11.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/71


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr is-sewwieq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq”

[COM(2017) 282 final — 2017/0113(COD)]

(2018/C 129/11)

Relatur:

Brian CURTIS

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 15.6.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 12.6.2017

Bażi legali

Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

22.11.2017

Adottata fil-plenarja

6.12.2017

Sessjoni plenarja Nru

530

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

121/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Konklużjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ bi pjaċir dan il-pass ulterjuri sabiex jitneħħew uħud mill-ostakli li fadal għal suq uniku, effettiv u ġust fis-settur Ewropew tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. F’dan il-każ, id-Direttiva emendatorja hija dwar l-iffaċilitar tal-aħjar użu ta’ flotot ta’ vetturi fl-Ewropa, b’mod partikolari matul id-domanda massima staġjonali, u tilħaq livell minimu ta’ liberalizzazzjoni. It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi tal-merkanzija għall-użu proprju huwa pass pożittiv.

1.2.

Il-KESE jibqa’ tal-fehma li t-tfassil ta’ leġislazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ trasport isir aħjar permezz ta’ Regolament minflok Direttiva – din tal-aħħar tippermetti differenzi akbar fl-interpretazzjoni u r-riġidità fl-applikazzjoni madwar l-Istati Membri. Madankollu, huwa rikonoxxut li din id-Direttiva qasira tikseb l-objettivi tagħha u li, f’dan il-każ, il-konverżjoni għal Regolament kienet tkun sproporzjonata.

Rakkomandazzjonijiet

1.3.

Sabiex tiġi evitata ż-żieda ta’ kumpaniji tal-isem, il-KESE jappella biex il-miżuri, proposti biex issaħħu r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 biex jiġu eliminati l-kumpaniji tal-isem diżonesti, jiġu deċiżi u implimentati b’mod effettiv mill-Istati Membri kollha. Ir-riżultati għandhom jiġu sorveljati b’attenzjoni u jkunu jagħmlu parti mir-rapport dwar l-effettività ta’ din id-Direttiva emendatorja.

1.4.

Biex l-operaturi jiġu skoraġġiti milli jieħdu vantaġġ minn tassazzjoni aktar baxxa tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fost l-Istati Membri, għandhom jiġu applikati aktar miżuri f’każ li l-analiżi fil-perjodu ta’ reviżjoni turi li dawn ikunu meħtieġa, pereżempju limitu massimu fuq il-proporzjon tal-flotta proprjetà ta’ operatur li jkun jista’ jiġi trasferit temporanjament lil operatur affiljat fi Stat Membru ieħor.

1.5.

Il-Kumitat jinnota li minkejja li qed jiġu applikati metodi għat-traċċar dejjem aktar effettivi il-kabotaġġ illegali għadu problema sinifikanti fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Jeżisti ċertu riskju li d-detezzjoni tista’ ssir aktar diffiċli minħabba l-implimentazzjoni ta’ miżuri f’din id-Direttiva. Għalhekk jistgħu jiġu introdotti aktar rekwiżiti biex jissalvagwardjaw konnessjoni traċċabbli bejn il-kumpanija u tal-vettura.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Din id-Direttiva emendatorja hija ppreżentata bħala parti mill-pakkett L-Ewropa Attiva, b’sensiela vasta ta’ inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza fit-triq; jippromovu pedaġġ aktar ġust; inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, it-tniġġis tal-arja, il-konġestjoni tat-traffiku u l-burokrazija għan-negozji; jiġġieldu kontra l-impjieg illegali; u jiżguraw kundizzjonijiet deċenti u perjodi ta’ mistrieħ għall-ħaddiema.

2.2.

Din tittratta xi ħidma mhux mitmuma fil-liberalizzazzjoni tal-użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq fis-suq uniku. Fost l-Istati Membri għadhom jeżistu regoli u regolamenti diverġenti u dan ġie indirizzat l-ewwel fl-1984 (1) u sussegwentament saret omoġenizzazzjoni fid-Direttiva tal-2006 (2). Madankollu, anke wara t-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva emendatorja, ser jibqgħu fis-seħħ firxa ta’ restrizzjonijiet f’ħafna Stati Membri.

2.3.

