|
12.1.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 15/45 |
P9_TA(2021)0240
Strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Mejju 2021 dwar strateġija Ewropea għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija (2020/2241(INI))
(2022/C 15/05)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima tat-12 ta' Diċembru 2015, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 7 tan-Nazzjonijiet Uniti “Niżguraw aċċess għal enerġija bi prezzijiet aċċessibbli, affidabbli, sostenibbli u moderna għal kulħadd”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 bit-titolu “Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ”(COM(2016)0051), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2018 bit-titolu “Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima” (COM(2018)0773), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (COM(2019)0640), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “Strateġija Ewropea għad-data” (COM(2020)0066), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 bit-titolu “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” (COM(2020)0102), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Nixprunaw Ekonomija Newtrali għall-Klima: Strateġija tal-UE dwar l-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija” (COM(2020)0299), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Strateġija għall-idroġenu għal Ewropa newtrali għall-klima” (COM(2020)0301), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Settembru 2020 bit-titolu “It-tisħiħ tal-ambizzjoni klimatika tal-Ewropa għall-2030 – Ninvestu f'futur newtrali għall-klima għall-benefiċċju tal-popli tagħna” (COM(2020)0562), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja” (COM(2020)0662), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan” (COM(2020)0663), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (COM(2020)0950), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar il-progress tal-kompetittività tal-enerġija nadifa (COM(2020)0953), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-effiċjenza enerġetika (COM(2020)0954), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 dwar l-Enerġija Rinnovabbli (COM(2020)0952), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Il-prezzijiet u l-kostijiet tal-enerġija fl-Ewropa” (COM(2020)0951), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Strateġija tal-UE biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta għal futur newtrali għall-klima” (COM(2020)0741), |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2019 dwar il-futur tas-sistemi tal-enerġija fl-Unjoni tal-Enerġija biex jiżguraw it-tranżizzjoni enerġetika u l-kisba tal-objettivi enerġetiċi u klimatiċi sal-2030 u lil hinn, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2020 dwar mira klimatika ġdida tal-UE għall-2030, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Inizjattiva dwar l-Idroġenu varata mill-Presidenza Awstrijaka tal-Kunsill f'Linz fis-17 u t-18 ta' Settembru 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Inizjattiva għal Infrastruttura tal-Gass Sostenibbli u Intelliġenti għall-Ewropa varata mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill f'Bucharest fl-1 u fit-2 ta' April 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (3) (Ir-Regolament dwar it-TEN-E), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010 (4) (Ir-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa), li bħalissa qiegħed jiġi rivedut, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infrastruttura tal-karburanti alternattivi (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (7) (Id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (8) (Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 559/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta taċ-Ċelloli tal-Fjuwil u l-Idroġenu 2 (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar it-tibdil fil-klima – viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar l-emerġenza klimatika u ambjentali (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Novembru 2019 dwar il-Konferenza tan-NU tal-2019 dwar it-Tibdil fil-Klima f'Madrid, Spanja (COP 25) (14), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (15), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Lulju 2020 dwar approċċ komprensiv Ewropew għall-ħżin tal-enerġija (16), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar ir-reviżjoni tal-linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea (17), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A9-0062/2021), |
|
A. |
billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw l-għan ta' ekonomija newtrali għall-klima sal-2050, bi qbil mal-Ftehim ta' Pariġi u abbażi tal-ekwità u l-aqwa xjenza disponibbli bil-għan li ż-żieda fit-temperatura globali tiġi limitata għal 1,5 oC 'il fuq mil-livelli preindustrijali; |
|
B. |
billi l-Kummissjoni pproponiet objettiv komuni ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra (GHG) ta' mill-inqas 55 % sal-2030, filwaqt li l-Parlament approva l-għan li l-emissjonijiet ta' GHG jitnaqqsu b'60 % sal-2030; |
|
C. |
billi r-rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija wera li d-domanda għall-enerġija qiegħda tonqos b'mod ġenerali fl-UE iżda qiegħda tiżdied f'ċerti setturi, bħat-trasport u t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICT); |
|
D. |
billi l-bini huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum totali tal-enerġija tal-UE, u għal 36 % tal-emissjonijiet ta' GHG mill-enerġija, u billi l-ICT jirrappreżentaw bejn 5 u 9 % tal-konsum globali ta' elettriku; |
|
E. |
billi 70 % tal-enerġija primarja użata fl-UE fl-2017 ġiet mill-fjuwils fossili (żejt, gass naturali u faħam) (18); |
|
F. |
billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija tistma li madwar terz tal-emissjonijiet globali tal-metan jiġu mis-settur tal-enerġija; |
|
G. |
billi l-kisba tan-newtralità klimatika tirrikjedi t-tbegħid minn sistema li fil-biċċa l-kbira tagħha hija bbażata fuq il-fjuwils fossili, u l-kisba ta' sistema newtrali għall-klima u effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u bbażata fuq sorsi rinnovabbli; |
|
H. |
billi l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tfisser l-ippjanar u l-ġestjoni koordinati tas-sistema tal-enerġija kollha, filwaqt li jitqiesu l-bosta trasportaturi tal-enerġija, l-infrastruttura konnessa u l-konsumaturi finali kollha; |
|
I. |
billi l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' twieġeb għal ħafna mill-isfidi li joriġinaw mit-tranżizzjoni enerġetika, u b'mod partikolari l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, l-ottimizzazzjoni u l-ibbilanċjar tan-networks tal-enerġija, u għaldaqstant tiggarantixxi s-sigurtà tal-provvista u trawwem l-awtonomija strateġika tal-UE; |
|
J. |
billi t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tan-networks tal-enerġija se tirrikjedi investimenti pubbliċi u privati bla preċedent fil-modernizzazzjoni tal-infrastruttura u l-użu effettiv ta' infrastruttura ġdida meta jkun meħtieġ, kif ukoll investimenti fir-rinnovazzjoni tal-bini, u fir-riċerka u l-iżvilupp; |
|
K. |
billi l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija tista' tħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima filwaqt li timmira li żżomm l-ispejjeż għaċ-ċittadini, l-awtoritajiet u n-negozji Ewropej f'limiti realistiċi, issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, tipproteġi s-saħħa u l-ambjent, u tippromwovi t-tkabbir, l-innovazzjoni u t-tmexxija industrijali globali; billi trid tiġi implimentata integrazzjoni tas-settur tal-enerġija kosteffiċjenti; |
|
L. |
billi, skont ir-Regolament (UE) 2018/1999, il-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” jenħtieġ li jiġi implimentat b'mod effettiv fi kwalunkwe ppjanar tal-provvista u d-domanda tal-enerġija u fid-deċiżjonijiet ta' politika u ta' investiment, li jfisser li kwalunkwe deċiżjoni jenħtieġ li tiġi vvalutata b'mod sistematiku abbażi ta' miżuri alternattivi ta' effiċjenza fl-enerġija kosteffiċjenti u validi mil-lat tekniku, ekonomiku u ambjentali; |
|
M. |
billi l-kriżi tal-COVID-19 uriet li huwa kruċjali li wieħed ikun jista' joqgħod fuq sistema tal-enerġija sikura u flessibbli; billi spejjeż addizzjonali tal-elettriku u tat-tisħin poġġew aktar pressjoni fuq l-unitajiet domestiċi; |
1.
