IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2021
COM(2021) 250 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
dwar strateġija ta' finanzjament ġdida għall-finanzjament tan-NextGenerationEU
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2021
COM(2021) 250 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
dwar strateġija ta' finanzjament ġdida għall-finanzjament tan-NextGenerationEU
Introduzzjoni:
L-istrument ta’ rkupru NextGenerationEU (NGEU) għandu l-għan li jsewwi l-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-coronavirus u li jagħmel lill-Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali, aktar reżiljenti u aktar adatta għall-isfidi kemm attwali kif ukoll futuri. Dan jirrappreżenta rispons b’saħħtu u innovattiv biex itaffi l-ħsara ekonomika kkawżata mill-pandemija filwaqt li jgħin lill-ekonomija tal-UE iddur lejn mudell ġdid ta’ tkabbir ekoloġiku u diġitali. In-NextGenerationEU se jinjetta sa EUR 806 biljun – 5 % tal-PDG tal-UE – fl-ekonomija tal-UE fil-forma ta’ nfiq u self. Il-Kummissjoni, f’isem l-UE, se tissellef l-ammonti inizjali permezz ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament fis-swieq kapitali internazzjonali fis-snin 2021-2026. Il-finanzjament miġbur mill-UE se jitħallas lura mill-Istati Membri jew direttament (għas-self) jew permezz tal-baġit tal-UE ( għall-appoġġ mhux ripagabbli) sa mhux aktar tard minn Diċembru 2058 1 .
Il-Kummissjoni se jkollha teżegwixxi operazzjonijiet ta’ finanzjament sa EUR 150-200 biljun fis-sena matul il-perjodu sa tmiem l-2026. Dan l-ammont huwa komparabbli mal-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-akbar Stati Membri. Din il-komunikazzjoni tippreżenta strateġija ta’ finanzjament sofistikata u organizzata tajjeb biex tiggarantixxi li dawn l-ammonti kbar ikunu disponibbli eżattament meta jkunu meħtieġa. Tappella għal bidla radikali fil-mod kif il-Kummissjoni tiġġenera fondi permezz tal-ħruġ ta’ bonds.
It-tħejjijiet legali u istituzzjonali għan-NextGenerationEU jinsabu għaddejjin. L-Istati Membri qed ilestu l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (DRP) 2 , li hija meħtieġa biex l-UE tkun tista’ tissellef fis-swieq. Ix-xogħol fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni u l-pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru li għandhom jiġu ffinanzjati min-NGEU qed jagħmel progress tajjeb.
Sa Ġunju 2021, il-Kummissjoni se tkun lesta biex tibda timmobilizza l-fondi bil-għan li jkunu disponibbli biex jiffinanzjaw l-infiq tan-NextGenerationEU hekk kif id-DRP tkun daħlet fis-seħħ.
Din il-Komunikazzjoni hija adottata skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/2053 li teżiġi li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa għall-amministrazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ teħid b’self u li tinforma regolarment u b’mod komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha għall-ġestjoni tad-dejn.
Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni llum adottat Deċiżjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju għan-NGEU u Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-network tan-Negozjanti Primarji.
1.Għaliex hemm bżonn ta’ approċċ ġdid ta’ finanzjament?
Hemm bżonn ta’ approċċ ġdid peress li l-metodi ta’ finanzjament tradizzjonalment użati mill-Kummissjoni kienu mfassla għal ħtiġijiet ta’ finanzjament iżgħar. Din l-istrateġija ta’ finanzjament tiżgura li fil-futur ikunu disponibbli volumi ħafna akbar meħtieġa għall-Istati Membri jew għall-politiki tal-Unjoni meta jkun skedat li dawn jiġu rilaxxati. Sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba (l-Artikolu 317 TFUE), l-implimentazzjoni tan-NextGenerationEU trid tiggarantixxi li l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-wegħdiet ta’ pagament fil-ħin u ma tkunx imġiegħla tiġbor kapital f’kundizzjonijiet negattivi tas-suq, u b’hekk tiġġenera spejjeż mhux meħtieġa.
L-UE ilha attur għal żmien twil u bi klassifikazzjoni għolja fis-swieq kapitali internazzjonali. 3 Il-bonds tal-UE jgawdu l-fiduċja tal-investituri internazzjonali għaliex jibbenefikaw minn diversi saffi ta’ protezzjoni tal-kreditu. Minn Ottubru li għadda ’l hawn, l-UE intensifikat l-attivitajiet tagħha ta’ ħruġ ta’ bonds billi ġġenerat EUR 75 biljun biex tiffinanzja s-self SURE lil 19-il Stat Membru b’termini vantaġġużi. Dawn l-operazzjonijiet ġew eżegwiti bħala finanzjament dahar ma’ dahar. F’dan il-mudell, l-UE tissellef f’isem l-Istati Membri benefiċjarji bi prezzijiet favorevoli (bis-saħħa tal-affidabbiltà kreditizja għolja tagħha). L-UE mbagħad tgħaddi s-self lill-Istati Membri bl-istess termini u kundizzjonijiet. Dan l-approċċ kien xieraq għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-passat u għen biex jistabbilixxi l-UE bħala emittent rispettat ħafna fis-swieq kapitali. Dan is-self kollu sar esklussivament permezz ta’ tranżazzjonijiet sindakati li jiddependu fuq grupp ta’ banek kostitwit apposta biex il-bonds jitqiegħdu mal-investituri bl-aħjar kundizzjonijiet disponibbli.
