KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
ĆAPETA
ippreżentati fid‑9 ta’ Frar 2023 ( 1 )
Kawża C‑444/21
Il‑Kummissjoni Ewropea
vs
L‑Irlanda
(Nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(1) – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni – Obbligu li jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji – Ksur ġenerali u persistenti)
I. Introduzzjoni
|
1. |
“Id-dinja ħajja hija xi ħaġa tal-għaġeb unika u spettakolari. […] Aħna nistrieħu kompletament fuq din il-magna ta’ appoġġ tal-ħajja rfinata u hija tistrieħ fuq il-bijodiversità tagħha sabiex taħdem tajjeb” ( 2 ) [traduzzjoni libera]. |
|
2. |
Il-bijodiversità mhux biss għandha valur intrinsiku, iżda hija wkoll ta’ importanza kbira għas-sopravvivenza tal-bniedem. Skont il-Forum Ekonomiku Dinji ( 3 ), il-konsegwenzi possibbli tat-telf tal-bijodiversità ( 4 ) jinkludu, mill-inqas, is-sigurtà tal-ikel, l-aggravazzjoni tat-tibdil fil-klima u r-riskji għas-saħħa, il-kummerċ u l-kultura. |
|
3. |
L-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi l-problemi li jista’ jġib miegħu t-telf ta’ bijodiversità ( 5 ). Parti mill-ġlieda tagħha għall-preżervazzjoni tal-bijodiversità hija d-Direttiva dwar il-habitats ( 6 ). |
|
4. |
Din il-proċedura ta’ għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikkonċerna din id-direttiva. Fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rikors kontra l-Irlanda talli naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
5. |
Din hija t-tielet azzjoni għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja – wara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) ( 7 ) u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja ( 8 ) – dwar l-implimentazzjoni tal-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Żewġ rikorsi oħra ta’ natura simili huma wkoll pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ), u proċeduri addizzjonali ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għadhom pendenti ( 10 ). |
|
6. |
Konsegwentement, il-kawża ineżami ma tikkostitwixxix azzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ‘komuni’ oħra ppreżentata mill-Kummissjoni kontra Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE. Minflok, jidher li din hija parti mill-politika tal-Kummissjoni sabiex tindirizza r-riżultati insuffiċjenti fit-titjib tal-istat tal-habitats u tal-ispeċi li jgħixu fihom, li jinsabu fid-Direttiva dwar il-habitats ( 11 ). |
|
7. |
Fl-istess ħin, il-kawża ineżami turi diversi diffikultajiet li taffaċċja l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li fihom jiġi allegat in-nuqqas tal-Istati Membri milli jilħqu l-miri ambjentali tagħhom. Liema huma preċiżament l-obbligi li Stat Membru għandu jissodisfa sabiex jitqies li implimenta b’mod xieraq id-Direttiva dwar il-habitats? Il-Kummissjoni kif għandha tipprova tali nuqqas, u x’jista jinvoka Stat Membru sabiex jiddefendi ruħu? Barra minn hekk, u b’mod pjuttost importanti, il-Qorti tal-Ġustizzja kif għandha tevalwa dawk l-argumenti? |
|
8. |
Kif ser nuri, huwa essenzjali, iktar milli f’diversi oqsma oħra tad-dritt tal-Unjoni, li sabiex tingħata risposta għal dawn il-mistoqsijiet, jiġi segwit approċċ sostantiv, fejn jiġi evitat il-formaliżmu ġuridiku u jsir enfasi fuq l-għan prinċipali tad-Direttiva dwar il-habitats. Dan l-għan huwa li tiġi ssalvagwardjata l-bijodiversità. Fi ħdan il-qafas ta’ din id-direttiva, dan għandu jinkiseb permezz ta’ miżuri meħuda mill-Istati Membri bl-għan li jinżammu jew jiġu rrestawrati habitats naturali magħżula u l-fawna u l-flora selvaġġa tagħhom fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ( 12 ). |
|
9. |
Id-Direttiva dwar il-habitats hija intiża għalhekk sabiex jintlaħaq ir-riżultat li għandu jiġi pperċepit fin-natura. Dan ir-riżultat ma huwiex network ta’ dispożizzjonijiet legali (għalkemm jista’ jkun li wħud jirriżultaw bżonnjużi), iżda l-preżervazzjoni tal-bijodiversità koperta minn din id-direttiva. L-għan tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistax jintlaħaq sempliċement bl-adozzjoni ta’ numru ta’ regoli legali, u lanqas bl-eżekuzzjoni ta’ tali regoli. Diversi miżuri meħtieġa ma humiex legali fis-sens tal-ħolqien ta’ drittijiet u ta’ obbligi għal suġġetti partikolari. Miżuri bħal dawn spiss ma jistgħux jiġu evalwati bil-metodi normali ta’ evalwazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, jiġifieri l-verifika dwar jekk teżistix miżura ġuridika, jekk hijiex eżegwita fil-prattika u għal min toħloq drittijiet u obbligi. F’dan il-kuntest, il-mistoqsijiet huma ta’ natura differenti, u l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex mgħammra sabiex twieġeb għalihom fuq il-bażi tal-għarfien tagħha stess. Pereżempju, il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni tal-użu rikreattiv ta’ ċerti partijiet ta’ foresta hijiex biżżejjed sabiex issalva speċi ta’ annimali jew ta’ pjanti fil-perikolu ta’ estinzjoni hija diffiċli għall-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa. Madankollu, huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi jekk Stat Membru għamilx jew le dak li huwa meħtieġ mid-Direttiva dwar il-habitats. |
|
10. |
Wara li niddeskrivi fil-qosor l-iżvolġiment ta’ dawn il-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Irlanda (II), ser nipproċedi bil-mod segwenti. L-ewwel ser nispjega s-sistema tad-Direttiva dwar il-habitats u nuri li l-obbligi tal-Istati Membri skont l-Artikoli 4(4) u 6(1) ta’ din id-direttiva joħolqu unità indiviżibbli (III). Sussegwentement ser nanalizza, kif talbet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-ilment allegat mill-Kummissjoni fil-kawża ineżami dwar il-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-direttiva (IV). Jiena ser nikkonkludi li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, li essenzjalment ifisser, fl-istess ħin, ksur tal-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva. |
II. L‑iżvolġiment tal‑kawża ineżami: il‑proċedura prekontenzjuża u l‑proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
11. |
Il-kawża ineżami tikkonċerna l-implimentazzjoni mill-Irlanda tal-obbligi tagħha skont l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fir-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku ( 13 ). |
|
12. |
Fir-rigward ta’ dan ir-reġjun, permezz tad-Deċiżjoni 2004/813/KE tagħha ( 14 ), il-Kummissjoni adottat lista ta’ 413‑il sit ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) fit-territorju tal-Irlanda. Sussegwentement, il-Kummissjoni aġġornat din il-lista, b’mod partikolari, permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet ( 15 ), li żiedu 11‑il sit u għaqqdu żewġ siti f’daqqa, fir-rigward tal-Irlanda. Għaldaqstant, il-kawża ineżami tikkonċerna t-total ta’ 423 sit elenkati f’dawn it-tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni. |
|
13. |
Wara investigazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ proċedura EU Pilot, il-Kummissjoni, fis‑27 ta’ Frar 2015 bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Irlanda, skont l-Artikolu 258 TFUE, li fiha hija wriet il-fehma tagħha li, billi ma identifikatx numru ta’ siti preżenti fit-territorju tagħha bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni (iktar ’il quddiem “ŻSK”), ma stabbilixxietx għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għas-sit u ma adottatx il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għall‑423 sit inkwistjoni kollha, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
14. |
Fit‑30 ta’ April 2015, l-Irlanda wieġbet għall-ittra ta’ intimazzjoni fejn indikat l-istat ta’ progress tagħha fuq l-identifikazzjoni taż-ŻSK u fuq l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. Fl-istess ħin, hija enfasizzat li d-dritt Irlandiż jipproteġi s-siti qabel l-identifikazzjoni formali tagħhom bħala ŻSK. Hija pprovdiet ukoll informazzjoni dwar miżuri ta’ konservazzjoni li kienu għaddejjin f’diversi siti. Barra minn hekk, fid‑9 ta’ Diċembru 2015, fil‑15 ta’ Jannar 2016 u fl‑4 ta’ Marzu 2016, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni tliet aġġornamenti dwar l-identifikazzjoni taż-ŻSK u dwar l-istabbiliment ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. |
|
15. |
Fid‑29 ta’ April 2016, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Irlanda, li permezz tagħha hija qieset li l-ksur allegat tal-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats kien għadu għaddej għall-parti l-kbira tas-siti ( 16 ). Hija talbet lil dan l-Istat Membru sabiex itemm dan il-ksur f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni motivata. |
|
16. |
Fis‑27 ta’ Ġunju 2016, l-Irlanda wieġbet għall-opinjoni motivata. B’mod partikolari, hija indikat il-“SAC Designation and Management work programme” (Programm ta’ Ħidma għall-Identifikazzjoni u għall-Ġestjoni taż-ŻSK” approvat reċentement għat-twettiq tal-identifikazzjonijiet ta’ ŻSK u tal-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit kif ukoll għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-livell tas-sit. |
|
17. |
Fid‑9 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata addizzjonali lill-Irlanda, li stabbilixxiet analiżi iktar fil-fond tal-miżuri ta’ konservazzjoni ppreżentati minn dan l-Istat Membru ( 17 ). Skont din l-opinjoni, l-Irlanda ntalbet ittemm il-ksur allegat sad‑9 ta’ Jannar 2019. |
|
18. |
