul is-seduta ta' smigħ ippreseduta mill-Uffiċjal tas-Seduta, parti waħda sostniet li l-produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri li nstabu li kienu qed iwettqu dumping waqt l-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri Ningbo Kwung's Home Interior & Gift Co. Ltd. u Qingdao King King Applied Chemistry Co., Ltd għandhom jiġu inklużi fl-investigazzjoni tar-rieżami ta' skadenza kurrenti.

(47)

Il-Kummissjoni bagħtet n-Notifika ta' Bidu biex il-partijiet interessati kollha tal-produtturi esportaturi fl-investigazzjoni oriġinali inklużi u li nstab li kienu qed jagħmlu dumping matul investigazzjoni oriġinali, iżda li huma soġġetti għal rata ta' dazju żero minħabba li ma kinux qegħdin jikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Unjoni. L-ebda wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi ma ssottomettew formola ta' kampjunar. Għalhekk, ma kinux inklużi fil-kampjun.

(48)

Barra minn hekk, il-partijiet interessati ġew infurmati mill-Kummissjoni dwar proposta għal kampjun ta' produtturi esportaturi Ċiniżi u għalhekk kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Madankollu, l-ebda wieħed minnhom ma ppreżenta ruħu, u r-rappreżentattività tal-kampjun tal-produtturi esportaturi Ċiniżi ma ġietx ikkontestata. Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li kien hemm kunsens dwar il-kampjun propost u li l-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tax-xemgħat fir-RPĊ.

3.2.   Kapaċità tal-produttività tar-RPĊ

(49)

Informazzjoni preċiża dwar il-kapaċità tal-produzzjoni fil-pajjiż kollu u l-konsum domestiku tax-xemgħat fir-RPĊ mhijiex disponibbli pubblikament. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi investigati ma kien f'pożizzjoni li jipprovdu din l-informazzjoni. Fil-fatt, skont is-CEO ta' waħda mill-kumpaniji fil-kampjun, il-Viċi President ta' China Chemical Industry Candles Branch Association, l-Assoċjazzjoni ma tiġborx informazzjoni mingħand il-membri tagħha dwar produzzjoni u konsum fir-RPĊ.

(50)

Ir-rikorrenti sostnew fit-talba għar-rieżami tal-iskadenza, għalkemm mingħajr ma pprovdew ebda prova f'dan ir-rigward, li hemm kapaċità ta' produzzjoni mhux użata fir-RPĊ. Huma nnotaw li x-xemgħat għadhom suq niċċa fir-RPĊ u l-industrija tax-xemgħat Ċiniża hija prinċipalment orjentata lejn l-esportazzjoni. Ir-rikorrenti kkunsidraw li l-faċilitajiet ta' produzzjoni wieqfa baqgħu fil-parti l-kbira mhux użati u li jistgħu jiġu riattivati faċilment billi l-prerekwiżit huwa prinċipalment limitat għal aċċess għal xogħol li ma jeħtieġx sengħa u pitrolju. Fl-aħħar nett, huma appoġġaw dawn it-talbiet billi rreferew għall-konklużjonijiet ta' investigazzjoni (6) ta' analiżi sunset tal-Istati Uniti 2010 dwar il-miżuri tal-Istati Uniti dwar l-importazzjonijiet ta' xemgħat Ċiniżi.

(51)

F'dak li jirrigwarda r-rilevanza tal-allegata kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża mhux utilizzata, iż-żjarat ta' verifika tal-kumpaniji fil-kampjun wrew li dawn qed joperaw b'kapaċità ta' produzzjoni wieqfa ineżistenti jew negliġibbli minkejja l-eżistenza ta' dazji. Dan jindika li l-produtturi esportaturi Ċiniżi pjuttost aġġustaw għat-tnaqqis fid-domanda dinjija li jista' jiġi attribwit għall-kriżi finanzjarja. F'kull każ, l-imġiba tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal miżuri, li l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE naqsu matul il-perjodu kkunsidrat, jindika li bħalissa ma hemm l-ebda inċentiv li jattiva mill-ġdid il-faċilitajiet ta' produzzjoni li allegatament mhux qed jintużaw.

(52)

Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-Istati Uniti kontra xemgħat Ċiniżi, għandu jiġi nnutat li l-konklużjoni ta' hawn fuq intlaħqet fl-2010 u għalhekk mhijiex neċessarjament applikabbli għas-sitwazzjoni attwali.

(53)

Għaldaqstant, filwaqt li ma jistax jiġi eskluż li l-produzzjoni b'teknoloġija baxxa tista' tiġi attivata mill-ġdid f'perjodu qasir ta' żmien, huwa diffiċli li wieħed jikkonkludi b'ċertezza x'inhi l-firxa tal-kapaċità ta' riżerva disponibbli fir-RPĊ.

(54)

Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, parti waħda saħqet li l-Kummissjoni ma kisbitx informazzjoni preċiża dwar il-kapaċità tal-produzzjoni disponibbli fir-RPĊ u tenniet l-allegazzjonijiet imsemmija fil-premessa 50 hawn fuq, jiġifieri li l-produtturi ta' xemgħat huma numerużi fir-RPĊ u li l-faċilitajiet ta' produzzjoni li jiddependu fuq il-manodopera b'teknoloġija baxxa għadhom jeżistu u jistgħu jerġgħu jibdew jaħdmu malajr. Il-parti sostniet li din is-suppożizzjoni hija konsistenti mas-sejbiet tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti (US ITC) (7) fl-investigazzjoni tagħhom dwar xemgħat li joriġinaw mir-RPĊ.

(55)

Il-Kummissjoni ma tikkontestax li jista' jkun hemm kapaċità żejda fir-RPĊ u li l-produtturi Ċiniżi setgħu jżidu l-produzzjoni tagħhom. Mal-ewwel daqqa t'għajn, dan jidher li huwa possibbli fid-dawl tal-istruttura tal-industrija u l-fatt li xogħol b'ħiliet bażiċi jista' jiġi użat għall-produzzjoni ta' xemgħat. Madankollu, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja l-kompetizzjoni minn produtturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal miżuri, hija l-industrija tal-Unjoni li rnexxielha ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fis-suq tal-Unjoni u tikkonsolida s-sehem sostanzjali tas-suq tagħha matul il-perjodu kkunsidrat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-produtturi esportaturi verifikati li huma soġġetti għall-miżuri kienu għaddejjin fuq utilizzazzjoni ta' kapaċità għolja minkejja l-eżistenza ta' miżuri. F'dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-produtturi Ċiniżi vverifikati huma kampjun rappreżentattiv tal-industrija Ċiniża tax-xemgħat kollha. Fl-aħħar nett, erbgħa mill-ħames produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għall-miżuri ma bbenefikawx mill-vantaġġ kompetittiv tagħhom fil-konfront ta' produtturi oħra Ċiniżi u ma żiedux l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-UE, għalkemm dawn kienu allegatament f'pożizzjoni li faċilment jużaw faċilitajiet ta' produzzjoni b'teknoloġija baxxa li jeħtieġu biss xogħol bla sengħa.

