European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6697

12.12.2025

OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-7 ta’ Novembru 2025

dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2028–2034 (il-programm “Pericles V”) u li jħassar ir-Regolament (UE) 2021/840

(CON/2025/34)

(C/2025/6697)

Introduzzjoni u bażi legali

Fit-8 u fil-15 ta’ Ottubru 2025, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, rispettivament, għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2028-2034 (il-programm “Pericles V”) u li jħassar ir-Regolament (UE) 2021/840 (1) (minn hawn 'il quddiem ir-“regolament propost”).

Il-kompetenza tal-BĊE biex jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 133 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li bis-saħħa tiegħu, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika, wara konsultazzjoni mal-BĊE. Skont l-Artikolu 17.5, l-ewwel sentenza, tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

1.   Osservazzjonijiet ġenerali

1.1.

Il-BĊE jinnota li r-regolament propost se jissostitwixxi l-programm Pericles IV attwali għall-perjodu 2021–2027, li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Il-programm Pericles V se japplika mill-2028 sal-2034.

1.2.

Il-BĊE jtenni l-fehma tiegħu li l-programm Pericles huwa kontribut siewi għall-attivitajiet li diġà saru mill-BĊE, l-Europol u awtoritajiet nazzjonali fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar tal-karti u muniti tal-euro (3). Il-BĊE huwa kunfidenti li l-programm Pericles V se jkompli jikkontribwixxi għall-preservazzjoni tal-integrità tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro u għall-ġlieda kontra kwalunkwe theddida potenzjali kontra l-użu tal-euro bħala l-munita unika.

1.3.

Il-BĊE jissottolinja l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar. B'mod partikolari, il-BĊE jiżviluppa disinji tal-karti tal-flus u karatteristiċi ta’ sigurtà għall-karti tal-flus tal-euro li jippermettu lill-pubbliku ġenerali u lill-esperti jiddistingwu l-karti tal-flus ġenwini mill-iffalsifikati u li jservu ta’ deterrent għall-falsifikaturi.

1.4.

L-ewwel serje ta’ karti tal-flus tal-euro ġiet introdotta fl-1 ta’ Jannar 2002. Mill-2013, il-karti tal-flus tat-tieni serje, jiġifieri s-serje Europa, ġew introdotti gradwalment. Biex jippreparaw għat-tnedija ta’ karti tal-flus b'karatteristiċi ta’ sigurtà aġġornati, il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema joffru firxa wiesgħa ta’ informazzjoni lill-manifatturi u l-fornituri tat-tagħmir tal-karti tal-flus, kif ukoll lill-banek kummerċjali, bejjiegħa bl-imnut u oħrajn li jużaw tagħmir tal-karti tal-flus jew jimmaniġġjaw flus kontanti fuq bażi ta’ kuljum. Barra minn hekk, il-BĊE jipprovdi programmi ta’ taħriġ u materjal ta’ taħriġ biex jikkumplimenta t-taħriġ professjonali tal-maniġers tal-flus kontanti. Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi tad-disinn u s-sigurtà hija disponibbli għall-pubbliku ġenerali wara t-tnedija ta’ serje ġdida tal-karti tal-flus. Il-BĊE bħalissa qed iħejji serje ġdida ta’ karti tal-flus tal-euro biex jiżgura li dawn jibqgħu siguri, effiċjenti u sostenibbli. Kemm il-pubbliku kif ukoll esperti qegħdin jipparteċipaw fil-proċess b’mod attiv. Id-deċiżjoni finali dwar it-tema u d-disinni ser tittieħed mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE, bid-data tat-tnedija tas-serje l-ġdida tiġi deċiża f’fażi aktar tard.

1.5.

Barra minn dan, il-BĊE janalizza tipi ġodda ta’ karti tal-flus tal-euro ffalsifikati fiċ-Ċentru għall-Analiżi tal-Iffalsifikar (CAC) tiegħu u juża t-tagħrif miksub sabiex jagħti parir aħjar lill-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi. Il-CAC jikkoordina d-disseminazzjoni tad-data teknika u statistika magħrufa kollha dwar l-euro ffalsifikati lill-partijiet kollha rilevanti.

1.6.

Il-falsifikaturi jagħmlu użu minn firxa wiesgħa ta’ hardware u software tal-immaġni diġitali, fost tekniki oħra. Bi tweġiba, il-Grupp ta’ Deterrenza tal-Iffalsifikar tal-Bank Ċentrali, li tiegħu l-BĊE huwa membru, jappoġġja u juża teknoloġiji bħal sistemi ta’ deterrenza tal-iffalsifikar, li jipprevjenu l-qbid jew ir-riproduzzjoni ta’ immaġni ta’ karti tal-flus protetti.

