26.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 277/16


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1219

tal-20 ta’ Awwissu 2020

li tawtorizza lill-Italja tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 2 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(It-test bil-lingwa Taljana biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġiżlazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ ċertifikat ta’ kompetenza professjonali (CPC), ta’ taħriġ perjodiku li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament jestendi l-validità tal-immarkar korrispondenti tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni, “95”.

(2)

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-validità tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa msemmija fl-Anness II tad-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) li kieku skadew jew jiskadu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(3)

B’ittra bid-data tat-13 ta’ Lulju 2020, li tirreferi għall-Artikolu 2(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, l-Italja ssottomettiet talba motivata għal awtorizzazzjoni biex tiġi applikata estensjoni b’erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament. L-Italja pprovdiet informazzjoni addizzjonali bħala appoġġ għat-talba tagħha fil-15, 16, 17 u 21 ta’ Lulju 2020.

(4)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, it-tlestija tat-taħriġ perjodiku u ċ-ċertifikazzjoni tagħha, l-immarkar tal-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95” u t-tiġdid tal-kards ta’ kwalifika tas-sewwieqa x’aktarx jibqgħu imprattikabbli fl-Italja wara l-31 ta’ Diċembru 2020 minħabba miżuri li ħadet biex jiġi evitat jew jitrażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(5)

B’mod partikolari, l-Italja ssospendiet il-korsijiet ta’ taħriġ kollha bejn id-9 ta’ Marzu u t-28 ta’ Mejju 2020, inklużi dawk relatati mat-taħriġ perjodiku tax-xufiera previst fid-Direttiva 2003/59/KE. Dawk il-korsijiet ta’ taħriġ reġgħu bdew biss fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju 2020. Barra minn hekk, fil-korsijiet ta’ taħriġ jistgħu jipparteċipaw biss numru żgħir ta’ kandidati fl-istess ħin, biex jiġu rrispettati r-regoli ta’ tbegħid soċjali u biex jiġi evitat it-tixrid tal-virus. Għalhekk, hemm akkumulazzjoni konsiderevoli ta’ sewwieqa li jeħtieġu jlestu l-korsijiet ta’ taħriġ.

(6)

Is-sitwazzjoni hija partikolarment problematika fil-każ tat-taħriġ perjodiku għas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, ħafna sewwieqa li kienu qed iwettqu l-attività ta’ xufiera tal-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-passiġġiera fl-10 ta’ Settembru 2008, kisbu CPC bħala dritt akkwiżit skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/59/KE. Fil-prattika, u skont l-Artikolu 4, l-Artikolu 8(2) u l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/59/KE, ħafna mis-CPCs li ngħataw b’dan il-mod skadew fl-ewwel nofs ta’ Settembru 2015, peress li l-Italja għamlet użu mill-possibbiltà li testendi l-perjodu msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2003/59/KE b’mhux aktar minn seba’ snin. Min-naħa tagħhom, is-sewwieqa li ġeddew is-CPC tagħhom ftit qabel l-iskadenza fl-2015 iridu jerġgħu jġedduh sad-9 ta’ Settembru 2020. L-Italja tikkalkula li hemm aktar minn 62 000 CPC li waslu biex jiskadu fid-9 ta’ Settembru 2020 u li għadhom ma ġewx imġedda.

(7)

Barra minn hekk, is-CPCs maħruġa bejn il-11 ta’ Settembru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2007 fuq il-bażi ta’ eżamijiet se jiskadu wkoll bejn il-11 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru 2020.

(8)

Minbarra dan, skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, it-tlestija tal-kors ta’ taħriġ perjodiku ta’ 35 siegħa tieħu mill-inqas ħamest ijiem, u l-maġġoranza tal-parteċipanti se jkunu jeħtieġu ġimagħtejn biex ilestuh. Wara t-tlestija b’suċċess tal-kors, il-parteċipanti jridu jitolbu lill-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport biex joħroġ liċenzja tas-sewqan ġdida bil-kodiċi armonizzat tal-Unjoni “95”, li jiċċertifika li t-taħriġ perjodiku twettaq skont id-Direttiva 2003/59/KE. Għalhekk, l-Italja tantiċipa li bosta sewwieqa mhux se jkunu jistgħu jlestu l-kors perjodiku ta’ taħriġ u jikkonkludu l-proċedura amministrattiva biex ikunu jistgħu jkomplu jwettqu l-attività tagħhom.

(9)

Għalhekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2020/698, jenħtieġ li l-Italja tkun awtorizzata tapplika estensjoni b’erba’ xhur tal-perjodi rispettivi, bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) u (3) ta’ dak ir-Regolament,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Italja hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, għall-finijiet tal-Artikolu 2(1) u (2) ta’ dak ir-Regolament.

L-Italja hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu bejn l-1 ta’ Frar 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020 kif speċifikat fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.

(2)  Id-Direttiva 2003/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-kwalifika inizjali u taħriġ perjodiku ta’ sewwieqa ta’ ċerti vetturi tat-triq għall-ġarr ta’ merkanzija jew passiġġieri, li temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 u d-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 76/914/KEE (ĠU L 226, 10.9.2003, p. 4).