31999R0730



Official Journal L 093 , 08/04/1999 P. 0014 - 0019


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 730/1999

tas-7 ta’ April 1999

li jippreskrivi l-marketing standards għall-karrotti

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEAJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħxejjex [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2520/97 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) tiegħu,

Billi l-karrotti huma elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 bħala prodotti li għalihom hemm bżonn ta’ l-adozzjoni ta’ standards; billi r-Regolament tal-Kumissjoni (KEE) Nru 920/89 ta’ l-10 ta’April 1989 li jippreskrivi standards ta’ kwalità għall-karrotti, frott taċ-ċitru, tuffieħ tad-deżerta u lanġas [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2536/98 [4], kien is-suġġett ta’ diversi emendi u m’għadux jiżgura ċertezza legali;

Billi r-regoli in kwistjoni għandhom jerġgħu jiġu miktubin mill-ġdid u l-Anness 1 tar-Regolament (KEE) Nru 920/89 għandu jitħassar; billi, għal dak l-għan, għal raġunijiet ta’ trasparenza fis-suq dinji, għandu jitqies l-istandard għall-karrotti rakkomandat mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Istandardizzazzjoni ta’ Prodotti li jistgħu Jiħżienu u l-Iżvilupp fil-Kwalità tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UN/KEE);

Billi l-effett ta’ dawn l-istandards għandu jkun it-tneħħija mis-suq ta’ prodotti ta’ kwalità mhux sodisfaċenti, it-tħejjija għal produzzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet tal-konsumatur u li jkunu ffaċilitati r-relazzjonijiet kummerċjali fuq il-bażi ta’ kompetizzjoni ġusta, u b’hekk tinħoloq produzzjoni bi profitti aħjar;

Billi l-istandards huma applikabbli f’kull livell ta’ marketing; billi t-trasport għal distanzi twal, il-ħażna għal xi tul ta’ żmien jew id-diversi operazzjonijiet ta’ maniġġ li għalihom ikunu suġġettati l-prodotti jistgħu jwasslu għal tħassir minħabba l-iżvilupp bioloġiku tal-prodotti jew minħabba t-tendenza tagħhom li jitħassru; billi dan it-tħassir għandu jitqies fl-applikazzjoni ta’ standards fl-istadji ta’ marketing ta’ wara d-dispaċċ; billi, minħabba li prodotti fil-klassi "Estra" iridu jintgħażlu u jiġu ppakkjati b’attenzjoni partikolari, fil-każ tagħhom għandhom jitqiesu biss il-freskezza u t-turġidità tagħhom;

Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Frott u l-Ħaxix Frisk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-istandards ta’ marketing għall-karrotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 07061000 għandhom ikunu kif preskritt fl-Anness.

L-istandard irid jiġi applikat f’kull stadju ta’ marketing skond il-kondizzjonijiet preskritti fir- Regolament (KE) Nru 2200/96.

Madankollu, fi stadji ta’ wara d-dispaċċ, il-prodotti jistgħu juru relattivament għad-disposizzjonijiet ta’ l-istandards:

- xi ftit nuqqas ta’ freskezza u turġidità,

- għal prodotti kklassifikati bħala mhux "Estra", tħassir żgħir minħabba l-iżvilupp tagħhom u t-tendenza tagħhom li jmorru.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KEE) Nru 920/89 b’dan qed jiġi emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1 l-ewwel inċiż jitħassar;

2. L-Anness I jitħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-7 jum wara li jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ April 1999.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1.

[2] ĠU L 346, tas-17.12.1997, p. 41.

[3] ĠU L 97, tal-11.4.1989, p. 19.

[4] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 23.

--------------------------------------------------

ANNESS

STANDARD GĦALL-KARROTTI

I. DEFINIZZJONI TAL-PRODOTT

Dan l-istandard japplika għal karrotti ta’ varjetajiet (imnissla bil-kultivazzjoni) imkabbrin mid-Daucus carota L. li jingħataw friski lill-konsumatur, esklużi karrotti għall-ipproċessar industrijali.

