|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1562 |
28.7.2025 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/1562
tal-25 ta’ Lulju 2025
dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi b’appoġġ għall-Forzi Armati Albaniżi
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1) u l-Artikolu 41(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1) tistabbilixxi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri tal-azzjonijiet tal-Unjoni taħt il-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK) biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali skont l-Artikolu 21(2), il-punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF għandha tintuża biex tiffinanzja miżuri ta’ assistenza bħal azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali b’rabta ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża. |
|
(2) |
L-Unjoni hija impenjata għal relazzjoni mill-qrib b’appoġġ għal Albanija b’saħħitha, indipendenti u prospera, ibbażata fuq il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li ġie ffirmat fl-2006 u li daħal fis-seħħ fl-2009, u dwar in-negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija li nfetħu fl-2022. |
|
(3) |
L-Unjoni tfaħħar lill-Albanija għar-rekord kontinwu tagħha ta’ allinjament sħiħ mal-PESK u tirrikonoxxi l-kontribut tal-Albanija għall-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) tal-Unjoni, inkluż il-parteċipazzjoni akbar tagħha f’missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK u l-forzi ta’ rispons rapidu tal-Unjoni fil-qafas tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu. |
|
(4) |
Fil-21 ta’ Marzu 2022, l-Unjoni approvat il-Boxxla Strateġika bl-objettiv li ssir fornitur tas-sigurtà aktar b’saħħtu u aktar kapaċi, inkluż permezz ta’ aktar użu tal-EPF b’appoġġ għall-kapaċitajiet militari u ta’ difiża tas-sħab. |
|
(5) |
Fid-Dikjarazzjoni ta’ Brussell tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent tat-18 ta’ Diċembru 2024, il-mexxejja tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’konsultazzjoni mal-mexxejja tal-Balkani tal-Punent, affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jkomplu jiżviluppaw u jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni fis-sigurtà u d-difiża, u li jkomplu jsaħħu s-sigurtà u r-reżiljenza fir-reġjun permezz tal-EPF. |
|
(6) |
Fil-25 ta’ April 2025, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà rċieva talba mill-Albanija biex l-Unjoni tassisti lill-Forzi Armati Albaniżi jtejbu l-effettività operazzjonali tagħhom. |
|
(7) |
Miżuri ta’ assistenza għandhom jiġu implimentati b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stipulati fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, b’mod partikolari f’konformità mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (2), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF. |
|
(8) |
Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Stabbiliment, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata
1. Hija b’dan stabbilita miżura ta’ assistenza (il-“miżura ta’ assistenza”) għall-benefiċċju tal-Albanija (il-“benefiċjarju”), li għandha tiġi ffinanzjata taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF).
2. L-objettivi tal-miżura ta’ assistenza huma dawn li ġejjin:
|
(a) |
li ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Albanija fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; |
|
(b) |
li tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ sigurtà u difiża tal-Forzi Armati Albaniżi sabiex ittejjeb is-sigurtà u r-reżiljenza nazzjonali u b’hekk tipproteġi aħjar il-popolazzjoni ċivili fi kriżijiet u emerġenzi; |
|
(c) |
li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Albanija fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni tal-Unjoni, u fil-qafas tal-Kapaċità ta’ Skjerament Rapidu. |
3. Biex jintlaħqu l-objettivi stipulati fil-paragrafu 2, il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja t-tipi ta’ tagħmir li ġejjin li mhumiex imfassla biex iwasslu forza letali:
|
(a) |
vetturi tattiċi; |
|
(b) |
vetturi tal-inġinerija; |
|
(c) |
vetturi blindati ħfief b’diversi użi. |
Il-miżura ta’ assistenza għandha tiffinanzja wkoll provvisti u servizzi relatati, inkluż taħriġ tekniku, operazzjonali u ta’ manutenzjoni, fejn meħtieġ.
4. Id-durata tal-miżura ta’ assistenza għandha tkun ta’ 36 xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Arranġamenti finanzjarji
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub sabiex ikopri n-nefqa relatata mal-miżura ta’ assistenza għandu jkun ta’ EUR 15 000 000.
2. In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.
Artikolu 3
Arranġamenti mal-benefiċjarju
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura li dan ikun f’konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti b’din id-Deċiżjoni bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:
|
(a) |
konformità tal-unitajiet tal-Forzi Armati Albaniżi appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; |
|
(b) |
użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti; |
|
(c) |
manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza biex jiġi żgurat l-użu u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom; |
|
(d) |
li kwalunkwe assi pprovduti taħt il-miżura ta’ assistenza ma jintilfux jew ma jiġux ittrasferiti lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti. |
3. L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-miżura ta’ assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stipulati fil-paragrafu 2.
Artikolu 4
Implimentazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF, u l-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.
2. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Agenzia Industrie Difesa.
Artikolu 5
Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni
1. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jimmonitorja l-konformità mill-benefiċjarju mal-obbligi stipulati fl-Artikolu 3. Dak il-monitoraġġ għandu jintuża biex jipprovdi sensibilizzazzjoni tal-kuntest u r-riskji ta’ ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 3, u biex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-unitajiet tal-Forzi Armati Albaniżi appoġġati taħt il-miżura ta’ assistenza.
2. Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u tal-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:
|
(a) |
il-verifika tal-konsenja, fejn iċ-ċertifikati tal-konsenja tal-EPF għandhom jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent finali mat-trasferiment tas-sjieda; |
|
(b) |
rappurtar dwar l-inventarju, fejn il-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju ta’ oġġetti partikolari sakemm dan ir-rappurtar ma jibqax jitqies neċessarju mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS); |
|
(c) |
żjarat fuq il-post, fejn, fuq talba, dan il-benefiċjarju għandu jagħti aċċess lir-Rappreżentant Għoli u lill-awdituri tal-EPF biex iwettqu verifiki fuq il-post u awditi tal-EPF. |
3. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni finali mat-tlestija tal-miżura ta’ assistenza biex jivvaluta jekk il-miżura ta’ assistenza kkontribwietx biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 1(2).
Artikolu 6
Rappurtar
Matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta’ kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta’ assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f’konformità mal-Artikolu 38 ta’ dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s-sottokuntratturi involuti.
Artikolu 7
Sospensjoni u terminazzjoni
1. Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-miżura ta’ assistenza skont l-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.
2. Il-KPS jista’ jirrakkomanda li l-Kunsill jittermina l-miżura ta’ assistenza.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
M. BJERRE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/509/oj).
(2) Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99, ELI: http://data.europa.eu/eli/compos/2008/944/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1562/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)