(56)

Għandu jiġi nnutat ukoll li d-determinazzjoni mill-ITC 2010 tal-Istati Uniti li l-produtturi Ċiniżi għandhom il-kapaċità li jżidu l-kapaċità eżistenti u malajr hija prinċipalment ibbażata fuq suppożizzjoni magħmula minn National Candle Association li tmur kontra s-sejbiet ta' din l-investigazzjoni kif spjegat hawn fuq fil-premessi 49 sa 53. Għaldaqstant, jeħtieġ li din il-pretensjoni tiġi rifjutata.

(57)

Il-parti pprovdiet evidenza li allegatament tissostanzja l-eżistenza ta' kapaċità żejda. Il-parti saħqet ukoll li l-faċilitajiet tal-produzzjoni fit-Tajlandja u fil-Vjetnam x'aktarx se jirritornaw lejn ir-RPĊ meta d-dazji antidumping jiskadu.

(58)

L-evidenza li ngħatat mill-parti ma sostniet la l-eżistenza u lanqas id-daqs ta' kapaċità żejda fir-RPĊ. Barra minn hekk, l-istqarrija dwar ir-ritorn ta' faċilitajiet ta' produzzjoni ma kinitx sostanzjata bl-ebda mod.

3.3.   L-attrattività tas-suq tal-Unjoni

(59)

Ir-RPĊ konsistentement kienet esportatur kbir ta' xemgħat lejn is-suq dinji. F'termini ta' volum, is-suq tal-Unjoni huwa bil-kbir l-ewwel suq tal-esportazzjoni ta' xemgħat Ċiniżi, li jirrappreżenta 30 % tal-esportazzjonijiet totali Ċiniżi matul il-PIR. Anke wara l-impożizzjoni tad-dazji, l-Unjoni tibqa' s-suq ewlieni ta' esportazzjonijiet għar-RPĊ.

(60)

Filwaqt li tiġi nnutata l-importanza tal-livell tal-prezzijiet f'deċiżjonijiet ta' xiri tas-suq tax-xemgħat, b'mod partikolari għal prodotti standard bħalma huma tea lights u xemgħat pilastri, jeħtieġ li jiġi indikat li l-prezzijiet medji tal-esportazzjoni Ċiniża lejn swieq ta' pajjiżi terzi ewlenin tagħhom (pereżempju l-Awstralja, il-Kanada, il-Malasja, l-Istati Uniti, il-Ġappun u New Zealand) kienu ogħla mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni (8) matul il-PIR. Għalhekk, ma hemm l-ebda inċentiv ekonomiku għal produtturi esportaturi Ċiniżi li jidderieġu mill-ġdid l-esportazzjonijiet tagħhom lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati.

(61)

Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-imġiba fis-suq tal-kumpaniji Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal dazju, fejn il-prezz huwa ogħla minn dak tal-industrija tal-Unjoni, li jikkompetu direttament mal-industrija tal-Unjoni u li s-sehem mis-suq tagħhom naqas matul il-perjodu kkunsidrat, jidher li ma tantx huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi soġġetti għal dazji se jippruvaw iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni biex jiksbu sehem mis-suq biss.

(62)

Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, parti waħda sostniet li l-prezzijiet ta' esportazzjoni Ċiniżi lejn pajjiżi terzi u b'mod partikolari fis-suq Malasjan ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala rilevanti, peress li parti sinifikanti ta' dan il-kummerċ huwa allegatament destinat għas-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, din il-parti sostniet li l-miżuri ġew evitati.

(63)

Is-suppożizzjoni dwar is-suq Malasjan mhijiex ibbażata fuq evidenza verifikata, u li għaldaqstant ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, l-istatistika dwar l-importazzjonijiet disponibbli turi li l-volum tal-importazzjonijiet mill-Malasja naqas u bħalissa huwa negliġibbli. Madankollu, ta' min jinnota li, kif imsemmi fil-premessa 60 hawn fuq, il-prezz medju ta' esportazzjoni Ċiniż għal pajjiżi terzi inkluż il-Malasja huwa ogħla mill-prezz tal-Industrija tal-Unjoni. Għaldaqstant, anke jekk l-allegazzjoni ta' din il-parti kienet vera, dawn il-prezzijiet għoljin ma setgħux jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. L-evidenza pprovduta dwar forom oħra ta' evażjoni mhijiex konklużiva u ma taqbilx ma' statistika tal-importazzjonijiet disponibbli.

(64)

Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, parti waħda sostniet li l-paragun tal-prezzijiet ta' esportazzjoni Ċiniżi lejn swieq ta' pajjiżi terzi ewlenin tagħhom u l-prezz medju tal-produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni huwa irrilevanti peress li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-differenzi possibbli fit-taħlita tal-prodott.

(65)

Ta' min jinnota li l-parti ma ssostanzjatx il-pretensjoni tagħha u ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar kwistjonijiet possibbli ta' “taħlita tal-prodott” u karatteristiċi oħrajn li jistgħu jkunu rilevanti għal analiżi tal-prezzijiet. L-istatistiċi disponibbli juru esportazzjonijiet/importazzjonijiet ta' xemgħat taħt kodiċi NM wieħed u l-prezz medju peżat għal kull kilo jista' jinkiseb minn bażijiet ta' dejta tal-esportazzjonijiet/importazzjonijiet. Il-Kummissjoni tqis li l-prezz medju għal kull kilo jipprovdi l-aħjar sors ta' informazzjoni dwar il-livell ta' prezzijiet ta' importazzjoni/esportazzjoni li jista' jinkiseb għall-produtturi esportaturi fir-RPĊ.