It-tħassib prinċipali indirizzat minn din l-emenda hija x-xewqa mill-operaturi biex imexxu l-flotta tal-vetturi madwar l-UE b’rispons għad-domanda lokali. Bħalissa din il-kapaċità għandha restrizzjonijiet fil-liġi nazzjonali, u japplikaw għaliha rekwiżiti ta’ regolamenti u operazzjonali (“liġi mhux vinkolanti”).

2.4.

Minn naħa waħda, l-operaturi jargumentaw li din is-sitwazzjoni tirrestrinġi l-użu effiċjenti tal-flotot tat-trasport Ewropej. Min-naħa l-oħra, it-trejdjunjins tat-trasport huma mħassbin li l-proposta se tiddgħajjef iktar il-konnessjoni essenzjali bejn operatur u l-assi tiegħu u se tnaqqas il-kapaċitajiet ta’ kontroll u infurzar tal-Istati Membri fir-rigward tan-natura ġenwina tal-operaturi rreġistrati fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri nnifishom m’għandhomx approċċ unifikat għal din il-kwistjoni, b’minoranza żgħira targumenta li għandu jinżamm l-istatus quo.

2.5.

Barra minn hekk, il-gvernijiet ta’ wħud mill-Istati Membri huma mħassbin dwar it-telf ta’ dħul jekk il-vetturi jkunu rreġistrati f’pajjiż wieħed iżda operazzjonalment ikunu bbażati fi Stat Membru ieħor. Pereżempju, il-livelli ta’ taxxa fuq vetturi tqal tal-merkanzija jvarjaw minn madwar EUR 500 għal kull vettura fil-Latvja sa kważi EUR 5 000 fl-Irlanda (3).

2.6.

F’opinjonijiet preċedenti dwar it-trasport (4), il-Kumitat ressaq l-argument li, sabiex jitnaqqsu d-differenzi fl-interpretazzjoni u r-riġidità fl-applikazzjoni madwar l-Istati Membri, il-KESE għandu jappoġġja t-tranżizzjoni minn Direttiva għal Regolament. Il-Kumitat jemmen li dan jibqa’ prinċipju validu, iżda jirrikonoxxi li f’dan il-każ riformulazzjoni sħiħa tad-Direttiva tkun sproporzjonata. Il-Kumitat jinnota wkoll li, filwaqt li l-forma ġuridika ta’ Direttiva tippermetti lill-Istati Membri aktar flessibilità fit-traspożizzjoni u l-infurzar, hemm ċans akbar li tagħti lok biex jissoktaw l-anomaliji u d-differenzi fl-interpretazzjoni fost l-Istati Membri.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni

3.1.

Wara reviżjoni, konsultazzjoni u analiżi estensivi mill-Kummissjoni, din il-Proposta tippreżenta emendi għad-Direttiva tal-2006. Din id-Direttiva ppermettiet lill-Istati Membri biex jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi mikrija tal-merkanzija b’piż gross tal-vettura li jaqbeż is-sitt tunnellati għal operazzjonijiet għall-kont proprju u ppermettiet ukoll restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru differenti minn dak fejn l-impriża li tikri l-vettura hija stabbilita.

3.2.

L-emendi proposti, li se japprofondixxu u jsaħħu s-suq intern, ineħħu l-possibbiltà ta’ restrizzjoni tal-użu ta’ vetturi mikrija għal operazzjonijiet għall-kont proprju. Barra minn hekk, l-użu ta’ vettura mikrija fi Stat Membru ieħor irid jiġi permess għal mill-inqas erba’ xhur sabiex l-impriżi jkunu jistgħu jlaħħqu ma’ kwalunkwe żieda fid-domanda temporanja jew staġjonali u/jew jissostitwixxu vetturi li jkunu difettużi jew bil-ħsara. L-Istati Membri b’reġimi aktar liberali (pereżempju l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja u l-Iżvezja) għandhom ikunu jistgħu jżommu dawn ir-reġimi.

3.3.

Intgħażel perjodu ta’ erba’ xhur biex jiġu evitati distorsjonijiet ta’ dħul li huma possibbli minħabba d-differenzi konsiderevoli fit-tassazzjoni tal-vetturi tat-triq fost l-Istati Membri.

3.4.

