SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
30 ta’ Marzu 2023 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Artikolu 27 – Rikors ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward ta’ applikant għal ażil – Artikolu 29 – Sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment – Terminu għat-trasferiment – Sospensjoni tat-terminu sabiex jitwettaq it-trasferiment – Direttiva 2004/81/KE – Permess ta’ residenza maħruġ liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bniedem jew kienu s-suġġett ta’ għajnuna għall-immigrazzjoni illegali u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti – Artikolu 6 – Perijodu ta’ riflessjoni – Projbizzjoni ta’ eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija – Rimedji ġudizzjarji”
Fil-Kawża C‑338/21,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Raad van State (Il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑31 ta’ Mejju 2021, fil-proċedura
Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid
vs
S.S.,
N.Z.,
S.S.,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tal-Ewwel Awla, L. Bay Larsen (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Kumin u I. Ziemele, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,
Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal S.S., minn A. Khalaf u P. A. J. Mulders, advocaten, |
|
– |
għal N.Z., minn F. M. Holwerda, advocaat, |
|
– |
għal S.S., minn M. H. R. de Boer, advocaat, |
|
– |
għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u P. Huurnink, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u A. Hoesch, bħala aġenti, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u F. Wilman, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Novembru 2022,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn l-Istaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) u S.S., N.Z. u S.S., ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dwar deċiżjonijiet tas-Segretarju tal-Istat li jiċħad mingħajr eżami l-applikazzjonijiet tagħhom għal protezzjoni internazzjonali u li jordna t-trasferiment tagħhom lejn l-Italja. |
Il‑kuntest ġuridiku
Id‑Direttiva 2004/81/KE
|
3 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69), jipprovdi: “L-Iskop ta’ din id-Direttiva hija li jiġu definiti l-kondizzjonijiet sabiex jingħataw permessi ta’ residenza ta’ durata limitata, marbuta mat-tul tal-proċeduri nazzjonali rilevanti, lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkoperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar fil-bnedmin jew kontra azzjoni sabiex tiġi ffaċilitata immigrazzjoni illegali.” |
|
4 |
L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej: “Din id-Direttiva m’għandhiex tipprevjeni lil Stati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.” |
|
5 |
L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jipprevedi: “1. Stati Membri għandhom jassiguraw li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati huma mogħtija perjodu ta’ riflessjoni li jippermettilhom jirkupraw u jiskappaw l-influwenza tal-perpetraturi ta’ l-offiżi sabiex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni infurmata dwar jekk jikkoperawx ma’ l-awtoritajiet kompetenti. Id-Durata u l-punt ta’ bidu tal-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu determinati skond il-liġi nazzjonali. 2. Tul il-perjodu ta’ riflessjoni u waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernat għandu jkollhom aċċess għat-trattament imsemmi fl-Artikolu 7 u m’għandux ikun possibbli li tiġi infurzata kwalunkwe ordni ta’ espulsjoni kontrihom. 3. Il-Perjodu ta’ riflessjoni m’għandu joħloq ebda intitolament għal residenza taħt din id-Direttiva. 4. L-Istat Membru jista’ fi kwalunkwe ħin iġib fit-tmiem il-perjodu ta’ riflessjoni […] għal raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali.” |
|
6 |
L-Artikolu 7 tal-istess direttiva jiddefinixxi t-trattament mogħti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati qabel il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza. |
|
7 |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/81: “1. Wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ riflessjoni, jew iktar kmieni jekk l-awtoritajiet kompetenti huma ta’ l-opinjoni li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat diġà ssodisfa l-kriterju stabbilit fis-subparagrafu (b), l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:
2. Għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza u mingħajr preġudizzju għar-raġunijiet li jirrelataw għal politika pubblika u għall-protezzjoni ta’ sigurtà nazzjonali, is-sodisfazzjon tal-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun meħtieġ. 3. Mingħar preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar l-irtirar […], il-permess ta’ residenza għandu jkun validu għal mill-inqas sitt xhur. Għandu jiġġedded fil-każ li l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jibqgħu jiġu sodisfatti.” |
Ir‑Regolament Dublin III
|
8 |
Il-premessi 4 u 5 tar-Regolament Dublin III huma fformulati kif ġej:
|
|
9 |
Il-Kapitolu VI ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Proċedura ta’ Teħid ta’ Inkarigu u ta’ Teħid Lura” jinkludi, fit-Taqsima IV tiegħu, intitolata “Salvagwardji proċedurali”, l-Artikolu 27, min-naħa tiegħu intitolat “Rimedji”, li jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu: “1. L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal. […] 3. Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:
4. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jaġixxu ex officio fis-sospensjoni tal-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tat-trasferiment sakemm iseħħ l-eżitu tal-appell jew reviżjoni.” |
|
10 |
Fit-Taqsima VI tal-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Trasferimenti”, l-Artikolu 29, min-naħa tiegħu intitolat “Modalitajiet u żmien limitu” jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu: “1. It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3). […] 2. Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.” |
Il‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari
|
11 |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw, suċċessivament, żewġ tipi ta’ applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
|
12 |
Fl-ewwel lok, fid‑19 ta’ April, il‑5 ta’ Settembru u s‑7 ta’ Ottubru 2019, huma ppreżentaw, rispettivament, applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-Segretarju tal-Istat ippreżenta lill-awtoritajiet Taljani talbiet għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura sabiex tittieħed responsabbiltà tal-konvenuti fil-kawża prinċipali. Fit‑12 ta’ Ġunju, l‑20 ta’ Novembru u t‑28 ta’ Novembru 2019, dawn l-awtoritajiet aċċettaw, espliċitament jew impliċitament, dawn it-talbiet. |
|
13 |
Fl‑1 ta’ Awwissu 2019, is‑17 ta’ Jannar 2020 u t‑8 ta’ Frar 2020, is-Segretarju tal-Istat iddeċieda li jiċħad l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali mingħajr ma jeżaminahom u li jordna t-trasferiment tagħhom lejn l-Italja. |
|
14 |
Il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikorsi għal annullament kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. |
|
15 |
Fil‑21 ta’ Novembru 2019, l‑1 ta’ Settembru 2020 u s‑16 ta’ Settembru 2020, dawn il-qrati annullaw l-imsemmija deċiżjonijiet, għar-raġuni, b’mod partikolari, li t-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III kien skada u li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien għalhekk sar responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati mill-konvenuti fil-kawża prinċipali. L-imsemmija qrati ordnaw ukoll lis-Segretarju tal-Istat li jieħu deċiżjonijiet ġodda fuq dawn l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
|
16 |
Is-Segretarju tal-Istat appella mis-sentenzi mogħtija minn dawn il-qrati quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), li huwa l-qorti tar-rinviju. Flimkien mal-appelli tiegħu huwa għamel talbiet għal miżuri provviżorji intiżi, minn naħa, sabiex huwa ma jkollux jieħu deċiżjoni ġdida qabel ma tkun ingħatat deċiżjoni dwar l-appelli u, min-naħa l-oħra, li t-terminu għat-trasferiment jiġi sospiż. Il-qorti tar-rinviju laqgħet dawn it-talbiet fit‑22 ta’ April, il‑21 ta’ Settembru u s‑16 ta’ Novembru 2020. |
|
17 |
Fit-tieni lok, fl‑1 ta’ Ottubru 2019, il‑21 ta’ Frar 2020 u l‑4 ta’ Marzu 2020, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ddenunzjaw atti ta’ traffikar tal-bnedmin li huma ġarrbu fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Italja. Dawn id-denunzji tqiesu mis-Segretarju tal-Istat bħala li jikkostitwixxu applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza marbut ma’ motivi umanitarji temporanji. |
|
18 |
Dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda mis-Segretarju tal-Istat, permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑7 ta’ Ottubru 2019, tat‑3 ta’ Marzu 2020 u tas‑6 ta’ April 2020. |
|
19 |
Fl‑4 ta’ Novembru 2019, fit‑30 ta’ Marzu 2020 u fis‑6 ta’ April 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu talbiet għal reviżjoni kontra dawn id-deċiżjonijiet. It-talbiet għal reviżjoni ppreżentati kontra l-imsemmija deċiżjonijiet ġew miċħuda mis-Segretarju tal-Istat jew irtirati fis‑16 ta’ Diċembru 2019, it‑22 ta’ April 2020 u t‑28 ta’ Awwissu 2020. |