(66)

Il-parti stqarret ukoll li erbgħa minn ħames produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri ma jikkompetux mal-industrija tal-Unjoni peress li huma ffokati fuq prodotti ta' kwalità għolja jew supplimentati tal-produzzjoni mill-kumpaniji prinċipali tagħhom fl-Unjoni. L-istess parti interessata sostniet ukoll li l-imġiba tal-produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri ftit li xejn huwa rilevanti għall-investigazzjoni ta' rieżami peress li ma titfax dawl fuq l-imġiba tal-esportaturi soġġetti għal dazji li kienu involuti f'dumping li huwa ta' ħsara qabel ma l-miżuri oriġinali ġew imposti fuq prodotti standardizzati li allegatament huwa l-parti tas-suq li se jkun l-aktar affettwat jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. Fl-aħħar nett, l-istess parti saħqet li qabel l-2011, il-volumi tal-importazzjoni ta' dawn il-kumpaniji ma tqisux.

(67)

Madankollu dawn l-indikazzjonijiet kkuntradixxew is-sejbiet tal-investigazzjoni. Fil-fattt, kif imsemmi fil-premessa 61 hawn fuq, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-analiżi tal-imġiba tal-produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri hija relevanti b'mod partikolari għall-analiżi rigward l-attrattività tas-suq tal-Unjoni. Kif rikonoxxut mill-parti stess, xi produtturi huma involuti fil-produzzjoni ta' prodotti standard u oħrajn fi prodotti ta' kwalità għolja. F'termini ta' volum, għandu jiġi mfakkar li erbgħa minn ħames kumpaniji mhux soġġetti għal miżuri ġew magħżula mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni oriġinali fuq il-bażi tal-akbar volum ta' esportazzjonijiet (9). Dan juri li dawn il-produtturi kienu qed jesportaw volumi kbar ta' prodotti lejn is-suq tal-Unjoni. Peress li l-ebda miżuri ma ġew imposti fuqhom huma ma kellhom l-ebda inċentiv, għall-kuntrarju ta' produtturi li huma soġġetti għall-miżuri, li jibdlu t-taħlita tal-prodott tal-esportazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, l-imġiba ta' dawn l-esportaturi tista' titqies bħala eżempju ta' mġiba futura probabbli ta' produtturi Ċiniżi li bħalissa huma soġġetti għal miżuri fir-rigward ukoll tas-segment tas-suq ikkaratterizzat minn produzzjoni standardizzata, jiġifieri pilastri u x-xemgħat tea-lights. Mindu bdiet l-impożizzjoni ta' miżuri definittivi, dawn il-produtturi esportaturi bbenefikaw minn vantaġġ kummerċjali sinifikanti meta mqabbla ma' prodotti soġġetti għal miżuri. Madankollu, instab li l-volum tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn tnejn minn ħames produtturi naqas b'mod sinifikanti; għal żewġ pajjiżi oħra, il-volum baqa' stabbli u għal wieħed mill-ħames produtturi biss il-volum ta' importazzjonijiet irdoppja minn żmien il-PI tal-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri mill-2007. Għalhekk, jista' jiġi konkluż li l-imġiba tal-ħames produtturi esportaturi soġġetti għal dażju żero tagħti stampa inkonklussiva dwar l-attrattività tas-suq tal-Unjoni, billi erba' minnhom ma bbenefikawx mill-pożizzjoni favorevoli tagħhom biex iżidu l-volum ta' esportazzjonijiet lis-suq tal-Unjoni.

(68)

Barra minn hekk, din il-parti ma provdietx evidenza li turi li l-prodotti mibjugħa fis-segment tas-suq tal-massa ta' volum kbir ta' prodotti għandhom jitqiesu differenti meta mqabbla ma' parti oħra tas-suq. Kif imsemmi fil-premessa 26 u spjegat fid-dettall fil-premessi 24 sa 30 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2008 (10) li jimponi miżuri antidumping provviżorji kif ukoll fil-premessi 22 sa 27 tar-Regolament (KE) Nru 393/2009, l-investigazzjoni wriet li l-prodott prodott u mibjugħ fis-suq domestiku Ċiniż u/jew esportat lejn l-Unjoni u l-prodott magħmul u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi u l-istess użi bażiċi. Barra minn hekk, l-investigazzjoni attwali tkopri l-ambitu sħiħ tal-miżura eżistenti u ma tistax tiffoka biss fuq parti ta' dan is-suq u tinjora sottosetturi oħra.

(69)

Għalhekk dawn it-talbiet għandhom jiġu rrifjutati.

3.4.   Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta' tkomplija ta' dumping

(70)

Fuq il-bażi ta' dan ta' hawn fuq, jista' jiġi konkluż li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE bħalissa taħt miżuri antidumping se jkomplu jiġu importati bi prezzijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Madankollu, jidher li ma tantx huwa probabbli li dawn l-esportazzjonijiet jerġgħu jseħħu fi kwantitajiet konsiderevoli.

D.   IS-SITWAZZJONI TAS-SUQ TAL-UNJONI

1.   Kummenti preliminari

(71)

Għall-iskop tal-analiżi tad-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u mikroekonomiċi. L-indikaturi makroekonomiċi għall-perjodu kkunsidrat ġew stabbiliti, analizzati u eżaminati fuq il-bażi tad-dejta pprovduta mill-industrija tal-Unjoni. L-indikaturi mikroekonomiċi ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura u vverifikata fil-livell tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun.

(72)

Fit-taqsimiet li ġejjin, l-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, stokks, il-volum tal-bejgħ, sehem is-suq u t-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, id-daqs reali tal-marġini ta' dumping u l-irkupru minn dumping preċedenti. L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet unitarji medji, il-kost tal-produzzjoni, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investiment, il-possibbiltà li jiżdied il-kapital u l-kostijiet tal-manodopera.

2.   L-industrija tal-Unjoni

(73)

Abbażi tad-dejta mogħtija fit-talba għal rieżami, ġie stabbilit li l-prodott simili huwa mmanifatturat minn għadd kbir ta' produtturi fl-Unjoni, li jinkludu bosta produtturi żgħar u ta' daqs medju. 26 produttur tal-Unjoni ipprovdew dejta ġenerali dwar il-volum tagħhom ta' produzzjoni u ta' bejgħ. Minħabba li ħafna produtturi fl-Unjoni, l-aktar l-intrapriżi ż-żgħar, ma kkooperawx fl-investigazzjoni, ma kienx possibbli li jkun iddefinit b'mod preċiż il-volum totali tal-produzzjoni tal-Unjoni u l-għadd ta' produtturi abbażi tad-dejta individwali tal-kumpaniji.