L-istrument NGEU jeħtieġ approċċ aktar impenjattiv biex jiffinanzja l-operazzjonijiet tiegħu fis-swieq kapitali minħabba li:
1.L-ammonti li jridu jiġu ġġenerati se jkunu ħafna akbar: jista’ jkun hemm bżonn li jiġi ġġenerat massimu ta’ EUR 806 biljun 4 bejn issa u tmiem l-2026.
2.Is-27 Stati Membri kollha huma intitolati li jirċievu EUR 407,5 biljun kumulattivi f’għotjiet 5 u sa EUR 386 biljun f’self. EUR 12,5 biljun oħra se jiġu allokati għall-programmi tal-UE fuq bażi kompetittiva. 6
Bl-approċċ “dahar ma’ dahar”, l-għadd ta’ emissjonijiet ikun sinifikanti u jirriżulta f’kostijiet ta’ tranżazzjoni għoljin.
3.L-iskeda ta’żborż hija kumplessa u għandha ċertu livell ta’ inċertezza. B’mod partikolari fir-rigward tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (FRR), li tirrappreżenta 90 % tal-fondi totali tan-NextGenerationEU, il-pagamenti huma strutturati darbtejn fis-sena lil kull Stat Membru malli jintlaħqu l-istadji importanti u l-miri miftiehma marbuta mal-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investiment.
4.Il-ħlas lura massimu possibbli ta’ ammonti mislufa biex jitħallsu l-politiki tal-UE fi kwalunkwe sena partikolari huwa stabbilit mid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u dawn il-ħlasijiet lura jiddependu fuq approprjazzjonijiet ta’ pagament futuri fil-Baġit tal-UE. Il-pakketti baġitarji annwali preċiżi sa issa mhumiex magħrufa, u dan jitlob ftit flessibbiltà fil-politika tas-self.
Dan jirrikjedi apparat ta’ finanzjament effiċjenti ħafna u aġli li jkun jista’ jiġġenera ammonti sinifikanti fuq bażi kontinwata, u li jkun kapaċi jirreaġixxi malajr f’każ ta’ tibdil mhux mistenni fi skeda ta’ żborż konġestjonata jew għal kundizzjonijiet tas-suq li jinbidlu. Il-profil tal-maturità tal-bonds maħruġa jrid ikun allinjat mal-kapaċità li l-baġit tal-Unjoni tħallas lura lill-investituri meta l-bonds jimmaturaw.
Biex tilqa’ dawn l-isfidi, il-Kummissjoni se timplimenta “strateġija ta’ finanzjament diversifikata” 7 , li tgħaqqad firxa wiesgħa ta’ strumenti ta’ finanzjament u tekniki ta’ finanzjament, u tiddependi fuq komunikazzjoni miftuħa u trasparenti mal-parteċipanti fis-suq. Din l-istrateġija ta’ finanzjament se tkun immudellata fuq il-prattiki ta’ emittenti kbar tal-Istati Membri li jadattaw il-volum, iż-żmien u l-maturità tat-tranżazzjonijiet ta’ finanzjament għall-ambjent tas-suq. Se tagħti wkoll lill-Kummissjoni aktar flessibbiltà fl-allinjament tal-ħtiġijiet li jitħallas lura s-self mal-mezzi disponibbli fl-ambitu ta’ baġits futuri wara l-2028. Għalhekk, permezz ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata il-Kummissjoni se tkun tista’ tiffinanzja n-NextGenerationEU, b’inqas riskju ta’ eżekuzzjoni u b’inqas spejjeż għall-Istati Membri u għall-kontribwenti Ewropej. Fl-aħħar nett, din l-istrateġija se toffri wkoll benefiċċji fir-rigward tal-istabbiltà u l-profondità tas-swieq tal-bonds Ewropej billi tipprovdilhom assi sikur iddenominat f’euro li jkopri firxa wiesgħa ta’ maturitajiet.
2.Tmien Fatturi ta’ suċċess għall-programm ta’ ħruġ tan-NGEU:
Sabiex tiġġenera sa EUR 150-200 biljun fis-sena, il-Kummissjoni se torganizza tranżazzjonijiet ta’ finanzjament b’mod simili għal dak użat minn sovrani kbar. Il-bonds se jinħarġu u jiġu sfruttati regolarment fuq firxa ta’ maturitajiet minn tliet snin sa madwar 30 sena. Barra minn hekk, se jiġi stabbilit Programm ta’ Strumenti ta’ Dejn tal-UE ta’ terminu qasir. 8 Se jiżdiedu l-irkanti bħala format ġdid ta’ ħruġ biex jinħarġu l-Istrumenti ta’ Dejn ta’ terminu qasir tal-UE u l-Bonds tal-UE.
Sabiex l-attivitajiet tal-ħruġ jirnexxu l-Kummissjoni se tistrieħ fuq firxa wiesgħa ta’ banek sorveljati tal-UE li huma l-aktar kwalifikati. Il-Kummissjoni se tagħmel sforz kontinwu biex tiżviluppa bażi tal-investituri wiesgħa istituzzjonalment u ġeografikament.
Il-bonds ekoloġiċi maħruġa fil-kuntest tan-NGEU se jkomplu jespandu l-bażi tal-investituri u jsaħħu lil-UE bħala protagonist mondjali fil-finanzjament ekoloġiku tas-suq iddenominat f’euro. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata se tqis ukoll il-limiti tal-ġestjoni tar-riskju biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba bi profil ta’ tifdija prevedibbli skont l-obbligi stabbiliti mill-bażi ġuridika (Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji). Ir-rifinanzjament se jintuża għall-ġestjoni tar-riskju u biex tiġi ppreservata f’kull ħin il-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-Unjoni.