Jappoġġja d-direzzjoni stabbilita mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar strateġija għall-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, jiġifieri prijorità kaskata għall-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, id-dekarbonizzazzjoni tal-użi finali permezz tal-elettrifikazzjoni diretta, il-fjuwils ibbażati fuq sorsi rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju għal applikazzjonijiet li m'għandhomx alternattiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li jiġi implimentat approċċ koerenti fit-tul fi spirtu ta' solidarjetà u kooperazzjoni u li jitfassal qafas regolatorju stabbli għall-industriji kkonċernati u għas-soċjetà kollha kemm hi; jissottolinja li s-settur privat, flimkien mas-settur pubbliku, se jkollu rwol fundamentali fis-suċċess u l-implimentazzjoni effettiva ta' din l-istrateġija u se jappoġġja l-bini ta' sistema tal-enerġija li tmexxi lill-UE lejn in-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050;
2.
Jemmen li strateġija bħal din tista' tgħin lill-Unjoni twitti t-triq biex tilħaq l-għanijiet klimatiċi tagħha filwaqt li żżomm l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija permezz tal-iżvilupp ta' sistema ċirkolari, effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija, integrata, interkonnessa, reżiljenti, intelliġenti, multimodali, ekwa u dekarbonizzata; jenfasizza li din l-istrateġija, speċjalment fil-perjodu wara l-pandemija tal-COVID-19, għandha tistabbilixxi viżjoni li tappoġġja ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li ssaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività, tagħti spinta lill-impjiegi u lill-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), tipproteġi s-saħħa u l-ambjent, kif ukoll tippromwovi t-tkabbir sostenibbli u l-innovazzjoni;
3.
Ifakkar fl-importanza li jitqiesu d-diversità tas-sistemi u l-isfidi nazzjonali fil-qasam tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora diversi perkorsi ta' dekarbonizzazzjoni li jistgħu jgħinu lil kull Stat Membru juża l-aktar soluzzjonijiet effiċjenti ta' dekarbonizzazzjoni skont il-ħtiġijiet u r-riżorsi tiegħu;
L-ottimizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija
|
4. |
Itenni l-appoġġ tiegħu għall-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel”, li jfisser li l-iffrankar tal-enerġija u t-titjib fl-effiċjenza jridu jingħataw prijorità; ifakkar li ċ-ċirkolarità u l-elettrifikazzjoni diretta, fejn possibbli, jikkostitwixxu perkors importanti lejn id-dekarbonizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata sistema tal-enerġija reżiljenti u newtrali għall-klima filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-kosteffiċjenza; jisħaq fuq il-ħtieġa ta' portafoll ta' soluzzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-klima li jippermettu li l-aktar teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija u kosteffikaċi jirnexxu fis-suq u li jgħinu biex titnaqqas l-impronta tal-karbonju u jikkontribwixxu għat-trawwim tal-indipendenza enerġetika fl-Unjoni; |
|
5. |
Jissottolinja l-bosta benefiċċji ta' sforzi akbar b'rabta mal-effiċjenza fl-enerġija bħal tnaqqis fid-dipendenza mill-importazzjonijiet tal-enerġija, kontijiet tal-konsum orħos, żieda fil-kompetittività industrijali, u benefiċċji klimatiċi u ambjentali globali; |
|
6. |
Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-possibbiltà li tapplika l-prinċipju “l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel” fir-reviżjonijiet li jmiss tal-leġiżlazzjoni u l-metodoloġiji tal-Unjoni u f'inizjattivi ġodda, b'mod partikolari għall-ippjanar tax-xenarji u tal-infrastrutturi u l-analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, u permezz ta' rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom; |
|
7. |
Jinnota l-livell għoli ta' konsum ta' enerġija fis-settur tal-ilma; jistieden lill-Kummissjoni tqis miżuri effiċjenti fl-enerġija għas-settur tal-ilma tal-UE u l-possibbiltà li l-ilma mormi ttrattat jintuża bħala sors ta' enerġija rinnovabbli fuq il-post fl-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija; |
|
8. |
Jinnota l-progress insuffiċjenti li sar mill-Istati Membri, u mill-Unjoni kollha kemm hi, dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-rinnovazzjoni tal-bini, kif ippreżentat fir-Rapport ta' Progress tal-2020 dwar l-Effiċjenza Enerġetika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-miri stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, billi tagħmilhom aktar allinjati mal-miri klimatiċi wara valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet tagħha bħala parti mill-proċess ta' governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Pjan dwar il-Mira Klimatika; jistieden lill-Kummissjoni teżamina mill-ġdid il-miżuri eżistenti u tadotta politiki aktar immirati, speċjalment f'dawk is-setturi, bħat-trasport, fejn ma sarx biżżejjed progress; jilqa', f'dan ir-rigward, l-istrateġija mewġa ta' rinnovazzjoni u r-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (19); ifakkar fl-importanza li jiġu vvalutati l-impatti tal-miri riveduti fuq in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs; |
|
9. |
Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-prinċipju tal-effiċjenza fl-enerġija għall-katina tal-valur kollha u għall-użi finali kollha, bħala mod kosteffiċjenti biex jitnaqqsu l-emissjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi inizjattivi konkreti biex jitnaqqas it-telf tal-enerġija tul in-networks tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni, permezz tar-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-E u r-Regolament (UE) 2017/1938 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 (20); |
|
10. |