Fil‑11 ta’ Jannar 2019, l-Irlanda wieġbet għall-opinjoni motivata addizzjonali. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru indika l-progress tiegħu kif ukoll ipprovda skeda għat-tlestija tal-identifikazzjoni taż-ŻSK u stabbilixxa għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit sa tmiem is-sena 2020 u għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għas-siti kollha sal‑2021. Barra minn hekk, fis‑26 ta’ April 2019, fit‑2 ta’ Mejju 2019, fil‑11 ta’ Ottubru 2019, fit‑12 ta’ Diċembru 2019, fl‑14 ta’ Jannar 2020 u fl‑14 ta’ April 2020, l-Irlanda pprovdiet sitt aġġornamenti lill-Kummissjoni dwar l-identifikazzjoni ta’ siti bħala ŻSK, il-pubblikazzjoni ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit u l-iżviluppi dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit. |
|
19. |
Permezz tal-applikazzjoni tagħha ppreżentata fis‑16 ta’ Lulju 2021, peress li fid‑9 ta’ Jannar 2019 l-Irlanda kienet għadha ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. |
|
20. |
Permezz tal-ewwel żewġ ilmenti tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-Irlanda kisret l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, l-ewwel, billi naqset milli tidentifika numru ta’ siti fit-territorju tagħha bħala ŻSK (217 mill‑423 SIK) u, it-tieni, billi naqset milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għas-sit għal ċerti siti (140 mill‑423 SIK). |
|
21. |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-Irlanda kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats billi naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għal kwalunkwe wieħed mill‑423 sit elenkati bħala SIK fid-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kummissjoni. |
|
22. |
Fir-risposta tagħha ppreżentata fil‑15 ta’ Ottubru 2021, l-Irlanda, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 18 ), titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat. |
|
23. |
Il-Kummissjoni u l-Irlanda ppreżentaw ukoll replika u kontroreplika fid‑29 ta’ Novembru 2021 u fl‑20 ta’ Jannar 2022, rispettivament. |
|
24. |
Inżammet seduta fid‑9 ta’ Novembru 2022 li matulha l-Kummissjoni u l-Irlanda ppreżentaw osservazzjonijiet orali. |
III. Id‑Direttiva dwar il‑Habitats u l‑obbligi tal‑Istati Membri skont l-Artikoli 4(4) u 6(1) tagħha
A. Natura 2000 u r‑reġjun bijoġeografiku tal‑Atlantiku
|
25. |
Iż-ŻSK stabbiliti skont id-Direttiva dwar il-habitats ( 19 ) kif ukoll iż-żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) stabbiliti skont id-Direttiva dwar l-għasafar ( 20 ) huma parti minn Natura 2000, network ekoloġiku Ewropew koerenti intiż għas-sopravvivenza fit-tul tal-habitats u tal-ispeċi l-iktar prezzjużi u mhedda tal-Unjoni. |
|
26. |
Natura 2000 tirrappreżenta l-ikbar network ikkoordinat ta’ żoni ta’ konservazzjoni tan-natura fid-dinja ( 21 ). Hija tkopri kważi parti waħda minn ħamsa taż-żona terrestri tal-Unjoni u madwar 10 % tal-ibħriet tagħha, b’total ta’ madwar 28000 sit mis‑27 Stat Membru, skont rapporti reċenti ( 22 ). |
|
27. |
Natura 2000 hija maqsuma f’ħames reġjuni bijoġeografiċi marini u disa’ reġjuni bijoġeografiċi terrestri, fosthom ir-reġjun Atlantiku inkwistjoni fil-kawża ineżami. Dan ir-reġjun jinkludi tmien Stati Membri (preċedentement disgħa) b’mod sħiħ jew parzjali (jiġifieri t-territorju kollu tal-Irlanda, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tar-Renju Unit, kif ukoll partijiet tal-Belġju, tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ Spanja, ta’ Franza u tal-Portugall). Hija tinkludi iktar minn nofs il-kosta tal-Unjoni u tnejn mill-ibħra l-iktar produttivi tad-dinja, il-Baħar tat-Tramuntana u l-Oċean Atlantiku (il-Grigal tiegħu). Din hija wkoll waħda miż-żoni l-iktar popolati fl-Unjoni, b’iktar minn 100 miljun persuna (kważi kwart tal-popolazzjoni tal-Unjoni) ( 23 ). |
|
28. |
Għall-kawża ineżami huwa rilevanti li r-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku fit-territorju tal-Irlanda jinkludi ċertu numru ta’ tipi ta’ habitats u speċi ta’ prijorità ( 24 ) li jinsabu f’perikolu li jisparixxu. Pereżempju, l-artijiet imxarrba ( 25 ) huma ċertu tip ta’ habitat taż-żoni umdi magħmula minn art ratba, qisha sponża li tikkonsisti prinċipalment minn materjal ta’ pjanti parzjalment dekomposti msejħa pit, li ġie akkumulat bil-mod fuq eluf ta’ snin f’żoni fejn il-klima hija friska u umda. Dawn huma estremament importanti, inter alia, għat-tibdil fil-klima, peress li huma jaħżnu miljuni ta’ tunnellati tal-karbonju (pjanti li jifformaw il-pit bħall-pit ta’ sfanju u ħabbgħażiż ineħħu l-karbonju mill-atmosfera) ( 26 ). Il-laguni kostali ( 27 ) huma partijiet tal-kosta fejn l-oċean jiltaqa’ mal-art, u dawn huma ekosistemi importanti għall-produttività globali tal-ilmijiet tal-kosta billi jappoġġjaw diversi habitats ( 28 ). Bl-istess mod, il-perla tal-ilma ħelu (Margaritifera margaritifera) ( 29 ), li hija fi stat ta’ tnaqqis rapidu (din apparentement hija waħda mill-iktar 365 speċi fid-dinja fil-perikolu ta’ estinzjoni), hija speċi inkredibbli li tista’ tgħix iktar minn 200 sena u għandha rwol vitali għall-ekosistemi billi tiffiltra u tippurifika l-ilma, u b’hekk ittejjeb il-kwalità tiegħu ( 30 ). |
B. Is‑sistema tad‑Direttiva dwar il‑Habitats
|
29. |
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva dwar il-habitats jobbliga lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ Natura 2000 skont ir-rappreżentanza, fit-territorju tagħhom, tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi rilevanti. Għalhekk, huma għandhom jidentifikaw għal dan l-għan, konformement mal-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, siti bħala ŻSK u jadottaw, skont l-Artikolu 6(1) tagħha, miżuri sabiex jippreżervaw dawn it-tipi ta’ habitats u dawn l-ispeċi. |
|
30. |
Fil-fehma tiegħi, id-dispożizzjoni l-iktar importanti u r-raison d’être tad-Direttiva dwar il-habitats huwa l-Artikolu 6(1) tagħha, li essenzjalment jobbliga lill-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni attivi sabiex jippreżervaw il-habitats u l-ispeċi li jgħixu fihom. |
|
31. |
Sabiex ikunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-habitats, dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu integrati fl-istruttura kif imfassla minn din id-direttiva. Huwa biss jekk il-miżuri joqogħdu f’din l-istruttura li jista’ jiġi konkluż li Stat Membru jkun wettaq l-obbligi prinċipali tiegħu skont din id-direttiva. |
|
32. |
Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġu spjegati fil-qosor aspetti rilevanti tas-sistema tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
33. |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitats, il-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ siti bħala ŻSK isseħħ fi tliet ( 31 ) stadji (jew erbgħa ( 32 ), skont it-tqassim tagħhom). |
|
34. |
L-ewwel, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, kull Stat Membru jipproponi lista ta’ siti b’indikazzjoni tat-tipi ta’ habitats naturali u l-ispeċi indiġeni li huma jospitaw, li mbagħad tintbagħat lill-Kummissjoni. |
|
35. |
It-tieni, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva dwar il-habitats, il-Kummissjoni tistabbilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, abbozz ta’ lista ta’ SIK fuq il-bażi tal-listi tal-Istati Membri. Fuq il-bażi ta’ dan l-abbozz ta’ lista, il-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ deċiżjoni vinkolanti, il-lista tas-SIK. Id-deċiżjonijiet li elenkaw l‑423 SIK fit-territorju Irlandiż kienu, kif ġie spjegat iktar ’il fuq (ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet), adottati fl‑2004, fl‑2007 u fl‑2008 rispettivament. |
|
36. |
Finalment, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats ( 33 ), ladarba sit jiġi adottat bħala SIK, l-Istat Membru kkonċernat għandu jidentifika dan is-sit bħala ŻSK. L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprovdi s-segwenti: “Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.” |
|
37. |
Fi kliem ieħor, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats, kull SIK għandu jiġi identifikat mill-Istat Membru kkonċernat bħala ŻSK ( 34 ). Barra minn hekk, din l-identifikazzjoni għandha ssir fi żmien sitt snin mill-adozzjoni tal-lista vinkolanti tas-SIK. Dan it-terminu skada fir-rigward tas-SIK inkwistjoni fil-kawża ineżami fl‑2010 u fl‑2014 rispettivament (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 14 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
38. |
Anki jekk l-Istati Membri għandhom jittrasformaw is-SIK f’ŻSK, l-elenkar ta’ sit bħala SIK mill-Kummissjoni diġà jġib miegħu konsegwenzi ġuridiċi diretti. Skont l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva dwar il-habitats, malli sit ikun inkluż fil-lista tas-SIK adottata mill-Kummissjoni, dan ikun suġġett għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) sa (4) tagħha. Dawn l-aħħar dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jilqgħu għal ħsara futura fuq is-sit jew, f’każijiet eċċezzjonali fejn il-ħsara jkollha tiġi ttollerata, li titnaqqas il-ħsara ( 35 ). |
|
39. |
Madankollu, id-dispożizzjoni prinċipali tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats tiskatta biss bl-identifikazzjoni ta’ SIK bħala ŻSK ( 36 ). |
|
40. |
L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jipprevedi: “Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.” |
|
41. |