L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata se tinbena madwar it-tmien pilastri li ġejjin:
2.1. Pubblikazzjoni ta’ pjanijiet ta’ finanzjament fuq bażi regolari:
Il-ħruġ tad-dejn tan-NGEU se jsir abbażi ta’ deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali, adottata mill-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni se tistabbilixxi l-limitu massimu għall-ħruġ li se jiffinanzja l-pagamenti lill-baġit tal-UE u s-self lill-Istati Membri, kif ukoll l-ammonti massimi ta’ ħruġ għal żmien qasir. Dan is-self se jiġi organizzat abbażi ta’ pjanijiet ta’ finanzjament ta’ kull sitt xhur. Dawn il-pjanijiet ta’ finanzjament se jikkomunikaw kif l-UE se torganizza l-ħruġ matul il-perjodu ta’ referenza. Il-pjanijiet ta’ finanzjament tan-NGEU se jkunu bbażati fuq komunikazzjoni regolari u f’waqtha ta’ informazzjoni dwar il-pagamenti sussegwenti li jkunu jridu jsiru. Hija se tistabbilixxi wkoll parametri finanzjarji ewlenin oħra tas-self li għandu jsir bħall-kombinament ta’ finanzjament ta’ terminu qasir u dak ta’ terminu twil għall-perijodu, il-maturità medja massima tal-finanzjament ta’ terminu twil li għandu jsir, u l-limitu massimu tal-likwidità medja mistennija li għandu jinżamm bħala riżerva.
Billi tipprovdi sinjal ċar tal-ammont massimu indikattiv ta’ self għas-sitt xhur li jkun imiss, id-Deċiżjoni ta’ teħid ta’ self annwali u l-pjan ta’ finanzjament tan-NGEU se jiggarantixxu l-prevedibbiltà tal-ħruġ għall-investituri, filwaqt li jżommu l-flessibbiltà u jipprovdu trasparenza lis-swieq. L-investituri jeħtieġu informazzjoni dwar l-ordni ta’ kif se jsir il-ħruġ sabiex jippreparaw l-ippjanar tal-investiment min-naħa tagħhom u jiżguraw is-suċċess tal-assorbiment tal-ħruġ tan-NGEU b’kost aktar baxx. Jenħtieġ li l-pjan ta’ finanzjament tan-NGEU jservi wkoll bħala bażi għall-informazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill 9 kif ukoll għall-komunikazzjoni lis-swieq u lill-pubbliku.
2.2. Koordinazzjoni effettiva ma’ emittenti nazzjonali u pari:
Il-pubblikazzjoni tal-pjanijiet ta’ finanzjament tan-NextGenerationEU se tiffaċilita wkoll il-konċertazzjoni mal-uffiċċji sovranazzjonali u nazzjonali ta’ ġestjoni tad-dejn simili li jmexxu wkoll programmi kbar ta’ ħruġ biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ finanzjament tagħhom. Koordinazzjoni tajba bejn il-ħruġ tan-NGEU, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet pan-Ewropej se tkun essenzjali biex tiġi evitata l-konġestjoni tas-suq f’perjodi partikolari. Permezz tal-programm SURE, il-Kummissjoni stabbiliet mezzi ta’ komunikazzjoni effettivi ma’ emittenti oħra tal-UE. Il-prevedibbiltà tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NGEU, inklużi dati regolari għall-irkanti tan-NGEU se tkompli ttejjeb il-koordinazzjoni stabbilita bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-emittenti sovranazzjonali tal-UE 10 .
2.3. Ġestjoni b’saħħitha tal-likwidità biex tibbilanċja l-flussi tad-dħul u l-ħruġ:
L-element ewlieni biex jitkejjel is-suċċess tal-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tan-NGEU se jkun li jiġi evitat nuqqas ta’ likwidità – sitwazzjonijiet fejn il-Kummissjoni ma jkollhiex il-fondi immedjatament disponibbli biex tagħmel il-pagamenti tan-NextGenerationEU. Dan iwassal għal tfixkil konsiderevoli fl-implimentazzjoni tal-politika. L-evitar ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn jitlob għal kapaċità li jiġu ġestiti l-flussi ta’ dħul u ħruġ tal-flus permezz ta’ riżervi ta’ flus prudenzjali speċifiċi u siguri għall-pagamenti. L-ippjanar tal-likwidità kontinwu u rigoruż se jiggarantixxi li r-riżervi ta’ flus prudenzjali jkunu biżżejjed biex jiġi evitat nuqqas ta’ likwidità filwaqt li jiġu evitati bilanċi ta’ flus mhux meħtieġa u għaljin. Sabiex jiġi żgurat li dawn ir-riżervi ta’ flus kritiċi ma jkunu soġġetti għall-ebda riskju ta’ xi kontroparti, dawn ir-riżervi ta’ flus prudenzjali se jinżammu mal-Bank Ċentrali Ewropew. Ir-riżervi ta’ flus prudenzjali tan-NGEU se jinżammu fl-aktar livell baxx meħtieġ minħabba l-ammonti ta’ pagamenti futuri ta’ terminu qasir.
