KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fit‑3 ta’ Frar 2022 (1)
Kawża C‑567/20
A.H.
vs
Zagrebačka banka d.d.
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb, il-Kroazja))
“Talba għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumatur – Klawżoli inġusti f’kuntratti ta’ self mal-konsumatur – Direttiva 93/13/KEE – Artikolu 6(1) – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) – Applikabbiltà ratione temporis tad-Direttiva – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Konklużjoni ta’ kuntratti qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni – Artikolu 1(2) – Esklużjoni tal-klawżoli li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi”
I. Introduzzjoni
1. L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 (2) jimponi fuq l-Istati Membri li jiżguraw li l-klawżoli inġusti li jinsabu fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi ma jkunux jorbtu lill-konsumatur. Għal dan il-għan, il-kuntratt għandu jinżamm, sa fejn ikun possibbli, mingħajr il-klawżoli inġusti. Eċċezzjonalment, meta intervent leġiżlattiv jissostitwixxi klawżola inġusta li tinsab f’tali kuntratt bi klawżola ġdida, hija ġurisprudenza stabbilita li hija għandha tiggarantixxi l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni fattwali u legali li l-konsumatur ikun jinsab fiha mingħajr l-imsemmija klawżola. B’mod partikolari, il-konsumatur għandu jkun jista’ jibbenefika mill-ħlas lura tal-vantaġġi kollha rċevuti indebitament mill-bejjiegħ jew fornitur minħabba l-klawżola inġusta għad-detriment tal-konsumatur (effett restitutorju) (3).
2. Fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti tqis, essenzjalment, li riforma tal-leġiżlatur Kroat li seħħet fl‑2015, li tagħti lill-konsumaturi d-dritt li jikkonvertu self iddenominat fi franki Svizzeri b’mod retroattiv f’euro, ma kinitx suffiċjenti f’dan ir-rigward. B’mod partikolari, l-aġġustamenti tal-kuntratt previsti mil-liġi ma kienx ikollhom l-effett li jirrestitwixxu l-ammonti kollha mħallsa indebitament lill-konsumaturi.
3. Il-karatteristika partikolari tas-sitwazzjoni tinsab fil-fatt li l-kuntratt ta’ self tar-rikorrenti kien diġà ġie konkluż fl‑2007, jiġifieri qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni. Madankollu, is-sostituzzjoni tal-klawżoli inġusti skont l-imsemmija riforma leġiżlattiva seħħet wara l-adeżjoni. Huwa f’dan il-kuntest li fil-proċedura tqum il-kwistjoni dwar l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 fil-kawża prinċipali f’dak li jirrigwarda l-effett restitutorju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Fi kliem ieħor, għandu jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni adottata wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru jeħtieġx li tiggarantixxi dan l-effett restitutorju wkoll fir-rigward tal-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż qabel l-adeżjoni.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Dokumenti dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea
4. Skont l-Artikolu 3(3) tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (4), din tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2013, bil-kundizzjoni li l-istrumenti kollha ta’ ratifika jkunu ġew iddepożitati qabel din id-data.
5. L-Artikolu 2 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (5) jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, dan li ġej:
“Mid-data tal-adeżjoni, id-dispożizzjonjiet tat-Trattati oriġinali u l-atti adottati mill-istituzzjonijiet qabel l-adeżjoni għandhom jorbtu lill-Kroazja u għandhom japplikaw fil-Kroazja bil-kondizzjonijiet imniżżlin f’dawk it-Trattati u f’dan l-Att.”
6. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 46 tal-Att ta’ Adeżjoni tal‑2012, id-direttivi u d-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 288 TFUE għandhom jitqiesu indirizzati lejn il-Kroazja sa mid-data tal-adeżjoni skont it-Trattati oriġinali.