Jilqa' l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar il-Metan; ifakkar li huwa essenzjali li jiġu varati malajr sistemi ta' monitoraġġ tal-emissjonijiet tal-metan li jiddependu fuq teknoloġiji ta' osservazzjoni bis-satellita bħal dawk żviluppati permezz tal-programm Copernicus; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex ikomplu jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-metan fis-settur tal-enerġija; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex il-kejl, ir-rappurtar u l-verifika, u l-identifikazzjoni u t-tiswija tat-tnixxijiet, isiru obbligatorji; |
|
11. |
Jissottolinja l-potenzjal tal-użu mill-ġdid tal-iskart, b'mod partikolari l-enerġija u s-sħana mormija mill-proċessi industrijali, il-bijoskart, il-bini u ċ-ċentri tad-data; jenfasizza l-produzzjoni sostenibbli tal-enerġija li toriġina mill-agrikoltura, il-konsum tal-ikel u l-forestrija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw inċentivi u mudelli kummerċjali effettivi biex tiġi rkuprata s-sħana mormija industrijali u s-sħana mormija inevitabbli fin-networks jew fil-ħżin tas-sħana, meta jirrevedu ulterjorment id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (21); |
|
12. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-isfida tad-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin u tat-tkessiħ; jitlob l-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ, inkluż meta jiġu riveduti d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, kif ukoll il-ħolqien ta' qafas abilitanti meta jiġu riveduti l-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija (22); jenfasizza l-potenzjal tan-networks tat-tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja u b'temperatura baxxa tar-raba' u l-ħames ġenerazzjoni; jinnota li dawn jista' jkollhom rwol sinifikanti fid-dekarbonizzazzjoni tat-tisħin kosteffiċjenti fiż-żoni urbani u industrijali; jilqa' l-fatt li n-networks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali se jkunu eliġibbli għall-finanzjament fl-ambitu tar-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u jitlob li jiġu inklużi bħala proġetti ta' interess komuni potenzjali fl-ambitu tar-Regolament dwar it-TEN-E; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tqis l-infrastruttura tat-tisħin u l-ħżin termiku meta tiżviluppa l-pjanijiet ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network kemm għan-Network Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E) kif ukoll għan-Network Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO-G); jinnota bi tħassib ir-rata baxxa ta' sostituzzjoni ta' sistemi tat-tisħin qodma u ineffiċjenti; jilqa' r-reviżjoni li għaddejja tal-leġiżlazzjoni sekondarja dwar it-tikkettar enerġetiku u l-ekodisinn tal-apparat tat-tisħin u tat-tkessiħ tal-ambjent u tal-ilma; jisħaq fuq il-potenzjal tal-għodod diġitali għall-ġestjoni intelliġenti tal-enerġija filwaqt li jiġu żgurati ċ-ċibersigurtà u l-protezzjoni tad-data; |
|
13. |
Ifakkar li t-tranżizzjoni enerġetika se tirrikjedi bejn EUR 520 biljun u EUR 575 biljun f'investiment infrastrutturali annwali u l-użu proporzjonat u effettiv ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa ppjanar tax-xenarji inklużiv, integrat u realistiku, li jkompli jqis l-effiċjenza fl-enerġija u l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, bi qbil mal-Pjan ta' Investiment għal Ewropa Sostenibbli; jinnota l-ħtieġa li jiġu rispettati l-kriterji ta' investiment sostenibbli stabbiliti fir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (23) u l-għodod finanzjarji li huma kompletament konformi mal-miri tal-klima u l-enerġija għall-2030 u n-newtralità klimatika sa mhux aktar tard mill-2050 sabiex jiġi żgurat li dan ma jwassalx għal assi mhux rekuperabbli; jissottolinja li diversi programmi u strumenti ta' finanzjament Ewropej għandhom rwol fundamentali fit-trawwim tat-tranżizzjoni enerġetika; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-użu ta' sorsi tal-enerġija bħall-gass naturali jkun biss ta' natura tranżitorja, fid-dawl tal-objettiv li tinkiseb in-newtralità klimatika; jenfasizza li l-integrazzjoni tas-sistemi għandha tagħmel użu massimu mill-infrastruttura tal-enerġija eżistenti li tista' tgħin biex isseħħ tranżizzjoni kosteffikaċi f'ħafna setturi; |
|
14. |
Jenfasizza l-importanza li ssir valutazzjoni ex ante u li tiġi antiċipata l-ħtieġa ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, l-integrazzjoni tas-sistemi jew infrastrutturi ġodda għall-produzzjoni, l-interkonnettività, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin u l-konverżjoni tal-enerġija sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-infrastruttura tal-enerġija eżistenti f'ekonomija newtrali għall-klima, filwaqt li tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika, ambjentali u soċjali tagħha u l-kosteffiċjenza tagħha filwaqt li jiġu evitati kemm l-effetti ta' lock-in kif ukoll l-assi mhux rekuperabbli; jissottolinja l-importanza li jiġi rispettat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika fost dawk it-teknoloġiji neċessarji biex tinkiseb in-newtralità klimatika, peress li wħud mit-teknoloġiji li se jkunu meħtieġa fil-futur prevedibbli xorta waħda jirrikjedu investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp; jitlob b'insistenza li kull proġett ta' infrastruttura għandu jinkludi xenarju alternattiv li jkun ibbażat fuq it-tnaqqis tad-domanda u/jew l-integrazzjoni tas-settur qabel ma jitfassal; |
|
15. |
Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Enerġija Rinnovabbli Offshore; jisħaq li l-iżvilupp rapidu tal-gżejjer tal-enerġija offshore huwa kruċjali sabiex nilħqu l-objettiv tagħna ta' kapaċità ta' enerġija rinnovabbli sal-2030; jemmen li din l-istrateġija hija opportunità biex tiġi intensifikata l-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli, jiżdied l-użu dirett tal-elettriku u tiġi appoġġjata l-elettrifikazzjoni indiretta, pereżempju, permezz tal-idroġenu u l-fjuwils sintetiċi; jitlob, għalhekk, li ssir reviżjoni komprensiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-infrastruttura tal-enerġija u reviżjoni mmirata tal-linji gwida rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġi promoss l-użu tas-sorsi kollha tal-enerġija rinnovabbli; jirrimarka l-potenzjal għaċ-ċittadini, l-industriji u s-settur pubbliku li jisfruttaw aktar l-enerġija solari fil-livell tad-distribuzzjoni; jistieden lill-Istati Membri jissimplifikaw il-proċeduri tal-permessi u jneħħu l-ostakli amministrattivi għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tuża r-reviżjoni tar-Regolament dwar it-TEN-E bħala opportunità biex isir konsistenti għalkollox mal-għan tan-newtralità klimatika; jissottolinja li l-prinċipji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, tad-diġitalizzazzjoni u tal-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija għandhom jiġu minquxa fl-objettivi tar-regolament u fil-pjan ta' għaxar snin għall-iżvilupp tan-network, kif ukoll skeda ta' żmien itwal għall-ippjanar allinjata mal-mira tan-newtralità klimatika sabiex, fost l-oħrajn, jiġu evitati spejjeż mhux rekuperabbli; jenfasizza li l-investimenti biex tiġi diġitalizzata l-infrastruttura eżistenti jistgħu jtejbu b'mod sinifikanti l-ġestjoni tagħha permezz tal-użu tat-tewmin diġitali, l-algoritmi jew l-intelliġenza artifiċjali; jappoġġja t-twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament għall-infrastruttura tal-enerġija bħall-ħżin u l-idroġenu; jappella għal pjan tan-network integrat u koordinat li jinkludi t-trasportaturi u l-infrastrutturi tal-enerġija kollha b'mod progressiv; jisħaq li l-infrastruttura tas-sistemi tal-enerġija għandha tiġi integrata mas-sistemi diġitali u tat-trasport; |
|
17. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi miżuri u miri aktar ambizzjużi fir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa; jisħaq fuq il-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli u ta' elettrifikazzjoni aktar mgħaġġla tas-setturi tal-użu finali, meta jkun possibbli, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż u l-effiċjenza fl-enerġija; |
|
18. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa li se tħaffef l-adozzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u fir-riżorsi u penetrazzjoni ogħla tas-sorsi rinnovabbli fil-bini madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu s-sinerġiji bejn is-settur tal-enerġija u s-settur tal-bini sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika; jenfasizza li r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-bini eżistenti se tkun komplementari għad-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija; |
|
19. |
Jirrikonoxxi l-progress miksub s'issa fl-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-UE ma' dawk tal-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tal-Enerġija; jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-kooperazzjoni dwar l-enerġija rinnovabbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli; |
|
20. |
Jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija Ewropea għall-Idroġenu; jisħaq li għandha tingħata prijorità lill-bini ta' katina ta' provvista ta' idroġenu rinnovabbli fl-Ewropa biex jitrawmu l-vantaġġi ta' min jidħol l-ewwel, il-kompetittività industrijali u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; huwa konvint li l-idroġenu rinnovabbli u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju jista' jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet persistenti, bħal dawk mill-proċessi industrijali u t-trasport tqil, fejn l-elettrifikazzjoni diretta tista' tkun limitata minħabba kosteffiċjenza baxxa jew minħabba raġunijiet tekniċi, soċjali u ambjentali; ifakkar fil-ħtieġa li titħaffef id-dekarbonizzazzjoni tal-produzzjoni tal-idroġenu eżistenti; jappoġġja l-varar ta' proġetti importanti ta' interess Ewropew komuni dwar l-idroġenu; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas komprensiv ta' klassifikazzjoni u ċertifikazzjoni tat-trasportaturi tal-gass abbażi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta' GHG u tal-kriterji ta' sostenibbiltà, bi qbil mal-approċċ stabbilit fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli dwar il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jisħaq li tali klassifikazzjoni hija ta' importanza fundamentali għall-atturi tas-suq, l-awtoritajiet u l-konsumaturi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati qafas robust u linja bażi xierqa biex jiġi żgurat li kapaċità suffiċjenti addizzjonali ta' ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli tintuża fi proporzjon għall-ħtieġa ta' idroġenu rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis din id-diversità ta' ħtiġijiet fil-proposti leġiżlattivi li jmiss tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi kompetizzjoni ekwa u effiċjenti bejn l-idroġenu li jiġi importat minn sħab internazzjonali u l-idroġenu li jiġi prodott fl-UE; |
|
21. |
Jissottolinja r-rwol li l-qbid, il-ħżin u l-użu tad-diossidu tal-karbonju (CCS/U) ambjentalment sikuri jista' jkollhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappoġġja kuntest ta' politika integrata biex tiġi stimulata l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet CCS/U ambjentalment sikuri li jirriżultaw fi tnaqqis nett fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra biex l-industrija peżanti ssir newtrali għall-klima, fejn ma jkunu disponibbli ebda possibilitajiet ta' tnaqqis dirett tal-emissjonijiet; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tlaqqa' Forum Ewropew annwali tas-CCUS bħala parti mill-Forum Industrijali dwar l-Enerġija Nadifa biex ikompli jistudja l-possibilitajiet biex jitrawmu proġetti bħal dawn; ifakkar fil-ħtieġa li tingħata prijorità lit-tnaqqis dirett tal-emissjonijiet u l-azzjonijiet li jżommu u jtejbu l-bjar u r-riżervi naturali tal-UE, pereżempju permezz ta' ġestjoni sostenibbli tal-foresti; |
