31994D0375



Official Journal L 173 , 07/07/1994 P. 0012 - 0013
Swedish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0146
Finnish special edition: Chapter 1 Volume 3 P. 0146


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-6 ta' Ġunju 1994

dwar is-sħubija tal-Komunità fil-Fond Ewropew ta' l-Investiment

(94/375/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, partikolarment l-Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Wara l-kkunsidra l-Istatuti tal-Fond Ewropew ta' l-Investiment [2],

Blli l-Kunsill Ewropew mlaqqa' f'Edinburgh fil-11 u t-12 ta' Diċembru 1992 stieden lill-Kunsill u lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment biex jikkunsidraw b'mod urġenti u simpatetiku l-istabbiliment mill-aktar fis possibbli ta' Fond Ewropew ta' l-Investiment, hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ "il-Fond";

Billi il-Fond għandu jikkostitwixxi mezz effiċjenti u effettiv taħt il-profil ta' ġestjoni u ta' spejjeż u li, permezz tiegħu, il-Komunità, flimkien mal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, jistgħu jipprovdu kontribuzzjoni sinifikanti lejn iż-żvilupp tar-r-rettikolati trans-Ewropej fil-qasam tat-trasport, telekomunikazzjonijiet u infrastrutturi ta' l-enerġija u lejn iż-żvilupp ta' intrapizi zagħar u ta' daqs medju (SMEs);

Billi l-investmenti fir-rettikolati trans-Ewropej huma essenzjali għall-funzjonament sew tas-suq intern u billi, skond il-proċeduri previsti fl-Istatuti tal-Fond, xi uħud minn dawn l-investimenti jistgħu jinvolvu l-implimentazzjoni ta' attivitajiet f'pajjiżi fil-qrib fejn hemm involuti proġetti transkonfini;

Billi l-appoġġ ta' investment għall-SMEs huwa fattur essenzjali fir-rinfurzar tal-ħolqien ta' l-impieġ;

Billi il-Fond irawwem l-investiment fiż-żewġ oqsma sabiex jikkontribwixi għall-insegwiment ta' l-għanijiet tal-Komunità;

Billi implimentazzjoni bil-ħeffa tal-Fond għandha tistimula tkabbir bbilanċat u sostnut fil-Komunità;

Billi l-Artikolu 30 ta' l-Istatut tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment jagħti l-poter lill-Bord tal-Gvernaturi li joħolqu l-Fond; billi il-Bord iddeċieda li joħloq il-Fond u li jistabbilixxi l-Istatuti tiegħu;

Billi il-Komunità tista' ssir membru tal-Fond;

Billi koordinazzjoni xierqa tiġi garantita bejn l-operazzjonijiet tal-Fond u l-istrumenti finanzjarji u tal-budget tal-Komunità;

Billi l-Kummissjoni tindirizza r-rapport annwali tal-Fond lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma' iktar informazzjoni li hi ta' interess Komunitarju partikolari;

Billi, biex jintlaħqu l-għanjiet tal-Fond ikun xieraq li jiġi kkunsidrat bħala bank multilaterali ta' l-iżvilupp għall-iskopijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 89/647/KEE [3] u d-Direttiva tal-Kummissjoni 91/31/KEE [4];

Billi t-Trattat ma jipprovdix poteri għall-adozzjoni ta' din id-Deċizjoni, ħlief dawk fl-Artikolu 235,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Komunità, rappreżentata mill-Kummissjoni, għandha hawnhekk issir membru tal-Fond Ewropew ta' l-Investiment.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kunsill infurmat dwar il-ħidma tal-korpi tal-Fond Ewropew ta' l-Investiment. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Kunsill, malajr kemm tista', dwar kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-Fond.

Il-Kunsill jista', fuq talba ta' l-Istati Membri jew tal-Kummissjoni, jeżamina dawk il-kwistjonijiet.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra r-riżultat ta' dak l-eżami meta tadotta pożizzjoni dwar dawk il-kwistjonijiet waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-Fond.

Artikolu 3

Il-pożizzjoni tal-Komunità dwar żieda possibbli fil-kapital tal-Fond u dwar il-parteċipazzjoni tagħha f'dik iż-żieda għandha tiġi deċiza b'mod unanimu mill-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Parlament Ewropew.

Magħmula il-Lussemburgu, fis-6 ta' Ġunju 1994.

Għall-Kunsill

Il-President

Y. Papantoniou

[1] ĠU C 115, tas-26.4.1993, p. 238.

[2] Ara paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[3] ID-Direttiva tal-Kunsill 89/647/KEE tat-18 ta' Diċembru 1989 dwar proporzjon ta' solvibilità għal istituzzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 386, tat-30.12.1989, p. 14). Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 92/30/KEE (ĠU L 110, tat-28.4.1992, p. 52).

[4] ID-Direttiva tal-Kummissjoni 91/31/KEE tad-19 ta' Diċembru 1990 li tadatta d-definizzjoni teknika ta' "banek multilaterali ta' l-iżvilupp'" fid-Direttiva tal-Kunsill 89/647/KEE dwar proporzjon ta' solvibilità għal istituzzjonijiet tal-kreditu (ĠU L 17, tat-23.1.1991, p. 20).

--------------------------------------------------