29.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1940

tat-28 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta' skleroti tal-ergotina f'ċerti ċereali mhux ipproċessati u id-dispożiżżjonijiet dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta' Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jistabbilixxi livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel.

(2)

Il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni dwar l-alkalojdi tal-ergotina fl-ikel u fl-għalf (3). Il-Bord CONTAM stabbilixxa doża akuta ta' referenza ta' grupp ta' 1 μg/kg ta' piż tal-ġisem (“b.w.”) u doża tollerabbli ta' kuljum ta' grupp ta' 0,6 μg/kg b.w.

(3)

Il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fil-ħbub tal-qamħ hija sa ċertu punt marbuta mal-preżenza ta' skleroti tal-ergotina fil-ħbub tal-qamħ. Din ir-rabta mhijiex assoluta, hekk kif l-alkalojdi tal-ergotina jistgħu wkoll ikunu preżenti fi trab minn skleroti tal-ergotina assorbita fil-ħbub tal-qamħ. Għaldaqstant huwa importanti li jkunu stabbiliti livelli massimi ta' skleroti tal-ergotina bħala l-ewwel pass filwaqt li tinġabar iktar dejta dwar il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali. Madankollu huwa rikonoxxut li l-konformità mal-livell massimu ta' skleroti tal-ergotina mhix neċessarjament garanzija tas-sikurezza tal-ikel fejn tidħol il-preżenza ta' alkalojdi tal-ergotina. Għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri xierqa, f'konformità mal-Artikolu 14(8) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex jimponu restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq tal-ikel jew biex jeżiġu l-irtirar ta' tali ikel mis-suq, meta l-ikel jinstab li huwa perikoluż minħabba l-livell ta' alkalojdi tal-ergotina, minkejja l-konformità mal-livell massimu ta' skleroti tal-ergotina.

(4)

Hemm bżonn jiġi speċifikat f'liema stadju tal-kummerċjalizzazzjoni għandhom japplikaw il-livelli massimi għall-iskleroti tal-ergotina minħabba li l-operazzjonijiet ta' tindif u issortjar jistgħu jnaqqsu l-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina Huwa xieraq li l-livelli massimi għall-iskleroti tal-ergotina għall-ħbub tal-qamħ jiġu applikati fl-istess stadji ta' kummerċjalizzazzjoni bħal dawk għal mikotossini oħra.

(5)

L-esperjenza mill-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 turi li huwa xieraq li jkun iċċarat it-terminu “ipproċessar tal-ewwel stadju”, b'mod partikolari fejn jidħlu s-sistemi integrati ta' produzzjoni u pproċessar u fejn jidħol it-togħrik.

(6)

Huwa importanti li tinġabar dejta dwar il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali sabiex tiġi stabbilita r-relazzjoni bejn il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina u l-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina. Is-sejbiet dwar l-alkalojdi tal-ergotina għandhom jiġu rrapportati sat-30 ta' Settembru 2016 sabiex jippermettu d-definizzjoni ta' livelli massimi ta' alkalojdi tal-ergotina xierqa u li jistgħu jinkisbu, filwaqt li jkun ipprovdut livell għoli biex titħares is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Għalkemm huwa importanti li l-miżuri ta' prevenzjoni ikomplu japplikaw biex tkun imnaqqsa u evitata il-kontaminazzjoni mill-okratossina A, mhuwiex meħtieġ ir-rappurtaġġ annwali dwar is-sejbiet, l-eżitu ta' investigazzjonijiet u l-progress fl-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni. Huwa xieraq li jiġu aġġornati d-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 9 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Monitoraġġ u rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom jissorveljaw il-livelli tan-nitrati fil-ħxejjex li jista' jkun fihom livelli sinifikanti, b'mod partikolari l-ħxejjex ħodor b'ħafna weraq, u jikkomunikaw ir-riżultati fuq bażi regolari lill-EFSA.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni sommarju tas-sejbiet dwar l-aflatossini li jkunu nġabru skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 884/2014 (*1) u d-dejta tal-okkorrenzi individwali għandha tiġi rrapurtata lill-EFSA mill-Istati Membri.

3.   L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati professjonali għandhom jikkomunikaw, kull sena, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li jsiru lill-Kummissjoni u l-progress fir-rigward tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' prevenzjoni biex tkun evitata l-kontaminazzjoni bl-okratossina A, id-deossinivalenol, iz-zearalenon, il-fumonisin B1 u B2, T-2 u t-tossina HT-2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-riżultati disponibbli għall-Istati Membri. Id-dejta relatata dwar l-okkorrenza għandha tiġi rrapurtata lill-EFSA.

4.   L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati professjonali huma rakkomandati bil-kbir biex jissorveljaw il-preżenza tal-alkalojdi tal-ergotina fiċ-ċereali u l-prodotti taċ-ċereali.

L-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati professjonali huma rakkomandati bil-kbir biex jirrappurtaw lill-EFSA r-riżultati tagħhom dwar l-alkalojdi tal-ergotina sat-30 ta' Settembru 2016. Dawk ir-riżultati għandhom jinkludu d-dejta tal-okkorrenza u informazzjoni speċifika dwar ir-rabta bejn il-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina u l-livell ta' alkalojdi tal-ergotina individwali.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawn ir-riżultati disponibbli għall-Istati Membri.