(74)

Konsegwentement, il-volum tal-produzzjoni tal-Unjoni ġie stmat billi ntużat l-informazzjoni pprovduta fit-talba għar-rieżami tal-iskadenza. Fuq dik il-bażi, il-produzzjoni totali tal-Unjoni kienet stmata li kienet madwar 400 000 tunnellata u n-numru totali ta' produtturi tal-Unjoni stmat għal madwar 170 matul il-PIR. Huma jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku u minn hawn 'il quddiem se jissejħu “l-industrija tal-Unjoni”.

(75)

Kif indikat fil-premessa 17 hawn fuq, seba' produtturi/gruppi ta' produtturi tal-Unjoni kienu fil-kampjun u pprovdew l-informazzjoni mitluba. Il-kumpaniji fil-kampjun huma stmati li jirrappreżentaw madwar 37 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni matul il-PIR.

3.   Konsum tal-Unjoni

(76)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi taċ-ċifri tal-bejgħ ivverifikati tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni, id-dejta pprovduta mir-rikorrenti fit-talba għal rieżami, id-dejta tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi u mir-RPĊ estratta minn Comext.

(77)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni baqa' fundamentalment stabbli. Madankollu ta' min jinnota li l-konsum fil-PIR huwa ferm inqas mil-livelli reġistrati matul il-perjodu ta' investigazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali meta l-konsum kien ta' madwar 577 000 tunnellata.

(78)

Fil-kumment tagħha għall-iżvelar, parti waħda sostniet li l-konsum tal-Unjoni kien stmat iżżejjed matul l-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, dik il-parti pparteċipat fl-investigazzjoni oriġinali u ma għamlet l-ebda pretensjoni bħal din f'dak iż-żmien. Din id-dikjarazzjoni għalhekk trid tiġi rrifjutata.

Tabella 1

Konsum

 

2011

2012

2013

PIR

Konsum (tunnellati)

439 478

403 608

429 046

443 906

Indiċi (2011 = 100)

100

92

98

101

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju, talba għal rieżami ta' skadenza, Comext

4.   Volum, prezzijiet u sehem mis-suq ta' importazzjonijet fl-Unjoni ta' oġġett ta' dumping mir-RPĊ

4.1.   Volum u sehem fis-suq

(79)

Il-volumi u s-sehem tas-suq tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping mir-RPĊ kienu analizzati abbażi ta' dejta statistika tal-importazzjonijiet disponibbli fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u dejta miġbura minn fuq TARIC (Tariffa Integrata tal-Unjoni Ewropea) fil-livell ta' kodiċi. Qed jiġi mfakkar li ħames produtturi esportaturi Ċiniżi kienu soġġetti għal dazju żero. Is-sitwazzjoni tagħhom hija eżaminata separatament bħala importazzjonijiet soġġetti għal dazju żero ta' hawn taħt.

(80)

Matul il-perjodu kkunsidrat l-importazzjonijiet oġġett ta' dumping lejn l-Unjoni żviluppaw f'termini ta' volumi u ishma mis-suq kif muri fit-tabella hawn taħt.

Tabella 2

Il-volum u l-ishma tas-suq ta' importazzjonijiet oġġett ta' dumping konċernati

 

2011

2012

2013

PIR

RPĊ

Volum ta' importazzjonijiet (tunnellati metriċi)

30 814

22 923

20 766

20 365

Indiċi (2011 = 100)

100

74

67

66

Sehem mis-suq fis-suq tal-Unjoni (%)

7,0

5,7

4,8

4,6

Indiċi (2011 = 100)

100

81

69

65

Is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi (%)

44

38

37

35

Indiċi (2011 = 100)

100

86

83

80

Is-sehem tal-importazzjonijiet kollha (%)

30

24

22

21

Indiċi (2011 = 100)

100

81

73

71

Sors: Bażi ta' dejta 14(6), u d-dejta tal-COMEXT

(81)

Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezz medju tal-importazzjonijiet mir-RPĊ żdied b'34 %. Huma rrappreżentaw 35 % tal-importazzjonijiet totali miċ-Ċina u 21 % tal-importazzjonijiet totali fis-suq tal-Unjoni matul il-PIR. Madankollu, is-sehem tagħhom tas-suq tal-Unjoni baqa' baxx madwar 4,6 %.

4.2.   Prezz

(82)

Il-prezz medju ta' importazzjonijiet Ċiniżi li kienu l-oġġett ta' dumping żdied b'24 % kif muri fit-tabella ta' hawn taħt:

Tabella 3

Prezzijiet ta' importazzjonijiet dumped

 

2011

2012

2013

PIR

RPĊ

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 708

3 301

3 272

3 352

Indiċi (2009 = 100)

100

122

121

124

Sors: Bażi ta' Dejta 14(6)

(83)

Iż-żieda fil-prezzijiet tista' tiġi spjegata mill-fatt li kien hemm bidla fit-taħlita tal-prodott tal-prodotti Ċiniżi esportati lejn is-suq tal-Unjoni. L-esportaturi Ċiniżi soġġetti għal miżuri esportaw prodotti ta' valur ogħla jew prodotti b'livell ogħla ta' karatteristika dekorattiva u kontenut aktar baxx ta' fjuwil, jiġifieri xemgħat ta' speċjalità. Dan ippermetta lill-produtturi Ċiniżi biex inaqqsu l-impatt tal-miżuri fis-seħħ u jippenetraw f'parti mis-suq fejn l-industrija tal-Unjoni hija inqas preżenti.

(84)

L-esportaturi li kienu soġġett għall-ogħla dazju kienu bażikament assenti mis-suq tal-Unjoni fil-PIR.