1.7.

Il-BĊE jaqbel li hija meħtieġa attenzjoni kontinwa biex jiġi miġġieled it-theddid emerġenti ta’ ffalsifikar. Għalhekk, il-BĊE jilqa’ l-fatt li l-programm Pericles V jimmira li jiġġieled it-theddid potenzjali għall-euro diġitali, jekk jinħareġ fil-futur, biex tinżamm l-integrità tal-munita tal-euro fil-forom kollha tagħha. Bl-istess mod, il-BĊE jilqa’ l-fatt li kemm it-theddid mill-intelliġenza artifiċjali kif ukoll l-opportunitajiet investigattivi li toffri jitqiesu fl-objettivi tal-programm. L-azzjonijiet eliġibbli għall-finanzjament għandhom ikopru żviluppi futuri potenzjali f’dawn l-oqsma.

2.   Osservazzjonijiet speċifiċi

2.1.

It-Titolu u l-Artikolu 1 tar-regolament propost jenħtieġ li jiġu estiżi biex jinkludu referenza għal theddid potenzjali ieħor biex jiġu koperti żviluppi ġodda, inkluż fil-kuntest tal-euro diġitali futur, f’konformità mal-premessa 12 u l-Artikolu 2(2) tar-Regolament propost u l-Anness tiegħu.

2.2.

Skont l-Artikolu 7 tar-regolament propost, il-programm Pericles V għandu jiġi implimentat f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), taħt ġestjoni diretta jew b’ġestjoni indiretta ma’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament. Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost, il-programm Pericles V jinstab li huwa komplementari għal u koerenti mal-inizjattivi meħuda mill-BĊE u l-Europol. Għalhekk, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-konsistenza u li tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn mal-miżuri rilevanti meħuda minn entitajiet kompetenti oħra rigward l-iffalsifikar tal-karti tal-flus u l-muniti, b’mod partikolari mill-BĊE u l-Europol, rispettivament, hija fundamentali. Għal din ir-raġuni, meta timplimenta azzjonijiet eliġibbli taħt il-programm Pericles V, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-attivitajiet eżistenti u ppjanati tal-BĊE u tal-Europol li jikkonċernaw theddid kontra l-munita unika, bħall-iffalsifikar u l-frodi relatata, inklużi l-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ karti tal-flus iffalsifikati. Dan huwa konsistenti mal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) 2021/840, li r-regolament propost iħassar. Il-BĊE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tisfrutta bis-sħiħ l-esperjenza tal-BĊE fit-twettiq tat-taħriġ u l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-karti tal-flus euro u biex tiżgura li r-regolament propost jipprovdi għall-involviment sħiħ tal-BĊE f'dan ir-rigward.

2.3.

Barra minn hekk, b’referenza għall-kooperazzjoni tiffunzjona tajjeb fost il-partijiet interessati tal-programm Pericles V, il-BĊE jtenni l-fehma tiegħu li jkun ta’ benefiċċju jekk il-Kummissjoni tikkollabora ma’ u tinvolvi lill-BĊE u lill-Europol meta tiddeċiedi dwar l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-programm Pericles V, b’mod partikolari biex teżamina l-inizjattivi b’mod konġunt. Dan jevita l-possibbiltà ta’ duplikazzjoni u trikkib bejn il-programm Pericles V, programmi rilevanti oħra u l-attivitajiet ta’ taħriġ tal-BĊE (5). Tali kooperazzjoni tiffaċilita wkoll l-applikazzjoni ta’ strateġija allinjata kontra l-iffalsifikar tal-euro u frodi relatata. Għalhekk, l-Artikolu 8(1) tar-regolament propost għandu jiġi emendat biex jipprovdi għal konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet prinċipali involuti, inklużi l-BĊE u l-Europol, mill-Kummissjoni fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma. Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-BĊE biżżejjed żmien biex jiffamiljarizza ruħu mad-dokumentazzjoni fir-rigward tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 8(1) u l-punti (1) u (3) tal-Anness għar-regolament propost (6).

2.4.

L-Artikolu 4(2) tar-regolament propost jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex jipprovdi għal konsultazzjoni minn qabel tal-partijiet prinċipali involuti, inkluż il-BĊE u l-Europol, meta l-Kummissjoni timplimenta riżorsi addizzjonali f’konformità mar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509, taħt ġestjoni diretta jew taħt ġestjoni indiretta ma’ entitajiet imsemmija fl-Artikolu 62(1), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament.