|
22. |
Jenfasizza li t-trasport jista' jkun faċilitatur sinifikanti tal-użu tal-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu qafas ta' politika favorevoli u miri ambizzjużi bbażati fuq il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika fost dawk it-teknoloġiji meħtieġa biex tinkiseb in-newtralità klimatika, għal tranżizzjoni ekwa, affordabbli u bilanċjata lejn id-dekarbonizzazzjoni tal-modi kollha ta' trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, inklużi l-flotot u n-networks pubbliċi, it-trasport bit-triq, marittimu, fuq l-ilma intern, bil-ferrovija u bl-ajru primarjament permezz tal-elettrifikazzjoni, u fejn dan ma jkunx possibbli, il-fjuwils prodotti b'mod sostenibbli; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni li se tuża miljun punt tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi fir-reviżjoni tad-Direttiva 2014/94/UE; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-manifatturi tal-karozzi jiffaċilitaw l-iċċarġjar mill-vettura għall-grilja; jisħaq fuq il-ħtieġa li n-networks tal-elettrifikazzjoni u l-infrastruttura għal fjuwils alternattivi jiġu adattati għall-flotta tal-vetturi tal-Ewropa kif ukoll li jiġu appoġġjati soluzzjonijiet oħra li jistgħu jiġu implimentati malajr, b'mod partikolari fiċ-ċentri tat-trasport; jissottolinja l-potenzjal ta' kooperazzjoni interna dwar id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport bejn il-fruntieri; jenfasizza f'dan ir-rigward ir-rwol kritiku tal-Komunità tat-Trasport u tal-Kummissjoni sabiex jinħolqu sinerġiji mal-pajjiżi tal-viċinat u jitħaffef it-trasferiment tal-istandards tal-UE dwar l-emissjonijiet tat-trasport; jisħaq fuq l-importanza tat-trasport pubbliku fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u l-ħtieġa li t-trasport pubbliku dekarbonizzat jiġi żviluppat u estiż kemm fiż-żoni urbani kif ukoll f'dawk rurali; |
|
23. |
Jisħaq li hemm setturi li qed iżidu l-konsum tal-enerġija tagħhom, bħas-settur tat-trasport, is-settur tat-turiżmu u s-settur tal-ICT; jappoġġja lill-Kummissjoni fl-analiżi tas-sinerġiji bejn in-networks tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali u s-sorsi tas-sħana mormija inevitabbli; jilqa' l-impenn inkluż fl-Istrateġija Diġitali tal-UE biex iċ-ċentri tad-data jsiru newtrali għall-klima sal-2030; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi pjan ta' azzjoni għall-parteċipazzjoni tas-settur tat-turiżmu fil-proċess tal-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, li jqis, fost oħrajn, il-promozzjoni tat-turiżmu ferrovjarju, il-mobbiltà mhux motorizzata u l-elettromobbiltà u l-ħolqien ta' komunitajiet tal-enerġija ċirkolari fit-turiżmu sostenibbli; |
L-ibbilanċjar tas-sistemi tal-enerġija
|
24. |
Jinnota li ż-żamma tal-bilanċ tal-grilji tal-elettriku u l-ġestjoni tad-domanda massima u tal-produzzjoni massima se jkunu aktar kumplessi b'taħlita ta' ġenerazzjoni dejjem aktar deċentralizzata u rinnovabbli u, f'dan ir-rigward, jissottolinja r-rwol tar-rispons fin-naħa tad-domanda, il-ħżin u l-ġestjoni tal-enerġija intelliġenti; jenfasizza li t-tranżizzjoni lejn produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija għandha ħafna benefiċċji: tista' trawwem l-użu ta' sorsi tal-enerġija lokali, li jwassal għal żieda fis-sigurtà lokali tal-provvista tal-enerġija, l-iżvilupp u l-koeżjoni tal-komunità billi jipprovdi sorsi ġodda ta' introjtu u joħloq impjiegi ġodda; ifakkar li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw it-taħlita tal-enerġija tagħhom, li d-diversità tagħha hija fundamentali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista; |
|
25. |
Jisħaq li l-interkonnessjonijiet huma importanti aktar minn qatt qabel biex jiġi żgurat it-trasport ta' enerġija rinnovabbli lejn iż-żoni fejn id-domanda se tkun l-ogħla u biex tiġi bbilanċjata s-sistema tal-enerġija kollha kemm hi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi massimizzat il-kummerċ tal-elettriku u li jiġi implimentat l-obbligu li jintuża minimu ta' 70 % tal-kapaċità ta' interkonnessjoni eżistenti stabbilita mill-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) 2019/943; jissottolinja li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu miżuri effettivi li jindirizzaw in-nuqqas ta' konnetturi offshore fid-dawl tar-rwol li qed jikber tal-enerġija offshore f'sistema tal-enerġija integrata; |
|
26. |
Jesprimi dispjaċir għall-fatt li għadd ta' Stati Membri għadhom ma laħqux il-mira tagħhom ta' 10 % ta' interkonnessjoni elettrika sal-2020; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-mira tal-interkonnessjoni tal-elettriku għall-2030 tiżdied għal 15 %, dment li tappoġġja aħjar l-investimenti nazzjonali permezz tal-lista ta' proġetti ta' interess komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tvara mill-ġdid il-ħidma tal-grupp ta' esperti fuq il-miri ta' interkonnessjoni; |
|
27. |
Jinnota li l-infrastruttura tal-grilja tal-enerġija għandha tissaħħaħ aktar permezz tad-diġitalizzazzjoni u l-awtomatizzazzjoni biex tiġi pprovduta flessibbiltà lis-sistema u jiġu sfruttati s-sinerġiji ma' vetturi oħra tal-enerġija; jilqa' t-tħabbira tal-Kummissjoni ta' “Pjan ta' Azzjoni dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Enerġija” biex jiġi żviluppat suq kompetittiv għas-servizzi tal-enerġija diġitali li jiżgura l-privatezza u s-sovranità tad-data u jappoġġja l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija diġitali; jenfasizza li l-grilji intelliġenti se jippermettu penetrazzjoni dejjem akbar ta' enerġija rinnovabbli deċentralizzata u flessibbli, kif ukoll sistema tal-elettriku interkonnessa ħafna; |