4.3.   It-twaqqigħ tal-prezz

(85)

Għall-finijiet tal-analiżi ta' twaqqigħ tal-prezz, il-medja differenzjata tal-prezzijiet ta' bejgħ għal kull tip ta' prodott tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati fuq livell ta' prezzijiet tal-fabbrika, kienu mqabbla mal-medja differenzjata tal-prezzijiet korrispondenti tal-importazzjonijiet ikkonċentrati lill-ewwel klijent indipendenti, stabbiliti fuq bażi ta' CIF b'aġġustament xieraq għal spejjeż ta' wara l-importazzjoni. It-tqabbil wera li matul il-PIR, l-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami ma waqqgħux il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Madankollu għandu jiġi nnutat li l-importazzjonijiet magħmula minn esportaturi soġġetti għal dazji antidumping huma prinċipalment xemgħat ta' speċjalità, iżda wkoll xemgħat standard biż-żieda ta' xogħol tal-idejn u dekorazzjonijiet, ġeneralment iktar għaljin mit-tipi ta' prodotti ewlenin prodotti mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri pilastri u xemgħat tea-lights.

(86)

Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, parti waħda sostniet li l-Kummissjoni għandha tagħmel distinzjoni bejn id-diversi tipi ta' prodotti li huma prodotti u mibjugħa fis-suq tal-Unjoni. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, il-produtturi Ċiniżi soġġetti għal dazji immodifikaw l-aġir tagħhom fis-suq u bdew jiffokaw fuq livelli għoljin tat-tipi tal-prodotti aktar għalja, bħal xemgħat imżejna u artistiċi, xemgħat bil-fwieħa u xemgħat fi ħġieġ billi l-prodotti ewlenin magħmula u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni jibqgħu xemgħat tea-light jew pilastri.

(87)

Barra minn dan, il-parti sostniet li għal tip ta' prodott speċifiku, jiġifieri xemgħat tea lights, fil-biċċa l-kbira bojod, mingħajr fwieħa, meqjusa bħala komparabbli għall-prodotti tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni sabet li l-produtturi esportaturi Ċiniżi kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni bi 6 %. Madankollu, kif imsemmi fil-premessa 85 hawn fuq, it-twaqqigħ tal-prezz ġie stabbilit billi tqabblu l-prezzijiet għat-tipi kollha tal-prodotti rrappurtati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, jiġifieri 26 tip ta' prodotti mat-tipi tal-prodotti irrappurtati mill-industrija tal-Unjoni. Tabilħaqq, l-investigazzjoni preżenti ma tistax tillimita lilha nnifisha għal tip ta' prodott wieħed partikolari. Għall-kuntrarju, jeħtieġ li jiġi analizzat il-prodott li qed jiġi rivedut kollu kemm hu. Għalhekk, huma biss ir-riżultati ta' din l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodott ikkonċernat bħala ħaġa sħiħa huma rilevanti għall-finijiet ta' din l-investigazzjoni.

(88)

L-investigazzjoni oriġinali diġà ġibdet l-attenzjoni li hemm varjetà kbira ta' tipi ta' prodotti disponibbli fis-suq tal-Unjoni (11) u li għalkemm il-produtturi tal-Unjoni setgħu jipproduċu t-tipi kollha ta' xemgħat kienu aktar iffukati fuq il-produzzjoni ta' tipi ta' xemgħat standard bħal tea lights u pilastri. Madankollu, l-istituzzjonijiet ikkonkludew fl-investigazzjoni oriġinali (12) li xemgħat prodotti fir-RPĊ u esportati lejn l-Unjoni u x-xemgħat magħmula u mibjugħa fir-RPĊ u dawk prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni kellhom jiġu kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens tar-Regolament bażiku.

(89)

Kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni tikkonferma li analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz jqis il-fatt li jeżistu diversi tipi ta' xemgħat fis-suq. It-tqabbil tal-prezzijiet hija għalhekk magħmula fuq il-bażi ta' tipi ta' prodotti identiċi jew simili kif kien il-każ fl-investigazzjoni oriġinali (13). Għal dan l-għan, in-numri ta' kontroll tal-prodott (PCN) huma maħluqa għal diversi tipi ta' xemgħat eżistenti fis-suq u l-paragun tal-prezz isir abbażi tal-istess PCN.

(90)

L-investigazzjoni wriet li l-ebda twaqqigħ tal-prezz ma nstab li kien jeżisti għal produtturi esportaturi Ċiniżi fil-kampjun, meta wieħed iħares lejn l-ambitu sħiħ tal-prodott taħt rieżami.

(91)

Għandu jiġi enfasizzat li t-twaqqigħ tal-prezz għandu jiġi kkalkulat u vvalutat għal firxa sħiħa ta' prodott simili, għalhekk l-allegazzjoni li t-twaqqigħ tal-prezz li nstab fuq PCN wieħed għandu jkun meqjus bħala konklussiv għar-riżultati globali tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, għandu jiġi miċħud.

5.   Volum, prezzijiet u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet soġġetti għal rata ta' dazju żero mir-RPĊ

(92)

Matul il-perjodu meqjus, il-volum ta' importazzjonijiet soġġetti għal dazju żero fl-Unjoni żviluppa kif ġej:

Tabella 4

Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet soġġetti għal rata ta' dazju żero kkonċernati

 

2011

2012

2013

PIR

RPĊ

Volum ta' importazzjonijiet (tunnellati metriċi)

38 744

37 584

35 877

37 197

Indiċi (2011 = 100)

100

97

93

96

Sehem mis-suq (%)

8,8

9,3

8,4

8,4

Indiċi (2011 = 100)

100

106

95

95

Is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi (%)

56

62

63

65

Indiċi (2011 = 100)

100

112

114

116

Is-sehem tal-importazzjonijiet kollha (%)

37

39

38

39

Indiċi (2011 = 100)

100

106

101

103

Sors: Bażi ta' dejta 14(6), u d-dejta tal-Comext

(93)

Il-volum ta' importazzjonijiet soġġetti għal dazju żero mir-RPĊ naqas b'4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Huma jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet Ċiniżi, li jammontaw għal żewġ terzi tal-importazzjonijiet matul il-PIR. L-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni matul din l-investigazzjoni, wriet li l-bejgħ ta' dawn il-produtturi esportaturi kopra l-prodott simili fit-totalità tiegħu u għalhekk ukoll f'kompetizzjoni ma' tipi ewlenin tal-industrija tal-UE (jiġifieri xemgħat tea-lights jew pilastri). Din il-konklużjoni hija kkorroborata mis-sejbiet imsemmija fil-premessa 67 ta' dan ir-Regolament.