2.4. Kapaċità qawwija ta’ eżekuzzjoni biex jitwettqu operazzjonijiet ta’ finanzjament individwali:
Il-frekwenza għolja ta’ tranżazzjonijiet u volumi sinifikanti ta’ finanzjament jirrikjedu l-użu ta’ firxa usa’ ta’ formati ta’ tranżazzjonijiet (ftehimiet sindakati, rkanti, pjazzamenti privati u ħruġ addizzjonali fuq il-bażi ta’ bond eżistenti (“taps”)) u kapaċitajiet imsaħħa għall-ġestjoni tal-għadd u t-taħlita ta’ tranżazzjonijiet. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ eżekuzzjoni tagħha f’żewġ direzzjonijiet importanti:
a) Network ta’ Negozjanti Primarji pan-Ewropew:
Il-volumi sinifikanti li l-Unjoni Ewropea se tiġġenera bl-użu ta’ strateġija ta’ finanzjament diversifikata, se jiġu eżegwiti u appoġġati bl-istabbiliment ta’ Network ta’ Negozjanti Primarji għall-Unjoni Ewropea. Dan in-network se jkun immudellat fuq l-aħjar prattiki stabbiliti mill-emittenti sovrani. In-negozjanti primarji, permezz ta’ sistema kodifikata ta’ obbligi u privileġġi, se jappoġġaw l-eżekuzzjoni bla xkiel tal-ħruġ tal-UE u jappoġġaw il-likwidità tal-bonds tal-UE fis-suq sekondarju.
It-twaqqif ta’ network tan-Negozjanti Primarji bi kriterji ċari għas-sħubija se jipprovdi trasparenza dwar l-għażla tal-kontropartijiet għan-negozju tas-suq primarju tal-UE. Ir-regoli biex wieħed isir Negozjant Primarju għall-UE u r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u n-network tagħha ta’ Negozjanti Primarji huma definiti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi n-Network tan-Negozjanti Primarji adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni 11 .
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar in-network tan-Negozjanti Primarji tistabbilixxi l-kriterji ewlenin ta’ eliġibbiltà għall-ammissjoni fin-network u d-drittijiet u l-obbligi sussegwenti tal-parteċipanti. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà jippermettu li grupp wiesa’ ta’ banek sorveljati Ewropej isiru parti min-netwerk tan-Negozjanti Primarji filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw li s-swieq primarji u sekondarji tat-titoli tal-UE jirċievu appoġġ minn netwerk b’saħħtu ta’ Negozjanti Primarji tal-UE fl-Unjoni Ewropea. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tniedi s-sejħa għal espressjonijiet ta’ interess għas-sħubija fin-Network tan-Negozjanti Primarji tal-UE minn banek regolati li diġà huma membri attivi ta’ network tal-UE ta’ Negozjanti Primarji sovrani jew supranazzjonali. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll metodu ġust u oġġettiv għad-determinazzjoni ta’ liema Negozjanti Primarji se jiġu kkunsidrati għall-parteċipazzjoni fit-tranżazzjonijiet sindakati.
Dawn in-Negozjanti Primarji se jiffurmaw il-grupp li minnu l-Kummissjoni tikkostitwixxi s-sindakati għall-ewwel tranżazzjonijiet sindakati tan-NextGenerationEU. Dan il-grupp se jkun ukoll ikkollegat malajr mal-pjattaforma tal-irkant magħżula sabiex il-membri jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-irkanti tal-bonds NGEU minn Settembru ’l quddiem.
b) Pjattaforma tal-irkant tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku:
L-irkantar tal-bonds u tal-istrumenti ta’ dejn ta’ terminu qasir tal-UE se jkunu parti importanti mill-istrateġija ta’ finanzjament tan-NGEU u element ġdid tal-attivitajiet ta’ finanzjament tal-UE. L-irkanti huma mod kosteffikaċi għall-ħruġ tad-dejn u l-uniku format għall-ħruġ ta’ strumenti ta’ dejn ta’ terminu qasir tal-UE. Filwaqt li t-tranżazzjonijiet sindakati se jibqgħu l-pedament tal-programm ta’ ħruġ tan-NGEU, tal-inqas fil-fażijiet inizjali, il-kapaċità li jiġu ġġenerati flus malajr u bl-irħis permezz ta’ rkanti se ssaħħaħ sew il-kapaċità tal-Kummissjoni li taqdi l-ħtiġijiet tagħha ta’ pagament tan-NGEU.
Għaddejja ħidma biex jingħata bidu għall-programm ta’ rkant tan-NGEU u l-ħruġ ta’ strumenti ta’ dejn ta’ terminu qasir tal-UE f’Settembru li jiddependi mis-servizzi ta’ pjattaforma tal-irkant ipprovduta minn bank ċentrali nazzjonali u diġà użata minn wieħed mill-emittenti sovrani Ewropej kbar. In-negozjanti primarji magħżula se jiġu kkollegati mal-pjattaforma tal-irkant magħżula matul is-sajf sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-irkanti minn Settembru ’l quddiem. Il-Kummissjoni mbagħad tistabbilixxi programm regolari ta’ rkanti, flimkien mat-tranżazzjonijiet sindakati tagħha.
2.5. Sistemi robusti ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju:
Fid-dawl tal-volumi mingħajr preċedent tal-operazzjonijiet u s-sofistikazzjoni tal-istrateġija ta’ finanzjament meħtieġa, huwa ta’ importanza kbira li l-operazzjonijiet tan-NGEU jkunu soġġetti għal qafas robust u indipendenti ta’ ġestjoni tar-riskju u ta’ konformità. Dan se jiggarantixxi s-sorveljanza xierqa tal-proċessi operazzjonali ewlenin u r-riskji inerenti tagħhom, b’modi li jħarsu l-ġestjoni finanzjarja tajba u li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni llum adottat Deċiżjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza u s-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju għan-NGEU. 12 Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi qafas ċar u robust ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju biex jiġu strutturati l-proċessi ewlenin tat-teħid tad-deċiżjonijiet (eż. deċiżjonijiet ta’ teħid ta’ self annwali) u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni (pjan ta’ finanzjament) u l-kapaċitajiet (eż. rkanti). Tistabbilixxi wkoll il-prinċipji u l-istrutturi meħtieġa biex tiġi ggarantita s-sorveljanza robusta u indipendenti tal-operazzjonijiet finanzjarji kollha tan-NGEU, abbażi tas-separazzjoni tar-rwoli u r-responsabbiltajiet. Barra minn hekk, din id-Deċiżjoni tipprevedi li r-riżervi ta’ flus prudenzjali temporanji tan-NGEU għandhom jinżammu f’kont iddedikat mal-BĊE bħala salvagwardja importanti kontra r-riskji tal-likwidità tan-NGEU.