|
28. |
Itenni li l-kapaċità Ewropea ta' ħżin ta' enerġija hija sors essenzjali ta' flessibbiltà u sigurtà tal-provvista; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli regolatorji għall-installazzjoni ta' tagħmir tal-ħżin; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif tnaqqas l-ispejjeż tat-taxxi u l-levies fuq it-trasformazzjoni tal-enerġija u l-ħżin tal-enerġija, u telimina t-tassazzjoni doppja potenzjali fuq il-proġetti ta' ħżin fir-reviżjoni li jmiss tagħha tad-Direttiva 2003/96/KE; ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata interoperabbiltà sħiħa ta' sistemi differenti tat-trasport u tal-ħżin, inklużi dawk b'rilevanza transfruntiera u konnessi ma' pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi dik id-direttiva filwaqt li tevita distorsjonijiet tas-suq mhux xierqa għad-detriment ta' sorsi oħra tal-enerġija u effetti negattivi fuq il-konsumaturi; |
|
29. |
Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-aċċess għall-kapital għall-proġetti kollha ta' ħżin tal-enerġija, b'enfasi fuq il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tqis il-ħtieġa li tintuża l-infrastruttura tal-ħżin fil-lista li jmiss ta' proġetti ta' interess komuni u fir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija; |
|
30. |
Jinnota bi tħassib id-dipendenza kbira tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-batteriji tal-joni tal-litju; jilqa' għalhekk l-approċċ identifikat fil-Pjan ta' Azzjoni Strateġiku għall-Batteriji (24), b'mod partikolari d-diversifikazzjoni ta' sorsi ta' materja prima, l-iżvilupp ta' alternattivi għall-materjali tal-art rari, l-użu sħiħ tal-politika kummerċjali tal-UE biex tiġi żgurata provvista sostenibbli u sikura u l-iżvilupp ta' inċentivi għaċ-ċirkolarità, kif ukoll l-istabbiliment tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji; |
|
31. |
Ifakkar fir-rwol komplementari li t-teknoloġiji Power-to-X jista' jkollhom fl-ibbilanċjar tal-grilji biex jingħelbu l-konġestjonijiet infrastrutturali, fit-trasport tal-enerġija u fil-provvista ta' flessibbiltà u ħżin staġonali tas-sħana u l-elettriku peress li jistgħu jiġu integrati faċilment fl-infrastruttura eżistenti; huwa konvint li dawn it-teknoloġiji se jgħinu biex jiġi integrat is-sehem li qed jikber tal-produzzjoni tal-elettriku rinnovabbli; jinnota l-ħtieġa li jiġu żviluppati kapaċitajiet għall-ħżin tal-idroġenu; |
|
32. |
Ifakkar fl-importanza tal-interkonnetturi u tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi tan-networks; jilqa' l-istabbiliment ta' ċentri reġjonali ta' koordinazzjoni, f'konformità mar-Regolament (UE) 2019/943; jemmen li approċċ integrat u transsettorjali għandu jiġi applikat mit-TSOs għall-ippjanar futur tan-networks, kif ukoll konsistenza mal-miri tal-klima u l-enerġija u l-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima; |
|
33. |
Jenfasizza l-vantaġġi ta' sistema “multidirezzjonali” li fiha l-konsumaturi jkollhom rwol attiv fil-provvista tal-enerġija; ifakkar li l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom id-dritt li jipproduċu, jikkunsmaw u jaħżnu l-enerġija tagħhom individwalment jew bħala komunità u, f'dan ir-rigward, jissottolinja r-rwol ta' possibilitajiet ta' flessibbiltà fil-bidla minn sistema tal-enerġija mmexxija mill-provvista għal waħda mmexxija mid-domanda, li tippermetti parteċipazzjoni tal-konsumaturi attivi fir-rispons tad-domanda permezz ta' soluzzjonijiet diġitali bi qbil sħiħ mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (25); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw modi kif jinċentivaw aktar l-iżvilupp ta' suq Ewropew għall-flessibbiltà fin-naħa tad-domanda, fost oħrajn permezz ta' standards komuni rigward il-flessibbiltà fl-użu finali, valutazzjoni tal-benefiċċji potenzjali u l-impatti fuq l-ispejjeż tas-sistema tal-enerġija; jilqa' sistemi tal-enerġija flessibbli u integrati li għandhom l-għan li jottimizzaw is-settur tat-tisħin/tkessiħ distrettwali kif ukoll l-użu ta' koġenerazzjoni effiċjenti u flessibbli b'effiċjenza għolja li jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar tal-grilja tal-elettriku, l-użu kosteffettiv ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-integrazzjoni tas-sħana mormija fil-livell lokali/reġjonali; jitlob l-implimentazzjoni rapida tad-Direttiva (UE) 2019/944 u d-dispożizzjonijiet tagħha dwar ir-rispons fin-naħa tad-domanda; |
|
34. |
Jisħaq fuq ir-rwol li l-mobbiltà elettrika jista' jkollha bħala forma ta' integrazzjoni intelliġenti tas-setturi tal-enerġija u tat-trasport billi tisfrutta l-kapaċitajiet ta' flessibbiltà; jisħaq li l-elettrifikazzjoni tas-settur tat-trasport għandha l-potenzjal li żżid l-awtonomija strateġika tal-enerġija tal-Unjoni billi tnaqqas il-ħtieġa ta' fjuwils fossili importati; jissottolinja l-potenzjal ta' ħżin u ta' flessibbiltà tal-użu ta' teknoloġiji “mill-vettura għall-grilja” u jinnota li dan se jirrikjedi l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-enerġija u tal-vetturi elettriċi; |
|
35. |
Ifakkar fl-importanza li jiġu indirizzati r-riskji taċ-ċibersigurtà fis-settur tal-enerġija biex tiġi żgurata r-reżiljenza tas-sistemi tal-enerġija; jissottolinja li l-għadd li qed jiżdied ta' prodotti konnessi, bħall-appliances tat-tisħin, il-vetturi elettriċi u l-arloġġi intelliġenti, jista' jżid ir-riskju ta' attakki taċ-ċibersigurtà għas-sistema tal-elettriku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza malajr ir-riskji ta' ċibersigurtà billi tistabbilixxi livell għoli ta' protezzjonijiet taċ-ċibersigurtà għall-prodotti konnessi fil-kuntest tal-kodiċi tan-network tal-elettriku dwar iċ-ċibersigurtà; |