(94)

Matul il-perjodu kkonsidrat il-prezzijiet tal-importazzjonijiet soġġetti għal dazju żero mir-RPĊ tal-prodott investigat żdiedu b'13 % u kienu ogħla mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

Tabella 5

Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet soġġetti għal dazju żero

 

2011

2012

2013

PIR

RPĊ

Prezz medju (EUR/tunnellata)

2 171

2 536

2 462

2 452

Indiċi (2009 = 100)

100

116,8

113,4

113,0

Sors: Bażi ta' Dejta 14(6)

6.   Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

(95)

It-tabella ta' hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 6

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn

 

2011

2012

2013

PIR

Volum ta' importazzjonijiet (tunnellati metriċi)

34 084

34 647

38 388

38 924

Indiċi (2011 = 100)

100

102

113

114

Il-prezz EUR/tunnellata metrika

3 131

3 445

3 470

3 412

Indiċi (2011 = 100)

100

110,0

110,8

109,0

Sehem mis-suq (%)

7,8

8,6

8,9

8,8

Indiċi (2011 = 100)

100

111

115

113

Sors: Comext

(96)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra żdiedu bejn l-2011 u l-PIR bi 13 %, u b'hekk iżidu s-sehem tas-suq tagħhom fuq il-konsum totali b'punt perċentwali ta' 1, jiġifieri minn 7,8 % għal 8,8 %. Il-prezzijiet żdiedu b'9 % matul l-istess perjodu.

7.   Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(97)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha li għandhom x'jaqsmu mal-istat tal-industrija tal-Unjoni.

(98)

Kif imsemmi fil-premessi 71 u 72, għall-fini tal-analiżi tad-dannu, is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni hija vvalutata abbażi ta' tali indikaturi bħall-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-utilizzazzjoni tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u t-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività, il-kobor tal-marġini effettiv tad-dumping u l-irkupru mid-dumping preċedenti, il-prezzijiet medji tal-bejgħ, prezz tal-unità, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jiżdied il-kapital, l-istokks u l-kostijiet tal-manodopera.

7.1.   Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità

(99)

It-tabella ta' hawn taħt turi li l-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żviluppat b'konformità mal-konsum matul il-perjodu kkunsidrat.

Tabella 7

Produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni

 

2011

2012

2013

PIR

Produzzjoni (tunnellati mettriċi)

397 824

345 484

385 992

413 079

Indiċi (2011 = 100)

100

87

97

104

Sors: tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

(100)

Il-kapaċità tal-produzzjoni żdiedet b'mod stabbli matul il-perjodu meqjus u l-użu tal-kapaċità baqa' fil-biċċa l-kbira stabbli matul l-istess perjodu.

Tabella 8

Il-produzzjoni, il-kapaċità u l-użu tal-kapaċità

 

2011

2012

2013

PIR

Kapaċità tal-produzzjoni (tunnellati mettriċi)

677 422

696 014

721 898

726 768

Indiċi (2011 = 100)

100

103

107

107

Utilizzazzjoni tal-kapaċità (%)

59

50

53

57

Indiċi (2011 = 100)

100

85

91

97

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

7.2.   Volum ta' bejgħ, sehem mis-suq u tkabbir

(101)

Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 3 % bejn l-2011 u l-PIR, li huwa rifless f'żieda tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

Tabella 9

Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati

 

2011

2012

2013

PIR

Volum (tunnellati)

335 788

308 404

333 961

347 421

Indiċi (2011 = 100)

100

92

99

103

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

(102)

Iż-żieda fil-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni huwa rifless f'żieda fis-sehem tas-suq tal-industrija tal-Unjoni li jindika li l-industrija kabbret ftit il-preżenza tagħha fis-suq.

Tabella 10

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u tkabbir

 

2011

2012

2013

PIR

Sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni (%)

76

76

78

78

Indiċi (2011 = 100)

100

100

102

102

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

7.3.   L-impjiegi

(103)

L-investigazzjoni wriet li l-impjiegi segwew xejra pożittiva wara żieda fil-produzzjoni. Dan wassal għall-impjieg ta' forza tax-xogħol addizzjonali. Billi ż-żieda relattiva fl-impjiegi kienet ogħla minn dik tal-produzzjoni, tnaqqis temporanju ta' produttività kkalkulat bħala l-produzzjoni f'tunnellati għal kull persuna impjegata, għal kull sena seħħew.

Tabella 11

L-impjiegi u l-produttività

 

2011

2012

2013

PIR

Għadd ta' impjegati

5 727

5 697

6 008

6 275

Indiċi (2011 = 100)

100

99

105

110

Produttività (unità/impjegat)

69

61

64

66

Indiċi (2011 = 100)

100

87

92

95

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju u talba għal rieżami

7.4.   Id-daqs tal-marġini ta' dumping effettiv u l-irkupru mid-dumping preċedenti

(104)

Kif indikat fil-premessa 45 ta' hawn fuq, il-marġni ta' dumping medju stabbilit għar-RPĊ baqa' għoli matul il-PIR. Madankollu, analiżi tal-indikaturi tad-dannu provdiet evidenza li l-industrija rkuprat minn prattiki preċedenti ta' dumping.

7.5.   Prezzijiet medji tal-bejgħ fis-suq tal-Unjoni u kostijiet unitarji tal-produzzjoni

(105)

Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta' unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni żdied b'7 % mill-2011 sa tmiem il-PIR. Il-medja tal-kostijiet tal-produzzjoni żdiedet ukoll, iżda biss b'4 %, prinċipalment minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-materja prima u l-ispejjeż tax-xogħol.

