27.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 22/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/138

tas-16 ta' Jannar 2017

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Raclette de Savoie (IĠP)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-applikazzjoni ta' Franza biex id-denominazzjoni “Raclette de Savoie” tiddaħħal fir-reġistru ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(2)

Bl-ittra tat-23 ta' Novembru 2015, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw lill-Kummissjoni li ngħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017, lil żewġ operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dak l-Artikolu. Matul il-proċedura nazzjonali ta' oppożizzjoni, dawn l-operaturi, li kkumerċjalizzaw legalment ir-“Raclette de Savoie” b'mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, ressqu oppożizzjoni dwar il-firxa tal-proporzjon ta' xaħam għal materja xotta fil-ġobon u dwar is-sehem minimu ta' għalf aħdar oħxon fir-razzjon bażiku tal-baqar tal-ħalib. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: SCA des producteurs de Reblochon de la vallée de Thônes, Route d'Annecy BP 38, 74230 Thones u GAEC Le Seysselan, Vallod, 74190 Seyssel.

(3)

Ladarba ma ġiet notifikata l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li d-denominazzjoni “Raclette de Savoie” tiġi rreġistrata,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni “Raclette de Savoie” (IĠP) hija rreġistrata.

Id-denominazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu tidentifika prodott tal-klassi 1.3. Ġobon, kif speċifikat fl-Anness XI tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 (3).

Artikolu 2

Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija mingħajr preġudizzju għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Ordni tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar l-approvazzjoni tal-ispeċifikazzjoni għad-denominazzjoni “Raclette de Savoie”, ippubblikata fis-7 ta' Novembru 2015 fil-Ġurnal uffiċjali tar-Repubblika Franċiża skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, favur l-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Jannar 2017.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Phil HOGAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)   ĠU C 261, 19.7.2016, p. 16.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 668/2014 tat-13 ta' Ġunju 2014 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 36).