Il-miżuri ta’ konservazzjoni, kif jindika b’mod ċar it-test ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jikkorrispondu għar-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi preżenti fiż-ŻSK ikkonċernata. Dan ifisser li l-identifikazzjoni ta’ ŻSK teħtieġ mhux biss li jiġu stabbiliti, permezz ta’ att vinkolanti, il-konfini ġeografiċi tagħha ( 37 ), iżda wkoll li jiġu indikati r-raġunijiet għall-eżistenza tagħha, jew, fi kliem ieħor, l-għanijiet li din l-identifikazzjoni għandha tilħaq. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni jikkostitwixxi stadju mandatorju u neċessarju bejn l-identifikazzjoni taż-ŻSK u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni ( 38 ). |
|
42. |
L-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats hija mandatorja. Fi kliem ieħor, għalkemm l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-għażla tal-metodi l-iktar xierqa li għandhom jiġu applikati ( 39 ), huma ma jistgħux jagħżlu li ma jadottawx miżuri adegwati u effettivi, fis-sens li huma kapaċi jilħqu l-għanijiet taż-ŻSK. |
|
43. |
Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jimponi l-ebda terminu, peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu integrati fiż-ŻSK li, min-naħa tagħhom, għandhom jiġu identifikati fi żmien sitt snin mill-adozzjoni tal-lista tas-SIK mill-Kummissjoni, il-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom ukoll jiġu adottati f’dan it-terminu. |
|
44. |
Fil-fehma tiegħi, isegwu żewġ konsegwenzi minn dak li ntqal iktar ’il fuq. L-ewwel, l-Istati Membri ma jistgħux jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jekk ma jkunux identifikaw is-sit bħala ŻSK ( 40 ) u, it-tieni, huwa neċessarju, li meta jidentifikaw iż-ŻSK, l-Istati Membri jkunu ċari dwar l-għanijiet ta’ konservazzjoni li għandhom jintlaħqu fi ħdan kull ŻSK partikolari. Fin-nuqqas ta’ dan, ma jistax jiġi vverifikat jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni jikkorrispondux għall-bżonnijiet ekoloġiċi tat-tip ta’ habitat u ta’ speċi partikolari. |
|
45. |
Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet dwar ksur tal-Artikoli 4(4) u 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats huma neċessarjament marbuta. Konsegwentement, ma huwiex sorprendenti li l-Kummissjoni normalment tibda, fl-istess ħin, proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet. |
|
46. |
Fi kliem ieħor, minħabba l-istruttura kif imfassla mid-Direttiva dwar il-habitats, fis-sitwazzjonijiet kollha li fihom Stat Membru ma identifikax ŻSK fil-perijodu ta’ sitt snin mill-adozzjoni tal-lista tas-SIK, dan ikun qiegħed jikser simultanjament l-Artikoli 4(4) u 6(1) ta’ din id-direttiva. Dan huwa l-każ peress li l-miżuri ta’ konservazzjoni huma stabbiliti b’mod xieraq biss jekk jagħmlu parti mill-iskema stabbilita mid-Direttiva dwar il-habitats. |
|
47. |
Waħda mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-identifikazzjoni ta’ ŻSK hija li miżuri ta’ konservazzjoni, kif meħieġa mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, jiġu stabbiliti u implimentati ( 41 ). |
|
48. |
Skont il-Kummissjoni, huwa possibbli li jitqajjem ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats b’mod separat mill-Artikolu 6(1) tagħha jekk l-Istat Membru ma jkunx adotta miżuri formali sabiex jidentifika ŻSK. Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li Stat Membru identifika ŻSK b’mod xieraq f’termini sostantivi jekk ma jkunx stabbilixxa l-għanijiet ta’ konservazzjoni u l-miżuri ta’ konservazzjoni tiegħu li permezz tagħhom dawn l-għanijiet ikunu jistgħu jintlaħqu. Għaldaqstant, huwa minnu wkoll li, bin-nuqqas ta’ adozzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, l-Istat Membru qiegħed jikser mhux biss l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, iżda wkoll l-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva interpretat f’termini sostantivi. |
|
49. |
Kwistjoni distinta iżda ugwalment importanti tikkonċerna dak li jikkostitwixxi miżura ta’ konservazzjoni neċessarja għall-għanijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Jekk jiġi adottat l-approċċ sostantiv propost fil-bidu ta’ dawn il-konklużjonijiet (ara l-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet), dan jista’ jkun biss miżura li tista’, fuq il-bażi tal-għarfien xjentifiku attwali, twassal għar-riżultat previst mill-għan ta’ konservazzjoni ta’ ŻSK partikolari. Meta ŻSK ikollha diversi għanijiet ta’ konservazzjoni peress li tikkonċerna habitats partikolari kif ukoll diversi speċi ta’ annimali u ta’ pjanti li hija tospita, il-miżuri taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom ikopru dawn l-għanijiet kollha. Dan l-approċċ ġie kkonfermat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li l-miżuri ta’ konservazzjoni għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv permezz ta’ miżuri kompleti, ċari u preċiżi ( 42 ). |
|
50. |
Fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni inkwistjoni jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti fuq il-bażi tal-evidenza sottomessa lilha mill-Kummissjoni u li tista’ tiġi ammessa jew ikkontestata mill-Istat Membru kkonċernat. F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, ma huwiex neċessarju li l-Kummissjoni turi, u lanqas li l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa, l-insuffiċjenza ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għal kull waħda miż-ŻSK fit-territorju tal-Istat Membru. Huwa biżżejjed li jintwera mudell ta’ insuffiċjenza ta’ dawn il-miżuri. Huwa f’dan ir-rigward li lment li jallega ksur ġenerali u persistenti jsir importanti (ara l-punti 90 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
51. |
Dan iqajjem, konsegwentement, il-kwistjoni tal-prova li għandha tiġi prodotta u tar-rwoli rispettivi mwettqa mill-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat u l-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-verifika tal-osservanza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni tagħha stess iżda tiddependi mill-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri ( 43 ). Din l-informazzjoni setgħet tiġi pprovduta permezz tal-monitoraġġ u tar-rapportar skont l-Artikoli 11 u 17 ta’ din id-direttiva jew fuq il-bażi ta’ talbiet tal-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija tirċievi, il-Kummissjoni għandha tkun f’pożizzjoni li tivverifika faċilment jekk jeżistux miżuri ta’ konservazzjoni u r-rabta tagħhom mal-għanijiet kollha ta’ konservazzjoni rilevanti għal kull wieħed mill-habitats u l-ispeċi ( 44 ). Peress li din l-informazzjoni hija f’idejn l-Istat Membru kkonċernat, dan l-Istat Membru jista’ wkoll juri l-eżistenza u l-portata tal-miżuri ta’ konservazzjoni kif ukoll il-mod kif dawn jirrelataw mal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ kull sit. Jidher għalhekk li huwa possibbli li l-Istat Membru kkonċernat jintalab jidentifika l-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda għal kull habitat u kull speċi mingħajr ma l-Kummissjoni tkun obbligata turi, li jkun eċċessivament diffiċli, li l-ebda waħda mill-miżuri ta’ konservazzjoni meħuda minn dan l-Istat Membru ma tikkonċerna lil din l-ispeċi u dan il-habitat. Fl-istess ħin, xorta waħda tibqa’ r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li turi li l-miżuri ta’ konservazzjoni li ġew ippreżentati mill-Istat Membru bħala li jipproteġu speċi jew habitat huma insuffiċjenti għat-twettiq ta’ dan il-kompitu. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun tista’ tevalwa jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni humiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats bis-saħħa tal-informazzjoni li tkun ġiet ippreżentata lilha mill-partijiet ikkonċernati, mingħajr ma jkollha “tinvolvi ruħha f’xogħol estensiv ta’ stħarriġ” ( 45 ). |
|
52. |
Finalment, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, bil-ksur tal-Artikolu 4(4), jew l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, Stat Membru jippreġudika mhux biss iż-żoni ta’ konservazzjoni tan-natura tiegħu stess, iżda wkoll l-isforzi mwettqa fil-livell tal-Unjoni sabiex jippromwovu l-konservazzjoni u l-bijodiversità permezz ta’ Natura 2000. Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta mir-raba’ u mill-ħdax-il premessa tad-Direttiva dwar il-habitats li l-habitats u l-ispeċi mhedda jagħmlu parti mill-patrimonju naturali tal-Unjoni u li l-perikoli li huma jaffaċċjaw huma spiss ta’ natura transkonfinali, bil-konsegwenza li l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni hija r-responsabbiltà komuni tal-Istati Membri kollha ( 46 ). |
|
53. |
Id-Direttiva dwar il-habitats, li ġiet imfaħħra, pereżempju, bħala “għodda b’saħħitha f’dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni tan-natura” ( 47 ) [traduzzjoni libera] u “waħda mill-iktar leġiżlazzjonijiet ambjentali formidabbli tal-Unjoni” ( 48 )[traduzzjoni libera], x’aktarx tfalli jekk l-Istati Membri ma jistabbilixxux il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għall-kisba tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ kull sit magħżul sabiex jipparteċipa f’Natura 2000. |
|
54. |
Huwa minn din il-perspettiva li issa ser nindirizza t-tielet ilment imressaq mill-Kummissjoni fil-kawża ineżami. |
IV. Fuq it‑tielet ilment, ibbażat fuq il-ksur tal‑Artikolu 6(1) tad‑Direttiva dwar il‑Habitats
|
55. |
Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats peress li naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għal kwalunkwe wieħed mill‑423 sit inkwistjoni. |
|
56. |