2. Id-Direttiva 93/13
7. Il-premessa 13 tad-Direttiva 93/13 hija fformulata kif ġej:
“Billi d-disposizzjonijiet statutorji jew regolatorji ta’l-Istati Membri li jistabbilixxu direttament jew indirettament il-klawżoli tal-kuntratti tal-konsumatur huma preżunti li ma’ fihomx klawżoli inġusti; billi, għal dan il-għan, ma jidhirx li huwa meħtieġ li jiġu assoġġettati l-klawżoli li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji […] billi f’dak ir-rigward il-kliem ‘disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji’ fl-Artikolu 1(2) ikopru wkoll ir-regoli li, skond il-liġi, għandhom jgħoddu bejn il-partijiet kontraenti sakemm ma twaqqfux xi arranġamenti oħra;”
8. L-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi b’dan il-mod:
“Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”
9. L-Artikolu 6(1) tad-direttiva jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”
10. L-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”
11. L-Artikolu 10(1) tad-direttiva jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 1994. Dawn għandhom jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni minnufih.
Dawn id-disposizzjonijiet għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi wara l‑31 ta’ Diċembru 1994.”
B. Id-dritt Kroat
12. Fit‑30 ta’ Settembru 2015, ġiet adottata ż-Zakon o izmjeni i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumatur, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2015”) (6), li ppermettiet lill-konsumaturi jikkonvertu l-obbligi tagħhom ta’ self minn franki Svizzeri f’euro. L-Artikolu 19e tal-Liġi tal‑2015 jobbliga lill-persuna li ssellef li joffru lill-konsumaturi jew kuntratt ġdid ta’ self jew ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ self eżistenti f’terminu ta’ 45 jum mid-dħul fis-seħħ tal-liġi. Il-konsumaturi jistgħu jaċċettaw il-konverżjoni tas-self f’terminu ta’ 30 jum. Inkella, is-self ikollu jiġi mħallas lura taħt kundizzjonijiet fissi.
13. Il-Liġi tal‑2015 tipprevedi, għall-finijiet tal-konverżjoni, metodu partikolari ta’ kalkolu tal-ammont tad-dejn il-ġdid tal-konsumatur. Dan jikkonsisti, essenzjalment, fil-paragun tal-ħlas lura ta’ self effettiv magħmul mill-konsumatur ma’ self fittizju f’euro. B’dan il-mod, wieħed jasal għal ammont ġdid tal-kumplament tas-self f’euro fit‑30 ta’ Settembru 2015, li huwa rilevanti minn din id-data għall-ħlas lura tas-self minn min jissellef.
14. Kif jirriżulta mill-Artikolu 19b tal-Liġi tal‑2015, l-għan tagħha huwa li min jissellef self marbut mal-frank Svizzeru jiġi assimilat ma’ min jissellef b’self iddenominat f’euro.
15. Iż-Zakon o obveznim odnosima (il-Liġi dwar l-Obbligi), fil-verżjoni tagħha tal‑5 ta’ April 2018 (7), tipprovdi, fl-Artikoli 148(1) u 326 tagħha, li kuntratt null ma jipproduċix l-effetti tiegħu fil-każ ta’ tneħħija sussegwenti tar-raġunijiet għal invalidità jew ta’ novazzjoni. Skont l-Artikolu 322 ta’ din il-liġi, tranżazzjoni legali nulla għandha titqies li ma ġietx konkluża u ma tistax tiġi kkonfermata, issostitwita jew ivvalidata mill-partijiet permezz ta’ tranżazzjoni legali.
III. Il-fatti u l-kawża prinċipali
16. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil‑15 ta’ Ottubru 2007, A. H., ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikkonkludiet bħala konsumatur ma’ Zagrebačka banka, konvenuta fil-kawża prinċipali, kuntratt ta’ self immobiljari li jirrigwarda somma fi franki Svizzeri, iżda mħallsa f’kuna Kroat. Fil-kuntratt mudell, il-partijiet ftehmu, fost l-oħrajn, li l-ammont imħallas lura tas-self għandu jkun indiċjat fuq il-frank Svizzeru u li r-rata ta’ interessi varjabbli applikabbli setgħet tinbidel unilateralment mill-bank.
17. Fit‑30 ta’ Settembru 2015, ġiet adottata l-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-kreditu għall-konsumatur (il-“Liġi tal‑2015”) (8).
18. Sussegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Zagrebačka banka kkonkludew, fit‑8 ta’ Jannar 2016, ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ self sabiex jipproċedu għall-konverżjoni prevista mil-Liġi tal‑2015, b’tali mod li l-ammont ta’ kapital ġdid ta’ self, sa mit‑30 ta’ Settembru 2015, kien indiċjat fuq l-euro u ġie applikat metodu ġdid għall-kalkolu tal-interessi.
19. Fit‑12 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors kontra Zagrebačka banka quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb, il-Kroazja). Permezz tar-rikors tagħha, hija titlob, minn naħa, li l-klawżola ta’ indiċjar fi franki Svizzeri li tinsab fil-kuntratt oriġinali tagħha u l-klawżola dwar ir-rata ta’ interess varjabbli jitqiesu bħala inġusti kemm skont id-dritt Kroat kif ukoll skont id-dritt tal-Unjoni u li jitqiesu, għalhekk, nulli. Insostenn tar-rikors tagħha, hija tinvoka azzjoni kollettiva quddiem it-Trgovački sud u Zagrebu (il-Qorti Kummerċjali ta’ Żagreb, il-Kroazja), li fil-kuntest tagħha ġiet ikkonstatata definittivament in-natura inġusta ta’ klawżoli f’muniti barranin, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
20. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti titlob, abbażi ta’ rapport ikkummissjonat minnha, li l-bank jiġi kkundannat iħallasha lura l-vantaġġi kollha rċevuti indebitament mill-bank skont dawn il-klawżoli. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn ma jirreferux integralment għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2015 jew tal-ftehim addizzjonali previst mil-liġi fis-sitwazzjoni li kienet tkun fiha kieku l-kuntratt oriġinali ma kienx jinkludi klawżoli inġusti. Barra minn hekk, hija bl-ebda mod ma rrinunzjat dawn id-drittijiet li hija tgawdi bħala konsumatur.
21. Fl‑4 ta’ Marzu 2020, il-Vrhovni sud Republike Hrvatske (il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja) iddeċidiet b’mod vinkolanti, f’kawża pilota għall-istanzi kollha inferjuri, li ftehim addizzjonali konkluż abbażi tal-Liġi tal-2015 jipproduċi effetti legali u jkun effettiv anki jekk il-klawżoli tal-kuntratt ta’ self relatati mar-rata ta’ interessi varjabbli u mal-indiċjar tal-munita barranija jkunu nulli. F’dan ir-rigward, hija ma rrispondietx espressament għall-kwistjoni tal-kumpens tal-konsumatur minkejja l-konverżjoni.
22. Madankollu, skont il-bank, din id-deċiżjoni kellha tinftiehem fis-sens li, wara l-konverżjoni prevista mil-Liġi tal‑2015 u l-konklużjoni tal-ftehim addizzjonali għall-kuntratt ta’ self, ma kienx għad hemm iktar bażi legali sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt oriġinali u, għaldaqstant, sabiex ikun hemm kumpens ekwivalenti, peress li s-self ġie kkalkolat retroattivament daqs li kieku kien espress f’euro.
23. Skont il-qorti tar-rinviju, huwa stabbilit il-fatt li, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrenti ma rrinunzjatx kumpens sħiħ u lanqas protezzjoni ġudizzjarja tal-interessi tagħha. Jidher li ġie pprovat ukoll li, minkejja l-konverżjoni, il-kumplament tas-self kien ogħla mill-ammont li kien jirriżulta li kieku l-klawżoli inġusti ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni. L-ammont miksub mill-bank minħabba n-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli jista’ jiġi ddeterminat.
IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
24. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin skont l-Artikolu 267 TFUE:
1) Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif interpretati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari fis-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019 Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207), għandhom jiġu interpretati fis-sens li intervent leġiżlattiv fir-relazzjonijiet bejn konsumaturi, persuni li jissellfu, u bank, ma jistax jipprekludi lill-konsumaturi mid-dritt li jikkontestaw b’azzjoni ġudizzjarja l-klawżoli tal-kuntratt inizjali jew tal-emenda għall-kuntratt prevista mil-liġi, sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-ħlas lura tal-vantaġġi kollha indebitament miksuba mill-bank għad-detriment tagħhom fuq il-bażi ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti, meta huma, skont intervent leġiżlattiv, ipproċedew volontarjament bl-emenda tar-relazzjoni kuntrattwali inizjali, fuq il-bażi tal-obbligi legali li jimponu fuq il-banek li joffrulhom din il-possibbiltà, u mhux direttament fuq il-bażi ta’ liġi ta’ intervent, bħalma kien il-każ fil-kawża Dunai?
2) Fil-każ li l-ewwel domanda titlob risposta fl-affermattiv, il-qorti nazzjonali adita bi proċedura bejn żewġ persuni, persuna li tissellef u bank, li ma tistax tinterpreta konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 93/13 id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali, jiġifieri ż-Zakon o izmjenama i dopunama Zakona o potrošačkom kreditiranju (il-Liġi Kroata li Temenda u Tikkompleta l-Liġi dwar il-Kreditu għall-Konsumaturi), kif interpretata mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema, il-Kroazja), tista’ u/jew għandha, skont din id-direttiva u l-Artikoli 38 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, teskludi l-applikazzjoni ta’ din il-liġi nazzjonali, kif interpretata mill-Vrhovni sud (il-Qorti Suprema)?
25. Matul il-proċedura bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Zagrebačka banka, il-Gvern Kroat kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn id-domandi preliminari.
V. Evalwazzjoni ġuridika
26. Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun adottata wara l-adeżjoni ta’ Stat Membru mal-Unjoni, li tobbliga lill-banek jipproponu ftehim addizzjonali lil konsumatur li miegħu huma kkonkludew ċertu tip ta’ kuntratt ta’ self qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru, jekk il-kontenut stabbilit mil-liġi ma jwassalx għal ħlas lura sħiħ tal-vantaġġi kollha li l-bank ikun kiseb minn klawżoli inġusti li kienu jinsabu inizjalment fil-kuntratt ta’ self.
27. Fi kliem ieħor, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk, permezz tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tal‑2015, il-leġiżlatur Kroat jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, b’mod partikolari fir-rigward tal-effett restitutorju (9) meħtieġ mill-ġurisprudenza.
28. F’dan ir-rigward, hija għandha dubji b’mod partikolari dwar il-possibbiltà li tivverifika, fid-dawl tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13, il-kompatibbiltà tal-ftehim addizzjonali introdott bil-Liġi tal‑2015 mal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva (10). Fil-fatt, skont l-ewwel dispożizzjoni imsemmija, il-klawżoli kuntrattwali li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
29. Madankollu, għandu jiġi ddeterminat qabel kollox jekk id-Direttiva 93/13, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, hijiex applikabbli għal dan il-każ. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal domanda preliminari li tirrigwarda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li din id-dispożizzjoni hija applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (11).
A. Fuq l-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għall-kawża prinċipali (ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja)
30. Il-kuntratt ta’ self oriġinali, ifformulat fi franki Svizzeri, ġie konkluż fil‑15 ta’ Ottubru 2007 bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u Zagrebačka banka. Madankollu, ir-Repubblika tal-Kroazja ssieħbet mal-Unjoni biss b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2013. Fit‑8 ta’ Jannar 2016, il-partijiet ikkonkludew il-ftehim addizzjonali, dovut għal-Liġi tal‑2015, li bih is-self ġie indiċjat retroattivament fuq l-euro.
31. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dritt tal-Unjoni fi Stat Membru ġdid biss f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tiegħu mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea (12). Bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jiġi applikat awtomatikament għal avvenimenti li seħħew qabel l-adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid. Fl-istess ħin, l-Att tal-Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid huwa essenzjalment ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali tal-applikazzjoni immedjata u sħiħa tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal dan l-Istat, peress li derogi huma ammessi biss sa fejn dawn huma espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (13). Għaldaqstant, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fit-Trattat tal-Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid, id-dritt tal-Unjoni japplika, bħala prinċipju, mid-data tal-adeżjoni anki għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu qabel l-adeżjoni (14).
