SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
18 ta’ Diċembru 2008 ( *1 )
“Għajnuna mill-Istat — Artikolu 88(3) KE — Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni — Kawża bejn il-benefiċjarju u l-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tal-ammont tal-għajnuna implementata illegalment — Rwol tal-qorti nazzjonali”
Fil-Kawża C-384/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Awwissu 2007, fil-proċedura
Wienstrom GmbH
vs
Bundesminister für Wirtschaft und Arbeit,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot, J. Makarczyk, L. Bay Larsen (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2008,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għal Wienstrom GmbH, minn H. R. Laurer, Rechtsanwalt, |
|
— |
għall-Gvern Awstrijakk, minn C. Pesendorfer, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Gross u B. Martenczuk, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn B. Alterskjær u N. Fenger kif ukoll minn L. Young, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. |
|
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Wienstrom GmbH (iktar ’il quddiem “Wienstrom”) u l-Bundesminister für Wirtschaft und Arbeit (il-Ministru tal-Ekonomija u tax-Xogħol, iktar ’il quddiem l-“awtorità konvenuta”) rigward l-ammonti ta’ għajnuna li għandhom jingħataw lil Wienstrom skont il-liġi dwar l-elettriku li jirrispetta l-ambjent (Ökostromgesetz, iktar ’il quddiem l-“ÖG”). |
Il-kuntest ġuridiku
Il-miżura ta’ għajnuna
|
3 |
L-ÖG tirregola l-għajnuna lill-impjanti li jiġġeneraw sħana u elettriku (iktar ’il quddiem l-“impjanti CHP”) fl-Awstrija. |
|
4 |
L-ewwel verżjoni tagħha (BGBl. I, 149/2002, iktar ’il quddiem “l-ÖG il-qadima”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003. Fit-2 ta’ Ottubru 2006, hija ġiet issostitwita minn verżjoni ġdida (BGBl. I, 105/2006, iktar ’il quddiem “l-ÖG il-ġdida”). |
|
5 |
Sabiex tiġi inċentivata l-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti CHP, jingħata rimbors tal-ispejjeż neċessarji għall-manutenzjoni tal-impjant taħt ċertu kundizzjonijiet. Għas-snin 2003 u 2004, skont l-ÖG il-qadima l-ammont ta’ dan is-sostenn kien jilħaq massimu ta’ 1.5 cent għal kull kWh ta’ elettriku prodott mill-impjanti CHP. Mill-2005, dan l-ammont huwa ddeterminat skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ÖG l-qadima mill-awtorità konvenuta, li tista’ tbiddel dan l-ammont wara li tkun għamlet il-verifika tagħha. |
|
6 |
Matul is-snin fil-kawża prinċipali, il-miżura kienet iffinanzjata permezz ta’ żieda uniformi applikabbli għall-kwantità ta’ elettriku pprovduta lill-utenti finali, indipendentement mill-konsum effettiv, min-naħa tagħhom, ta’ enerġija prodotta mill-impjanti CHP. Din iż-żieda ġiet trażmessa lil Energie-Control GmbH, korp pubbliku inkarigat mill-ħlas tas-sostenn lill-impjanti CHP. |
|
7 |
L-Artikolu 30d tal-ÖG il-ġdida introduċa emenda retroattiva tal-miżura. |
|
8 |
Dan jipprovdi li, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 u l-31 ta’ Diċembru 2006, id-distributuri tal-elettriku li jimportaw elettriku msejjaħ “ambjentali” jew prodott mill-impjanti CHP u jbigħuh lill-konsumaturi finali nazzjonali kif ukoll lill-konsumaturi finali li jimportaw l-istess tip ta’ elettriku għall-konsum tagħhom stess, għandhom id-dritt li jitolbu r-rimbors tal-ammont tal-għajnuna, għall-elettriku li ġej mill-impjanti idroelettriċi żgħar jew għal kull tip ta’ elettriku ambjentali ieħor, jew ir-rimbors taż-żieda prevista għall-produzzjoni tal-impjanti CHP, għall-enerġija prodotta mill-impjanti CHP. |
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni
|
9 |
Wara skambju ta’ korrispondenza matul is-sena 2003 mal-awtoritajiet Awstrijaċi, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irreġistrat il-miżuri relatati mal-impjanti CHP bħala għajnuna mhux innotifikata, bir-referenza NN 162/B/2003. Ir-Repubblika tal-Awstrija nnotifikat lill-Kummissjoni l-emendi previsti fl-ÖG il-ġdida. Din in-notifika ġiet irreġistrat taħt ir-referenza N 317/B/2006. |