|
20 |
Is-Segretarju tal-Istat isostni, insostenn tal-appelli ppreżentati kontra s-sentenzi li annullaw id-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, li t-terminu għat-trasferiment previst fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III huwa, bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, sospiż bil-preżentata ta’ talba għal reviżjoni kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza bħala vittma ta’ traffikar tal-bniedem. |
|
21 |
Il-qorti tar-rinviju tqis li qari litterali tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III ikun jimplika li dawn id-dispożizzjonijiet jipprekludu leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-preżentata ta’ tali talba għal reviżjoni twassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement u l-interruzzjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
22 |
Madankollu, dik il-qorti tqis li erba’ argumenti jimmilitaw favur soluzzjoni opposta. |
|
23 |
L-ewwel, skont dik il-qorti, tali soluzzjoni hija neċessarja sabiex jiġi ggarantit l-effett utli tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2004/81, filwaqt li jiġu evitati l-abbużi ta’ dritt. Fil-fatt, fil-prattika huwa diffiċli li wieħed jasal sabiex jeżamina applikazzjoni għal permess ta’ residenza u sussegwentement talba għal reviżjoni qabel l-iskadenza tat-terminu għat-trasferiment meta l-applikant ikun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement. Għaldaqstant, l-assenza ta’ sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment fil-każ tal-preżentata ta’ talba għal reviżjoni kontra deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem tiffavorixxi l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni u tistieden lill-awtoritajiet nazzjonali ma jittrattawx id-denunzji ta’ atti ta’ traffikar tal-bniedem b’attenzjoni suffiċjenti. |
|
24 |
It-tieni, skont dik il-qorti, huwa possibbli li l-kunċett ta’ “deċiżjoni ta’ trasferiment” li jinsab fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III jiġi interpretat bħala li jkopri wkoll “l-eżekuzzjoni effettiva tat-trasferiment”. Il-preżentata ta’ rikors li huwa ta’ ostakolu għal din l-eżekuzzjoni taqa’ għalhekk taħt din id-dispożizzjoni u tinvolvi għalhekk sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
25 |
It-tielet, Stat Membru jista’ jagħżel is-sospensjoni tat-terminu għat-trasferiment abbażi tal-awtonomija proċedurali tiegħu. |
|
26 |
Ir-raba’, it-tliet għażliet elenkati fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III ma jeskludux lil xulxin. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għażel li jittrasponi l-għażla deskritta fl-Artikolu 27(3)(c) ta’ dan ir-regolament ma tipprekludix li jitqies li talba għal reviżjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-għażla msemmija fl-Artikolu 27(3)(a) tal-imsemmi regolament. |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja: “L-Artikolu 27(3) u l-Artikolu 29 tar-Regolament [Dublin III] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni hawnhekk, li fiha Stat Membru jkun għażel l-implimentazzjoni tal-Artikolu 27(3) initio u (c) [tal-imsemmi regolament], iżda jkun ta wkoll effett sospensiv fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, lil reviżjoni jew lil appell ippreżentat kontra deċiżjoni adottata fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna applikazzjoni għal permess ta’ residenza marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, li filwaqt li ma tkunx deċiżjoni ta’ trasferiment, tipprekludi temporanjament it-trasferiment effettiv?” |
Fuq id‑domanda preliminari
|
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem tinvolvi, minn naħa, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata minn qabel li tkopri lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu għat-trasferiment tal-imsemmi ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
29 |
L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-trasferiment tal-persuna kkonċernata lejn l-Istat Membru responsabbli għandu jseħħ, konformement mad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent, hekk kif ikun prattikament possibbli u, l-iktar tard, fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni minn Stat Membru ieħor tat-talba biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali fuq ir-rikors meta jingħata effett sospensiv konformement mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament. |
|
30 |
