|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3202 |
12.6.2026 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ indikazzjoni ġeografika skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(C/2026/3202)
Fi żmien 3 xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, jew persuna fiżika jew ġuridika li jkollha interess leġittimu u tkun stabbilita jew residenti f’pajjiż terz, tista’ tippreżenta oppożizzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Banski kestenov med”
Nru tal-UE: PDO-HR-03402 — 13.1.2025
1. Isem/Ismijiet
“Banski kestenov med”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP X IĠP ☐
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Il-Kroazja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
|
04 – |
PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA |
|
0409 – |
Għasel naturali |
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Banski kestenov med” huwa għasel prodott mill-kolonji tan-naħla tal-għasel Karnjolana (Apis mellifera carnica Pollmann,1879) min-nektar tal-qastan ħelu (Castanea sativa Mill.) mir-reġjun ta’ Banovina.
Minbarra l-għabra tad-dakra mill-qastan ħelu (Castanea sativa), fl-ispettru tal-għabra tad-dakra tal-“Banski kestenov med” tista’ tkun preżenti wkoll l-għabra tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti nektariferużi li ġejjin: l-alnu iswed (Frangula alnus), l-arbuxxell tal-indaku falz (Amorpha fruticosa), is-sanginella komuni (Cornus sanguinea), it-tilju (Tilia spp.), l-ispeċijiet tal-familja tal-margerita (Asteraceae), is-siġar tal-frott tal-foresta (Prunus spp.), ir-robinja (Robinia pseudoacacia), l-aġġru (Acer spp.), l-għantqux (Lotus corniculatus) u, fi proporzjonijiet aktar baxxi, l-għabra tad-dakra minn speċijiet ta’ pjanti oħrajn. Fl-ispettru tal-għabra tad-dakra tista’ tkun preżenti wkoll l-għabra tad-dakra mill-ispeċijiet tal-pjanti mhux nektariferużi li ġejjin: is-siġar tal-fraxxnu (Fraxinus spp.), id-dekkuka (Dactylis glomerata), l-ispeċijiet tal-familja tal-ħaxix (Poaceae), il-bisbula (Plantago spp.), il-qamħirrum (Zea mays) u l-qarsajja u l-Ingliża (Rumex spp.). Meta l-proporzjon tal-għabra tad-dakra minn speċijiet tal-pjanti mhux nektariferużi jiġi eskluż mill-għadd totali tal-għabra tad-dakra, is-sehem ta’ għabra tad-dakra mill-qastan ħelu (Castanea sativa) fil-“Banski kestenov med” fi ħdan il-proporzjon li jifdal tal-għabra tad-dakra minn speċijiet tal-pjanti nektariferużi jrid ikun ta’ mill-anqas 85 %.
Il-“Banski kestenov med” għandu l-karatteristiċi organolettiċi li ġejjin:
|
— |
Apparenza Kulur – minn ambra ċar għal ambra. Ċarezza – ċara. Kristallizzazzjoni – bil-mod. |
|
— |
Riħa – riħa moderatament intensa għal intensa ħafna ta’ fjuri tal-qastan, ta’ kartun imxarrab u ta’ weraq tal-ġewż imfarrak. |
|
— |
Togħma – ħlewwa kemxejn qawwija u aċidità u mrar moderat għal qawwi. |
|
— |
Aroma – aroma moderatament persistenti għal persistenti ħafna ta’ zokkor maħruq, ġulepp taz-zokkor u assenzju/erbajanka. |
Kontenut ta’ ilma: mhux aktar minn 18,0 %.
Konduttività elettrika: mhux inqas minn 0,80 mS/cm.