|
10 |
Permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 2964 finali, tal-4 ta’ Lulju 2006 (ĠU C 221, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni”), il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjoni. Hija qieset li l-għajnuna, konformi mal-Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent (ĠU 2001, C 37, p. 3), kienet kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87(3)(ċ) KE. Hija qieset li l-emenda magħmula mill-ÖG l-ġdida kienet tikkostitwixxi strument adegwat sabiex jiġu nnewtralizzati l-effetti eventwalment diskriminatorji fuq l-elettriku importat. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Wienstrom topera numru ta’ impjanti CHP fi Vjenna. Hija tibbenefika minn sostenn taħt l-ÖG. |
|
12 |
Hija tikkontesta żewġ deċiżjonijiet tal-awtorità konvenuta tal-11 ta’ Ottubru 2004 E (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”) u tas-7 ta’ Diċembru 2006 (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”), rispettivament. |
|
13 |
L-ewwel deċiżjoni kkontestata ffissat is-somma ta’ EUR 37335602.20, għas-sena 2003, bħala s-sostenn allokat lil Wienstrom għal tliet impjanti CHP. Peress li tħallset bil-quddiem is-somma ta’ EUR 44551514.75, din id-deċiżjoni timplika r-rimbors minn din il-kumpannija tad-differenza, jiġifieri EUR 7215912.55. |
|
14 |
It-tieni deċiżjoni kkontestata tirreferi għas-sostenn mogħti lil Wienstrom, għas-sena 2005, għal impjant CHP li ġie mmodernizzat. Din kienet ippreċeduta minn deċiżjoni tat-8 ta’ Marzu 2006, li ffissat b’mod provviżorju l-ammont tal-għajnuna mogħtija u tat lok għall-ħlas bil-quddiem ta’ EUR 5408159 fl-14 ta’ Marzu 2006. It-tieni deċiżjoni kkontestata tiffissa definittavament bħala EUR 5688703.47 l-ammont tas-sostenn mogħti u tordna l-ħlas ta’ bilanċ ta’ EUR 280544.47, fid-dawl tal-ħlas li diġà sar bil-quddiem. Wienstrom issostni li s-somma dovuta tammonta għal EUR 8487228.00. |
|
15 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonċerna biss l-ÖG il-ġdida u li l-ebda deċiżjoni negattiva espliċita ma ġiet adottata fir-rigward tal-ÖG il-qadima. |
|
16 |
Hija tosserva li l-ewwel deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi implementazzjoni tal-għajnuna li tippreċedi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
17 |
Hija tqis li t-tieni deċiżjoni kkontestata, adottata wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tikkonstata implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna, iżda li din l-implementazzjoni kienet bdiet qabel ma daħlet fis-seħħ l-ÖG il-qadima, li fil-kuntest tagħha r-Repubblika tal-Awstrija kienet impenjat ruħha li tħallas l-għajnuna inkwistjoni għas-sena 2005. |
|
18 |
Fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I-12249), il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata, fil-kawża li tressqet quddiema, tal-projbizzjoni ta’ implementazzjoni stipulata fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. |
|
19 |
F’dan il-kuntest, hija ddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
|
20 |
Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tikkonċernax biss l-ÖG il-ġdida. Din id-deċiżjoni tkopri ż-żewġ verżjonijiet tal-ÖG, peress li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tirreferi għall-ÖG hekk kif emendata fid-data tal-eżami tagħha. Fil-fatt, fil-parti intitolata “Suġġett”, hija ssemmi espliċitament iż-żewġ proċeduri NN 162/B/2003 u N 317/B/2006. Barra minn hekk, fil-punt 7 tagħha, hija tqis li d-deskrizzjoni u l-evalwazzjoni li saret hija bbażata kemm fuq ir-regoli fis-seħħ sa mill-1 ta’ Jannar 2003 kif ukoll fuq dawk applikabbli minn meta daħlet fis-seħħ il-liġi l-ġdida. Barra minn hekk, l-avviż fil-Ġurnal Uffiċjali jindika l-1 ta’ Jannar 2003 bħala l-punt tat-tluq tal-perijodu tal-miżura ta’ għajnuna li fir-rigward tagħha ma tqajmitx oġġezzjoni. |