32. Madankollu, f’dak li jirrigwarda d-Direttiva 93/13, din fiha dispożizzjoni speċifika fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha ratione temporis.
33. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13, din hija applikabbli biss għall-kuntratti li ġew konklużi wara l‑31 ta’ Diċembru 1994, jiġifieri wara d-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tagħhom. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13, kuntratt konkluż ma’ konsumatur jiddependi biss mid-data tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, peress li l-perijodu li matulu dan ikollu l-effetti tiegħu huwa irrilevanti (15). Għall-Istati Membri li saru membri tal-Unjoni wara l‑31 ta’ Diċembru 1994 u li għalihom id-Direttiva 93/13 tibda tapplika biss wara l-adeżjoni tagħhom, din id-direttiva tapplika biss għaldaqstant għall-kuntratti li ġew konklużi wara d-data tal-adeżjoni tal-Istat Membru inkwistjoni (16).
34. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-Direttiva 93/13 ma hijiex applikabbli għall-kuntratt ta’ self oriġinali ta’ Ottubru 2007.
35. Għalhekk, hija biss il-konklużjoni tal-ftehim addizzjonali fl‑2016 jew l-adozzjoni tal-Liġi tal‑2015 li tibqa’ element ta’ rabta għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, liema element seħħ wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni.
36. Madankollu, is-suġġett tal-kawża prinċipali ma huwiex preċiżament in-natura allegatament inġusta tal-klawżoli tal-ftehim addizzjonali bħala tali, li huma bbażati fuq il-Liġi tal‑2015 u lanqas il-ħlas lura tal-vantaġġi li ġew imnaqqsa minnhom (17). Għall-kuntrarju, it-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija intiża sabiex tikseb il-ħlas lura tal-vantaġġi kollha li l-bank ħa min-natura allegatament inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratt tal‑2007. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk huwiex possibbli li l-Liġi tal‑2015 u l-ftehim addizzjonali tal-kuntratt ta’ self jistgħux jirriżultaw fil-limitazzjoni tad-drittijiet tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura inġusta ta’ dawn il-klawżoli oriġinali.
37. Għaldaqstant, bħal ma naraw fil-kawżi Dunai u OTP Jelzálogbank et, iċċitati iktar ’il fuq (18), dawn huma l-effetti, rispettivament, ta’ dan il-ftehim addizzjonali u tal-Liġi tal‑2015 fuq l-obbligu tar-Repubblika tal-Kroazja, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li jiġi ggarantit il-ħlas lura sħiħ tal-vantaġġi kollha miksuba mill-bank fir-rigward tal-klawżoli li jinsabu inizjalment fil-kuntratt ta’ self.
38. Madankollu, tali obbligu jista’ jirriżulta mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 biss jekk din id-direttiva tkun applikabbli għall-kuntratt oriġinali (19). Madankollu, kif ġie espost iktar ’il fuq (20), dan ma huwiex il-każ.
39. Fil-fatt, anki wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni, u għalhekk fil-mument tal-adozzjoni tal-Liġi tal‑2015, dan l-Istat Membru la kien obbligat, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li jieħu miżuri fir-rigward tal-kuntratti konklużi mal-konsumaturi qabel l-adeżjoni mal-Unjoni sabiex il-klawżoli inġusti eventwalment inklużi f’dawn il-kuntratti ma jorbtux lill-konsumaturi (Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13). Huwa wkoll neċessarju li, fir-rigward ta’ tali kuntratti, il-Kroazja tipprevedi mezzi adegwati u effettivi sabiex ittemm l-użu ta’ klawżoli inġusti minn bejjiegħa jew fornituri (ara l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13). Madankollu, fl-assenza ta’ tali obbligu, il-limitazzjoni eventwali tal-possibbiltajiet tal-ħlas lura permezz ta’ liġi ġdida jew permezz tal-ftehim addizzjonali li jirriżulta minnha lanqas ma tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13.