Skont l-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament, jekk it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jinħeles mill-obbligu tiegħu li jieħu l-inkarigu ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għalhekk tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedent. |
|
31 |
Sabiex jiġu ddeterminati l-effetti tal-Artikolu 29 tal-istess regolament f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli hija intiża li tiffaċilita l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81, fl-ewwel lok għandu jiġi vverifikat jekk din id-direttiva timponix jew, għall-inqas, tippermettix li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement tiġi sospiża sakemm jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem. |
|
32 |
Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/81, din għandha l-għan li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ permessi ta’ residenza għal żmien limitat liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin jew kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali. |
|
33 |
L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jista’ raġonevolment jitqies bħala li jista’ jkun jew seta’ kien il-vittma ta’ ksur relatat mat-traffikar tal-bniedem igawdi minn terminu ta’ riflessjoni li jippermettilu jirkupra u jaħrab mill-influwenza tal-awturi tal-ksur, b’tali mod li jkun jista’ jiddeċiedi b’għarfien jekk jikkooperax jew le mal-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija tal-vittma tat-traffikar tal-bniedem), C‑66/21, EU:C:2022:809, punti 47 u 49). |
|
34 |
Skont l-Artikolu 6(2) tal-imsemmija direttiva, matul il-perijodu ta’ riflessjoni, u sakemm tittieħed deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkonċernati għandhom aċċess għat-trattament previst fl-Artikolu 7 tagħha u l-ebda miżura ta’ tneħħija ma tista’ tiġi eżegwita fil-konfront tagħhom. |
|
35 |
Il-projbizzjoni li tiġi eżegwita miżura ta’ tneħħija prevista fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81 tipprekludi b’mod partikolari li, matul it-terminu ta’ riflessjoni mogħti konformement mal-Artikolu 6(1) tagħha, u sakemm l-awtoritajiet kompetenti jagħtu deċiżjoni, tiġi eżegwita deċiżjoni ta’ trasferiment, adottata skont ir-Regolament Dublin III, fil-konfront taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija tal-vittma tat-traffikar tal-bniedem), C‑66/21, EU:C:2022:809, punt 70). |
|
36 |
Min-naħa l-oħra, l-ewwel, ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/81 ma tistabbilixxi projbizzjoni li tiġi eżegwita miżura ta’ tneħħija wara l-iskadenza ta’ dan il-perijodu ta’ riflessjoni jew wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu taw deċiżjoni. |
|
37 |
Barra minn hekk, mill-Artikolu 6(3) u (4) ta’ din id-direttiva jsegwi, minn naħa, li l-perijodu ta’ riflessjoni ma jiftaħx, bħala tali, dritt għal residenza skont l-imsemmija direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-Istat Membru kkonċernat jista’ jtemm il-perijodu ta’ riflessjoni fi kwalunkwe mument, b’mod partikolari għal raġunijiet relatati mal-ordni pubbliku u mal-protezzjoni tas-sigurtà interna. |
|
38 |
It-tieni, l-istess direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni dwar ir-rimedji, amministrattivi jew ġudizzjarji, li jistgħu jiġu eżerċitati kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem. |
|
39 |
Dan ingħad, peress li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/81 jippermetti, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi inkwistjoni li jiksbu permess ta’ residenza, mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jsegwi li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza tagħhom ibbażata fuq l-istess direttiva ġiet miċħuda għandu jkollhom rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni li tiċħad din l-applikazzjoni, b’mod partikolari sabiex ikunu jistgħu jsostnu li l-awtorità kompetenti applikat dan l-Artikolu 8(1) b’mod żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes, C‑353/20, EU:C:2022:423, punti 49 u 50). |
|
40 |
Fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ dan ir-rimedju ġudizzjarju, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn il-modalitajiet ma jkunux, fis-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, inqas favorevoli milli f’sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2021, Konsul Rzeczypospolitej Polskiej w N., C‑949/19, EU:C:2021:186, punt 43, u tat‑2 ta’ Ġunju 2022, Skeyes, C‑353/20, EU:C:2022:423, punt 52). |
|
41 |
Għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-kuntest, l-Istati Membri humiex obbligati li jipprevedu li l-preżentata ta’ rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem, jekk ikun il-każ fil-forma ta’ rikors amministrattiv preċedenti, tinvolvi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ miżura ta’ tneħħija adottata preċedentement, sabiex tiġi żgurata liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat il-possibbiltà li jibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni sakemm tingħata deċiżjoni fuq dak ir-rikors. |
|
42 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn, mid-Direttiva 2004/81 jsegwi li l-protezzjoni kontra kwalunkwe miżura ta’ tneħħija, inkluża l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, mogħtija minn din id-direttiva hija intiża li tiżgura, minn naħa, li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jibbenefikaw mit-trattament li għandu jingħata lilhom, konformement mal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, matul il-perijodu ta’ riflessjoni u, min-naħa l-oħra, li dawn il-persuni ma jkunux kostretti li jitilqu mit-territorju tal-Istat Membru fejn huma ddenunzjaw atti ta’ traffikar tal-bniedem qabel stess ma jkunu setgħu, matul dan il-perijodu, jiddeċiedu dwar ir-rieda tagħhom li jikkooperaw fl-investigazzjoni kriminali dwar dawn l-atti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Ottubru 2022, Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid (Tkeċċija tal-vittma tat-traffikar tal-bniedem), C‑66/21, EU:C:2022:809, punti 61 u 62). |
|
43 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-estensjoni ta’ din il-protezzjoni għall-perijodu li jestendi bejn l-iskadenza tal-perijodu ta’ riflessjoni jew id-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem u d-deċiżjoni fuq ir-rikors kontra dik id-deċiżjoni ma tistax titqies bħala neċessarja sabiex jiġi żgurat l-effett utli tal-obbligi ta’ protezzjoni provviżorja imposti fuq il-Istati Membri mid-Direttiva 2004/81. |
|
44 |
Sussegwentement, għandu jitfakkar li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tinvolvix it-tkeċċija tal-persuna kkonċernata lejn pajjiż terz, iżda t-trasferiment tagħha lejn Stat Membru li għandu josserva, b’mod partikolari, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-obbligi kollha li jirriżultaw mid-Direttiva 2004/81. |
|
45 |
B’dan il-mod, is-sitwazzjoni ta’ persuna li hija s-suġġett kemm ta’ deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem kif ukoll ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment ma tistax tiġi assimilata, b’mod ġenerali, ma’ dik ta’ persuna li dwarha jeżistu raġunijiet serji sabiex wieħed jaħseb li t-tkeċċija lejn pajjiż terz tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li għandha tibbenefika minn rikors ipso jure sospensiv kontra l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni li tippermetti din it-tkeċċija, sabiex jiġi evitat li jseħħ dannu gravi u irreparabbli sakemm tingħata deċiżjoni fuq dak ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 2014, Abdida, C‑562/13, EU:C:2014:2453, punti 50 u 52, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 54). |
|
46 |
Fl-aħħar, anki jekk jitqies li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tkun ta’ natura li tinvolvi, b’mod eċċezzjonali, dannu ta’ dan it-tip, dan l-ilment jista’ jiġi eżaminat fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni jew kontra l-eżekuzzjoni tagħha u mhux f’dak ta’ rikors li jirrigwarda deċiżjoni dwar ir-residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 2015, Tall, C‑239/14, EU:C:2015:824, punti 56 sa 58, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punti 55 u 56). |
|
47 |
Għaldaqstant, l-effettività ta’ eventwali annullament tad-deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem għandha normalment tkun tista’ tiġi żgurata b’mod suffiċjenti billi jiġi awtorizzat ir-ritorn tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru inkwistjoni wara tali annullament, mingħajr ma jkun impost fuq dan l-Istat Membru l-obbligu li jastjeni, sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors kontra dik id-deċiżjoni, milli jeżegwixxi deċiżjoni ta’ trasferiment ibbażata fuq ir-Regolament Dublin III. |
|
48 |
Minn dan isegwi li ma jistax jitqies li l-garanzija tal-effettività ta’ rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem teżiġi li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement tiġi eskluża qabel tkun ingħatat deċiżjoni fuq dak ir-rikors. |
|
49 |
Dan ingħad, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/81 jipprovdi li din ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iżjed favorevoli fil-konfront tal-persuni koperti minn din id-direttiva. |
