7.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1668

tas-26 ta’ Ġunju 2019

li jemenda d-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/1629 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, li temenda d-Direttiva 2009/100/KE u li tħassar id-Direttiva 2006/87/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1), (3) u (4) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva (UE) 2016/1629 introduċiet sistema armonizzata għall-ħruġ ta’ ċertifikati tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li kkonformaw mar-rekwiżiti tekniċi unifikati.

(2)

L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jistabbilixxi li r-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stipulati fl-istandard ES-TRIN 2017/1.

(3)

Jenħtieġ li l-azzjoni mill-Unjoni fis-settur tan-navigazzjoni interna jkollha l-għan li tiżgura l-uniformità fl-iżvilupp tar-rekwiżiti tekniċi għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni li jridu jiġu applikati fl-Unjoni.

(4)

Il-Kumitat Ewropew għat-tfassil ta’ standards fin-navigazzjoni interna (“CESNI”) inħoloq fit-3 ta’ Ġunju 2015 fil-qafas tal-Kummissjoni Ċentrali għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu (“CCNR”) biex jiżviluppa standards tekniċi għall-passaġġi fuq l-ilma interni f’diversi oqsma, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-bastimenti, it-teknoloġija tal-informazzjoni u l-ekwipaġġ.

(5)

Fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta’ Novembru 2018, is-CESNI adotta Standard Ewropew ġdid li jistabbilixxi r-Rekwiżiti Tekniċi għall-bastimenti tan-Navigazzjoni Interna, l-istandard ES-TRIN 2019/1 (2).

(6)

L-istandard ES-TRIN jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi uniformi meħtieġa biex jiżguraw is-sikurezza tal-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni. Dan jinkludi dispożizzjonijiet fir-rigward tal-bini tal-bastimenti, l-armar u t-tagħmir għall-bastimenti tal-passaġġi fuq l-ilma interni, dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kategoriji speċifiċi ta’ bastimenti bħal bastimenti tal-passiġġieri, konvojs imbuttati u bastimenti tal-kontejners, dispożizzjonijiet fir-rigward tat-tagħmir tas-sistema ta’ identifikazzjoni awtomatika, dispożizzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-bastimenti, mudell ta’ ċertifikati u reġistru, dispożizzjonijiet tranżizzjonali, kif ukoll struzzjonijiet għall-applikazzjoni tal-istandard tekniku.

(7)

Is-CCNR għandha temenda l-qafas leġiżlattiv tagħha, ir-Regolamenti għall-Ispezzjoni tal-Bastimenti tar-Renu, biex jirreferi għal dan l-istandard il-ġdid u tagħmel dan l-istandard il-ġdid mandatorju fil-qafas tal-applikazzjoni tal-Konvenzjoni Reveduta għan-Navigazzjoni fuq ir-Renu.

(8)

Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva (UE) 2016/1629 tiġi emendata skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tad-Direttiva (UE) 2016/1629 jiġi sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 252, 16.9.2016, p. 118.

(2)  Ir-Riżoluzzjoni CESNI 2018-II-1


ANNESS

“ANNESS II

REKWIŻITI TEKNIĊI MINIMI APPLIKABBLI GĦALL-INĠENJI FIL-PASSAĠĠI FUQ L-ILMA INTERNI TAŻ-ŻONI 1, 2, 3 U 4

Ir-rekwiżiti tekniċi applikabbli għall-inġenji huma dawk stipulati fl-istandard ES-TRIN 2019/1.

”