II. DISPOŻIZZJONIJIET DWAR KWALITÀ

L-iskop ta’ l-istandard hu li jiddefinixxi l-ħtiġijiet tal-kwalità tal-karrotti wara li dawn jiġu ppreparati u ppakkjati.

A. Ħtiġijiet minimi

Għall-klassijiet kollha, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali għal kull klassi u għat-tolleranzi permessi, karrotti jridu jkunu:

- intatti,

- f’kondizzjoni tajba: prodotti mimsusin b’xi tinwir jew li jiħżienu b’mod li ma jkunux tajbin għall-ikel huma esklużi,

- indaf, jiġifieri:

- tista’ tgħidilhom ħielsa minn xi materja barranija li tidher wara li jinħaslu,

- tista’ tgħidilhom ħielsa minn ħmieġ jew impuritajiet żejda meta mhux maħsulin, jew jekk maħsulin u miksijin b’peat pur,

- sodi,

- ħielsa kważi għal kollox minn insetti,

- ħielsa kważi għal kollox minn xi ħsara kkaġunata mill-insetti,

- mhux qishom injam,

- mhux biż-żerriegħa,

- mhux furkettati, mingħajr għeruq sekondarji,

- mingħajr l-ebda dnewwa minn barra, jiġifieri mnixxfa sew wara l-ħasil,

- mingħajr ebda riħa u/jew togħma barranija.

L-iżvilupp u l-kondizzjoni tal-karrotti jridu jkunu tali li jippermettulhom:

- li jifilħu għat-trasport u l-maniġġ, u

- li jaslu fid-destinazzjoni tagħhom f’kondizzjoni tajba.

B. Klassifikazzjoni

Karrotti huma kklassifikati fi tliet klassijiet definiti hawn taħt:

(i) Klassi "Estra"

Karrotti ta’ din il-klassi jridu jkunu ta’ kwalità superjuri u maħsulin. Irid ikollhom il-karatteristiċi tal-varjetà jew tat-tip varjetali.

Iridu jkunu mingħajr ebda difett ħlief għal xi difetti superfiċjali żgħar ħafna, sakemm dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-kapaċità li jżommu u l-preżentazzjoni fil-pakkett.

L-għeruq iridu jkunu:

- lixxi,

- jidhru friski,

- ta’ għamla regolari,

- bla xquq,

- bla ebda tbenġil u qsim,

- bla ħasra mill-ġlata.

Rjus ħodor jew vjola/vjola jagħti fl-aħmar mhumiex permessi.

(ii) Klassi I

Karrotti ta’ din il-klassi jridu jkunu ta’ kwalità tajba. Irid ikollhom il-karatteristiċi tal-varjetà jew tat-tip varjetali.

L-għeruq iridu jkunu:

- ta’ dehra friska.

Id-difetti żgħar li ġejjin, madankollu, jistgħu jitħallew sakemm dawn ma jaffettwawx id-dehra ġenerali tal-prodott, il-kwalità, il-kapaċità li jżommu u l-preżentazzjoni fl-imballaġġ:

- difetti żgħar fl-għamla,

- difetti żgħar fil-kulur,

- qsim żgħir li jkun għalaq,

- qsim jew xquq żgħar ikkawżati mill-maniġġ jew ħasil.

Rjus ħodor jew vjola/vjola jagħti fl-aħmar sa 1ċm fit-tul għal karrotti mhux itwal minn 10ċm, u sa 2ċm għal karrotti oħra, jitħallew.

(iii) Klassi II

Din il-klassi tinkludi karrotti li ma jikkwalifikawx biex jiddaħħlu fi klassijiet ogħla iżda jissodisfaw il-ħtiġijiet minimi msemmijin fuq.

Id-difetti li ġejjin jitħallew sakemm il-karrotti jżommu l-karatteristiċi essenzjali tagħhom għal dik li hi kwalità, il-kapaċita li jżommu u l-preżentazzjoni:

- difetti fl-għamla u fil-kulur,

- qsim li jkun għalaq u li ma jasalx sal-qalba,

- qsim jew xquq ikkawżati minn maniġġ jew ħasil.