Kontenut ta’ idrossimetilfurfural (HMF): mhux aktar minn 15 mg/kg għasel.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
L-għalf tal-kolonji tan-naħal huwa pprojbit waqt il-foraġġ tan-naħal fuq il-fjuri tal-qastan. Madankollu, l-għalf huwa permess sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp tal-kolonji tan-naħal fil-bidu tar-rebbiegħa u matul il-perjodu li matulu ma jsirx foraġġ. L-għalf irid jitkompla għal tal-anqas 14-il jum qabel jibda l-foraġġ fuq il-fjuri tal-qastan. L-għalf huwa permess ukoll lejn l-aħħar tas-sajf u fil-bidu tal-ħarifa sabiex in-naħal jaħżen il-provvisti tal-ikel għax-xitwa. Bħala għalf huma permessi biss il-ġulepp taz-zokkor u/jew il-pasta taz-zokkor u tal-għasel. L-għalf jista’ jiġi prodott minn zokkor tal-mejda li joriġina barra miż-żona ġeografika definita. Il-kontenut ta’ materja niexfa li jiġi minn barra ż-żona ġeografika definita ma jistax jaqbeż il-50 % tal-materja niexfa totali kkonsmata mill-kolonji tan-naħal matul is-sena. Il-materja niexfa residwa hija relatata mal-għasel prodott mill-kolonji tan-naħal min-nektar miġbur u/jew mill-qtar tal-għasel tas-siġar li joriġina fiż-żona ġeografika definita. Il-perjodu ta’ żmien għall-għalf tal-kolonji tan-naħal ġie stabbilit biex jiġi żgurat li l-għalf ma jħallix impatt fuq il-kwalità tal-“Banski kestenov med” jew fuq ir-rabta tiegħu maż-żona ġeografika.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi kollha fil-produzzjoni tal-“Banski kestenov med” (il-foraġġ u l-estrazzjoni) iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Sabiex jiġu żgurati l-kwalità u t-traċċabbiltà tal-għasel, irid jiġi imballat fiż-żona ġeografika definita. Matul it-trasport, temperaturi mhux xierqa (għoljin) jistgħu jibdlu l-parametri fiżikokimiċi u l-karatteristiċi organolettiċi tal-“Banski kestenov med” jew jistgħu jwasslu biex l-għasel jieħu rwejjaħ estranji mhux mixtieqa jew jattira l-indewwa mill-arja.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Meta jiġi introdott fis-suq, il-preimballaġġ kollu jrid ikollu fuqu l-logo tal-“Banski kestenov med”. Flimkien mal-logo, il-preimballaġġ irid jindika wkoll l-isem tal-produttur. Minbarra dan ta’ hawn fuq, kull oġġett tal-preimballaġġ irid ikollu fuqu timbru b’numru ta’ identifikazzjoni. L-utenti kollha tat-tikketta li jintroduċu prodott fis-suq f’konformità ma’ din l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandhom id-dritt li jużaw it-timbru u l-logo tal-“Banski kestenov med” bl-istess kundizzjonijiet.
Ir-rappreżentazzjoni grafika tas-sinjal tinkludi logo iswed bi sfond trasparenti. Il-logo jikkonsisti minn ċirku iswed, li fih hemm kuċċarun tal-għasel tal-injam f’forma spirali stilizzat u x-xabla stilizzata tal-Konti Josip Jelačić. Dawn is-simboli jidħlu fuq xulxin, u b’hekk jiffurmaw oġġett sħiħ viżwalment kompatt. Taħt iċ-ċirku hemm il-kliem “BANSKI KESTENOV MED” b’tipa Cinzel sewda, bil-kelma “BANSKI” b’tipa grassa sabiex tintwera ulterjorment ir-rabta territorjali ma’ Banovina u l-konti Kroat imsemmi hawn fuq. Il-logo u t-test jiffurmaw oġġett sħiħ li ma jistax ikun iżgħar minn 50 x 40 mm.
Figura 1
Il-logo tal-“Banski kestenov med”
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika ta’ produzzjoni tal-“Banski kestenov med” tinkludi r-reġjun ta’ Banovina, inklużi l-bliet (Petrinja, Glina, Hrvatska Kostajnica) u l-muniċipalitajiet (Sunja, Majur, Donji Kukuruzari, Hrvatska Dubica, Dvor, Topusko, Gvozd).
6. Rabta maż-żona ġeografika
Speċifiċità taż-żona ġeografika
Banovina huwa reġjun li jagħmel parti mill-kontea ta’ Sisak-Moslavina. Dan jinsab fit-tarf tal-Baċir Pannonjan, bejn ix-Xmara Sava u l-meded ta’ isfel tax-Xmajjar Una, Kupa u Glina. Jokkupa għoljiet baxxi, inkluża l-muntanja Zrinska Gora, lejn in-Nofsinhar u l-baċir tax-Xmara Sava u t-tributarji tagħha fit-Tramuntana u l-Grigal. Huwa maqsum f’diversi punti mill-widien ta’ bosta passaġġi tal-ilma żgħar. Parti sostanzjali tal-erja tas-superfiċje tiegħu hija msaġġra, b’mod partikolari madwar Dvor u Hrvatska Kostajnica. L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika definita tidher ukoll fil-fatt li, fil-biċċa l-kbira, ir-reġjun huwa kkaratterizzat minn veġetazzjoni miżmuma tajjeb, minn popolazzjoni żgħira, minn agrikoltura estensiva u minn meded kbar mingħajr industrija u operaturi ekonomiċi kbar, li fl-aħħar mill-aħħar għandu effett fuq il-konservazzjoni tal-ambjent u jikkostitwixxi prerekwiżit importanti għall-iżvilupp tal-apikultura. Fil-popolamenti tal-qastan fir-reġjun ta’ Banovina, tinstab l-aktar it-tip ta’ ħamrija luvisol fonda, b’valuri tal-pH li jvarjaw minn 4,77 sa 6,57.