40. Obbligu ta’ garanzija tal-ħlas lura sħiħ lanqas ma jeżisti fir-rigward tal-vantaġġi li l-bank kiseb minn tali kuntratt wara l-adeżjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, bejn l‑1 ta’ Lulju 2013 u t‑8 ta’ Jannar 2016. Fil-fatt, dawn il-vantaġġi jirriżultaw ukoll min-natura potenzjalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt tal‑2007, iżda li d-Direttiva 93/13, fl-assenza ta’ applikabbiltà, ma tistax tirrimedja għalihom.
41. Tali qsim matul perijodu qabel l-adeżjoni u perijodu sussegwenti, bħal dak fil-kawża Milivojević għall-finijiet tal-applikabbiltà tal-libertajiet fundamentali (21), ma huwiex possibbli fl-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13. Fil-fatt, tali sitwazzjoni tmur kontra l-għan tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1). Minn dan jirriżulta li d-Direttiva hija intiża sabiex tapplika jew għal kuntratt kollu kemm huwa, inklużi l-effetti legali kollha tiegħu, jew, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 1995 jew qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat, jew li ma tapplikax, anki jekk dan il-kuntratt jipproduċi effetti wara din id-data (22).
42. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 93/13 jippreċiża f’dan ir-rigward li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li kuntratt konkluż diġà bejn bejjiegħ jew fornitur ikun jeħtieġ li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva mill-mument li fih din id-direttiva tapplika, saħansitra retroattivament, bil-mod vinkolanti sħiħ tagħha fl-Istati Membri. Fatti li seħħew qabel dan il-mument ma għandhomx ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni materjali ġdida ulterjuri (23).
43. F’dan ir-rigward, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni li huwa biss determinanti l-fatt li l-Liġi tal‑2015 ġiet adottata wara d-data li fiha r-Repubblika tal-Kroazja kienet marbuta mid-Direttiva 93/13 u li, għaldaqstant, din il-liġi jkun jeħtieġ li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari tal-Artikolu 6(1) tagħha. Fil-fatt, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-kompatibbiltà astratta tal-Liġi tal‑2015 mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. Dan lanqas ma jista’ jkun fih innifsu s-suġġett ta’ domanda ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 93/13. Għall-kuntrarju, huwa dejjem neċessarju, f’dan ir-rigward, li jsir riferiment għal kuntratt konkluż ma’ konsumatur (24).
44. Bl-istess mod, fil-kawża SKP, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan tad-Direttiva 93/13 kien li jiġu approssimati d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi bejn bejjiegħa jew fornituri u l-konsumaturi. Minn dan isegwi li d-Direttiva tkopri biss il-klawżoli li jinsabu f’tali kuntratti u mhux regoli nazzjonali (ta’ proċedura) (25). Madankollu, peress li l-uniku kuntratt inkwistjoni ġie konkluż qabel l-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat id-domanda preliminari inkwistjoni manifestament inammissibbli (26).
45. Bħala konklużjoni, fid-dawl tat-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u s-suġġett tad-domandi preliminari, l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 għall-kuntratt ta’ self oriġinali hija rilevanti. Peress li din ma ġietx issodisfatta f’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula.
B. Sussidjarjament: fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 93/13 għall-ftehim addizzjonali
46. Ċertament, id-domandi preliminari jirrigwardaw espressament biss l-obbligu tal-ħlas lura tal-vantaġġi kollha mogħtija mill-klawżoli inizjalment inklużi fil-kuntratt ta’ self. Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi indikazzjonijiet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni wkoll li rati ta’ interessi varjabbli inġusti ġew applikati waqt il-konverżjoni li saret fil-ftehim addizzjonali.
47. Huwa minnu li, sa fejn il-kawża prinċipali tirrigwarda (ukoll) in-natura inġusta fiha nnifisha tal-klawżoli li jinsabu fil-ftehim addizzjonali, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 93/13 huwa applikabbli. Madankollu, stħarriġ sostanzjali tal-klawżoli kkonċernati huwa eskluż.