Pilastru ċentrali ta’ din is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju se jkun ir-rwol tal-Uffiċjal Kap tar-Riskju. Jenħtieġ li l-Uffiċjal Kap tar-Riskju jkun responsabbli għall-iżvilupp ta’ Politika ta’ Livell Għoli dwar ir-Riskju u l-Konformità, li tiddefinixxi l-linji gwida ta’ ġestjoni tar-riskju għall-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tan-NGEU, u li tistabbilixxi s-sistemi għall-monitoraġġ u r-rapportar dwar dawn ir-riskji. Il-flussi ta’ informazzjoni u rapportar f’dan il-qafas se jiġu organizzati b’mod li jiġu ggarantiti l-indipendenza, it-trasparenza u r-responsabbiltà. Is-sistema se tiggarantixxi l-integrità u l-verifikabbiltà tat-tranżazzjonijiet kollha.
2.6. Back-office, soluzzjonijiet ta’ pagament u ta’ kontabilità adatti għall-iskop:
L-operazzjonijiet ta’ finanzjament estiżi jirrikjedu t-tisħiħ tal-back-office u tal-funzjonijiet kontabilistiċi tal-Kummissjoni biex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni effiċjenti u l-verifikabbiltà u r-responsabbiltà tat-tranżazzjonijiet kollha. Dan jinkludi s-sistemi ta’ kontabilità għat-tranżazzjonijiet kollha u l-entrati kontabilistiċi relatati, it-trattament sikur tal-pagamenti u s-saldu f’waqtu u r-rikonċiljazzjoni tat-tranżazzjonijiet. Il-funzjoni tal-back office diġà qed tiġi aġġornata biex tkopri s-saldu u l-amministrazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-programm NGEU, inkluża l-estensjoni għal formati ġodda ta’ tranżazzjonijiet. Il-kontijiet u r-rapporti finanzjarji se jsiru f’konformità mar-regoli u l-proċeduri stabbiliti mill-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-Kummissjoni. Ir-rapporti finanzjarji se jiġu awditjati u kkonsolidati fil-kontijiet baġitarji annwali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qed tuża software tal-kontabilità kkonfermat li jaħdem biex tistabbilixxi l-kapaċitajiet kollha meħtieġa biex b’hekk id-dettalji ta’ kull tranżazzjoni jitqiesu debitament u totalment.
2.7. Self bi prezz tajjeb u ġestit tajjeb:
Sa EUR 386 biljun f’self jistgħu jingħataw lill-Istati Membri fil-kuntest tal-FRR. Dan is-self jingħata b’mod li jiżgura li jirrappreżenta riżorsa b’saħħitha għall-Istati Membri hekk kif jiffinanzjaw l-irkupru tagħhom. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tan-NGEU se tippermetti lill-Kummissjoni toffri self fit-tul b’termini attraenti lill-Istati Membri benefiċjarji. Ir-rata tal-imgħax fuq dan is-self se tkun komparattivament baxxa peress li se jkun iffinanzjat mill-fond ta’ finanzjament tan-NGEU, li jgawdi kemm minn klassifikazzjoni ta’ kreditu b’saħħitha ħafna kif ukoll minn maturità medja ħafna aktar baxxa mis-self. Il-ħlas lura tal-kapital fuq dan is-self jista’ wkoll jinfirex b’mod uniformi maż-żmien biex jiġu evitati obbligi ta’ ħlas lura f’daqqa għall-Istati Membri benefiċjarji. Il-bidu tal-ħlas lura tal-kapital jista’ jiġi differit sakemm l-Istati Membri jkunu ħarġu kompletament mill-kriżi ekonomika u jkunu qed jaħsdu l-benefiċċji mill-investimenti u r-riformi tan-NGEU (eż. b’10 snin).
Dan l-approċċ għall-ġestjoni tal-maturitajiet u l-ħlasijiet lura se jgħin ukoll lill-Kummissjoni biex timmaniġġja kull riskju sottostanti li dan is-self jista’ jirrappreżenta għall-baġit u jiggarantixxi b’tali mod li dawn jinżammu f’limiti stretti, b’rispett sħiħ tal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba. Se jiggarantixxi wkoll trattament ugwali fost l-Istati Membri li jitolbu self peress li se jirċievu self bl-istess maturitajiet u kundizzjonijiet tal-ħlas lura.
Dan l-approċċ biex jiġu ddeterminati l-prezz, il-maturità u l-iskedi ta’ ħlas lura għas-self se jkun rifless fil-Ftehimiet ta’ Self li l-Kummissjoni se tiffirma ma’ kull Stat Membru li jitlob self.
2.8. Komunikazzjoni effettiva u sensibilizzazzjoni tal-investituri:
Komunikazzjoni ċara u miftuħa għall-investituri hija kruċjali għas-suċċess tal-operazzjonijiet tat-teħid ta’ self tal-UE. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni qed tiżviluppa strateġija komprensiva għar-relazzjonijiet mal-investituri u sensiela ta’ għodod biex tagħmel kuntatt mal-bażi tal-investituri tagħha. L-istrateġija se ttejjeb l-involviment dirett tal-investituri u se tkopri r-relazzjonijiet strateġiċi tal-midja u l-preżenza tal-midja soċjali.