Rjus ħodor jew vjola/vjola jagħti fl-aħmar sa 2ċm fit-tul għal karrotti mhux itwal minn 10ċm, u sa 3ċm għal karrotti oħra, jitħallew.

III. DISPOŻIZZJONIJIET DWAR DAQSIJIET

Id-daqs huwa stabbilit mill-ikbar dijametru jew mill-piż tal-karrotta mingħajr weraq.

(i) Karrotti bikrija [1]u varjetajiet b’għeruq żgħar

L-għeruq ma jridux ikunu inqas minn 10mm meta l-kejl hu bid-dijametru u mhux inqas minn 8g jekk hu bil-piż.

L-għeruq ma jridux ikunu iktar minn 40mm meta l-kejl hu bid-dijametru u mhux iktar minn 150g jekk hu bil-piż.

(ii) Karrotti tal-ħsad ewlieni u varjetajiet b’għeruq kbar

L-għeruq ma jridux ikunu inqas minn 20mm meta l-kejl hu bid-dijametru u mhux inqas minn 50g jekk hu bil-piż.

Għeruq ikklassifikati tal-Klassi "Estra" ma jridux ikunu iktar minn 45mm meta l-kejl hu bid-dijametru u mhux iktar minn 200g jekk hu bil-piż u d-differenza fid-dijametru jew fil-piż bejn l-iċken u l-akbar għerq f’kull imballaġġ ma tridx tkun aktar minn 20mm jew 150g.

Għal għeruq ikklassifikati fil-Klassi I, id-differenza fid-dijametru jew fil-piż bejn l-iċken u l-akbar għerq f’kull imballaġġ ma tridx tkun iktar minn 30mm jew 200g.

Għal għeruq klassifikati fil-Klassi II, l-għeruq iridu biss jissodisfaw il-ħtiġijiet minimi tad-daqs.

IV. DISPOŻIZZJONIJIET DWAR TOLLERANZI

Tolleranzi għall-kwalità u għad-daqs jitħallew għal kull imballaġġ, jew għal kull lott tal-prodott ippreżentat fi kwantitajiet kbar, għal prodotti li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-klassi indikata.

A. Tolleranzi fil-kwalità

(i) Klassi "Estra"

- 5 % f’piż ta’ karrotti li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-klassi, iżda li jilħqu dawk tal-Klassi I jew, eċċezzjonalment, li jaqgħu fit-tolleranzi ta’ dik il-klassi,

- 5 % f’piż ta’ karrotti li għandhom ħjiel żgħar ta’ kulur aħdar jew vjola/vjola jagħti fl-aħmar mar-ras.

(ii) Klassi I

- 10 % f’piż ta’ karrotti li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tal-klassi, iżda li jilħqu dawk tal-Klassi II jew, eċċezzjonalment, li jaqgħu fit-tolleranzi ta’ dik il-klassi. Madankollu, karrotti miksurin u/jew karrotti li tilfu l-ponot huma esklużi minn dik it-tolleranza,

- 10 % f’piż ta’karrotti miksurin u/jew għeruq li tilfu l-ponot tagħhom.

(iii) Klassi II

- 10 % f’piż ta’ għeruq li ma jissodisfaw la l-ħtiġijiet tal-klassi u lanqas il-ħtiġijiet minimi, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti milqutin minn tħassir jew li ħżienu b’mod li ma baqgħux tajbin għall-ikel,

- barra minn dan, mhux iktar minn 25 % f’piż ta’ karrotti miksurin jistgħu jitħallew.

B. Tolleranzi tad-daqs

Għal kull klassi: 10 % f’piż ta’ għeruq li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tad-daqs.

V. DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PREŻENTAZZJONI

A. Uniformità

Il-kontenut ta’ kull imballaġġ, jew ta’ kull lott ta’ prodott ippreżentat fi kwantitajiet kbar, irid ikun uniformi u jkollu biss karrotti ta’ l-istess oriġini, varjetà jew tip varjetali, kwalità u daqs (jekk imkejlin).

Il-parti li tidher tal-kontenut ta’ l-imballaġġ, jew tal-lott ippreżentat fi kwantitajiet kbar, trid tirrappreżenta l-kontenut kollu.