Fil-Kroazja kontinentali, il-qastan ħelu ħafna drabi jinsab l-aktar f’foresti mħallta jew puri. Mill-erja tas-superfiċje totali, 7 324,88 ha jew 48,8 % tal-popolamenti tal-qastan jinsabu fil-Kontea ta’ Sisak-Moslavina, fejn tinsab iż-żona ġeografika ta’ produzzjoni tal-“Banski kestenov med”. Skont il-mikrolokalità, il-fjoritura tal-qastan f’Banovina tibda madwar il-5 ta’ Ġunju, l-ewwel qrib Budučina fuq art li tħares lejn il-Grigal u fl-aħħar f’Šamarica madwar is-27 ta’ Lulju. Il-fjoritura ta’ ċerti siġar iddum madwar 10 ijiem. It-toponimi assoċjati mat-trobbija tan-naħal huma sinifikanti minħabba li spiss jindikaw żona li qabel kienet rikka fil-pjanti melliferużi jew fejn darba kienu jinsabu l-kolonji tan-naħal. It-toponimi jistgħu jkunu indikattivi wkoll ta’ prattiki tradizzjonali tat-trobbija tan-naħal li kienu jseħħu f’żona partikolari jew ta’ xi aspetti oħrajn relatati mal-apikultura. Mit-toponimi ta’ interess għat-trobbija tan-naħal u għall-produzzjoni tal-għasel f’Banovina, żgur li għandu jissemma l-Hrvatska Kostajnica. L-isem “Kostajnica” jissuġġerixxi li ġej mill-kelma “kostanj” (qastan). Dan huwa appoġġat mill-fatt li fl-għoljiet fuq iż-żewġ ġnub tax-Xmara Una hemm popolamenti sinifikanti tal-qastan ħelu.
Speċifiċità tal-prodott
Minbarra l-karatteristiċi tal-ħamrija u l-kompożizzjoni tal-fjuri, il-kundizzjonijiet klimatiċi wkoll għandhom influwenza konsiderevoli fuq l-ispeċifiċità tal-“Banski kestenov med”. Abbażi tal-analiżijiet melissopalinoloġiċi, ġew iddeterminati l-ispeċijiet tal-pjanti melliferużi li minnhom in-naħal jiġbor in-nektar, li jixhed ir-rabta bejn l-għasel u ż-żona ġeografika definita u d-differenzi meta mqabbel mal-għasel tal-qastan minn żoni ġeografiċi oħrajn. Proporzjon kbir tal-kampjuni eżaminati kienu jinkludu l-għabra tad-dakra tal-alnu iswed (Frangula alnus), l-arbuxxell tal-indaku falz (Amorpha fruticosa), is-sanginella komuni (Cornus sanguinea), it-tilju (Tilia spp.), l-ispeċijiet tal-familja tal-margerita (Asteraceae), is-siġar tal-frott tal-foresta (Prunus spp.), ir-robinja (Robinia pseudoacacia), l-aġġru (Acer spp.) u l-għantqux (Lotus corniculatus).
Minbarra l-oriġini botanika tagħhom, ġiet ittestjata wkoll il-konduttività elettrika tal-kampjuni. Ġew iddeterminati valuri indikattivi li jvarjaw bejn 0,84 mS/cm u 1,80 mS/cm, b’valur medju ta’ 1,24 mS/cm. Tqabbil tal-għasel tal-qastan ma’ għasel tal-qastan minn reġjuni oħra għamilha ċara li l-medda tal-valuri tal-konduttività elettrika f’dawk ir-reġjuni l-oħrajn kienet ferm usa’, minn 1,05 mS/cm sa saħansitra 2,25 mS/cm, b’valur medju ta’ 1,61 mS/cm. Minbarra n-nektar, fil-popolamenti tal-qastan jista’ jinstab ukoll il-qtar tal-għasel tas-siġar – li jiġi prodott mill-afidi u mill-insetti coccoidea. Valuri medji għoljin tal-konduttività elettrika huma probabbilment konsegwenza tal-proporzjon ta’ qtar tal-għasel tas-siġar fil-kampjuni tal-għasel ittestjati mir-reġjuni l-oħrajn. Fil-fatt, il-preżenza tal-qtar tal-għasel tas-siġar taffettwa indirettament id-dehra tal-għasel, jiġifieri l-kulur tiegħu, li huwa aktar skur mill-kampjuni tal-għasel minn Banovina. Madankollu, il-kulur tal-biċċa l-kbira tal-kampjuni tal-“Banski kestenov med” varja minn ambra ċar għal ambra, u kellhom ir-riħa u l-imrar li huma karatteristiċi tal-profil organolettiku tal-għasel tal-qastan, kif ukoll medda tipika ta’ valuri tal-konduttività elettrika, li lkoll juru d-disintività tiegħu.