48. Fil-fatt, il-ftehim addizzjonali bbażat fuq il-Liġi tal‑2015 huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 skont l-Artikolu 1(2) tagħha. Skont dan, il-klawżoli kuntrattwali li huma bbażati fuq dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
49. Il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jkoprix il-klawżoli bbażati fuq dispożizzjonijiet nazzjonali leġiżlattivi jew regolamentari imperattivi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur, ikunu ddaħħlu f’dan il-kuntratt permezz ta’ liġi u huma intiżi sabiex jissupplimentaw klawżola vvizzjata b’nullità inkluża fih (27).
50. F’dan il-każ, huwa minnu li, b’differenza mill-kawżi ċċitati fil-punt preċedenti, is-sostituzzjoni tal-klawżoli ma hijiex direttament operata mil-Liġi tal‑2015. Għall-kuntrarju, hija suġġetta għall-kunsens tal-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-liġi toffri lill-partijiet il-possibbiltà li jikkonkludu jew kuntratt ta’ self ġdid jew ftehim addizzjonali ta’ kuntratt ta’ self eżistenti. Madankollu, is-sempliċi rekwiżit ta’ kunsens tal-konsumatur ma jimplikax li l-klawżoli ma għandhomx jitqiesu li huma bbażati fuq dispożizzjoni legali vinkolanti. F’dan il-każ, il-banek huma obbligati bil-Liġi tal‑2015 li jissottomettu offerta korrispondenti lill-konsumaturi f’terminu stabbilit. Għall-konsumaturi, l-unika alternattiva għal kunsens hija ż-żamma tal-kuntratt oriġinali, inkluż, skont il-leġiżlatur, klawżoli inġusti li huma sfavorevoli għalihom. Barra minn hekk, il-kontenut tal-ftehim addizzjonali potenzjali huwa kompletament iddeterminat mil-liġi u ma huwiex impost minn bejjiegħa jew fornituri.
51. L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13 huwa bbażat, bl-eċċezzjoni tal-premessa 13, fuq l-ipoteżi li l-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li jistabbilixxu, direttament jew indirettament, il-klawżoli tal-kuntratti konklużi mill-konsumaturi ma fihomx klawżoli inġusti, iżda joħolqu bilanċ bejn id-drittijiet tal-konsumaturi u l-bejjiegħa jew fornituri (28). Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dan kien preċiżament l-għan tal-leġiżlatur Kroat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-imsemmija klawżoli “jkunu bbażati” fuq dispożizzjoni leġiżlattiva imperattiva fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 93/13.
52. Minn dan isegwi li lanqas il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 93/13 ma huwa applikabbli.
VI. Konklużjoni
53. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb, il-Kroazja) kif ġej:
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑15 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Općinski građanski sud u Zagrebu (il-Qorti Ċivili Muniċipali ta’ Żagreb).
1 Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
2 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15 Vol. 2, p. 288) (iktar ’il quddiem “Direttiva 93/13”).
3 Sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 u 62); tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 41 u 44); u tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 77 u 78).
4 ĠU 2012, L 112, p. 14.
5 ĠU 2012, L 112, p. 21.
6 Narodne novine, br. 102/2015.
7 Narodne novine, br. 35/05, 41/08, 125/11, 78/15 u 29/18.
8 Ara, fir-rigward tal-kontenut tagħha, il-punti 12 u 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
9 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punti 61 u 62); tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punti 41 u 44); u tad‑29 ta’ April 2021, Bank BPH (C‑19/20, EU:C:2021:341, punti 77 u 78).
10 Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207).
11 Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem (C‑28/95, EU:C:1997:369, punt 26); tat‑30 ta’ Jannar 2020, Generics (UK) et (C‑307/18, EU:C:2020:52, punt 26); u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 31 sa 33).
12 Digrieti tat‑3 ta’ April 2014, Pohotovosť (C‑153/13, EU:C:2014:1854, punt 24); u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 27); kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 41).
13 Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 24).