B. Preżentazzjoni

Karrotti jistgħu jkunu ppreżentati f’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:

(i) karrotti f’mazzi

L-għeruq iridu jiġu ppreżentati bil-weraq tagħhom, li jridu jkunu friski, ħodor u f’kondizzjoni tajba. Għeruq fl-istess mazz iridu jkunu kważi uniformi fid-daqs. Il-mazzi f’kull imballaġġ iridu jkunu kważi uniformi fil-piż u rranġati f’saff jew aktar.

(ii) karrotti bir-ras

Il-weraq irid jinqata’ sew mir-ras tal-karrotta mingħajr ma ssir ebda ħsara fl-għerq.

L-għeruq jistgħu:

- jitqiegħdu f’imballaġġi żgħar,

- ikunu rranġati f’diversi saffi jew ippakkjati kif ġie ġie,

- jintbagħtu fi kwantitajiet kbar (jitgħabbew direttament f’vettura tat-trasport jew f’kompartiment ta’ vettura) għall-Klassi II.

Ċ. Imballaġġ

Il-karrotti jridu jkunu ppakkjati b’mod li l-prodott ikun imħares sew.

Il-materjali fl-imballaġġ iridu jkunu ġodda, nodfa u ta’ kwalità li ma jħassrux il-prodott la minn barra u lanqas minn ġewwa. L-użu ta’ materjal, b’mod partikolari karta jew timbri bl-ispeċifikazzjonijiet kummerċjali jitħalla sakemm l-istampar jew l-ittikkettjar ikun mingħajr linka jew kolla tossika. Imballaġġi jew lottijiet tal-prodott ippreżentati fi kwantitajiet kbar ma jridx ikun fihom ebda materjal barrani.

Meta karrotti maħsulin huma miksijin bil-peat pur, dan il-peat m’għandux jiġi kkunsidrat bħala materjal barrani.

VI. DISPOŻIZZJONIJIET DWAR L-IMMARKAR

1. Għall-karrotti ppreżentati f’imballaġġi, kull imballaġġ irid ikollu d-dettalji li ġejjin, b’ittri flimkien fuq l-istess naħa, immarkati b’mod li jinqraw u li ma jitħassarx, u li jidhru minn barra:

A. Identifikazzjoni

- Min jippakkja u/jew minn qed jibgħat: isem u indirizz jew marka b’kodiċi li uffiċjalment tintuża jew tkun aċċettata. Madankollu, fejn tkun intużat marka ta’ kodiċi, ir-referenza "min jippakkja u/jew min qed jibgħat" (jew kliem imqassar bħalhom) trid tkun indikata viċin ħafna tal-marka b’kodiċi.

B. Natura tal-prodott

- jekk il-kontenut ma jkunx jidher minn barra:

- "mazz karrotti" jew "karrotti",

- "karrotti ġodda" jew "ware carrots",

- fejn xieraq "karrotti fil-peat", anke jekk il-kontenut ikun jidher minn barra,

- isem tal-varjetà jew tat-tip varjetali għall-klassi "Estra".

Ċ. Oriġini tal-prodott

Il-pajjiż minn fejn joriġina u, jekk wiehed irid, id-distrett fejn ġie mkabbar, jew l-isem nazzjonali, reġjonali jew lokali.

D. Karatteristiċi kummerċjali

- klassi,

- id-daqs bid-dijametru jew bil-piż minimu u massimu (mhux bilfors),

- numru ta’ mazzi fil-każ ta’ karrotti f’mazzi.

E. Marka uffiċjali tal-kontroll (mhux bilfors)

2. Għall-karrotti li jintbagħtu fi kwantitajiet kbar (mgħobbijin direttament fuq vettura tat-trasport jew f’kompartiment ta’ vettura), id-dettalji ta’ hawn fuq jidhru fuq dokument li jkun ma’ l-oġġetti jew fuq avviż f’post li jidher ġewwa l-vettura.

[1] Għeruq li l-iżvilupp tagħhom ma twaqqafx.

--------------------------------------------------