Il-Kummissjoni tqajjem, essenzjalment, erba’ tipi ta’ allegazzjonijiet. L-ewwel, ċerti siti ma għandhom assolutament l-ebda miżura ta’ konservazzjoni (230 mill‑423 sit). It-tieni, ċerti siti għandhom miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti, peress li jikkonċernaw biss parti mit-tipi ta’ habitats jew tal-ispeċi rilevanti preżenti b’mod sinjifikattiv f’dawn is-siti (149 mill‑193 sit li jifdal). It-tielet, ċerti siti għandhom miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex ibbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit u ddefiniti b’mod ċar (l‑44 sit rimanenti). Ir-raba’, f’diversi siti, il-miżuri ta’ konservazzjoni eżistenti ma humiex effettivi, peress li ma humiex suffiċjentement preċiżi u ma jindirizzawx il-pressjonijiet u t-theddid sinjifikattivi kollha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li dan l-aħħar tip ta’ ksur huwa ta’ natura ġenerali u persistenti. |
|
57. |
Ser nindirizza separatament kull wieħed mill-erba’ tipi ta’ allegazzjonijiet iktar ’il quddiem. |
|
58. |
Qabel ma ssir din l-analiżi, huwa importanti li jiġi ċċarat li, fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda ostakolu sabiex il-Kummissjoni tressaq ilment separat skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jekk ikun tressaq ukoll ilment dwar l-istess sit skont l-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva (pereżempju, talli ma ġietx formalment identifikat ŻSK jew nuqqas ta’ għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi marbuta ma’ ŻSK partikolari) ( 49 ). |
|
59. |
Fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni tallega l-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats fir-rigward tal‑423 sit inkwistjoni kollha, filwaqt li, għal uħud minn dawn is-siti, il-Kummissjoni ssostni wkoll li hemm allegat ksur tal-Artikolu 4(4) ta’ din id-direttiva. |
|
60. |
Kif diġà spjegajt (ara l-punti 44 sa 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il-konstatazzjoni tal-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats tfisser awtomatikament ukoll il-ksur tal-Artikolu 4(4) tagħha f’termini sostantivi, peress li ŻSK ma tistax tinftiehem bħala debitament stabbilita mingħajr ma jkunu ġew adottati u implimentati miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji. Għall-kuntrarju, konstatazzjoni li Stat Membru ma identifikax ŻSK formalment jew ma stabbilixxiex l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu bi ksur tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats tfisser fl-istess ħin li jkun hemm ukoll ksur tal-Artikolu 6(1) tagħha, peress li miżuri ta’ konservazzjoni jistgħu jiġu adottati biss f’konformità mad-Direttiva dwar il-habitats jekk ikunu marbuta ma’ ŻSK speċifika u mal-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha. |
|
61. |
Għaldaqstant, fid-dawl tar-rabta stretta bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, anki jekk l-allegazzjonijiet ta’ ksur jistgħu jiġu evalwati separatament, il-Kummissjoni ma tistax tevita li tippreżenta azzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fir-rigward tagħhom it-tnejn. |
A. Fuq l‑allegazzjoni li l‑Irlanda ma adottat l‑ebda miżura ta’ konservazzjoni għal ċerti siti
|
62. |
Il-Kummissjoni tallega li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, jeżistu 230 sit li għalihom ma teżisti assolutament l-ebda miżura ta’ konservazzjoni. |
|
63. |
B’risposta għal din l-allegazzjoni, l-Irlanda tispjega li d-dritt Irlandiż jinkludi l-lista ta’ Azzjonijiet Notifikabbli u lista ta’ Attivitajiet li Jeħtieġu l-Kunsens (iktar ’il quddiem l-“AJK”), li jidentifikaw l-attivitajiet li għalihom ikun meħtieġ il-kunsens tal-Ministru rilevanti qabel ma jkunu jistgħu jitwettqu fis-sit. Kemm l-Azzjonijiet Notifikabbli u l-AJK huma, fil-fehma tal-Irlanda, miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit partikolari, li joperaw sabiex jipprevjenu d-dannu kkawżat lill-ispeċi u lill-habitats rilevanti għal kull sit. Għalhekk, skont l-Irlanda, ma jeżistux siti mill‑423 inkwistjoni li għalihom ma jeżistux miżuri ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit, peress li kull sit għandu lista ta’ Azzjonijiet Notifikabbli jew lista ta’ AJK. |
|
64. |
Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, l-obbligu li jiġu adottati l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma għandux jiġi konfuż jew limitat għall-adozzjoni ta’ miżuri intiżi sabiex jipprevjenu d-deterjorazzjoni tas-siti. Tali miżuri huma adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva dwar il-habitats immedjatament wara l-pubblikazzjoni tal-lista ta’ SIK (ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għall-kuntrarju, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jikkostitwixxu miżuri pożittivi u proattivi għaż-żamma jew għar-restawr fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tas-sit ( 50 ). |
|
65. |
Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda dwar il-listi ta’ Azzjonijiet Notifikabbli u ta’ AJK li japplikaw għal kull sit, dawn huma ta’ natura ġenerali f’diversi aspetti (ħafna huma l-istess għal diversi siti, pereżempju “irkupru, inkluż il-mili” u “ibblastjar, tħaffir, tħammil jew tneħħija jew distribuzzjoni b’xi mod ieħor ta’ fossili, blat, minerali, tajn, ramel, torba jew sediment ieħor”) u ma jipprovdux dettalji dwar l-implimentazzjoni effettiva tagħhom jew kif dawn huma marbuta mar-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ kull sit. |
|
66. |
Barra minn hekk, l-Irlanda tipprovdi lista ta’ 79 sit li fir-rigward tagħhom hija ssostni li teżisti sensiela sħiħa u kompleta ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. Hija tinvoka wkoll għaxar programmi orizzontali, li jimplimentaw miżuri ta’ konservazzjoni fir-rigward tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċi minflok b’riferiment għal siti individwali. Hija tinvoka wkoll dawn l-istess argumenti f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni li l-Irlanda adottat miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti għal ċerti siti (ara l-punti 72 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
67. |
Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li hawnhekk issir investigazzjoni dwar in-natura sħiħa u kompleta tal-miżuri ta’ konservazzjoni ta’ dawn id‑79 sit, tali argument ma jiċħadx l-allegazzjoni li jeżistu siti li fihom ma hemmx miżuri ta’ konservazzjoni fis-seħħ (il-Kummissjoni ssostni li hemm 230 tali siti). L-istess jgħodd fir-rigward tal-invokazzjoni mill-Irlanda tal-għaxar programmi orizzontali. Mingħajr elementi addizzjonali, ikun diffiċli li jiġi konkluż biss fuq il-bażi tal-eżistenza ta’ tali programmi li ma hemmx siti mingħajr ebda miżuri. |
|
68. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Irlanda ma ċaħditx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li numru ta’ siti ma għandhom l-ebda miżuri ta’ konservazzjoni. |
B. Fuq l‑allegazzjoni li l‑Irlanda adottat miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti għal ċerti siti
|
69. |
Il-Kummissjoni tallega li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, għal 149 sit, jeżistu miżuri ta’ konservazzjoni inkompleti peress li jkopru biss parti mill-habitats u l-ispeċi rilevanti li s-sit ġie identifikat għalihom. |
|
70. |
Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, il-Kummissjoni tinvoka l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tobbliga l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats permezz ta’ miżuri kompleti. |
|
71. |
F’din il-ġurisprudenza ( 51 ), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-miżuri ta’ konservazzjoni inkwistjoni kienu inkompleti, peress li ma kinux jinkludu miżuri stabbiliti b’mod sistematiku skont ir-rekwiżiti ekoloġiċi ta’ kull tip ta’ habitat u ta’ kull speċi preżenti f’kull waħda miż-ŻSK. |
|
72. |
Bħala risposta, l-Irlanda ssostni li hija attwalment qiegħda timplimenta għaxar programmi orizzontali fost ŻSK differenti, li, kif issemma iktar ’il fuq, jimplimentaw miżuri ta’ konservazzjoni fuq bażi ta’ habitats jew speċi b’mod ġenerali u mhux b’riferiment għal siti partikolari. |
|
73. |
F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li sabiex ikunu kompleti u preċiżi, il-miżuri ta’ konservazzjoni ma għandhomx neċessarjament jiġu ddeterminati individwalment, “speċi bi speċi” u “tip ta’ habitat b’t-tip ta’ habitat”. Skont il-kuntest, projbizzjoni ġenerali tal-atti dannużi tista’ f’xi każijiet tindirizza t-theddid u l-pressjonijiet kollha prinċipali, filwaqt li f’każijiet oħra jkunu neċessarji miżuri li jiddifferenzjaw iktar. |
|
74. |
Fil-fehma tiegħi, għalkemm l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni permezz ta’ programmi orizzontali ma tistax fiha nnifisha titqies bħala problematika, għandu jkun ċar kif tali programmi jittrattaw kull habitat u kull speċi f’kull sit. |
|
75. |
Madankollu, l-Irlanda ma tagħtix informazzjoni speċifika dwar liema mill-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti fuq il-bażi ta’ dawn il-programmi jissodisfaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għal kull sit. Huwa, għalhekk, diffiċli li jiġi konkluż sempliċement mill-informazzjoni dwar dawn il-programmi orizzontali li huma jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ kull habitat u ta’ kull speċi f’kull ŻSK. Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni mingħajr kontestazzjoni mill-Irlanda, erbgħa minn dawn il-programmi saru wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata addizzjonali (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati fil-kawża ineżami ( 52 ). |
|
76. |