14 Ara s-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2002, Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50), u tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 42 sa 43).
15 Digrieti tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 28), kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 42).
16 Ara d-digrieti tat‑8 ta’ Novembru 2012, SKP (C‑433/11, EU:C:2012:702, punt 33 sa 35); u tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punt 28); kif ukoll is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punti 43 sa 44).
17 Fi kwalunkwe każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li, mill-perspettiva tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-obbligu ta’ ħlas lura f’kuna tas-somma tas-self residwali, li issa ġie espress f’euro u adattat konsegwentement, joħloq huwa stess żbilanċ sinjifikattiv u indebitu għad-detriment tagħha. Fuq il-kwistjoni tan-natura inġusta tal-klawżola ta’ pprezzar mill-ġdid tal-interessi, ara sussidjarjament, punti 46 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
18 Sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 38), u tat‑2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et (C‑932/19, EU:C:2021:673, punt 30).
19 Fis-sottomissjonijiet tagħha dwar il-protezzjoni prevista fid-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tirrikjedi fis-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 58) li l-każ ikun jikkonċerna “l-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13”. Ara wkoll id-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2012, SKP (C‑433/11, EU:C:2012:702, punt 35), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-“l-unika kuntratt konkluż minn kummerċjant ma konsumatur li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali, li għalih tagħmel riferiment id-deċiżjoni tar-rinviju”. Din il-problema ma qamitx fil-kawżi ċċitati fil-punt 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
20 Ara minnufih il-punti 33 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
21 Sentenza tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123, punti 41 sa 43).
22 Ara, f’dan is-sens, id-Digriet tat‑3 ta’ Lulju 2014, Tudoran (C‑92/14, EU:C:2014:2051, punti 26 sa 28), u s-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Raiffeisen Bank u BRD Groupe Societé Générale (C‑698/18 u C‑699/18, EU:C:2020:537, punt 42).
23 Ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punt 35), li skonthom il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun eskluża jekk f’każijiet oħra tkun tirriżulta evalwazzjoni ġdida materjali ta’ riżultati passati mill-perijodu ta’ qabel l-adeżjoni.
24 Għalhekk kien każ ieħor fis-sentenza invokata diġà tal‑14 ta’ Frar 2019, Milivojević (C‑630/17, EU:C:2019:123), li kienet tikkonċerna l-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-libertajiet fundamentali għal liġi adottata wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kellha ġurisdizzjoni għalkemm fil-kawża prinċipali, is-suġġett kien dwar l-effetti ta’ din il-liġi fuq kuntratt ta’ self konkluż qabel l-adeżjoni. Il-fatt li din il-liġi kienet tapplika wkoll għall-kuntratti ta’ self konklużi qabel l-adeżjoni ma jistax iwassal sabiex il-libertajiet fundamentali ma jiġux irrispettati. Peress li l-imsemmija liġi emendat ukoll l-effetti tal-kuntratt ta’ self ikkontestat li huwa ipproduċa wara l-adeżjoni, il-kawża prinċipali kienet taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri tal-libertajiet fundamentali kkonċernati.
25 Ara d-digriet tat‑8 ta’ Novembru 2012, SKP (C‑433/11, EU:C:2012:702, punti 33 u 34).
26 Digriet tat‑8 ta’ Novembru 2012, SKP (C‑433/11, EU:C:2012:702, punti 35 u 37).
27 Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:750, punti 62 sa 64, u 70); tal‑14 ta’ Marzu 2019, Dunai (C‑118/17, EU:C:2019:207, punt 37); u tat‑2 ta’ Settembru 2021, OTP Jelzálogbank et (C‑932/19, EU:C:2021:673, punti 28 sa 29 u l-ġurisprudenza msemmija hemmhekk).
28 Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, RWE Vertrieb (C‑92/11, EU:C:2013:180, punt 28); tat‑3 ta’ April 2019, Aqua Med (C‑266/18, EU:C:2019:282, punt 33); u tas‑26 ta’ Marzu 2020, Mikrokasa u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty (C‑779/18, EU:C:2020:236, punt 54).