Il-proposta għandha tiżgura aċċess ugwali għall-operaturi tat-trasport madwar l-UE għas-suq għal vetturi mikrija, u għandha tipprovdi qafas regolatorju uniformi li joffri effiċjenza akbar għall-operaturi tat-trasport. Benefiċċju ieħor jista’ jkun dak ta’ titjib fis-sikurezza u inqas tniġġis peress li l-vetturi mikrija huma ġeneralment aktar ġodda.

3.5.

Rapport dwar l-implimentazzjoni ta’ dawn il-bidliet ser jitħejja mill-Kummissjoni fi żmien ħames snin u jista’ jipprovdi l-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri addizzjonali.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Il-Kumitat jilqa’ bi pjaċir l-intenzjonijiet ta’ din id-Direttiva emendatorja – pass ulterjuri sabiex jitneħħew uħud mill-ostakli li fadal għal suq uniku, effettiv u ġust fis-settur Ewropew tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. F’dan il-każ, id-Direttiva emendatorja hija dwar l-iffaċilitar tal-aħjar użu ta’ flotot ta’ vetturi fl-Ewropa, b’mod partikolari matul id-domanda massima staġjonali, u tilħaq livell minimu ta’ liberalizzazzjoni. It-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ vetturi tal-merkanzija għall-użu proprju huwa pass pożittiv.

4.2.

Il-KESE jibqa’ tal-fehma li t-tfassil ta’ leġislazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ trasport isir aħjar permezz ta’ Regolament minflok Direttiva – din tal-aħħar tippermetti differenzi akbar fl-interpretazzjoni u r-riġidità fl-applikazzjoni madwar l-Istati Membri. Madankollu, huwa rikonoxxut li din id-Direttiva qasira tikseb l-objettivi tagħha u li, f’dan il-każ, il-konverżjoni għal Regolament kienet tkun sproporzjonata.

4.3.

Madankollu, il-Kumitat jixtieq jesprimi ċerti riżervi dwar effetti konsegwenzjali possibbli. Dawn jaqgħu f’żewġ kategoriji. L-ewwel effett jikkonċerna ż-żieda fil-kumpaniji tal-isem, filwaqt li t-tieni huwa relatat mal-possibbiltà ta’ operatur li jwettaq kabotaġġ illegali mingħajr ma jinqabad. Dawn il-kwistjonijiet huma deskritti hawn taħt.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Il-vetturi kummerċjali ta’ kull tip huma assi li tiswa ħafna flus u qed jiġu pprovduti dejjem aktar lill-operaturi tat-trasport minn kumpanniji tal-kiri. Sabiex tiġi massimizzata l-effiċjenza tal-operazzjonijiet tat-trasport id-disponibbiltà ta’ vetturi trid tlaħħaq mad-domanda. Din ma tvarjax biss skont l-istaġun iżda anke ġeografikament, pereżempju, skont id-domanda tal-produzzjoni agrikola u t-turiżmu. Madankollu, sabiex jinżammu l-istandards tal-operat, ir-rekwiżiti tas-sikurezza u l-kundizzjonijiet tax-xogħol għas-sewwieqa, huwa importanti li l-operaturi jkollhom assi u infrastruttura għal appoġġ dirett fil-pajjiż fejn joperaw.

5.2.

Il-kumpaniji tal-isem huma entitajiet stabbiliti f’pajjiż tal-UE, fejn ma jkollhom ebda (jew ammont minuri ta’) attività ekonomka, fejn l-għażla tal-pajjiż tkun saret għal taxxi u pagi aktar baxxi, eċċ. Tali kumpaniji ftit li xejn ikollhom infrastruttura ta’ appoġġ lokali, joħolqu sitwazzjonijiet kompetittivi inġusti u jistgħu wkoll jisfruttaw il-ħaddiema tagħhom.

5.3.

L-isfida li kumpaniji bħal dawn joħolqu ġiet rikonoxxuta f’ċirkustanzi oħrajn fil-pakkett tal-mobilità u tressqu miżuri (5) biex jindirizzaw din il-problema. Il-KESE jirrikonoxxi li l-indirizzar tal-kumpaniji tal-isem mhijiex ir-responsabbiltà diretta ta’ din id-Direttiva emendatorja iżda huwa mħasseb li din tista’ tiffaċilita ż-żieda u l-operat tagħhom. Għalhekk inħeġġu biex il-miżuri proposti biex issaħħu r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 sabiex jeliminaw il-kumpaniji tal-isem diżonesti, jiġu deċiżi u implimentati b’mod effettiv mill-Istati Membri kollha. Ir-riżultati għandhom jiġu sorveljati b’attenzjoni u jkunu jagħmlu parti mir-rapport dwar l-effettività ta’ din id-Direttiva emendatorja.