|
21 |
Għandu wkoll jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali għandha bħala għan id-determinazzjoni tal-ammont tal-għajnuna effettivament dovuta skont il-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni, għaż-żewġ perijodi partikolari. |
|
22 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, minkejja li ż-żewġ deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali huma, fil-każ tal-ewwel waħda, preċedenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u, fil-każ tat-tieni waħda, sussegwenti għaliha, iż-żewġ domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirreferu għall-istess sitwazzjoni ġuridika, jiġifieri dik tal-implementazzjoni preċedenti, fiż-żewġ każijiet, għad-deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, it-tieni deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Awstrijaċi tat-8 ta’ Marzu 2006 li, peress li ffissat provviżorjament l-ammont tal-għajnuna dovuta u ordnat il-ħlas bil-quddiem, ikkostitwiet il-bidu tal-implementazzjoni tal-miżura ta’ għajnuna preċedenti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. |
|
23 |
Fid-dawl ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u osservazzjonijiet preliminari, jeħtieġ li ż-żewġ domandi preliminari jiġu eżaminati flimkien. |
|
24 |
Permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE tobbligax lill-qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tiċħad talba mingħand benefiċjarju ta’ għajnuna mill-Istat li tikkonċerna l-ammont ta’ din l-għajnuna dovut lilu fir-rigward ta’ perijodu li jippreċedi deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni ttemm il-projbizzjoni ta’ implementazzjoni antiċipata. |
|
26 |
Meta proġett jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni b’mod regolari u ma jkunx ġie implementat qabel din id-deċiżjoni, dan jista’ jiġi implementat mid-data ta’ din id-deċiżjoni, inkluż, jekk ikun il-każ, għal perijodu preċedenti kopert mill-miżura ddikjarata kompatibbli. |
|
27 |
Meta l-għajnuna tkun ingħatat lill-benefiċjarju bi ksur tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE, il-qorti nazzjonali, fuq talba ta’ operatur ieħor, tista’ tiddeċiedi, anki wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni favur l-għajnuna, fuq il-validità tal-atti ta’ implementazzjoni u fuq l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti. |
|
28 |
Mis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, CELF u ministre de la Culture et de la Communication (C-199/06, Ġabra p. I-469, punt 46, iktar ’il quddiem is-“sentenza CELF”) jirriżulta li, f’dan il-każ, id-dritt Komunitarju jobbliga lill-qorti nazzjonali tordna l-miżuri adegwati sabiex jingħata rimedju effettiv għall-effetti tal-illegalità, iżda li, anki fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, dan ma jobbligahiex tirkupra l-għajnuna illegali kollha. |
|
29 |
Fl-istess każ, meta tapplika d-dritt Komunitarju, il-qorti nazzjonali għandha tordna lill-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex iħallas l-interessi għall-perijodu tal-illegalità. Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tagħha, hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna barra minn hekk l-irkupru tal-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt tal-Istat Membru li jerġa’ jimplementaha iktar ’il quddiem. Hija tista’ wkoll tilqa’ t-talbiet għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba n-natura illegali tal-għajnuna (sentenza CELF, punti 52 u 53). |
|
30 |