L-Irlanda tipprovdi wkoll lista ta’ 79 sit li hija ssostni li għandhom miżuri ta’ konservazzjoni sħaħ u kompluti. Madankollu, kif tindika l-Kummissjoni, din il-lista ma hija sostnuta minn ebda informazzjoni dwar il-miżuri sħaħ u kompleti għal dawn is-siti u lanqas dwar id-dati li fihom ittieħdu dawn il-miżuri. L-Irlanda tipprovdi eżempji illustrattivi għal sitt siti u għal 21 sit ieħor li jipproteġu l-farfett il-lejl nagħla ż-żgħir (Rhinolophus hipposideros), iżda għal ebda wieħed minn dawn l-eżempji ma tispjega kif dawn huma marbuta mal-għanijiet ta’ konservazzjoni jew li huma kompluti fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet. L-Irlanda lanqas ma tindika, għal dawn l-eżempji, id-dati li fihom il-miżuri ta’ konservazzjoni ġew stabbiliti u implimentati. Ir-riżultat huwa li ma jistax jiġi aċċertat jekk dawn itteħdux qabel jew wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (ara l-punt 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 53 ). |
|
77. |
Ħalli nagħti diversi eżempji:
|
|
78. |
Għalhekk ma narax kif l-provi prodotti mill-Irlanda jissostanzjaw li dawn l-eżempji jiġu kkunsidrati li juru li s-siti għandhom miżuri ta’ konservazzjoni sħaħ u kompleti. Il-fatt li jista’ jkun hemm ċerti miżuri ta’ konservazzjoni għal ċerti siti ma huwiex, fil-fehma tiegħi, suffiċjenti biex ikun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
79. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Irlanda ma ċaħditx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li numru ta’ siti ma għandhomx miżuri ta’ konservazzjoni kompleti. |
C. L‑allegazzjoni li l‑miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill‑Irlanda ma humiex ibbażati fuq għanijiet ta’ konservazzjoni
|
80. |
Il-Kummissjoni tallega li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, għal (mill-inqas) 44 sit, il-miżuri ta’ konservazzjoni ma humiex ibbażati fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti għal kull sit. |
|
81. |
Il-Kummissjoni tifhem li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jibbażaw miżuri ta’ konservazzjoni fuq għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għas-sit sabiex ikun hemm komponenti sostantivi (l-għanijiet u l-miżuri għandhom jikkorrelataw) u sekwenzjali (l-għanijiet ma għandhomx ikunu sussegwenti għall-miżuri). Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan huwa konformi mal-kuntest u mal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Bħalma enfasizzat il-Kummissjoni fis-seduta, is-sitwazzjoni li fiha Stat Membru l-ewwel jistabbilixxi miżuri ta’ konservazzjoni u mbagħad jistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni, fejn tal-ewwel jinzertaw li jikkorrispondu bis-sħiħ ma’ tal-aħħar ma hijiex realistika, u hemm riskju sinjifikattiv li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma jservux bħala kejl għall-evalwazzjoni tan-natura xierqa tal-miżuri ta’ konservazzjoni, iżda sempliċement jirriflettu tali miżuri. |
|
82. |
L-Irlanda, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, dawn iż-żewġ Stati Membri jsostnu li ma hemm l-ebda rekwiżit li l-għanijiet ta’ konservazzjoni jridu jiġu stabbiliti qabel l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni. |
|
83. |
Kif enfasizzat l-Irlanda fis-seduta, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jobbligax sekwenzjar speċifiku bejn l-għanijiet ta’ konservazzjoni u miżuri ta’ konservazzjoni, peress li dan ma huwiex sostnut mit-test ta’ din id-dispożizzjoni jew mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-Irlanda ssostni li hemm 37 sit li fihom il-miżuri ta’ konservazzjoni kienu bbażati fuq evalwazzjoni mfassla apposta tat-theddid u tal-pressjonijiet minkejja l-fatt li għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit kienu għadhom ma ġewx żviluppati u ppubblikati. |
|
84. |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza li ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats ma jistax jirriżulta mis-sempliċi fatt li miżuri ta’ konservazzjoni diġà ttieħdu qabel l-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni; il-fattur determinanti għandu jkun jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji ttieħdux u jekk humiex effettivi bħala tali. |
|
85. |
F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, ma ninsabx konvint li miżuri ta’ konservazzjoni ma humiex konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats minħabba s-sempliċi fatt li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ġew stabbiliti wara l-istabbiliment ta’ tali miżuri. Dak li huwa importanti, fil-fehma tiegħi, huwa jekk il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji humiex adegwati u effettivi sabiex jindirizzaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tal-habitats u tal-ispeċi li għalihom is-sit ġie identifikat. |
|
86. |
L-argument tal-Kummissjoni dwar ir-riskju li, jekk l-ordni jinqaleb, l-għanijiet ta’ konservazzjoni jitbiddlu sabiex ikunu jaqblu mal-miżuri ta’ konservazzjoni ma nsibux konvinċenti. Minflok, huwa iktar probabbli li l-bżonnijiet ta’ sit kienu diġà rrikonoxxuti mill-Istat Membru, anki jekk mhux formalment espressi bħala għanijiet ta’ konservazzjoni. Huwa diffiċli li jiġi aċċettat li l-Istati Membri stabbilixxew miżuri ta’ konservazzjoni mingħajr raġuni valida. |
|
87. |
Madankollu, dan ma jfissirx li, anki jekk kienu diġà jeżistu, il-miżuri ta’ konservazzjoni ma għandhomx jikkorrispondu mal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ siti partikolari sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. Lanqas ma jfisser li l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma għandhomx jiġu stabbiliti b’mod ċar. L-istabbiliment tal-għanijiet ta’ konservazzjoni huwa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 55 ), stadju mandatorju u neċessarju fl-identifikazzjoni ta’ ŻSK u fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni (ara l-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet). |
|
88. |
Għaldaqstant, nikkunsidra li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Irlanda kisret l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats billi stabbilixxiet il-miżuri ta’ konservazzjoni qabel ma stabbilixxiet l-għanijiet ta’ konservazzjoni ma hijiex fondata. |
|
89. |
Madankollu, sa fejn l-Irlanda ma ċaħditx li l-miżuri ta’ konservazzjoni ma jistgħux jitqabblu mal-għanijiet ta’ konservazzjoni għas-siti inkwistjoni, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats hija fondata. |
D. Fuq l‑allegazzjoni li l‑miżuri ta’ konservazzjoni adottati mill‑Irlanda ma humiex effettivi u fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti mill-Irlanda
|
90. |
Il-Kummissjoni tallega li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Irlanda fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, l-Irlanda naqset milli twettaq b’mod ġenerali u persistenti l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, billi stabbilixxiet sistematikament miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex suffiċjentament iddettaljati u ma indirizzatx it-theddid u l-pressjonijiet kollha għall-habitats u l-ispeċi preżenti fuq kull sit. |
|
91. |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni mhux biss li ċerti miżuri ta’ konservazzjoni ma jissodisfawx rekwiżiti kwalitattivi peress li ma humiex suffiċjentement effettivi, iżda wkoll li l-eżempji mogħtija huma rappreżentattivi ta’ mudell li jirriżulta f’nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti mwettaq mill-Irlanda. |
|
92. |
Il-Kummissjoni tinvoka tliet eżempji li jinvolvu żewġ tipi ta’ habitat ta’ prijorità (laguni kostali u artijiet imxarrba) u speċi ta’ prijorità waħda (il-perla tal-ilma ħelu) sabiex turi li l-miżuri ta’ konservazzjoni huma ta’ kwalità insuffiċjenti peress li ma għandhomx dettalji kwantitattivi, ma jindikawx atturi responsabbli jew skedi ta’ żmien u ma jindirizzawx il-pressjonijiet u t-theddid prinċipali li jaffettwaw lil dawn il-habitats u dawn l-ispeċi ( 56 ). |
|
93. |
Fil-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni ( 57 ), il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-miżuri ta’ konservazzjoni mhux biss għandhom ikunu kompleti, iżda għandhom ikunu wkoll ċari u preċiżi. Ir-rekwiżit ta’ kompletezza ġie ttrattat fir-rigward tat-tieni allegazzjoni tal-Kummissjoni fil-kawża ineżami (ara l-punti 69 sa 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għad ma kellhiex l-opportunità li tiċċara fid-dettall dak li r-rekwiżit ta’ miżuri ċari u preċiżi jinvolvi. Sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li miżuri ta’ konservazzjoni kienu insuffiċjenti jekk dawn kienu ġeneriċi u programmatiċi jew li kienu jeħtieġu miżuri ta’ implimentazzjoni oħra sabiex isiru effettivi. |
|
94. |
Jiena nista’ naqbel mal-Kummissjoni li miżuri ta’ konservazzjoni effettivi għandhom jindirizzaw it-theddid u l-pressjonijiet prinċipali kollha għall-habitats u għall-ispeċi preżenti fuq kull sit. Jiena nista’ naqbel ukoll li tali miżuri għandhom ikunu suffiċjentement speċifiċi u ddettaljati sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet tas-sit partikolari. Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk preċiżazzjoni suffiċjenti teħtieġx kwantifikazzjoni jew identifikazzjoni tal-atturi rilevanti u skedi ta’ żmien minn qabel ma tistax tkun stipulata b’mod ġenerali, iżda tiddependi miċ-ċirkustanzi tas-sit partikolari u mit-tipi ta’ miżuri xierqa għall-bżonnijiet tagħha. Dak li huwa deċiżiv huwa l-possibbiltà li jiġu implimentati tali miżuri ( 58 ). Għaldaqstant, jekk, mingħajr l-identifikazzjoni tal-atturi responsabbli, tal-iskedi ta’ żmien jew tal-għanijiet ikkwantifikati, wieħed ma jistax jistenna li l-implimentazzjoni sseħħ, tali miżuri għandhom jinkludu dawn it-tipi ta’ dettalji minn qabel. Jekk, għall-kuntrarju, dan ma jkunx neċessarju f’każ partikolari, Stat Membru jkollu jispjega għalfejn il-miżura tista’ madankollu tiġi effettivament implimentata. |