Tabella 12

Prezzijiet tal-bejgħ u l-kostijiet

 

2011

2012

2013

PIR

Prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (EUR/tunnellata)

2 194

2 384

2 390

2 341

Indiċi (2011 = 100)

100

109

109

107

Kost għal kull unità tal-produzzjoni (EUR/tunnellata metrika)

2 118

2 340

2 254

2 198

Indiċi (2011 = 100)

100

110

106

104

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

7.6.   Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-abbiltà li jiżdied il-kapital

(106)

Matul il-perjodu kkunsidrat, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-ħila li jżidu l-kapital tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej:

Tabella 13

Il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redittu fuq l-investiment

 

2011

2012

2013

PIR

Profitabbiltà (%)

3,4

1,8

5,7

6,1

Indiċi (2011 = 100)

100

53

165

177

Fluss tal-flus

7 563 810

22 279 510

20 303 703

20 432 048

Indiċi (2011 = 100)

100

295

268

270

L-investimenti

19 981 640

15 994 425

13 007 612

19 924 243

Indiċi (2011 = 100)

100

80

65

100

Redditu fuq l-investimenti (%)

1,8

– 0,5

4,8

5,4

Indiċi (2011 = 100)

100

– 26,9

271,2

304,2

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

(107)

Il-profittabilità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kienet stabbilita billi ġie espress il-profitt qabel it-taxxa mill-bejgħ fuq bażi ex works tal-prodott investigat lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta' dak il-bejgħ. Il-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun kienu profittabbli matul il-perjodu meqjus. Il-livelli ta' profittabilità qatt ma laħqu l-profitt immirat ta' 6,5 %, li l-industrija setgħet tistenna li tikseb f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, fin-nuqqas ta' importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping. Dan il-profitt fil-mira kien stabbilit ukoll fl-investigazzjoni oriġinali.

(108)

L-industrija tal-Unjoni rnexxielha tibqa' finanzjarjament soda kif muri mill-iżvilupp ta' fluss ta' flus kontanti matul il-perjodu meqjus, li jippermettilha parzjalment autofinanzjament ta' investimenti ġodda. Il-livell tal-investimenti żdied b'aktar mid-doppju meta mqabbel mal-livelli tal-industrija tal-Unjoni matul il-PI tal-investigazzjoni oriġinali (jiġifieri fl-2007). Dan jindika li l-industrija għandha l-kapaċità li tiġbor il-kapital meħtieġ.

(109)

Ir-redditu fuq l-investiment ukoll irkupra u jirrifletti fil-biċċa l-kbira l-iżviluppi fil-profittabbiltà matul il-perjodu meqjus.

7.7.   L-istokkijiet

(110)

Inventarji baqgħu fil-biċċa l-kbira stabbli matul il-perjodu meqjus li jirrappreżenta bejn 16 % u 17 % tal-produzzjoni tal-kumpaniji fil-kampjun. Dan l-istokk għoli b'mod relattiv, għalkemm f'livell aktar baxx milli fl-investigazzjoni oriġinali, jista' jiġi spjegat permezz tal-istaġjonalità tal-prodott taħt rieżami u huwa marbut ukoll mal-istrateġija tal-bejjiegħa bl-imnut biex jiksbu l-ħtiġijiet tagħhom skont kif meħtieġ.

Tabella 14

Stokk tal-għeluq

 

2011

2012

2013

PIR

Stokk tal-għeluq (tunnellati metriċi)

25 392

22 404

23 333

24 493

Indiċi (2011 = 100)

100

88

92

96

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

7.8.   Il-kostijiet tal-manodopera

(111)

Il-medja tal-ispiża tax-xogħol tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żdiedet b'6 % matul il-perjodu meqjus.

Tabella 15

Il-kostijiet tal-manodopera

 

2011

2012

2013

PIR

Spejjeż medji tal-manodopera għal kull impjegat (EUR)

20 769

20 939

21 351

21 966

Indiċi (2011 = 100)

100

101

103

106

Sors: Tweġibiet għall-kwestjonarju

8.   Konklużjoni dwar is-sitwazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(112)

Is-sejbiet tal-investigazzjoni attwali jwasslu għall-konklużjoni li l-qagħda ekonomika tal-industrija tal-Unjoni wriet sinjali ta' rkupru matul il-perjodu kkunsidrat. Għadd ta' indikaturi bħall-volum tal-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-prezzijiet tal-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-impjiegi żviluppaw b'mod pożittiv. Barra minn hekk, l-indikaturi tal-prestazzjoni bħall-profitabbiltà u l-likwidità irkupraw ukoll. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-industrija tal-Unjoni ma ġarrbitx ħsara materjali matul il-perjodu kkunsidrat u b'mod partikolari matul il-PIR.

E.   IL-PROBABBILTÀ LI D-DANNU JERĠA' JSEĦĦ

1.   Kumment preliminari

(113)

Kif muri hawn fuq fil-premessa 112, l-industrija tal-Unjoni ma sofrietx ħsara materjali matul il-PIR. Għalhekk, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, għalhekk ġie eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ hux probabbli li tirriżulta f'rikorrenza ta' ħsara. F'dan ir-rigward, l-impatt potenzjali tal-importazzjonijiet Ċiniżi fuq is-suq tal-Unjoni u l-industrija tal-Unjoni kien analizzat.

(114)

L-analiżi ffokat fuq ix-xejra tal-konsum tas-suq tal-Unjoni, il-kapaċità żejda, il-flussi tal-kummerċ u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni, l-imġiba tal-prezzijiet tal-produtturi Ċiniżi kollha kemm fl-UE kif ukoll fi swieq terzi.

2.   Il-konsum fl-Unjoni

(115)

L-investigazzjoni wriet li l-konsum tal-Unjoni baqa' fundamentalment stabbli u li l-prodott ikkonċernat jiġi importat lejn is-suq tal-Unjoni f'firxa wiesgħa ta' tipi ta' prodotti. Matul il-perjodu kkunsidrat il-prezz medju tal-importazzjoni ta' oġġett ta' dumping naqas b'34 %. Fl-istess ħin, l-importazzjonijiet minn kumpaniji Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal miżuri naqas, jiġifieri b'4 %.

3.   Il-kapaċità żejda, il-flussi tal-kummerċ u l-ġibda tas-suq tal-Unjoni, u l-imġiba tal-prezzijiet tal-esportaturi Ċiniżi

(116)

Kif imsemmi hawn fuq fil-premessi 49 sa 58 hawn fuq, ma hemm l-ebda evidenza li hemm xi produzzjoni sostanzjali li ma tintużax jew kapaċità żejda fir-RPĊ. B'żieda ma' dan, is-suq tal-Unjoni ma jidhirx li hu partikolarment attraenti għall-esportaturi Ċiniżi, minkejja d-daqs tiegħu. Għalkemm is-sehem fl-importazzjonijiet Ċiniżi lejn l-Unjoni huwa l-akbar wieħed, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi lejn l-Unjoni huma ogħla mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Dan japplika wkoll b'mod speċifiku għall-prezzijiet eżerċitati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal miżuri, li jikkompetu aktar b'mod dirett mal-produzzjoni tal-Unjoni u fejn il-kompetizzjoni ssir kważi esklussivament fuq il-prezz. Dawn l-esportaturi Ċiniżi komplew ibigħu kwantitajiet simili jew anke aktar baxxi lejn is-suq tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat u ma ppruvawx jiksbu sehem mis-suq. B'żieda ma' dan, kif imsemmi fil-premessa 61 hawn fuq, il-prezz medju ta' esportazzjoni Ċiniż għal pajjiżi terzi huwa ogħla mill-prezz tal-Industrija tal-Unjoni. Għalhekk, il-produtturi esportaturi Ċiniżi ma jidhrux li għandhom it-tentazzjoni li jidderieġu mill-ġdid l-esportazzjonijiet tagħhom lejn pajjiżi terzi lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati.