5.   Id-dejta ta' okkorrenza dwar kontaminanti oħra barra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4 miġbura mill-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati professjonali tista' tiġi rrapurtata lill-EFSA.

6.   Id-dejta ta' okkorrenza għandha tkun ipprovduta lill-EFSA fil-format tal-preżentazzjoni tad-dejta tal-EFSA f'konformità mar-rekwiżiti tal-gwida tal-EFSA ‘Guidance on Standard Sample Description (SSD) for Food and Feed’ (*2) u r-rekwiżiti addizzjonali speċifiċi tar-rappurtar tal-EFSA għall-kontaminanti speċifiċi. Id-dejta tal-okkorrenza minn organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati professjonali tista' tingħata lill-EFSA, jekk xieraq, f'format ta' preżentazzjoni tad-dejta simplifikata, definit mill-EFSA.

(*1)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 884/2014 tat-13 ta' Awwissu 2014 li jimponi kundizzjonijiet speċjali għar-regolamentazzjoni tal-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel minn ċertu pajjiżi terzi minħabba r-riskju ta' kontaminazzjoni bl-aflatossini u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1152/2009 (ĠU L 242, 14.8.2014, p. 4)."

(*2)  http://www.efsa.europa.eu/en/datex/datexsubmitdata.htm” "

(2)

L-Anness huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tal-Kummissjoni tad-19 ta' Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta' ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

(3)  Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel tal-EFSA (CONTAM); Scientific Opinion on Ergot alkaloids in food and feed. EFSA Journal 2012;10(7):2798. [158 pp.] doi:10.2903/j.efsa.2012.2798. Disponibbli hawn: www.efsa.europa.eu/efsajournal

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).


ANNESS

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 emendat kif ġej:

(1)

Fit-Taqsima 2, tiżdied l-entrata 2.9 li ġejja:

“2.9

Skleroti tal-ergotina u alkalojdi tal-ergotina

 

2.9.1.

Skleroti tal-ergotina

 

2.9.1.1.

Ċereali mhux ipproċessati (18) ħlief il-qamħirrun u r-ross

0,5 g/kg (*1)

2.9.2.

Alkalojdi tal-ergotina (*2)

 

2.9.2.1.

Ċereali mhux ipproċessati (18) ħlief il-qamħirrun u r-ross

— (*3)

2.9.2.2.

Prodotti taċ-ċereali mitħunin ħlief il-qamħirrun u l-prodotti tat-tħin tar-ross

— (*3)

2.9.2.3.

Ħobż (inkluż l-oġġetti tal-ikel żgħar moħmija), il-ħelu bl-għaġina, il-gallettini, l-isnacks taċ-ċereali, iċ-ċereali tal-kolazzjon u l-għaġin

— (*3)

2.9.2.4.

Ikel ibbażat fuq iċ-ċereali għat-trabi u t-tfal żgħar

— (*3)

(2)

In-nota 18 f'qiegħ il-paġna tinbidel b'dan li ġej:

“(18)

Il-livell massimu japplika għaċ-ċereali mhux ipproċessati mqiegħda fis-suq għall-ipproċessar ta l-ewwel stadju.

‘L-ipproċessar tal-ewwel stadju’ ifisser kull trattament fiżiku jew termali, li mhux tnixxif, tal-qamħa jew fuqha. Il-proċeduri tat-tindif, inkluż it-togħrik, tal-issortjar u tat-tnixxif mhumiex meqjusa bħala ‘pproċessar tal-ewwel stadju’ minħabba li l-qalba tal-qamħa tinżamm intatta wara t-tindif u l-issortjar.

It-togħrik huwa t-tindif taċ-ċereali billi jiġi bbraxxjat jew jingħorok b'mod vigoruż.

F'każ li t-togħrik isir fil-preżenza tal-iskleroti tal-ergotina, iċ-ċereali jridu jgħaddu minn stadju ta' tindif qabel it-togħrik. Dan t-togħrik, li jsir flimkien ma' aspiratur tat-trab, jiġi segwit minn issortjar ibbażat fuq il-kulur qabel it-tħin.

Sistemi integrati ta' produzzjoni u pproċessar tfisser sistemi fejn il-lottijiet kollha li deħlin ta' ċereali jitnaddfu, jiġu ssortjati u pproċessati fl-istess stabbiliment. F'tali sistemi integrati ta' produzzjoni u pproċessar, il-livell massimu japplika għaċ-ċereali mhux ipproċessati wara t-tindif u l-issortjar iżda qabel l-ipproċessar tal-ewwel stadju.

L-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw il-konformità permezz tal-proċedura tal-HACCP tagħhom fejn, permezz tagħha, f'dan punt kritiku ta' kontroll tiġi stabbilita u implimentata proċedura effettiva ta' monitoraġġ.”


(*1)  It-teħid ta' kampjuni għandu jsir f'konformità mal-punt B tal-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 401/2006 (ĠU L 70, 9.3.2006, p. 12).

L-analiżi għandha titwettaq minn eżami mikroskopiku.

(*2)  It-total ta' 12-il alkalojda tal-ergotina: ergokristina/ergokristinina; ergotammina/ergotaminina; ergokriptina/ergokriptinina; ergometrina/ergometrinina; ergosina/ergosinina; ergokornina/ergokorninina.

(*3)  Livelli massimi xierqa u li jistgħu jinkisbu, li jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem, għandhom jiġu kkunsidrati għal dawn il-kategoriji tal-ikel rilevanti qabel l-1 ta' Lulju 2017.”