|
36. |
Jisħaq li sistema tal-enerġija aktar rinnovabbli, deċentralizzata u integrata aħjar tirrikjedi tbassir aħjar tad-domanda għall-enerġija u aktar tqabbil f'ħin reali tal-provvista u l-ħżin minn trasportaturi differenti tal-enerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol kruċjali tad-diġitalizzazzjoni għall-ipproċessar tad-data statistika u meteoroloġika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw suq intern għat-teknoloġiji tal-enerġija diġitali filwaqt li jipproteġu l-privatezza u d-data personali tal-konsumaturi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw l-Indikatur tal-Potenzjal ta' Intelliġenza żviluppat bħala parti mid-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (26) sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal għall-flessibbiltà fin-naħa tad-domanda fil-livell tal-bini; jisħaq li dan se jirrikjedi standards aktar komuni għall-iskambju tad-data; jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tadotta pjan ta' azzjoni għad-diġitalizzazzjoni tal-enerġija biex trawwem it-tmexxija teknoloġika tal-UE u tattiva sistema tal-enerġija aktar integrata b'soluzzjonijiet intelliġenti f'setturi speċifiċi (bħal grilji intelliġenti, trasport aktar effiċjenti u sikur u ffrankar tal-enerġija fil-bini), b'finanzjament imtejjeb għall-perjodu 2021-2027; |
|
37. |
Itenni r-rwol kruċjali tal-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija fl-integrazzjoni tas-sistema tal-enerġija u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-aġenzija tingħata biżżejjed mezzi biex twettaq il-missjonijiet tagħha; |
L-iżgurar tal-aċċessibbiltà, anki f'termini ekonomiċi, tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji kollha
|
38. |
Ifakkar li l-objettiv primarju tal-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija huwa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq fir-rigward tal-ħtieġa li jitħares u jittejjeb l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex tissalvagwardja l-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija, biex tiggarantixxi l-implimentazzjoni sħiħa tal-acquis għas-suq intern tal-enerġija, inkluż il-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa, biex tallinja d-drittijiet tal-konsumatur fis-setturi tal-gass u t-tisħin distrettwali ma' dawk tal-konsumaturi tal-elettriku, u tgħinhom jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija; jisħaq fuq l-importanza li l-klijenti jiġu ggwidati lejn l-aktar għażla ta' dekarbonizzazzjoni effiċjenti fl-enerġija u kosteffettiva, abbażi ta' prezzijiet li jirriflettu kif xieraq l-ispejjeż kollha tat-trasportatur tal-enerġija użat; jilqa' l-inizjattiva biex id-Direttiva 2003/96/KE tiġi riveduta u tinbidel fi strument li jallinja l-politiki dwar it-tassazzjoni mal-miri tal-enerġija u l-klima għall-2030 u l-2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintegraw l-objettivi klimatiċi f'din id-direttiva; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi rivedut il-kamp ta' applikazzjoni u tinħoloq differenza bejn il-gassijiet fossili, il-gassijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u l-gassijiet rinnovabbli biex jiġi inċentivat l-iżvilupp ta' alternattivi sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri jneħħu t-taxxi u l-levies bla bżonn biex jiġi żgurat li t-tassazzjoni tkun armonizzata, jippromwovu t-teknoloġiji innovattivi nodfa, u jiżguraw spejjeż tal-enerġija kompetittivi fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu biex jeliminaw gradwalment is-sussidji diretti u indiretti għall-fjuwils fossili; |
|
39. |
Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li ssir aktar ħidma lejn l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, il-ħtieġa li jiġu pprovduti sinjali tal-prezzijiet aktar konsistenti fis-setturi tal-enerġija u fl-Istati Membri, in-nuqqas ta' konsistenza fuq imposti u levies għolja mhux relatati mal-enerġija mġarrba mill-klijenti tal-elettriku u l-fatt li l-ispejjeż esterni mhumiex internalizzati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrimedjaw il-problemi magħrufa permezz ta' miżuri regolatorji effettivi; |
|
40. |
Huwa konvint mill-ħtieġa li l-konsumaturi tal-enerġija jiġu mħeġġa jkunu aktar attivi; jilqa' d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet il-ġodda stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/944, li jippermettu lill-konsumaturi attivi jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq u jgawdu l-benefiċċju tal-attivitajiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ostakli li fadal biex jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tal-awtokonsum ta' enerġija rinnovabbli u tal-komunitajiet ta' enerġija rinnovabbli b'mod partikolari dawk f'unitajiet domestiċi b'introjtu baxx jew vulnerabbli u għall-konsumaturi industrijali; jappella għal informazzjoni trasparenti dwar l-impatt klimatiku tal-għażliet tal-enerġija bħala parti mill-kampanja ta' informazzjoni ppjanata għall-konsumatur; |
|
41. |
Jenfasizza li l-potenzjal tal-għoti tas-setgħa lill-konsumatur fis-sistemi tal-enerġija rinnovabbli integrati biex jiġġeneraw, jikkonsmaw, jaħżnu u jbigħu l-enerġija; iqis li dan jipprovdi wkoll opportunitajiet għall-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli biex javvanzaw l-effiċjenza fl-enerġija fil-livell tal-unitajiet domestiċi u jgħin fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; |
|
42. |
Itenni l-potenzjal tal-komunitajiet tal-enerġija u tal-mikrogrilji li jiżviluppaw aċċess għal enerġija aktar sostenibbli, speċjalment għaż-żoni remoti, il-gżejjer u r-reġjuni ultraperiferiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-integrazzjoni ta' dawn iż-żoni man-Networks trans-Ewropej għall-Enerġija, u li jiġu żviluppati proġetti biex il-gżejjer jew l-arċipelagi jsiru awtosuffiċjenti mil-lat tal-enerġija permezz ta' sorsi rinnovabbli, kif wera l-proġett Tilos fl-ambitu ta' Orizzont 2020; |