(117)

Fil-kummenti tagħha dwar l-iżvelar, parti waħda sostniet li s-suq tal-Unjoni huwa l-akbar suq miftuħ għal xemgħat fid-dinja u għalhekk mhuwiex plawżibbli li jsostnu li s-suq tal-Unjoni ma jkunx wieħed attraenti jekk il-miżuri jiġu revokati. Barra minn hekk, il-parti issostni li l-esportaturi Ċiniżi joffru diversi skemi ta' evażjoni u li, mindu nħareġ l-iżvelar, produtturi u kummerċjanti Ċiniżi tax-xemgħat bagħtu bosta offerti lil kummerċjanti u produtturi Ewropej. Dan kollu ta' hawn jista' jipprova li s-suq tal-Unjoni jibqa' attraenti għall-esportaturi Ċiniżi.

(118)

Madankollu, l-analiżi tal-evoluzzjoni matul l-aħħar ħames snin ta' importazzjonijiet li joriġinaw mill-produtturi esportaturi mhux soġġetti għal miżuri wriet li l-volum tal-importazzjonijiet tagħhom ma għandhomx jiżdiedu b'mod sinifikanti minħabba l-impożizzjoni ta' miżuri. Barra minn hekk, erbgħa minn ħamsa minn dawn il-produtturi esportaturi esperjenzaw tnaqqis fil-bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni meta mqabbla mal-PI tal-investigazzjoni oriġinali. Produttur esportatur wieħed biss żied l-esportazzjonijiet tiegħu lejn l-Unjoni matul dak il-perjodu. Għaldaqstant, il-biċċa l-kbira tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li mhumiex soġġetti għal miżuri ma jibbenefikawx minn vantaġġ kummerċjali tagħhom meta mqabbla ma' produtturi esportaturi Ċiniżi soġġetti għal dazju li jżidu l-volum tal-bejgħ tagħhom. Minkejja evidenza aneddottali dwar l-eżistenza ta' offerti magħmula minn negozjanti, l-evidenza disponibbli kif deskritt fil-premessi 59 sa 69 ta' dan id-dokument turi li s-suq tal-Unjoni ma jidhirx li huwa partikolarment attraenti.

4.   Konklużjoni

(119)

Fid-dawl tas-sejbiet tal-investigazzjoni, jiġifieri xejriet ewlenin tal-konsum fis-suq tal-Unjoni, l-imġiba tas-suq tal-produtturi esportaturi Ċiniżi mhux soġġetti għal miżuri, il-livell tal-prezz ta' esportazzjonijiet Ċiniżi lejn pajjiżi terzi u l-attrattività moderata tas-suq Ewropew, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma hemmx probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara lill-industrija tal-Unjoni kieku l-miżuri eżistenti jiġu revokati.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(120)

Peress li ġie konkluż li mhemmx probabbiltà ta' rikorrenza ta' ħsara, l-ebda konklużjoni tal-interess tal-Unjoni mhija neċessarja.

G.   MIŻURI ANTIDUMPING

(121)

Il-partijiet kollha ġew infurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rakkomandat li l-miżuri eżistenti jiġu rrevokati. Ingħataw ukoll perjodu biex jissottomettu kummenti wara dik id-divulgazzjoni. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kien xieraq.

(122)

Minn dan isegwi li, kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom li joriġinaw mir-RPĊ, imposti mir-Regolament (KE) Nru 393/2009, għandhom jitħassru u l-proċediment għandu jiġi terminat.

(123)

Il-Kumistat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 ma tax opinjoni dwar it-tħassir tal-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom li bħalissa jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 3406 00 00 (kodiċi TARIC 3406 00 00 90) li joriġinaw mir-Repubblika Tal-Poplu taċ-Ċina huma b'dan revokati u l-proċediment li jikkonċerna dawn l-importazzjonijiet huwa mitmum.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Awwissu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 393/2009 tal-11 ta' Mejju 2009 li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandeletti u prodotti simili li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 119, 14.5.2009, p. 1).

(3)  Notifika ta' skadenza imminenti ta' ċerti miżuri ta' antidumping (ĠU C 270, 19.9.2013, p. 11).

(4)  Notifika ta' bidu ta' rieżami ta' skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta' ċerti xemgħat, kandiletti u bħalhom li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU C 144, 14.5.2014, p. 14).

(5)  GIES, Promol u Liljeholmens huma parti mill-grupp ALG (ALG Holding A.B.).

(6)  L-investigazzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, dwar “Petroleum Wax Candles from China”, Nru. 731-TA- 282 (It-Tielet Reviżjoni).

(7)  L-investigazzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti, dwar “Petroleum Wax Candles from China”, Nru. 731-TA- 282 (it-Tielet reviżjoni), paġna 14.

(8)  Dejtabase COMTRADE, http://comtrade.un.org/data/

(9)  Il-Premessa 38 tar-Regolament (KE) Nru 1130/2008 kif ikkonfermat fil-premessa 28 tar-Regolament (KE) Nru 393/2009.

(10)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1130/2008 tal-14 ta' Novembru 2008 li jimponi dazju proviżorju antidumping fuq l-importazzjoni ta' ċerti xemgħat, kandiletti u oġġetti simili li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 306, 15.11.2008, p. 22).

(11)  Il-Premessa 18 tar-Regolament (KE) Nru 1130/2008, ikkonfermata mill-premessa 21 tar-Regolament (KE) Nru 393/2009.

(12)  Il-premessa 27 tar-Regolament (KE) Nru 393/2009.

(13)  Il-Premessa 106 tar-Regolament (KE) Nru 1130/2008, ikkonfermata mill-premessa 88 tar-Regolament (KE) Nru 393/2009.