5.4.

Il-miżuri, madankollu, mhux se jkunu jindirizzaw operaturi li jieħdu vantaġġ minn tassazzjoni ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi iktar baxxa f’ċerti Stati Membri. B’perjodu ta’ erba’ xhur ta’ operat permess fi Stat Membru ieħor, mhuwiex eskluż li l-operaturi jistgħu jiċċirkolaw il-vetturi bejn il-pajjiżi biex jevitaw din ir-restrizzjoni.

5.5.

Dan it-tħassib jidher li għandu ċerta ġustifika teoretika, għalkemm l-arranġamenti meħtieġa jkunu loġistikament kumplessi. Il-perjodu ta’ rieżami għandu juri jekk tiġix sfruttata din il-lakuna possibbli. Jekk ikun il-każ, il-Kumitat jissuġġerixxi li għandu jkun hemm miżuri ulterjuri biex jissupplementaw ir-restrizzjoni ta’ erba’ xhur, pereżempju b’livell limitu fuq il-proporzjon tal-flotta li tkun proprjetà ta’ operatur u li jista’ jiġi trasferit lil operatur affiljat fi Stat Membru ieħor.

5.6.

Barra minn hekk, il-Kumitat għandu ċertu tħassib dwar il-possibbiltà li jiġi ffaċilitat il-kabotaġġ illegali. Il-kabotaġġ huwa t-trasport ta’ merkanzija b’kiri jew b’kumpens fi Stat Membru permezz ta’ vettura li tappartieni lil operatur mhux residenti rreġistrat fi Stat Membru differenti. (Operatur ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija b’liċenzja internazzjonali standard għandu Awtorizzazzjoni Komunitarja biss biex iwettaq sa tliet xogħolijiet ta’ kabotaġġ f’sebat ijiem fi ħdan l-Istat Membru ospitanti. Dawn ix-xogħolijiet għandhom isegwu vjaġġ fejn il-merkanzija tkun ġiet ittrasportata minn Stat Membru wieħed għall-Istat Membru ospitanti. Naturalment, ir-regoli restrittivi ma jkunx hemm bżonnhom f’suq intern kompetittiv li jaħdem perfett, iżda dan l-għan jibqa’ aspirazzjoni. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq vetturi mikrija tagħmilha eħfef għal operatur ta’ trasport biex iwettaq il-kabotaġġ fuq bażi permanenti (kabotaġġ illegali) billi sempliċiment jikri vetturi rreġistrati fl-Istat Membru fejn l-operatur ikollu interess li jwettaq din it-tip t’attività.

5.7.

Sabiex dan jiġi evitat, il-Kumitat jirrakkomanda li għadd ta’ rekwiżiti biex jikkonsolida u jissalvagwardja rabta traċċabbli bejn il-kumpanija u l-vettura tiġi kkunsidrata. Dawn għandhom jinkludu:

—

Dikjarazzjoni mandatorja tal-pjanċa tan-numru tal-vettura għall-vetturi kollha li jkunu qed jintużaw minn operatur fir-reġistri elettroniċi nazzjonali,

—

Aċċess għar-reġistri elettroniċi nazzjonali fil-ħin reali għall-ispettorati tat-triq, waqt il-kontrolli mal-ġenb tat-triq u tal-kumpanniji,

—

Introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ ksur b’rabta mad-Direttiva dwar vetturi mikrija fl-hekk imsejħa “lista dwar il-kategorizzazzjoni tal-ksur li jwassal għat-telf ta’ reputazzjoni tajba”.

Brussell, is-6 ta’ Diċembru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Id-Direttiva 84/647/KEE.

(2)  Id-Direttiva 90/398/KEE; id-Direttiva 2006/1/KE.

(3)  Ex-post evaluation of Directive 2006/1/KE Final report, January 2016.

(4)  ĠU C 34, 2.2.2017, p. 176.

(5)  COM(2017) 281 final dwar Proposta għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 bl-għan li jiġu adattati għall-iżviluppi fis-settur.