|
95. |
L-Irlanda ma tressaq l-ebda argumenti sabiex tiċħad l-informazzjoni prodotta mill-Kummissjoni, li tallega l-ineffettività tal-miżuri ta’ konservazzjoni f’dak li jirrigwarda t-tliet eżempji. |
|
96. |
Peress li s‑27 eżempju mogħti mill-Irlanda dwar l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ konservazzjoni sħaħ u kompleti jistgħu jinftiehmu wkoll bħala risposta għall-allegazzjoni dwar il-kwalità insuffiċjenti ta’ dawn il-miżuri, nosserva li eżempju wieħed biss (iż-ŻSK Slieve Bloom Mountains imsemmija fil-punt 77 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jinvolvi l-artijiet imxarrba) huwa relatat ma’ kwalunkwe wieħed mill-habitats u l-ispeċi ta’ prijorità invokati mill-Kummissjoni sabiex issostni din l-allegazzjoni. |
|
97. |
F’dan ir-rigward, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti, fl-ambitu ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, li għandha l-oneru li tistabbilixxi l-eżistenza tal-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa għall-verifika tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq ebda preżunzjoni ( 59 ). Meta l-Kummissjoni tkun ipproduċiet biżżejjed provi sabiex tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu direttiva ma humiex applikati b’mod korrett fil-prattika fit-territorju tal-Istat Membru konvenut, hija r-responsabbiltà ta’ dan tal-aħħar li jikkontesta mil-lat sostantiv u fid-dettall l-informazzjoni hekk ippreżentata u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnha ( 60 ). |
|
98. |
Fil-fehma tiegħi, fil-kawża ineżami, il-Kummissjoni pproduċiet provi suffiċjenti li l-miżuri ta’ konservazzjoni tat-tliet eżempji huma ta’ kwalità insuffiċjenti sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti kwalitattivi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats, filwaqt li l-Irlanda ma pproduċiet l-ebda provi ta’ natura li jiċħdu din l-allegazzjoni. |
|
99. |
Għaldaqstant, jiena nqis li, għal dak li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi ppreżentati bħala eżempji mill-Kummissjoni, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats li tadotta miżuri effettivi. |
|
100. |
Il-Kummissjoni ssostni, barra minn hekk, li dawn it-tliet eżempji huma rappreżentattivi ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti peress li jikkonċernaw numru kbir ta’ siti, jindikaw il-konfigurazzjoni ġeografika tan-network ta’ ŻSK fl-Irlanda u jikkonċernaw habitats u speċi li dan in-network huwa kritiku għall-konservazzjoni tagħhom. |
|
101. |
Għalhekk, anki jekk il-Kummissjoni ma ressqitx argumenti speċifiċi dwar ŻSK oħra dwar habitats jew speċi differenti, bl-invokazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti, il-Kummissjoni timplika li l-ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats jeżisti wkoll f’żoni oħra sa fejn il-miżuri adottati fil-kuntest ta’ dawn iż-ŻSK l-oħra ma jissodisfawx rekwiżiti kwalitattivi. |
|
102. |
L-Irlanda la ċaħdet l-allegazzjonijiet konkreti li jinsabu fl-eżempji mressqa mill-Kummissjoni u lanqas ma kkontestat l-allegazzjoni li dawn l-eżempji huma rappreżentattivi fis-sens li jista’ jiġi konkluż li jeżisti nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats. |
|
103. |
X’inhu l-valur miżjud, jekk xejn, li jiġi sostnut li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura ġenerali u persistenti? |
|
104. |
Il-Kummissjoni bdiet il-prassi li tallega nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti f’proċedimenti ambjentali fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 61 ). F’din is-sentenza ( 62 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li “xejn ma jwaqqafha a priori milli tfittex simultanjament li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet li jitwettqu l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva minħabba l-imġiba ta’ l-awtoritajiet ta’ Stat Membru fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet konkreti, li huma identifikati b’mod speċifiku, u li jiġu kkonstatati n-nuqqasijiet għall-imsemmija dispożizzjonijiet minħabba li dawn l-awtoritajiet ikunu adottaw prassi ġenerali li tmur kontrihom ġiet adottata minn dawn l-awtoritajiet, li tagħhom l-imsemmija sitwazzjonijiet speċifiċi jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, l-eżempju”. |
|
105. |
Din il-linja ġurisprudenzjali dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti ( 63 ) essenzjalment tfisser li l-Kummissjoni tista’ tibda proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru minħabba allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali u persistenti fuq il-bażi ta’ każijiet speċifiċi, meta mqabbla ma’ proċedura ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tipika li tirrigwarda inċidenti iżolati ( 64 ). Għaldaqstant, il-valur miżjud ta’ dan it-tip ta’ lment jidher li huwa li, jekk jiġi kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja li Stat Membru jkun wettaq tali ksur b’mod ġenerali u persistenti tad-dritt tal-Unjoni, dan probabbilment iwassal għall-ħtieġa ta’ bidla ġenerali fil-prattika b’mod totali, minflok ma sempliċement jirrimedja l-ksur speċifiku identifikat ( 65 ). |
|
106. |
Kif spjega l-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda ( 66 ), sabiex jiġi stabbilit li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn Stat Membru huwa ġenerali u persistenti huwa possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dimensjonijiet tal-iskala, iż-żmien u l-gravità. Id-dimensjoni tal-iskala tfisser, fil-fehma tiegħi, li l-eżempji li fuq il-bażi tagħhom ikun intwera n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ikunu rappreżentattivi tal-aġir ta’ Stat Membru fl-oqsma koperti minn direttiva. Id-dimensjoni taż-żmien timplika li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jippersisti fuq perijodu itwal, filwaqt li d-dimensjoni tal-gravità tista’ tkun marbuta mal-ewwel żewġ dimensjonijiet jew mal-importanza tal-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni partikolari tal-Unjoni. |
|
107. |
Fir-rigward tal-istabbiliment tad-dimensjonijiet li jippermettu li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura ġenerali u persistenti, fil-fehma tiegħi, xejn ma jinbidel f’dak li jikkonċerna l-oneru tal-prova. Il-Kummissjoni għandha tipproduċi provi suffiċjenti sabiex turi li Stat Membru jkun naqas milli jwettaq obbligu b’mod ġenerali u persistenti fuq il-bażi ta’ numru ta’ eżempji li għandhom jitqiesu bħala rappreżentattivi tal-prattika tal-Istat Membru inkwistjoni u fuq il-bażi ta’ tali mudell huwa probabbli li l-istess tip ta’ ksur jeżisti fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet individwali oħra li ma humiex speċifikament ittrattati. Huwa l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostantiv u fid-dettall l-informazzjoni prodotta fir-rigward ta’ dawn l-eżempji u l-inferenzi misluta ( 67 ). |
|
108. |
Fil-kawża ineżami, l-Irlanda ma ressqet l-ebda argument sabiex tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li t-tliet eżempji huma rappreżentattivi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ġenerali u persistenti allegat. |
|
109. |
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-Irlanda ma ċaħditx l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats b’mod ġenerali u persistenti billi stabbilixxiet sistematikament miżuri ta’ konservazzjoni li ma humiex suffiċjentament iddettaljati u ma jindirizzawx it-theddid u l-pressjonijiet kollha għall-habitats u l-ispeċi fuq kull sit. |
|
110. |
Barra minn hekk, peress li miżuri effettivi fil-parti l-kbira taż-ŻSK inkwistjoni kienu mistennija li jiġu adottati u implimentati sa mill‑2010, id-dimensjoni taż-żmien neċessarju għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’mod ġenerali u persistenti hija, fil-fehma tiegħi, preżenti. Jekk dan ikun akkumpanjat mill-gravità tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jistgħu jirriżultaw minnu, speċjalment peress li ċerti proċessi jistgħu jsiru irriversibbli jekk ma jittieħdux miżuri neċessarji, jiena tal-fehma li l-kundizzjonijiet għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats b’mod ġenerali u persistenti huma ssodisfatti fil-kawża ineżami. |
|
111. |
Konsegwentement, naħseb li l-Kummissjoni wriet b’mod suffiċjenti li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats b’mod ġenerali u persistenti. |
|
112. |
Fuq il-bażi tal-motivi preċedenti, it-tielet ilment imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat. |
V. Konklużjoni
|
113. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u bla ħsara għall-eżami tal-ilmenti l-oħra mqajma fil-kawża ineżami, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, billi ma stabbilixxietx il-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jikkorrispondu għar-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali fl-Anness I ta’ dan id-direttiva u tal-ispeċi fl-Anness II tagħha preżenti fis-siti. |
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Hughes, J., Scholey, K. u Fothergill, A. (reġija) David Attenborough: A Life on Our Planet, Dokumentarju Oriġinali ta’ Netflix, 2020.