Permezz tal-ħruġ ta’ “bonds soċjali” fil-kuntest tal-programm SURE, il-Kummissjoni bħalissa qed tistabbilixxi lilha nnifisha bħala emittent importanti ta’ ħruġ ta’ bonds ambjentali, soċjali u ta’ governanza korporattiva (Environmental, Social, and Corporate Governance, ESG). Biex taqdi dan ir-rwol b’mod aktar effettiv, il-Kummissjoni qed tirrevedi bir-reqqa l-istrateġija ta’ komunikazzjoni tagħha u tinsab fi stadju avvanzat fl-implimentazzjoni ta’ bażi tad-data tar-Relazzjonijiet mal-Investituri. L-użu ta’ bażi tad-data tar-Relazzjonijiet mal-Investituri se jgħin lill-Kummissjoni timmaniġġa r-relazzjonijiet tagħha ma’ investituri importanti b’mod aktar strutturat. Se jinħareġ ukoll bullettin ta’ informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE, li jippermetti lill-Kummissjoni tikkomunika mal-komunità tal-investituri b’mod regolari u trasparenti. Il-Kummissjoni se tikkomunika wkoll b’mod attiv ma’ investituri importanti madwar id-dinja permezz ta’ programm sistematiku ta’ żjarat strutturati (“road shows”).
3. Fejn ninsabu bħalissa?
Il-Kummissjoni qed timmira li tkun lesta li tibda toħroġ in-NextGenerationEU ladarba jitlesta l-proċess ta’ ratifika tad-DRP. It-tħejjijiet huma avvanzati sew. Inkisbu erba’ stadji importanti:
1.Ġiet ikkonfigurata l-istruttura sottostanti tal-kont, iċċentrata fuq il-kont tan-NGEU fil-Bank Ċentrali Ewropew li miegħu l-Kummissjoni waslet fi stat avvanzat ta’ diskussjoni. Qed jiġu ffinalizzati ċ-ċirkwiti tal-ħlas biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jirċievu l-finanzjament tan-NGEU permezz ta’ dan il-kont.
2.Il-Kummissjoni qed tistabbilixxi n-Network tan-Negozjanti Primarji wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni parallela tal-Kummissjoni dwar in-Network tan-Negozjanti Primarji. Il-perjodu biex isiru espressjonijiet ta’ interess minn membri ta’ gruppi ta’ negozjanti primarji sovrani u supranazzjonali tal-UE issa huwa miftuħ. Il-Kummissjoni se teżamina l-applikazzjonijiet kollha u tippubblika l-ewwel lista tan-negozjanti primarji tan-NGEU lejn l-aħħar ta’ Mejju.
3.Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-arranġamenti ta’ governanza u l-istrutturi tal-ġestjoni tar-riskju biex jiggarantixxu r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ġestjoni finanzjarja tajba ta’ dawn l-attivitajiet importanti ġiet adottata.
4.It-tħejjijiet tekniċi u operattivi kollha qed jiġu implimentati biex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni bla xkiel tat-tranżazzjonijiet permezz ta’ arranġamenti stabbiliti mal-istituzzjonijiet pubbliċi għall-ġestjoni tal-fondi u s-saldu tat-tranżazzjonijiet.
4.Passi ulterjuri qabel it-tnedija tal-ewwel tranżazzjonijiet tan-NGEU:
Qabel l-ewwel ħruġ tan-NGEU sa Ġunju, il-Kummissjoni se tiffinalizza l-istadji importanti li ġejjin fit-triq lejn l-implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta’ ħruġ tan-NGEU:
1.Tippreżenta l-pjattaforma tal-irkant li l-Kummissjoni se sserraħ fuqha kemm għall-bonds ta’ terminu medju u twil kif ukoll għall-istrumenti ta’ dejn ta’ terminu qasir tal-UE (nofs Mejju 2021).
2.Tiffinalizza l-politika tal-ipprezzar u l-maturità għas-self fl-ambitu tal-FRR. Din il-politika se tiggarantixxi parità fit-trattament u kundizzjonijiet ta’ ħlas lura attraenti u faċli biex jiġu mmaniġġjati għall-Istati Membri kollha li japplikaw għas-self.
3.Tadotta l-ewwel deċiżjoni qafas dwar is-self u tippubblika l-ewwel pjan ta’ finanzjament semiannwali għall-ħruġ tan-NGEU u l-bullettin ta’ informazzjoni għall-investituri, li jipprovdu indikazzjoni ċara tal-intenzjonijiet ta’ ħruġ tagħna għall-bqija tal-2021 (fil-bidu ta’ Ġunju 2021).
Mar-ratifika tad-DRP f’konformità mar-rekwiżiti kostituzzjonali rilevanti, li hija mistennija mhux aktar tard mis-sajf, il-Kummissjoni mbagħad tkun tista’ tniedi l-ewwel tranżazzjoni sindakata tan-NGEU abbażi tal-ewwel Pjan ta’ Finanzjament tagħna.
5.Aktar flussi ta’ ħidma biex titlesta u tissaħħaħ l-Istrateġija ta’ Finanzjament Diversifikata tan-NGEU:
Se titkompla l-ħidma fl-implimentazzjoni tal-Istrateġija ta’ Finanzjament Diversifikata tan-NGEU wara l-ewwel ħruġ. Matul is-sajf, il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-maniġer tas-sistema tal-irkant sabiex il-programm tal-irkant ikun jista’ jitnieda f’Settembru 2021. L-irkant inawgurali għall-programm tal-istrumenti ta’ dejn ta’ terminu qasir tal-UE se jkun avveniment ewlieni ieħor fil-ħajja tal-programm ta’ ħruġ tan-NGEU.