Rabta kawżali bejn l-ispeċifiċità taż-żona ġeografika u l-ispeċifiċità tal-prodott
Il-“Banski kestenov med” huwa prodott b’rabtiet b’saħħithom maż-żona minn fejn joriġina. Dan jieħu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu miż-żona ġeografika, li tinkludi foresti naturali bi proporzjon għoli ta’ qastan ħelu (Castanea sativa), l-akbar żona bħal din fil-Kroazja. Il-fjoritura tal-popolamenti tal-qastan isseħħ f’intervalli taż-żmien differenti, skont il-ħabitats li jinsabu fihom fi ħdan iż-żona ġeografika ta’ produzzoni. Għalhekk, il-foraġġ idum aktar minn xahar, minħabba l-varjazzjonijiet fl-altitudni u fl-aspett. Minbarra dan, il-karatteristiċi pedoloġiċi tal-ħamrija u l-kundizzjonijiet tat-temp għandhom effett konsiderevoli fuq l-ammont ta’ nektar sekretat. Il-ħamrija aċidika tipprovdi kundizzjonijiet tat-tkabbir ottimali għall-qastan ħelu, li għandu effett pożittiv fuq il-fjoritura u konsegwentement fuq l-ammont ta’ nektar sekretat. Billi tieħu l-ilma u s-sustanzi minerali mill-ħamrija, il-pjanta tinkorporahom fis-sugu, il-materja prima li minnha jsir in-nektar; għalhekk, dan għandu impatt fuq il-kwalità tal-prodott finali, jiġifieri l-għasel. Minbarra t-tip ta’ ħamrija, is-sekrezzjoni tan-nektar mill-qastan ħelu tiġi influwenzata wkoll mill-kundizzjonijiet tat-temp, b’mod partikolari x-xita, li fir-reġjun ta’ Banovina hija mqassma b’mod uniformi matul l-istaġun tat-tkabbir, iżda speċjalment fi żmien il-fjoritura. Fil-fatt, perjodi li jalternaw ta’ dawl tax-xemx ma’ episodji qosra ta’ xita matul żmien il-fjoritura tal-qastan ħelu jżidu l-umdità relattiva tal-arja, li wkoll għandha effett pożittiv fuq is-sekrezzjoni tan-nektar. L-użu ottimali tar-riżorsi tal-foraġġ jagħmilha possibbli li jiġi prodott “Banski kestenov med” ta’ kwalità eċċezzjonali. Dan jintwera wkoll mill-profil organolettiku distintiv, mill-parametri fiżikokimiċi u mill-ispettru tal-għabra tad-dakra speċifiku tal-għasel, jiġifieri l-preżenza tal-għabra tad-dakra tal-alnu iswed (Frangula alnus) u l-arbuxxell tal-indaku falz (Amorpha fruticosa) bħala speċijiet ta’ pjanti konkomitanti, li jiddistingwi l-“Banski kestenov med” minn għasel tal-qastan mir-reġjuni l-oħrajn fejn huwa possibbli li jiġi prodott.