( 3 ) Forum Ekonomiku Dinji, “The Global Risks Report 2020”, disponibbli fuq: https://www3.weforum.org/docs/WEF_Global_Risk_Report_2020.pdf, p. 47 sa 49.
( 4 ) Skont ċerti stimi, it-telf tal-ispeċi huwa stmat li huwa bejn 1000 u 10000 darba ogħla mir-rata ta’ estinzjoni naturali, jiġifieri, ir-rata ta’ estinzjoni mistennija mingħajr interferenza mill-bniedem. Dan ifisser li, kull sena, id-dinja titlef bejn 0.01 % u 0.1 % tal-ispeċi kollha. Jekk huma preċiżi l-istimi baxxi tan-numru ta’ speċi (madwar 2 miljuni), dan ifisser li jseħħu madwar 200 u 2000 estinzjoni kull sena. Skont l-ogħla stima, bejn 10000 u 100000 speċi jiġu estinti kull sena. Ara s-sit web tal-World Wide Fund for Nature, disponibbli fuq: https://wwf.panda.org/discover/our_focus/biodiversity/biodiversity/.
( 5 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall‑2030: Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna”, COM(2020) 380 final, Brussell, 20 ta’ Mejju 2020. Wieħed mir-riżultati ta’ din l-istrateġija huwa l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-restawr tan-natura, COM(2022) 304 final, Brussell, 22 ta’ Ġunju 2022.
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitou 15, Vol. 2, p. 102), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/62/KE tas‑27 ta’ Ottubru 1997 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitou 15, Vol. 4, p. 3) (iktar il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitats”).
( 7 ) C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669.
( 8 ) C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047.
( 9 ) Ara, f’dan ir-rigward, Il‑Kummissjoni vs Il‑Bulgarija, (C‑85/22), pendenti; Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑116/22), pendenti.
( 10 ) Il-Kummissjoni spjegat fir-rikors tagħha fil-kawża ineżami li jeżistu diversi proċeduri oħra ta’ ksur pendenti tal-istess tip li jikkonċernaw lil Spanja, lill-Italja, liċ-Ċipru, lil-Latvja u lill-Polonja.
( 11 ) Ara, f’dan ir-rigward, L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, “L-istat tan-natura fl-Unjoni: Riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013-2018” [traduzzjoni mhux uffiċjali] Rapport tal-EEA Nru 10/2020, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2020 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport EEA”), p. 127, li fihom ġie konkluż li l-“progress globali mwettaq fuq il-mira Nru 1 tal-ispeċi u tal-habitats huwa relattivament żgħir meta mqabbel mal-linji bażi tal‑2010, jiġifieri l-mira ma ntlaħqet għal ebda wieħed mill-gruppi” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 12 ) Ara l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva dwar il-habitats. Għal deskrizzjoni iktar iddettaljata tas-sistema ta’ din id-direttiva, ara l-punti 29 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 13 ) Dan huwa wieħed mir-reġjuni koperti mid-Direttiva dwar il-habitats, li jinkludi t-territorju tal-Irlanda kollu kemm hu. Ara l-punti 25 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 14 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/813/KE tas‑7 ta’ Diċembru 2004 li tadotta, skond id-[Direttiva dwar il-habitats], l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU 2005, L 269M, p. 150). Għalhekk, it-terminu ta’ sitt snin għall-finijiet tal-identifikazzjoni ta’ dawn is-siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats skada fis‑7 ta’ Diċembru 2010.
( 15 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/23/KE tat‑12 ta’ Novembru 2007 li tadotta, skond id-[Direttiva dwar il-habitats], l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku (ĠU 2008, L 12, p. 1); u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/96/KE tat‑12 ta’ Diċembru 2008 li tadotta, skont id-[Direttiva dwar il-habitats], it-tieni lista aġġornata tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2009, L 43, p. 466). Għalhekk, skont din id-deċiżjoni tal-aħħar, it-terminu ta’ sitt snin previst fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats għas-siti addizzjonali skada fit‑12 ta’ Diċembru 2014.
( 16 ) F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Irlanda kienet naqset milli tidentifika 401 sit bħala ŻSK, milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni ddettaljati speċifiċi għas-sit għal 335 sit u milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fi kwalunkwe wieħed mill‑423 sit.
( 17 ) F’din l-opinjoni motivata addizzjonali, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-Irlanda xorta kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha fir-rigward ta’ numru kbir ta’ siti. Hija qieset li l-Irlanda kienet naqset milli tidentifika 255 sit bħala ŻSK, milli tistabbilixxi għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit għal 198 sit u milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji fi kwalunkwe wieħed mill‑423 sit.
( 18 ) Permezz ta’ digriet tas‑6 ta’ Diċembru 2021, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tintervjeni fil-kawża ineżami insostenn tat-talbiet tal-Irlanda.
( 19 ) Ara s-sitt u s-seba’ premessa tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 20 ) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), li ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat‑2 ta’ April 1979 Dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”).
( 21 ) Ara, pereżempju, il-punt 5 tad-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Strasbourg, tal‑25 ta’ Frar 2022; id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, “Fitness Check of the EU Nature Legislation (Birds and Habitats Directives) (il-Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-Natura (id-Direttivi dwar l-għasafar u dwar il-habitats)), SWD(2016) 472 final, Brussell, 16 ta’ Diċembru 2016, p. 24.
( 22 ) Ara, pereżempju, ir-Rapport EEA, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 6.
( 23 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni, “Natura 2000 in the Atlantic Region (Natura 2000 fir-Reġjun tal-Atlantiku)”, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Komunitajiet Ewropej, 2009, disponibbli fuq is-sit internet https://ec.europa.eu/environment/nature/natura2000/.
( 24 ) Ara l-ħames u l-ħdax-il premessa u l-Artikolu 1(d) u (h) tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 25 ) Ara “Art imxarrba bl-iSphagnum acid”, it-tielet inċiż taħt “Art Imxarrba Mgħollija u tat-Tajn u Mgħarrqa.” tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats
( 26 ) Ara, pereżempju, Blanket Bog Restoration in Ireland, disponibbli fuq: https://www.irishbogrestorationproject.ie/.
( 27 ) Ara “Biċċiet ta’ l-art bit-tajn u bir-ramel li ma jkunux mgħottija bl-ilma baħar meta l-mewġ ikun baxx” il-ħames inċiż tal-Anness I tad-Direttiva dwar il-habitats taħt “Habitat Naturali Kostali u fejn Jgħixu Pjanti fl-Ilma Mielaħ.”
( 28 ) Ara, pereżempju, “Coastal Lagoon”, ScienceDirect, disponibbli fuq: https://www.sciencedirect.com/topics/earth-and-planetary-sciences/coastal-lagoon.
( 29 ) Ara “Bivalvia” it-tieni inċiż taħt “Molluski”, “Invertebrati” u “Annimali” tal-Anness II tad-Direttiva dwar il-habitats.
( 30 ) Ara, pereżempju, Dilly, L., “Let’s Save the Endangered Freshwater Pearl Mussel”, Alerce Environmental Blog, 16 ta’ Novembru 2020, disponibbli fuq: https://alerceenvironmental.com/endangered-freshwater-pearl-mussel; Ireland National Parks and Wildlife Service, “The Freshwater Pearl Mussel”, disponibbli fuq: https://www.npws.ie/research-projects/animal-species/invertebrates/freshwater-pearl-mussel.
( 31 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ April 2000, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑256/98, EU:C:2000:192, punt 7); tat‑12 ta’ Ġunju 2019, CFE (C‑43/18, EU:C:2019:483, punt 37); u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 43).
( 32 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2001, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑67/99, EU:C:2001:432, punt 5); tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑669/16, EU:C:2018:844, punti 5 u 60); u tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 34).
( 33 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, l-Artikolu 1(l) tad-Direttiva dwar il-habitats, li jistabbilixxi d-definizzjoni ta’ ŻSK, kif ukoll is-sitt premessa tagħha.
( 34 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 207).
( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston fil-kawża Sweetman (C‑258/11, EU:C:2012:743, punti 43 sa 45), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev f’Grace u Sweetman (C‑164/17, EU:C:2018:274, punt 50). Ara wkoll, pereżempju, Il‑Kummissjoni, “Il-Ġestjoni ta’ siti Natura 2000: Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar il-habitats 92/43/KEE”, 2019, disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 7 u 8.
( 36 ) Skont in-nota tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti Natura 2000, tat‑18 ta’ Settembru 2013, disponibbli fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 3, l-identifikazzjoni ta’ sit bħala ŻSK skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva dwar il-habitats tiskatta l-implimentazzjoni tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva.
( 37 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2003, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑415/01, EU:C:2003:118, punt 22), u tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑535/07, EU:C:2010:602, punt 64), li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-delimitazzjoni ta’ ŻPS skont id-Direttiva dwar l-għasafar għandha jkollha saħħa vinkolanti inkontestabbli.
( 38 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 52).
( 39 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, b’mod partikolari l-punti 75, 76, 87 u 89).
( 40 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 52), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 76). F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li miżuri skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats għandhom jiġu implimentati fil-kuntest ta’ ŻSK identifikati.