Min-naħa tas-self, il-Kummissjoni se tkompli tinvesti wkoll fil-kapaċitajiet tagħha. Inizjalment, fl-interess tal-iżborż rapidu tal-fondi, ir-rata tal-imgħax fuq is-self lill-Istati Membri tista’ tinbidel perjodikament, u sa ċertu punt, hekk kif xi wħud mill-bonds fil-fond li jiffinanzjaw is-self jimmaturaw. Biex toffri lill-Istati Membri l-opzjoni li jissostitwixxu dan is-self inizjali b’self b’rata fissa, il-Kummissjoni se taħdem b’pass mgħaġġel biex tibni l-kapaċità biex tpatti għad-diskrepanzi fil-maturità bejn is-self u l-istrumenti ta’ finanzjament sottostanti. Dan jitlob li tinbena l-kapaċità operazzjonali biex jiġi ħħeġġjat ir-riskju taċ-ċaqliq fir-rata tal-imgħax (bl-użu ta’ swaps tar-rati tal-imgħax) li jirriżulta mit-trasformazzjoni tal-maturità f’operazzjoni bħal din. Il-kapaċità li jiġu offruti rati tal-imgħax fissi se tkun fis-seħħ fl-2022.
Matul din il-fażi ta’ approfondiment, jistgħu jiġu implimentati strumenti addizzjonali biex itejbu s-sett ta’ għodod għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u d-dejn pendenti. 13
6.Ħruġ ta’ Bonds Ekoloġiċi NGEU:
F’konformità mal-isforzi tagħha biex tarmonizza l-flussi tal-kapital ma’ użi aktar sostenibbli, kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-2018 dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, 14 il-Kummissjoni se tiffinanzja 30 % tal-programm NGEU permezz tal-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi. Dan jista’ jammonta għal EUR 250 biljun ta’ ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi, l-istabbiliment tal-UE bħala wieħed mill-akbar emittenti ta’ bonds ekoloġiċi fid-dinja u t-tisħiħ tal-prominenza tal-UE fil-politika u fis-suq f’dak li jirrigwarda l-finanzjament sostenibbli.
Il-Kummissjoni bħalissa qed tfassal il-qafas tal-ħruġ għall-bonds ekoloġiċi fil-kuntest tan-Next GenerationEU (il-“Qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU”). Il-qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU se jibni fuq l-obbligu għall-Istati Membri li jiggarantixxu li 37 % tal-infiq iffinanzjat mill-Pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza nazzjonali jkun iddedikat għal investimenti u riformi li jindirizzaw it-tibdil fil-klima. Li n-nefqa fuq investimenti relatati mal-klima, mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet reġjonali/urbani, tiġi identifikata b’mod ċar, abbażi ta’ metodoloġija stabbilita fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Din il-metodoloġija diġà ġiet allinjata kemm jista’ jkun mat-tassonomija. In-nefqa identifikata se tikkostitwixxi n-nefqa eliġibbli għall-finijiet tal-qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU.
Il-qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU se jkun ibbażat fuq informazzjoni ta’ darbtejn fis-sena li jagħtu l-Istati Membri dwar l-infiq fuq dawn l-investimenti u r-riformi. Din l-informazzjoni se tippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi l-assigurazzjonijiet meħtieġa lill-investituri li l-finanzjamenti miksuba mill-ħruġ ta’ bonds ekoloġiċi jkunu ntużaw għal investimenti ekoloġiċi.
Il-qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU se jkun ibbażat fuq standards tas-suq magħrufa sew u stabbiliti filwaqt li jallinja mal-Istandard tal-Bonds Ekoloġiċi tal-UE futur kull fejn possibbli.
Il-qafas tal-Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU se jiġi ppubblikat fil-bidu tas-sajf. Abbażi ta’ dan, l-ewwel ħruġ ta’ Bonds Ekoloġiċi tan-NGEU diġà jista’ jseħħ fil-ħarifa tal-2021.
7.Ir-rappurtar lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:
L-istrateġija ta’ finanzjament tan-NGEU se tiġi implimentata abbażi ta’ proċessi li jiggarantixxu responsabbiltà sħiħa, livell għoli ta’ trasparenza u jipprovdu ġestjoni finanzjarja soda tal-flussi kollha ta’ finanzjament tan-NGEU. Il-Kummissjoni stabbiliet qafas b’saħħtu ta’ governanza u ta’ ġestjoni tar-riskju, iċċentrat fuq ir-rwol ta’ Uffiċjal Kap tar-Riskju indipendenti li hu responsabbli mis-sorveljanza ta’ politika b’saħħitha dwar ir-Riskju u l-Konformità biex tkun iggarantita ġestjoni finanzjarja tajba tal-operazzjonijiet tan-NGEU.
L-implimentazzjoni tan-NGEU se tkun ta’ interess għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill minħabba d-dimensjonijiet tal-attivitajiet u l-importanza tagħhom għat-twettiq tal-objettivi ekonomiċi u soċjali tan-NextGenerationEU. Għalhekk, u kif deskritt fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji u l-Ftehim Interistituzzjonali 15 , il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment u b’mod komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aspetti kollha tal-istrateġija tagħha għall-ġestjoni tad-dejn. Se jingħataw aġġornamenti annwali dwar l-attivitajiet tat-teħid u l-għoti ta’ self lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 5(3) tad-DRP b’seħħ mit-tielet kwart tal-2021.