2.5.

Il-BĊE jenfasizza l-ħtieġa (1) biex huwa jkun involut b'mod regolari fit-tħejjija ta’ kwalunkwe rapport ta’ evalwazzjoni matul il-programm biex jirrifletti l-miżuri li jkun ħa u l-involviment attiv tiegħu fil-ġlieda kontra l-iffalsifikar u frodi relatata; (2) għal rispons minn entitajiet li jipparteċipaw attivament f'miżuri rilevanti flimkien mal-Kummissjoni biex jiġu inklużi b'mod xieraq fi kwalunkwe rapport ta’ evalwazzjoni u komunikazzjonijiet; (3) biex huwa jinżamm regolarment infurmat fil-ġejjieni dwar il-programm; u (4) biex huwa jiġi kkonsultat qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att delegat potenzjali biex jiġu żviluppati dispożizzjonijiet għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-qafas. F'dan ir-rigward, il-BĊE jinnota wkoll li l-Artikolu 133 tat-Trattat jeħtieġ li l-BĊE jiġi kkonsultat qabel ma jiġu stabbiliti l-miżuri meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika. Dan l-obbligu mhuwiex limitat għar-regolament propost, iżda japplika wkoll għal atti delegati li jittrattaw oqsma ta’ kompetenza definiti fl-att leġiżlattiv bażiku. Il-BĊE jiġi kkonsultat dwar ir-regolament propost skont l-Artikolu 133 tat-Trattat u, konsegwentement, għandu jiġi kkonsultat ukoll qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att delegat li jimplimenta miżuri bl-iskop li jipproteġu l-euro kontra iffalsifikar u frodi relatata, li huma meħtieġa għall-użu tal-euro bħala l-munita unika.

2.6.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 8(5) u inklużi fil-punti (1) u (2) tal-Anness għar-regolament propost, il-BĊE jissuġġerixxi li jiġu inklużi azzjonijiet konġunti mmirati lejn il-manifattura ta’ karti tal-flus u muniti ffalsifikati barra miż-żona tal-euro u d-distribuzzjoni tagħhom fiż-żona tal-euro. Skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jakkumpanja r-regolament propost, filwaqt li l-għadd medju ta’ karti tal-flus tal-euro ffalsifikati identifikati kull sena għadu taħt kontroll, hija meħtieġa viġilanza kontinwa, kif muri mid-disponibbiltà dejjem akbar ta’ euro ffalsifikati ta’ kwalità għolja u karatteristiċi ta’ sigurtà fuq l-internet/darknet, l-emerġenza ta’ karti tal-flus b’disinn mibdul, u l-eżistenza ta’ hotspots ta’ ffalsifikar, eż. fit-Turkija u fiċ-Ċina.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-7 ta’ Novembru 2025.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2025) 462 finali.

(2)  Regolament (UE) 2021/840 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar għall-perjodu 2021–2027 (il-programm “Pericles IV”), u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 331/2014 (ĠU L 186, 27.5.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/840/oj).

(3)  Ara l-paragrafu 1 tal-Opinjoni CON/2006/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ Lulju 2006 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet proposti tal-Kunsill dwar il-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 163, 14.7.2006, p. 7), il-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni CON/2012/17 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-2 ta’ Marzu 2012 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles 2020”) (ĠU C 137, 12.5.2012, p. 7) u l-paragrafu 1.2 tal-Opinjoni CON/2018/35 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Awwissu 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi skambju, programm ta’ assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-“programm Pericles IV”) (ĠU C 378, 19.10.2018, p. 2). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fuq EUR-Lex.

(4)  Regolament (UE, EURATOM) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2024 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L, 2024/2509, 26.9.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2509/oj).

(5)  Ara l-paragrafu 8 tal-Opinjoni CON/2005/22 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-21 ta’ Ġunju 2005 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill proposti dwar il-programm ta’ skambju, assistenza u taħriġ għall-protezzjoni tal-euro kontra l-iffalsifikar (il-programm “Pericles”) (ĠU C 161, 1.7.2005, p.11), il-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2006/35, il-paragrafu 2.4 tal-Opinjoni CON/2012/17 u l-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2018/35.

(6)  Ara l-paragrafu 2.5 tal-Opinjoni CON/2012/17 u l-paragrafu 2.2 tal-Opinjoni CON/2018/35.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6697/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)