|
9.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 39/36 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/270
tat-30 ta’ Jannar 2023
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emendar tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (Cedefop)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 166(4) u l-Artikolu 165(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. |
|
(2) |
Bis-saħħa tal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, il-Protokoll 31 dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet (“Protokoll 31”) tal-Ftehim ŻEE. |
|
(3) |
Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). |
|
(4) |
Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023. |
|
(5) |
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni mehmuż, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost tal-Protokoll 31 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Jannar 2023.
Għall-Kunsill
Il-President
P. KULLGREN
(1) ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(3) Ir-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (ĠU L 30, 31.1.2019, p. 90).
ABBOZZ
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …
ta’ …
li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont il-paragrafu 6 tal-Artikolu 4 tal-Protokoll 31, il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu kooperazzjoni xierqa bejn l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u korpi oħra kompetenti fit-territorji rispettivi tagħhom fejn dan jikkontribwixxi għat-tisħiħ u t-twessigħ tal-kooperazzjoni. Dan għandu japplika b’mod partikolari għal ħwejjeġ koperti bl-attivitajiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP). |
|
(2) |
Huwa xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE tiġi estiża biex tinkludi r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Jannar 2019 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 337/75 (1). |
|
(3) |
Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista’ tibda sseħħ mill-1 ta’ Jannar 2023, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-test tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 4 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:
|
“(a) |
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, l-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-att tal-Unjoni li ġej:
|
|
(b) |
L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità mal-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim. |
|
(c) |
L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-Bord tat-Tmexxija tas-CEDEFOP. |
|
(d) |
B’deroga mill-Artikoli 12(2)(a) u 82(3)(a) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur tas-CEDEFOP. |
|
(e) |
B’deroga mill-Artikoli 12(2)(e), 82(3)(e) u 85(3) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, il-lingwi msemmija fl-Artikolu 129(1) tal-Ftehim għandhom jitqiesu mis-CEDEFOP, fir-rigward tal-persunal tiegħu, bħala lingwi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 55(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea |
|
(f) |
Is-CEDEFOP għandu jkollu personalità ġuridika. Huwa għandu jgawdi fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom. |
|
(g) |
L-Istati tal-EFTA għandhom jagħtu privileġġi u immunitajiet lis-CEDEFOP u lill-persunal tiegħu ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. |
|
(h) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/696, japplika għal kwalunkwe dokument tas-CEDEFOP fir-rigward tal-Istati tal-EFTA wkoll.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
Is-Segretarji
tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
(1) ĠU L 30, 31.1.2019, p. 90.
(*) [L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.] [Rekwiżiti kostituzzjonali indikati.]
Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti għad-Deċiżjoni Nru …/… li tinkorpora r-Regolament (UE) 2019/128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-Ftehim
Il-partijiet jirrikonoxxu li l-inkorporazzjoni ta’ dan l-att hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni diretta tal-Protokoll 7 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA fit-territorju ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 11 ta’ dak il-Protokoll.