|
50 |
Minn dan isegwi li d-Direttiva 2004/81 ma tostakolax li Stat Membru jiddeċiedi, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali tiegħu, li jsaħħaħ il-protezzjoni mogħtija liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi koperti minn din id-direttiva, billi jagħti għal rimedju, amministrattiv jew ġudizzjarju, kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bbażata fuq l-imsemmija direttiva, effett sospensiv ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement, sabiex dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu jibqgħu fit-territorju tiegħu sakemm tingħata deċiżjoni fuq dak ir-rikors. |
|
51 |
Konsegwentement, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Dublin III jipprekludix li l-Istati Membri jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom sabiex jimplimentaw id-Direttiva 2004/81 billi jipprevedu li rikors kontra deċiżjoni meħuda taħt din id-direttiva jinvolvi tali effett sospensiv u s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
52 |
F’dan ir-rigward, għalkemm mill-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III jsegwi li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jiffavorixxi eżekuzzjoni rapida tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, xorta jibqa’ l-fatt li huwa ma riedx jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom, u li huwa ppreveda, sabiex jiżgura din il-protezzjoni, li l-eżekuzzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tista’, f’ċerti każijiet, tkun sospiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Jannar 2021, The International Protection Appeals Tribunal et, C‑322/19 u C‑385/19, EU:C:2021:11, punt 88, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 40 u 60). |
|
53 |
L-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament jeżiġi għalhekk li l-Istati Membri joffru lill-persuni kkonċernati rimedju li jista’ jwassal għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tagħhom (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 41). |
|
54 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jipprevedu jew, l-ewwel, li r-rimedju kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment jagħti lill-persuna kkonċernata d-dritt li tibqa’ fl-Istat Membru li jkun adotta dik id-deċiżjoni sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors tagħha jew, it-tieni, li, wara l-preżentata ta’ rikors kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment, it-trasferiment jiġi sospiż awtomatikament għal terminu raġonevoli li matulu qorti tiddetermina jekk hemmx lok li jingħata effett sospensiv għal dan ir-rikors jew, it-tielet, li l-persuna kkonċernata jkollha l-possibbiltà li tippreżenta rikors intiż sabiex tinkiseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors kontra dik id-deċiżjoni (sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 42). |
|
55 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 27(4) tar-Regolament Dublin III jikkompleta l-imsemmija dispożizzjoni billi jawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu ex officio li jissospendu l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment, f’każijiet li fihom is-sospensjoni tagħha la ssir permezz tal-effett tal-liġi u lanqas tal-effett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, meta ċ-ċirkustanzi madwar din l-eżekuzzjoni jimplikaw li l-persuna kkonċernata għandha, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tagħha, tiġi awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li adotta d-deċiżjoni ta’ trasferiment sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar ir-rikors ippreżentat kontra dik id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 54 u 61). |
|
56 |
Fil-każ fejn is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) jew (4) tar-Regolament Dublin III, mill-Artikolu 29(1) tiegħu jirriżulta li t-terminu ta’ trasferiment ma jibdiex jiddekorri mill-aċċettazzjoni tat-talba għal teħid tal-inkarigu jew teħid lura, iżda, b’deroga, mid-deċiżjoni finali dwar ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punti 44 u 49). |
|
57 |
Rikors, amministrattiv jew ġudizzjarju, ippreżentat kontra deċiżjoni li ma hijiex deċiżjoni ta’ trasferiment, bħal deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem, ma jistax, madankollu, jitqies bħala li jikkostitwixxi rikors jew reviżjoni msemmi fl-Artikolu 27(3) jew (4) tar-Regolament Dublin III. |
|
58 |