Minbarra r-riżalt u l-fatturi klimatiċi, popolamenti sinifikanti ta’ qastan, li jikkostitwixxu riżorsa ewlenija ta’ fjuri fiż-żona ġeografika definita, ikkontribwew għall-istabbiliment ta’ tip distintiv ta’ trobbija tan-naħal. Il-ħiliet u l-għarfien ta’ dawk li jrabbu n-naħal f’Banovina, f’termini tal-fehim tagħhom u tal-applikazzjoni ta’ interventi teknoloġiċi f’waqthom għall-kolonji tan-naħal u tal-preparazzjoni tal-għasel għas-suq, jiggarantixxu l-protezzjoni ta’ “Banski kestenov med” ta’ kwalità għolja. L-għarfien u l-esperjenza ta’ dawk li jrabbu n-naħal jidhru fl-attenzjoni speċjali li jagħtu fl-għażla tal-postijiet xierqa għall-imġiebaħ fid-dawl tat-topografija. L-għażla ta’ postijiet li jħarsu lejn in-Nofsinhar u x-Xlokk li huma protetti mir-riħ u xemxin biżżejjed tiżgura l-iżvilupp ottimali tal-kolonji tan-naħal. Il-kolonji li jiżviluppaw f’kundizzjonijiet bħal dawn jiksbu livell adegwat ta’ attività kollettiva, li fl-aħħar mill-aħħar timmanifesta ruħha fl-inġestjoni tan-nektar. Il-monitoraġġ u s-sorveljanza regolari tal-fjoritura u l-inġestjoni tan-nektar jippermettu estrazzjoni f’waqtha, wieħed mill-fatturi ewlenin fil-produzzjoni ta’ għasel ta’ kwalità li jiddistingwi l-għasel minn dan ir-reġjun minn għasel tal-qastan prodott f’reġjuni oħrajn. Speċifikament, b’riżultat tal-bosta snin ta’ osservazzjoni tal-fjoritura tal-qastan ħelu, il-persuni lokali li jrabbu n-naħal jistgħu jiddeterminaw meta tibda l-fjoritura tagħhom u b’hekk iqiegħdu l-kolonji tan-naħal fil-postijiet magħżula f’ħin f’waqtu sabiex jisfruttaw l-inġestjoni tan-nektar tal-qastan u, b’hekk jiksbu uniflorità massima, li konsegwentement tiġi riflessa fil-proprjetajiet organolettiċi tipiċi tal-għasel. Il-“Banski kestenov med” huwa kkaratterizzat minn kontenut baxx ta’ ilma u ta’ HMF (idrossimetilfurfural). Kontenut ta’ ilma bħal dan jindika li n-naħal estratta l-ilma kif xieraq matul is-sajran tal-għasel u li l-estrazzjoni tal-għasel saret fiż-żmien it-tajjeb minn dawk li jrabbu n-naħal, li b’hekk jinfluwenza ulterjorment il-kwalità tal-għasel. Għasel b’kontenut baxx ta’ HMF jikkonferma li huwa frisk u ma ssaħħanx f’temperaturi ta’ aktar minn 40 oC, li jiżgura li jiġu ppreżervati l-komponenti siewja tiegħu. Għalhekk, l-enfasi tal-persuni lokali li jrabbu n-naħal fuq il-preżervazzjoni tal-kwalità bil-kisba tal-għarfien u tal-esperjenza għandha effett dirett fuq il-kompożizzjoni kimika tal-“Banski kestenov med”.
Taħlita tal-fatturi ta’ hawn fuq, li jinkludu l-proporzjon għoli ta’ foresti tal-qastan fir-reġjun ta’ Banovina, l-ambjent protett u l-mikroklima favorevoli tar-reġjun, it-tradizzjonijiet tat-trobbija tan-naħal u l-ħiliet u l-għarfien tal-persuni lokali li jrabbu n-naħal taffettwa direttament il-karatteristiċi speċifiċi tal-“Banski kestenov med”.
L-ispeċifiċità tal-“Banski kestenov med” hija bbażata fuq tradizzjoni tat-trobbija tan-naħal li ilha stabbilita żmien twil, bir-riżultat li r-rabta maż-żona ġeografika definita hija msaħħa wkoll minn fatturi storiċi, tradizzjonali u kulturali. Fil-fatt, l-ewwel dokument miktub li fih jissemma l-għasel (u konsegwentement ukoll it-trobbija tan-naħal f’Banovina) imur lura għall-bidu tas-sena 1211 u jirreferi għad-dritt ta’ knisja ta’ kunvent li tuża l-għasel. Milan Krizman, li kien irabbi n-naħal, possibbilment kien l-aktar kontributur importanti għall-promozzjoni tat-trobbija tan-naħal f’Petrinja. Kien promotur tal-apikultura u innovatur li bena kaxxa tan-naħal moderna magħrufa bħala “krizmanka”. L-ewwel assoċjazzjoni ta’ dawk li jrabbu n-naħal fir-reġjun ta’ Banovina kienet l-Assoċjazzjoni tat-Trobbija tan-Naħal ta’ Petrinja, li twaqqfet fl-1952 u hija waħda minn dawk li għadhom joperaw sal-ġurnata tal-lum.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika
(1) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3202/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)