|
43. |
Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi regoli li jippermettu lill-komunitajiet tal-enerġija taċ-ċittadini jipparteċipaw aktar fl-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, pereżempju permezz tal-konnessjoni man-networks tat-tisħin, l-iċċarġjar tal-mobbiltà elettrika, l-apparati għall-ħżin jew għar-rispons tad-domanda flimkien mal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli; |
L-iżgurar tat-tmexxija Ewropea fit-teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli u rinnovabbli
|
44. |
Ifakkar li wieħed mill-objettivi tal-Unjoni tal-Enerġija huwa li tnaqqas id-dipendenza tagħna mill-importazzjonijiet u li tiżgura s-sigurtà tal-provvista u l-indipendenza teknoloġika; jitlob lill-UE titgħallem mill-kriżi ekonomika attwali u taħdem lejn aktar awtonomija fil-ktajjen ta' valur strateġiċi; iqis li l-ħolqien ta' sinerġiji jista' jgħin biex dan l-objettiv jintlaħaq; |
|
45. |
Jisħaq fuq l-importanza li tiżdied il-kompetittività tat-teknoloġiji Ewropej biex titrawwem l-awtonomija tal-Unjoni fis-settur strateġiku tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni permezz tad-diversi fondi strutturali u settorjali; ifakkar fit-tmexxija globali tal-Unjoni fit-teknoloġiji għall-kejl tal-emissjonijiet tas-satelliti u b'mod partikolari s-Servizz ta' Monitoraġġ tal-Atmosfera ta' Copernicus; ifakkar fl-għarfien espert taċ-Ċentru Ewropew għall-Previżjonijiet Meteoroloġiċi fuq Perjodu Medju fit-tbassir tat-temp u għalhekk fl-antiċipazzjoni tal-fluttwazzjonijiet fid-domanda għall-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tappoġġja aktar it-teknoloġiji li jikkontribwixxu għal sistema tal-enerġija reżistenti għall-klima u integrata, inkluż fejn l-Ewropa għandha tmexxija globali u ktajjen tal-valur nazzjonali; |
|
46. |
Jinnota bi tħassib li l-konklużjonijiet tar-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija jenfasizzaw tnaqqis fl-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-enerġija nadifa; itenni r-rwol kruċjali tal-appoġġ tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni, u b'mod partikolari l-innovazzjoni fixkiela; jilqa' ż-żieda fil-baġit għar-riċerka fil-programm Orizzont Ewropa u l-istabbiliment taż-Żona Ewropea tar-Riċerka; |
|
47. |
Jenfasizza l-ħtieġa ta' tranżizzjoni ġusta u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-bidliet strutturali fis-settur tal-enerġija fil-proposti leġiżlattivi rilevanti kollha sabiex jgħinu fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika; itenni l-wegħda deskritta fil-Patt Ekoloġiku l-ġdid li ħadd m'għandu jitħalla jibqa' lura; jinnota f'dan ir-rigward li huwa ta' importanza fundamentali li l-ħiliet tal-impjegati jinbidlu fis-setturi li jiffaċċjaw ir-riskju li jispiċċaw għalkollox minħabba t-tranżizzjoni ekoloġika; jenfasizza l-valur tal-għarfien espert Ewropew stabbilit sew dwar l-integrazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, u jistieden lill-Istati Membri jgħożżu dan l-għarfien espert u jgħinu biex jiġi ttrasferit mis-settur tal-enerġija fossili għal sistema tal-enerġija integrata u newtrali għall-klima; |
|
48. |
Jenfasizza l-innovazzjonijiet u t-teknoloġiji fil-proċessi rivoluzzjonarji li ġejjin, li jeħtieġ li jissaħħu aktar fil-perspettiva ta' ekonomija ċirkolari u ta' strateġija effettiva ta' integrazzjoni tas-setturi:
|
|
49. |
Jilqa' l-inizjattivi meħuda għall-ktajjen ta' valur strateġiċi; jitlob li t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli jiġu rikonoxxuti bħala katina tal-valur strateġika u li tiġi stabbilita alleanza biex tappoġġja l-isforzi biex dawn it-teknoloġiji jiżdiedu, kif ukoll inizjattiva dwar it-titjib tal-proċessi u tal-effiċjenza fl-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura governanza trasparenti tal-alleanzi kollha inkluża l-parteċipazzjoni tal-SMEs, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-esperti indipendenti filwaqt li tiggarantixxi d-diversità ġeografika; |
o
o o
|
50. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.
(2) ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.
(3) ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.
(4) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(5) ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1.
(6) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1.
(7) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82.
(8) ĠU L 328, 21.12.2018, p. 210.
(9) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 125.
(10) ĠU L 158, 14.6.2019, p. 54.
(11) ĠU L 169, 7.6.2014, p. 108.
(12) ĠU C 23, 21.1.2021, p. 11.
(13) Testi adottati, P9_TA(2019)0078.
(14) Testi adottati, P9_TA(2019)0079.
(15) Testi adottati, P9_TA(2020)0005.
(16) Testi adottati, P9_TA(2020)0198.
(17) Testi adottati, P9_TA(2020)0199.
(18) Rapport tal-2019 tal-Eurostat dwar l-istatistika tal-enerġija, it-trasport u l-ambjent: https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3217494/10165279/KS-DK-19-001-EN-N.pdf/76651a29-b817-eed4-f9f2-92bf692e1ed9
(19) ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75.
(20) ĠU L 280, 28.10.2017, p. 1.
(21) Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).
(22) Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija.
(23) ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.
(24) Anness II tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Mejju 2018 bit-titolu “Ewropa Attiva: Mobbiltà Sostenibbli għall-Ewropa: sikura, konnessa u nadifa” (COM(2018)0293).
(25) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(26) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).