Fil-fatt, mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jsegwi li din tirrigwarda proċeduri “għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment”. Għaldaqstant, ir-riferimenti għal “appell” u għal “reviżjonijiet” li hemm fl-imsemmija dispożizzjoni għandhom jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment biss għar-rikorsi u għar-reviżjonijiet kontra deċiżjoni ta’ trasferiment imsemmija fl-Artikolu 27(1) ta’ dan ir-regolament. |
|
59 |
Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk koerenti mal-għan tal-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament li ma jirregolax il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, iżda r-rimedji ġudizzjarji li jistgħu jiġu eżerċitati kontra dawk id-deċiżjonijiet. |
|
60 |
Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi l-applikazzjoni ta’ deroga mill-prinċipju li t-terminu għat-trasferiment jibda jiddekorri mill-aċċettazzjoni tat-talba biex jieħu inkarigu jew jieħu lura biss sakemm tingħata d-deċiżjoni finali fuq ir-rikors jew ir-reviżjoni meta l-effett sospensiv jingħata konformement mal-Artikolu 27(3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, din id-deroga ma tistax tiġi applikata fil-każ ta’ preżentata ta’ talba għal reviżjoni jew ta’ rikors kontra deċiżjoni li tiċħad applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem, anki jekk il-preżentata ta’ tali rikors timplika, skont id-dritt nazzjonali, dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. |
|
61 |
B’mod partikolari, ma tistax tiġi estiża għal tali rikors is-soluzzjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry (C‑60/16, EU:C:2017:675), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment) (C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709), f’dak li jirrigwarda l-effetti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 27(4) ta’ dan ir-regolament. |
|
62 |
Din is-soluzzjoni ssegwi, fil-fatt, mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-għoti ta’ effett sospensiv tad-deċiżjoni ta’ trasferiment għal rikors eżerċitat kontra dik id-deċiżjoni, li ġie espliċitament previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li għandu bħala għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni kkonċernati minn tali deċiżjoni fil-qafas iddefinit mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 61). |
|
63 |
Madankollu, iċ-ċirkustanza li d-deroga msemmija fil-punt 60 ta’ din is-sentenza ma tkunx applikabbli f’sitwazzjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma tfisser li r-Regolament Dublin III jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-preżentata ta’ talba għal reviżjoni ta’ deċiżjoni li tirrifjuta li tagħti lil ċittadin ta’ pajjiż terz permess ta’ residenza bbażata fuq id-Direttiva 2004/81 tinvolvi s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment adottata preċedentement li tirrigwarda lil dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz. |
|
64 |
Fil-fatt, bħalma jsegwi mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, ma jistax jiġi eskluż, b’mod ġenerali, li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tkun tista’ tiġi sospiża validament lil hinn mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 27(3) u (4) tar-Regolament Dublin III. |
|
65 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li dan ir-regolament huwa intiż, bħalma jirriżulta mill-premessi 4 u 5 tiegħu, li jistabbilixxi metodu ċar u operazzjonali, ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti, kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati, sabiex jiġi ddeterminat b’mod rapidu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ tali protezzjoni u sabiex ma jiġix kompromess l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Marzu 2019, Jawo, C‑163/17, EU:C:2019:218, punt 58, kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Bundesrepublik Deutschland (Sospensjoni amministrattiva tad-deċiżjoni ta’ trasferiment), C‑245/21 u C‑248/21, EU:C:2022:709, punt 56). |
|
66 |
It-termini imperattivi li permezz tagħhom il-leġiżlatur tal-Unjoni għamel qafas għall-proċeduri biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jikkontribwixxu, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, billi jiggarantixxu li l-imsemmija proċeduri jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat, u jixhdu l-importanza partikolari li dan il-leġiżlatur rabat mad-determinazzjoni bil-ħeffa tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-fatt li, fid-dawl tal-għan li jiġi żgurat aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jiġix kompromess dan l-għan ta’ ħeffa, huwa importanti li tali applikazzjonijiet ikunu, fejn xieraq, eżaminati minn Stat Membru li ma jkunx dak indikat bħala responsabbli skont il-kriterji stipulati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2018, X u X, C‑47/17 u C‑48/17, EU:C:2018:900, punti 69 u 70). |
