|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1023 |
11.5.2026 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1023
tat-8 ta’ Mejju 2026
li tistabbilixxi programm ta’ skambju ta’ persunal tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri b’għarfien espert fil-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta' regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 130(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament (UE) 2017/625 jipprevedi qafas komprensiv għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari. |
|
(2) |
Il-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni huma element ewlieni fl-iżgurar ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, tal-benessri tal-annimali u tal-ambjent, kif ukoll tal-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. |
|
(3) |
In-numru ta’ kunsinni ta’ annimali u oġġetti li jidħlu fl-Unjoni minn postijiet ta’ kontroll fil-fruntiera żdied, filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra joperaw b’riżorsi limitati. Sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ sikurezza alimentari u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimal u tal-pjanti, tal-benessri tal-annimali u tal-ambjent, huwa neċessarju li titjieb l-effiċjenza ta’ dawk l-attivitajiet, fosthom billi jiġu ottimizzati l-metodi ta’ ħidma u l-approċċi bbażati fuq ir-riskju, u b’hekk aktar kunsinni jkunu jistgħu jiġu kontrollati bl-istess riżorsi. Programmi ta’ skambju tal-persunal bejn l-awtoritajiet kompetenti huwa mod effiċjenti għall-promozzjoni tat-tagħlim reċiproku u tat-tixrid tal-aqwa prattiki u soluzzjonijiet prattiċi madwar l-Unjoni. |
|
(4) |
Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit programm għall-iskambju ta’ persunal bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni (“il-Programm”), sabiex tiżdied il-konsistenza u l-effiċjenza ta’ dawn il-kontrolli u attivitajiet fil-postijiet ta’ kontroll fil-fruntiera billi titjieb il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u tiġi faċilitata l-identifikazzjoni ta’ sfidi komuni u l-aqwa prattiki fl-organizzazzjoni ta’ dawk il-kontrolli u l-attivitajiet. |
|
(5) |
Jenħtieġ li l-parteċipanti fil-Programm jirraportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet u l-esperjenza tagħhom minn dawk l-attivitajiet. Dawn ir-rapporti jenħtieġ li jipprovdu osservazzjonijiet operazzjonali u msejsa fuq l-evidenza dwar l-isfidi komuni u l-prattiki tajba tal-awtoritajiet kompetenti. Jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp ta’ gwida u, fejn xieraq, għat-tħejjija ta’ miżuri ta’ segwitu bl-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti u titjieb l-applikazzjoni konsistenti tal-kontrolli uffiċjali biex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar l-ikel u l-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, u s-saħħa tal-pjanti. |
|
(6) |
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u trasparenti tal-Programm, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-organizzazzjoni u l-finanzjament tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni u r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-esperti nazzjonali li jipparteċipaw, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. |
|
(7) |
Biex tkun żgurata fiduċja reċiproka u kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti u biex jiġi żgurat li l-parteċipanti fil-Programm ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni neċessarja, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni miksuba matul il-parteċipazzjoni fil-Programm. |
|
(8) |
Sabiex jiġi żgurat l-użu proporzjonat tar-riżorsi, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Programm jopera għal perjodu ta’ 3 snin, billi dan huwa suffiċjenti biex jinkisbu l-objettivi tiegħu. |
|
(9) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment u objettivi ta’ programm għall-iskambju ta’ persunal
1. Programm għall-iskambju ta’ persunal bejn l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni (“il-Programm”) huwa stabbilit.
2. L-għan tal-Programm hu li jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien, l-esperjenzi u l-aqwa prattiki fost l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni.
3. Il-Programm għandu jaħdem favur l-objettivi li ġejjin:
|
(a) |
jappoġġa l-effiċjenza u l-konsistenza tal-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni; |
|
(b) |
isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tal-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni; |
|
(c) |
jikkontribwixxi għall-elaborazzjoni u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet prattiċi għat-titjib tal-kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni. |
Artikolu 2
Attivitajiet tal-Programm
L-attivitajiet tal-Programm għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:
|
(a) |
sekondar fuq terminu qasir ta’ esperti nazzjonali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni; |
|
(b) |
żjarat kollaborattivi tal-esperti nazzjonali fil-postijiet ta’ kontroll fil-fruntiera jew f’siti rilevanti oħra; |
|
(c) |
l-għoti ta’ għarfien espert speċjalizzat, appoġġ lill-pari u konsulenza fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-kontrolli uffiċjali, inkluż djalogu orjentat lejn is-soluzzjonijiet u l-iffaċilitar ta’ skambju ta’ għarfien neċessarju għall-implimentazzjoni konsistenti tal-kontrolli uffiċjali; |
|
(d) |
rapporti lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet mill-attivitajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c), bl-għan li jiġu identifikati l-isfidi komuni, jiġu dokumentati l-prattiki tajba, u jsir kontribut għall-iżvilupp u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet prattiċi li jtejbu l-kwalità u l-effiċjenza tal-kontrolli uffiċjali; |
|
(e) |
laqgħat relatati mal-attivitajiet tal-Programm. |
Artikolu 3
Stabbiliment ta’ Grupp ta’ Esperti u sħubija
1. Grupp ta’ esperti tal-Unjoni Ewropea dwar il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet (“il-Grupp ta’ Esperti”) huwa stabbilit bħala l-korp operazzjonali tal-Programm.
