Brussell, 17.1.2022

COM(2022) 12 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tad-delega tas-setgħat tal-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 6(6), 7(6) u 27 tad-Direttiva 2016/798


1. Introduzzjoni

L-Artikoli 6(6) u 7(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja 1 jikkonferixxu setgħat lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati f’konformità mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 27 għal perjodu ta’ ħames snin, mill-15 ta’ Ġunju 2016, estiż b’mod taċitu għal perjodi tal-istess durata.

Minħabba s-sitwazzjoni straordinarja u imprevedibbli kkaġunata mit-tifqigħa tal-COVID-19, l-Istati Membri tal-UE ngħataw perjodu addizzjonali biex ilestu t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/798 permezz tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2020/700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li temenda d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodi tat-traspożizzjoni tagħhom 2 . L-aħħar Direttiva emendatorja introduċiet ukoll żewġ dispożizzjonijiet ġodda, l-Artikolu 6a u l-Artikolu 27a fid-Direttiva (UE) 2016/798.

L-Artikolu 6a tad-Direttiva (UE) 2016/798 jippermetti lill-Kummissjoni tallinja d-dati tal-applikazzjoni tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798 bl-iskadenza estiża għat-traspożizzjoni (delegazzjoni limitata biż-żmien). Is-setgħa li jiġu adottati dawn l-atti hija mogħtija mit-28 ta’ Mejju 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020. L-Artikolu 27a tad-Direttiva (UE) 2016/798 jistabbilixxi proċedura ta’ urġenza speċjali għall-adozzjoni ta’ dawk l-atti.

Dan ir-rapport jikkonċerna s-setgħat delegati deskritti hawn fuq u jelenka l-atti adottati mill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tagħhom.

2. Bażi ġuridika tar-rapport

Skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798, il-Kummissjoni ntalbet tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat sal-15 ta’ Settembru 2020.

Madankollu, kif spjegat hawn fuq, minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, ittieħdu miżuri biex jitwessgħu s-setgħat delegati tal-Kummissjoni. Għalhekk, minkejja li tard, dan ir-rapport huwa aktar eżawrjenti peress li jkopri l-eżerċizzju tas-sett sħiħ ta’ setgħat delegati.

3. Eżerċizzju ta’ delega

It-tabella li ġejja turi s-setgħat rilevanti:

Setgħat fid-
Direttiva (UE) 2016/798

Deskrizzjoni tas-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati

Artikolu 6(6) flimkien mal-Artikolu 6(1)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27 dwar il-kontenut tal-Metodi Komuni tas-Sikurezza fil-:

·metodi tal-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskju;

·metodi biex tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti taċ-ċertifikati ta’ sikurezza u l-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza maħruġa skont l-Artikoli 10 u 12;

·metodi għas-superviżjoni li għandhom jiġu applikati mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-metodi għall-monitoraġġ li għandhom jiġu applikati mill-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-korpi inkarigati mill-manutenzjoni;

·metodi għall-valutazzjoni tal-livell tas-sikurezza u l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operaturi ferrovjarji fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni;

·metodi għall-valutazzjoni tal-kisba ta’ miri ta’ sikurezza fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni; kif ukoll

·kwalunkwe metodu ieħor li jkopri proċess ta’ sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza li jeħtieġ ikun armonizzat fil-livell tal-Unjoni.

Artikolu 6 a

(mit-28 ta’ Mejju 2020 sal-31 ta’ Ottubru 2020)

Allinjament tal-Metodi Komuni tas-Sikurezza mal-iskadenzi riveduti tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/798.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27 biex tallinja d-dati tal-applikazzjoni tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 6(6) mal-iskadenza tat-traspożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(2a). Il-proċedura prevista fl-Artikolu 27a tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.

L-Artikolu 7(6) flimkien mal-Artikolu 7(1)

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27 dwar il-kontenut tal-Miri Komuni tas-Sikurezza b’mod partikolari:

·riskji individwali relatati mal-passiġġieri, mal-persunal inkluż l-impjegati jew kuntratturi, l-utenti tal-punti ta’ qsim ta’ binarji u oħrajn, u, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u internazzjonali eżistenti dwar ir-responsabbiltà, ir-riskji individwali relatati mal-persuni li jidħlu bla permess;

·riskji lis-soċjetà.

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha skont l-Artikolu 6(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798 billi adottat:

a)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/761 tas-16 ta’ Frar 2018 li jistabbilixxi metodi komuni tas-sikurezza għas-superviżjoni minn awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza wara l-ħruġ ta’ ċertifikat tas-sikurezza uniku jew ta’ awtorizzazzjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1077/2012 3 , u

b)Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/762 tat-8 ta’ Marzu 2018 li jistabbilixxi metodi komuni ta’ sikurezza dwar ir-rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza skont id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1158/2010 u (UE) Nru 1169/2010 4 .

Dawn ir-Regolamenti Delegati jistabbilixxu sett ta’ metodi koerenti li għandhom jiġu integrati fil-Metodi Komuni tas-Sikurezza biex jiggarantixxu u jtejbu s-sikurezza permezz tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza u l-istabbiliment ta’ rekwiżiti tas-sistema tal-ġestjoni tas-sikurezza. Dan jitwettaq filwaqt li jkun possibbli li jiġu ffaċilitati, imtejba u żviluppati s-servizzi tat-trasport fi ħdan l-Unjoni u mal-pajjiżi terzi u jingħata kontribut għat-tlestija taż-żona ferrovjarja unika Ewropea u l-kisba progressiva tas-suq intern.

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha skont l-Artikolu 6a tad-Direttiva (UE) 2016/798 billi adottat ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/782 tat-12 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti Delegati (UE) 2018/761 u (UE) 2018/762 fir-rigward tad-dati ta’ applikazzjoni tagħhom wara l-estensjoni tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

Dan ir-Regolament Delegat ta lill-Istati Membri l-possibbiltà li jestendu l-iskadenza biex japplikaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni (UE) 2018/761 u (UE) 2018/762 minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji tat-tifqigħa tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni ma eżerċitatx is-setgħa tagħha skont l-Artikolu 7(6) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

4. Konklużjoni

B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 27(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew sabiex jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

(1)

      ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102.

(2)

   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 27.

(3)

     ĠU L 129, 25.5.2018, p. 16.

(4)

 ĠU L 129, 25.5.2018, p. 26.

(5)

 ĠU L 188, 15.6.2020, p. 14.