|
67 |
Mill-għanijiet tar-Regolament Dublin III mfakkra fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza kif ukoll minn qari flimkien tal-Artikolu 29(1) tiegħu, li jiddefinixxi t-terminu għat-trasferiment, u mill-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi li l-assenza ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment f’dan it-terminu twassal għal trasferiment ta’ responsabbiltà, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jobbliga lill-Istat Membru rikjedent mhux li jeżegwixxi fil-każijiet kollha d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment, iżda li jassumi, fil-konfront tal-persuni kkonċernati u tal-Istati Membri l-oħra, il-konsegwenzi tad-dewmien osservat fl-eżekuzzjoni ta’ tali deċiżjonijiet, sabiex jiġi żgurat li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ma jkunx imdewwem b’mod esaġerat. |
|
68 |
F’dan il-kuntest, il-preċiżazzjoni li tinsab fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, skont liema t-trasferiment iseħħ “skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti” għandha tiġi interpretata bħala li timplika li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ trasferiment u li huma jistgħu, għal dan l-għan, jipprevedu li l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi sospiża sabiex tiġi żgurata protezzjoni msaħħa liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81. |
|
69 |
Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax, madankollu, jimplika li Stat Membru jkun jista’ jipprevedi li sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment li tirriżulta mid-dritt nazzjonali tiegħu timplika s-sospensjoni jew l-interruzzjoni tat-terminu għat-trasferiment. |
|
70 |
Fil-fatt, minbarra l-fatt li r-riferiment għad-dritt nazzjonali li jinsab fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III huwa relatat mal-kundizzjonijiet ta’ eżekuzzjoni tat-trasferiment u mhux mar-regoli ta’ kalkolu tat-terminu għat-trasferiment, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn l-iskadenza tat-terminu għat-trasferiment timplika, skont l-Artikolu 29(2) ta’ dan ir-regolament, trasferiment ta’ responsabbiltà bejn Stati Membri, li kull Stat Membru jitħalla jifforma r-regoli ta’ kalkolu ta’ dan it-terminu skont il-kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu jkun iwassal għal bidla fit-tqassim tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri li jirriżulta mill-imsemmi regolament. |
|
71 |
Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III tkun, barra minn hekk, ta’ natura li tmur kontra t-twettiq tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament, imfakkra fil-punti 65 u 66 ta’ din is-sentenza, peress li din tkun tista’ ddewwem, skont il-każ b’mod fit-tul, il-kalkolu tat-terminu għat-trasferiment għal raġunijiet li ma ġewx adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni u, konsegwentement, li ċċaħħad lil dan it-terminu minn kull effett utli kif ukoll li ddewwem b’mod esaġerat l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali tal-persuni kkonċernati. |
|
72 |
Minn dan isegwi li l-fatt li l-modalitajiet tar-rimedji kontra d-deċiżjonijiet li jiċħdu applikazzjoni għal permess ta’ residenza bħala vittma tat-traffikar tal-bniedem jaqgħu, bħalma jsegwi mill-punt 40 ta’ din is-sentenza, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, ma jistax jippermettilhom jidderogaw mir-regoli ta’ kalkolu tat-terminu għat-trasferiment li jirriżulta mill-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. |
|
73 |
Din l-evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-riskji ta’ għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni u ta’ abbuż ta’ dritt imsemmija mill-qorti tar-rinviju, sa fejn mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 32 sa 47 ta’ din is-sentenza jsegwi li tali riskji ma jsegwux, fi kwalunkwe każ, mir-regoli stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni, iżda jirriżultaw, skont il-każ, mill-għażla magħmula mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tiegħu. |
|
74 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
|
Fuq l‑ispejjeż
|
75 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
L-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, moqri flimkien mal-Artikolu 27(3) ta’ dan ir-regolament, |
|
għandu jiġi interpretat fis-sens li: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.