( 41 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 213), u tat‑22 ta’ Ġunju 2022, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja (Protezzjoni tas-serduq selvaġġ) (C‑661/20, EU:C:2022:496, punt 128).
( 42 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, punt 53), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 77).
( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 43); tas‑26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 28); u tat‑2 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Kroazja (landfill Biljane Donje) (C‑250/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:343, punt 35).
( 44 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑324/01, EU:C:2002:489, punt 14), li fiha l-Avukat Ġenerali josserva li l-Kummissjoni twettaq rwol vitali fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-habitats, peress li hija l-unika istituzzjoni li tista’ tikkoordina n-network Natura 2000 u tiżgura l-koerenza tiegħu, pereżempju, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni ta’ habitat jew ta’ speċi fil-kuntest tat-territorju kollu tal-Unjoni.
( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Il‑Kummissjoni vs Lawstrija‑Awstrija (C‑535/07, EU:C:2010:85, punt 79), li fiha li fiha l-Avukata Ġenerali iddikjarat: “Fl-aħħar, ma naħsibx li huwa sew li l-Qorti tal-Ġustizzja tinvolvi ruħha f’xogħol estensiv ta’ stħarriġ fi proċedimenti ta’ ksur kontra Stat Membru, sabiex tagħmel tajjeb għal nuqqasijiet fl-argumenti tal-Kummissjoni.”
( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 25), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 78).
( 47 ) Clément, M., “Global objectives and scope of the Habitats Directive: what does the obligation of result mean in practice? The European hamster in Alsace” f’Born, C.-H., Cliquet, A., Schoukens, H., Misonne, D. u Van Hoorick, G. (edituri), The Habitats Directive in its EU Environmental Law Context: European Nature’s Best Hope?, Routledge, Londra, 2015, p. 9, fil‑p. 13.
( 48 ) Born, C.-H., Cliquet, A. U Schoukens, H., “Outlook” f’The Habitats Directive in its EU Environmental Law Context: European Nature’s Best Hope?, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 499, fil‑499.
( 49 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ Awwissu 1993, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, EU:C:1993:331, punti 20 sa 22), dwar id-Direttiva dwar l-għasafar, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument tar-Renju ta’ Spanja li jgħid li Stat Membru ma jistax jiġi akkużat li kiser kemm id-dispożizzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni ta’ sit bħala ŻPS kif ukoll dawk dwar il-miżuri ta’ protezzjoni f’dik iż-żona b’mod simultanju, billi rraġunat li l-għanijiet ta’ protezzjoni stabbiliti f’din id-direttiva ma jistgħux jintlaħqu jekk l-Istati Membri kellhom jikkonformaw ruħhom mal-obbligi li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ miżuri biss f’każijiet fejn ŻPS tkun ġiet stabbilita preċedentement. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali van Gerven f’Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, mhux ippubblikati, EU:C:1993:229, punt 22).
( 50 ) L-istess fehma ġiet espressa wkoll fil-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Sharpston f’Sweetman et (C‑258/11, EU:C:2012:743, punt 42), fejn l-Avukata Ġenerali ddikjarat li miżuri ta’ konservazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva dwar il-habitats “essenzjalment qegħdin hemm biex jiġi żgurat li jittieħdu passi pożittivi, fuq bażi bejn wieħed u ieħor regolari, sabiex jiġi żgurat li l-istatus ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jibqa’ mantnut u/jew jiġi rrippristinat”.
( 51 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, b’mod partikolari l-punti 54 u 55), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, b’mod partikolari l-punti 80 sa 86 u 88).
( 52 ) Skont ġurisprudenza stabbilita, f’azzjoni skont l-Artikolu 258 TFUE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑13 ta’ Diċembru 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 74), u tas‑16 ta’ Lulju 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Ġlieda kontra l-ħasil tal-flus) (C‑550/18, EU:C:2020:564, punt 30).
( 53 ) Ninnota li l-Kummissjoni elenkat diversi minn dawn is-siti bħala li ma għandhom assolutament l-ebda miżura ta’ konservazzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li hija rċeviet mill-Irlanda fil-proċedura prekontenzjuża.
( 54 ) Għanijiet ta’ konservazzjoni speċifiċi għas-sit għal ŻSK jistgħu jinstabu fis-sit internet tan-National Parks and Wildlife Service (https://www.npws.ie) inkarigat mill-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-habitats fl-Irlanda. Għal din iż-ŻSK, hemm 12‑il għan bħal dan irrapportati għal dan it-tip ta’ habitat ta’ prijorità, 13 għat-tip ta’ habitat addizzjonali, 4 għall-bugħarwien ta’ Kerry, 7 għall-farfett il-lejl nagħla ż-żgħir, 8 għal-lontra u 5 għall-foka komuni.
( 55 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punt 52).
( 56 ) Skont il-Kummissjoni, għal-laguni kostali, l-Irlanda identifikat 25 sit, iżda rrapportat miżuri ta’ konservazzjoni għal tlieta biss minn dawn is-siti li ma għandhomx dettalji kwantitattivi, li ma jindikawx l-atturi responsabbli jew l-iskedi ta’ żmien għal azzjoni, u ma jindirizzawx pressjonijiet u theddid prinċipali, bħal dawk relatati mat-tniġġis u mal-iskariki. Fir-rigward ta’ artijiet imxarrba, l-Irlanda identifikat 50 sit, iżda indikat ċerti miżuri ta’ konservazzjoni biss għal 13 minn dawn is-siti, li huma estremament ġeneriċi, nieqsa minn speċifikazzjoni kwantitattiva tal-miżuri ta’ konservazzjoni ppjanati, u ma jindirizzawx ċerti pressjonijiet u theddid kbar, bħall-iżviluppi ta’ parks eoliċi u dawk infrastrutturali oħra, il-qtugħ tal-pit, l-erożjoni, il-ħruq u l-iskular. Fir-rigward tal-perla tal-ilma ħelu, l-Irlanda identifikat 19‑il sit, iżda rrapportat miżuri ta’ konservazzjoni għal tliet siti biss mingħajr ma speċifikat dettalji kwantitattivi jew atturi responsabbli u skedi u ma indirizzatx pressjonijiet u theddid prinċipali, bħal dawk li ġejjin minn sorsi mifruxa u dawk lokalizzati.
( 57 ) Ara s-sentenzi tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (Indikazzjoni u protezzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni) (C‑290/18, mhux ippubblikata, EU:C:2019:669, b’mod partikolari l-punti 53 u 55), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑849/19, mhux ippubblikata, EU:C:2020:1047, punti 77 u 82).
( 58 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punti 213 u 214).
( 59 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi) (C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 38), u tat‑8 ta’ Marzu 2022, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (Azzjoni għall-ġlieda kontra l-frodi ta’ sottoevalwazzjoni) (C‑213/19, EU:C:2022:167, punt 221).
( 60 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (Sistema ta’ ġbir u ta’ trattament tal-ilma mormi) (C‑427/17, mhux ippubblikata, EU:C:2019:269, punt 39), u tas‑17 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali) (C‑808/18, EU:C:2020:1029, punt 112).
( 61 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ April 2005 (C‑494/01, EU:C:2005:250).
( 62 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punt 27). Ara, iktar reċentement, pereżempju, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Bacterium Xylella fastidiosa) (C‑443/18, EU:C:2019:676, punt 73); ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2004:546, b’mod partikolari l-punti 15 sa 22 u 43 sa 60).
( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punti 127 u 174), kif ukoll tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407, punt 33) (“ġenerali u persistenti”). Jistgħu jintużaw ukoll deskrizzjonijiet simili. Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑416/07, EU:C:2009:528, punt 25) (“strutturat u ġeneralizzat”), u tal‑10 ta’ Novembru 2020, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (Valuri limitu – PM10) (C‑644/18, EU:C:2020:895, punti 75 u 77) (“sistematiku u persistenti”).
( 64 ) Ara, barra minn hekk, pereżempju, Wennerås P., “A New Dawn For Commission Enforcement under Articles 226 and 228 EC: General and Persistent (GAP) Infringements, Lump Sums and Penalty Payments”, Common Market Law Review, 2006, Vol. 43, p. 31, fil-p. 33 sa 50; Lenaerts, K. U Gutiérrez-Fons, J.A., “The General System of EU Environmental Law Enforcement”, Yearbook of European Law, 2011, Vol. 30, p. 1, fil-p. 9 sa 11; Prete, L., Infringement Proceedings in EU Law, Wolters Kluwer, Alphen-sur-le-Rhin, 2017, p. 95 sa 98. Kif indikat fil-kummentarju, din il-linja ġurisprudenzjali ma hijiex l-istess bħal dik li tikkonċerna l-prassi amministrattiva fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Ara, pereżempju, Lenaerts, K., Maselis, I., u Gutman, K., EU Procedural Law, Oxford University Press, Oxford, 2015, p. 167.
( 65 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed f’Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2004:546, punt 48); ara wkoll, pereżempju, Wennerås, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 42 sa 46; u Prete, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna numru 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 97; Dan jimplika l-possibbiltà għall-Istat Membru kkonċernat li jħallas sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(2) TFUE jekk ma jiġix irrimedjat il-ksur ġenerali u persistenti. Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2014, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑196/13, EU:C:2014:2407).
( 66 ) C‑494/01, EU:C:2004:546, punt 43.
( 67 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑26 ta’ April 2005, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda (C‑494/01, EU:C:2005:250, punti 46 u 47), kif ukoll tas‑26 ta’ April 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑135/05, EU:C:2007:250, punt 32).