8.Konklużjoni:
NextGenerationEU hija l-qofol għall-irkupru rapidu u komplet tal-Unjoni minn din il-kriżi. L-istrateġija ta’ finanzjament diversifikata tan-NGEU hija komponent kritiku biex titwettaq b’suċċess. Dan se jippermetti biex il-Kummissjoni topera b’mod effiċjenti, u timmobilizza fis-swieq finanzjarji r-riżorsi meħtieġa biex jingħata dinamiżmu lill-irkupru ekonomiku tal-Unjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, strateġija ta’ finanzjament diversifikata se tippermetti lill-Kummissjoni tiffinanzja lin-NextGenerationEU, b’inqas riskju ta’ eżekuzzjoni u bi spiża aktar baxxa għall-Istati Membri u l-kontribwenti Ewropej.
Lil hinn mill-kriżi ekonomika u soċjali immedjata, is-suċċess ta’ programm ta’ emissjoni tan-NGEU se jsaħħaħ ukoll in-nisġa tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, isaħħaħ ir-rwol tal-euro fis-swieq kapitali internazzjonali u jikkonferma r-rwol tal-UE bħala protagonista fil-finanzjament sostenibbli. Jista’ jsaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro billi japprofondixxi s-swieq kapitali tal-UE, joffri lill-investituri globali assi ġdid iddenominat f’euro bi klassifikazzjoni għolja u likwidu, inkluż programm rivoluzzjonarju ta’ kontijiet tal-UE. L-emissjoni ta’ Bond Ekoloġiku tan-NGEU se jasserixxi r-rwol ta’ tmexxija tal-UE biex jinbnew swieq tal-UE profondi għal finanzjament sostenibbli.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, strateġija ta’ finanzjament diversifikata tirrappreżenta l-approċċ it-tajjeb għall-finanzjament tan-NGEU. Il-Kummissjoni se tkun lesta li tibda l-operazzjonijiet ta’ finanzjament tan-NGEU ladarba l-kundizzjonijiet legali biex jinbeda t-teħid ta’ self jiġu finalizzati bil-għan li l-ewwel bonds tal-NGEU jinħarġu sa Ġunju.
Jekk riżorsi proprji ġodda jkunu disponibbli qabel l-1 ta’ Jannar 2028, dawn se jintużaw biex il-ħlasijiet lura fuq il-komponent tal-infiq jibdew qabel.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom
L-UE ilha toħroġ bonds biex tiffinanzja l-assistenza finanzjarja sa mis-snin ’70. Il-programmi attwali ta’ assistenza finanzjarja ffinanzjati mill-Kummissjoni jinkludu programmi ta’ Assistenza Makrofinanzjarja għall-pajjiżi tal-viċinat u dawk li qed jiżviluppaw, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (European Financial Stability Mechanism, EFSM), u l-mekkaniżmu tal-Bilanċ tal-Pagamenti. L-UE għandha total ta’ EUR 54 biljun f’self pendenti fl-ambitu ta’ dawn it-tliet programmi. L-attività tal-ħruġ f’dawn l-aħħar snin varjat minn EUR 500 miljun fl-2019 għal EUR 30 biljun fl-2011.
L-ammonti kollha f’din il-Komunikazzjoni huma espressi fi prezzijiet kurrenti peress li dawn jirriflettu l-volumi li effettivament il-Kummissjoni se tkun qed tissellef matul perjodu ta’ sitt snin. Dawn l-ammonti huma ekwivalenti għall-volumi stabbiliti fid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji li huma espressi fi prezzijiet tal-2018.
Dan l-ammont ikopri pakketti nazzjonali fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza - FRR, l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa (React-EU), il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta.
Orizzont Ewropa, il-Fond InvestEU, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili – rescEU.
Strateġija ta’ finanzjament jew strateġija għall-ġestjoni tad-dejn hija “pjan evoluttiv ta’ terminu medju li jiddeskrivi kif [korp pubbliku] se jilħaq l-objettivi tal-ġestjoni tad-dejn”, li huma ġeneralment “biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet ta’ finanzjament [tal-korp pubbliku] u l-obbligi ta’ ħlas tiegħu jiġu ssodisfati bl-inqas spiża possibbli” – ara “Government Debt Management: Designing Debt Management Strategies”, il-Bank Dinji (2017). Strateġija ta’ finanzjament hija għalhekk element tal-proċess ta’ ġestjoni tad-dejn u l-iskop tagħha huwa marbut mal-objettivi ta’ ġestjoni tad-dejn.
Permezz ta’ programm ġdid ta’ Strumenti ta’ Dejn tal-UE għal titoli b’maturitajiet oriġinali ta’ inqas minn sena.
Kif previst fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.
Kif previst fl-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053.
C(2021) 2500.
C(2021) 2502.
Dan jista’ jkun jinkludi l-possibbiltà li jintużaw (1). ftehimiet ta’ xiri mill-ġdid biex jinġabru flus għal perjodu limitat bi skambju għal titoli li jingħataw b’self temporanju; (2). karta kummerċjali, li hija strument saħansitra aktar flessibbli mill-kambjali tat-Teżor u tista’ tkun għodda komplementari utli għal ammonti żgħar. (3). il-kapaċità li jitħaddem programm ta’ xiri lura għall-ġestjoni tal-profil tat-tifdija tal-bonds.
https://ec.europa.eu/info/publications/sustainable-finance-renewed-strategy_en.
Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (ĠU L 433I, 22.12.2020).