Jidher għaldaqstant li, fl-ipoteżi ta’ implementazzjoni illegali ta’ għajnuna segwita minn deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni, id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li l-benefiċjarju, minn naħa, jista’ jitlob il-ħlas tal-għajnuna dovuta fil-futur, u, min-naħa l-oħra, jista’ jżomm il-parti tal-għajnuna mogħtija preċedentement għad-deċiżjoni pożittiva, bla ħsara għall-konsegwenzi derivanti mill-illegalità tal-għajnuna mħallsa b’mod prematur, fil-kundizzjonijiet deskritti mis-sentenza CELF. |
|
31 |
Il-kriterju li jiddetermina l-eżistenza ta’ possibbiltà għall-benefiċjarju li jikseb, għall-perijodu preċedenti għal deċiżjoni pożittiva, il-ħlas ta’ għajnuna jew li jżomm il-parti tal-għajnuna li diġà tħallset huwa għaldaqstant il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq komuni. |
|
32 |
Id-dritt Komunitarju għaldaqstant ma jipprekludix li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bejn benefiċjarju u l-awtoritajiet nazzjonali u li tikkonċerna l-ammont ta’ għajnuna dovuta, iżda mhux l-għajnuna nnifisha. |
|
33 |
Id-deċiżjoni mogħtija mill-qorti nazzjonali ttemm il-kontestazzjoni, billi tqarreb is-sitwazzjoni għal dik, eżaminata fis-sentenza CELF, ta’ għajnuna implementata b’mod prematur u li l-ammont tagħha ma ġiex ikkontestat. |
|
34 |
Hija tippermetti sussegwentement l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti f’dik is-sentenza fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE. |
|
35 |
Din l-analiżi mhijiex ikkontestata mis-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar ’il fuq, li dwar il-portata tagħha l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi. |
|
36 |
Dik is-sentenza lanqas ma tirreferi għas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji tal-għajnuna, iżda għal dik ta’ operaturi suġġetti retroattivament għal kontribuzzjonijiet intiżi speċifikament sabiex jiffinanzjaw skema ta’ għajnuna u li sussegwentement ġew ikkunsidrati bħala li jiffurmaw parti sħiħa minnha. Fil-kawżi prinċipali li taw lok għal dik is-sentenza, kienu nġabru xi kontribuzzjonijiet taħt skema ta’ għajnuna preċedenti li ġiet iddikjarata inkompatibbli, kontribuzzjonijiet li nġabru qabel deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna ġdida li ssostitwiet l-ewwel waħda u li pprovdiet għall-ħlas retroattiv tal-kontribuzzjonijiet kif ukoll għat-tpaċija ta’ dawn tal-aħħar ma’ dawk effettivament miġbura b’implementazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna preċedenti. |
|
37 |
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE) kien jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet imposti retroattivament għal perijodu preċedenti għad-data tad-deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni. |
|
38 |
B’hekk, hija kkunsidrat biss li, mill-aspett tat-terzi li jiġu suġġetti għal piż finanzjarju qabel deċiżjoni pożittiva min-naħa tal-Kummissjoni, l-uniku rimedju fir-rigward tagħhom għall-illegalità tal-implementazzjoni ta’ miżura ta’ għajnuna huwa r-rimbors ta’ dan il-piż. |
|
39 |
Għaldaqstant, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun fis-sens li l-projbizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE ma tobbligax lill-qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tiċħad talba ta’ benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-ammont tagħha li huwa dovut għal perijodu preċedenti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. |
Fuq l-ispejjeż
|
40 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Il-projbizzjoni ta’ dħul fis-seħħ ta’ għajnuna mill-Istat prevista fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 88(3) KE ma tobbligax lill-qorti nazzjonali, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tiċħad talba ta’ benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-ammont tagħha li huwa dovut għal perijodu preċedenti għal deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li taċċetta l-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.