2. Il-Kummissjoni għandha titlob lill-Istati Membri biex jipproponu lista ta’ esperti nazzjonali biex jipparteċipaw fil-Programm bħala membri tal-Grupp ta’ Esperti. L-esperti nazzjonali għandhom ikunu impjegati maċ-ċivil jew impjegati tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra fuq l-annimali u l-oġġetti li jidħlu fl-Unjoni fil-postijiet ta’ kontroll fil-fruntiera, u għandu jkollhom l-għarfien espert meħtieġ fil-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra, b’mod partikolari fl-oqsma tas-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti u s-sikurezza alimentari.
3. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-proposti u taħtar il-membri tal-Grupp ta’ Esperti abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenzi tagħhom fl-oqsma rilevanti ta’ għarfien espert.
Artikolu 4
Organizzazzjoni tal-Grupp ta’ Esperti
1. Il-Grupp ta’ Esperti għandu jkun ġestit u kkoordinat mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Grupp ta’ Esperti jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Programm, billi jħejji u jiġġestixxi l-iskeda tal-attivitajiet, inklużi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti, u billi jiddefinixxi l-kontenut u l-enfasi speċifika ta’ kull waħda minn dawn l-attivitajiet.
2. L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-arranġamenti nazzjonali, jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-membri tal-Grupp ta’ Esperti fl-attivitajiet tal-Programm u għandhom jikkoperaw mal-Kummissjoni u mal-Istati Membri l-oħra fl-organizzazzjoni u t-twettiq taż-żjarat kollaborattivi u tal-attivitajiet fuq il-post.
Artikolu 5
Obbligi tal-membri tal-Grupp ta’ Esperti
Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti għandhom:
|
(a) |
ikunu disponibbli bi preavviż qasir biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Programm; |
|
(b) |
jikkonformaw mal-obbligu tas-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni miksuba matul il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-Programm. |
Artikolu 6
Terminazzjoni tas-sħubija fil-Grupp ta’ Esperti
Il-Kummissjoni tista’ tittermina s-sħubija fil-Grupp ta’ Esperti fi kwalunkwe mill-każijiet li ġejjin:
|
(a) |
il-membri ma jibqgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), it-tieni sentenza; |
|
(b) |
il-membri ma jikkonformawx mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5; |
|
(c) |
il-membri jesprimu x-xewqa li jirriżenjaw mill-Grupp ta’ Esperti. |
Artikolu 7
Indennizz
1. Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti għandhom ikunu intitolati għall-indennizz għall-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Programm, inklużi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti, kif previst fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti għandhom ikunu esperti mhux remunerati skont it-tifsira tal-Artikolu 243 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).
3. Il-Kummissjoni tista’ taġġusta l-indennizz imsemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 8
Spejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza
L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza mġarrba mill-membri tal-Grupp ta’ Esperti għall-parteċiapzzjoni tagħhom fl-attivitajiet tal-Programm, inklużi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti, għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rimborżati fi ħdan il-limiti tal-approprjazzjonijiet allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-14 ta’ Mejju 2029.
Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2026.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/625/oj.
(2) Ir-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).
ANNESS
Indennizz imsemmi fl-Artikolu 7
Il-membri tal-Grupp ta’ Esperti għandhom ikunu intitolati għal indennizz kif ġej:
|
(a) |
EUR 450 għal kull jum sħiħ ta’ parteċiapzzjoni tagħhom f’attività tal-Programm, inklużi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti; |
|
(b) |
EUR 225 għal kul nofstanhar ta’ parteċiapzzjoni tagħhom f’attività tal-Programm, inklużi l-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti. |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/1023/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)