7.12.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 436/11


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2154

tat-13 ta’ Awwissu 2021

li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kriterji xierqa biex jiġu identifikati kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li temenda d-Direttivi 2002/87/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, 2014/59/UE u 2014/65/UE (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tagħha,

Billi:

(1)

Filwaqt li d-ditti tal-investiment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u tat-Titoli VII u VIII tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), f’konformità mal-Artikolu 1(2) u (5) tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), huma soġġetti għar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/923 (5), id-ditti tal-investiment li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2034 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma meħtieġa japplikaw rekwiżiti speċifiċi għar-rimunerazzjoni varjabbli tal-membri kollha tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji xierqa biex jiġu identifikati dawk il-membri tal-persunal. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jqisu l-awtorità u r-responsabbiltajiet ta’ tali membri tal-persunal, il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa u l-indikaturi tal-prestazzjoni, l-organizzazzjoni interna tad-ditta tal-investiment, u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tad-ditta kkonċernata. Dawk il-kriterji jenħtieġ li jippermettu wkoll lid-ditti jistabbilixxu inċentivi kif suppost fil-politiki ta’ rimunerazzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-membri tal-persunal ikkonċernati jaġixxu b’mod prudenti fit-twettiq tal-kompiti tagħhom. Fl-aħħar nett, dawk il-kriterji jenħtieġ li jirriflettu l-livell tar-riskju tal-attivitajiet differenti fid-ditta tal-investiment.

(2)

Il-membri tal-korp maniġerjali għandhom ir-responsabbiltà aħħarija għad-ditta tal-investiment, l-istrateġija u l-attivitajiet tagħha, u għalhekk jenħtieġ li dejjem jitqiesu li għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment. Dan japplika kemm għall-membri tal-korp maniġerjali fil-funzjoni tal-immaniġġar tiegħu li jieħdu deċiżjonijiet kif ukoll għall-membri tal-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu li jissorveljaw il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u jikkontestaw id-deċiżjonijiet meħuda.

(3)

Xi membri tal-persunal huma responsabbli biex jagħtu appoġġ intern li huwa kruċjali għall-operat tal-attivitajiet ta’ negozju ta’ ditta tal-investiment. L-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jista’ jkollhom ukoll impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa għaliex l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jesponu lid-ditta tal-investiment għal riskji operazzjonali materjali u għal riskji oħra.

(4)

L-attivitajiet professjonali tal-membri tal-persunal b’responsabbiltà maniġerjali jista’ jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa minħabba li jistgħu jieħdu deċiżjonijiet strateġiċi jew fundamentali oħra li jkollhom impatt fuq l-attivitajiet ta’ negozju tad-ditta tal-investiment jew fuq il-funzjonijiet ta’ kontroll applikati. Tali funzjonijiet ta’ kontroll jinkludu, tipikament, l-immaniġġar tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern. Ir-riskji meħuda mill-unitajiet tan-negozju u l-mod li bih dawk l-unitajiet tan-negozju jiġu mmaniġġati huma l-aktar fatturi importanti għall-profil tar-riskju ta’ ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa. Ċerti attivitajiet ta’ negozju joħolqu riskji ogħla minn oħrajn u għalhekk jenħtieġ li titqies in-natura tal-attivitajiet ta’ negozju.

(5)

Kriterji kwalitattivi xierqa jenħtieġ li jiżguraw li l-membri tal-persunal jiġu identifikati bħala li għandhom impatt materjali fil-każijiet fejn ikunu responsabbli għal gruppi tal-persunal li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa. Dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn l-attivitajiet tal-membri individwali tal-persunal taħt il-ġestjoni tagħhom ma jkollhomx b’mod individwali impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment iżda l-iskala globali tal-attivitajiet tagħhom jista’ jkollha tali impatt.

(6)

Ir-rimunerazzjoni totali tal-membri tal-persunal tipikament tiddependi fuq il-kontribut li dawk il-membri tal-persunal jagħtu għall-kisba b’suċċess tal-objettivi tan-negozju tad-ditta tal-investiment. Għaldaqstant din ir-rimunerazzjoni tiddependi fuq ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet, il-kapaċitajiet u l-ħiliet tal-membri tal-persunal u fuq il-prestazzjoni tal-membri tal-persunal u tad-ditta tal-investiment. Fil-każijiet meta membru tal-persunal jingħata rimunerazzjoni totali li taqbeż ċertu livell limitu, huwa raġonevoli li wieħed jissoponi li tali rimunerazzjoni tkun marbuta mal-kontribut tal-membru tal-persunal għall-objettivi tan-negozju tad-ditta tal-investiment u li għalhekk tkun relatata mal-impatt tal-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa. Għalhekk huwa xieraq li jiġu applikati l-kriterji kwantitattivi relatati mar-rimunerazzjoni totali ta’ membru tal-persunal, kemm f’termini assoluti kif ukoll relattivi, għal membri oħra tal-persunal fl-istess ditta tal-investiment biex jiġi ddeterminat jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membru tal-persunal jistax ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa.

(7)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti limiti ċari u xierqa biex jiġu identifikati l-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa. Id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jkunu mistennija japplikaw il-kriterji kwantitattivi f’waqthom. Il-kriterji kwantitattivi jenħtieġ li jsegwu l-iżviluppi fir-rimunerazzjoni biex ikunu realistiċi. Metodu wieħed biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji kwantitattivi jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni, u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija f’dik is-sena ta’ prestazzjoni. It-tieni metodu biex tali żviluppi jiġu segwiti huwa li dawk il-kriterji kwantitattivi jkunu bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali mogħtija għas-sena ta’ prestazzjoni preċedenti, li tinkludi r-rimunerazzjoni fissa mħallsa għal dik is-sena ta’ prestazzjoni u r-rimunerazzjoni varjabbli mogħtija fis-sena ta’ prestazzjoni attwali għas-sena finanzjarja preċedenti. It-tieni metodu jipprevedi allinjament aħjar tal-proċess ta’ identifikazzjoni mar-rimunerazzjoni effettiva mogħtija għal perjodu ta’ prestazzjoni, iżda jista’ jiġi applikat biss meta jkun għadu possibbli li jsir kalkolu f’waqtu għall-applikazzjoni tal-kriterji kwantitattivi. Fil-każijiet fejn tali kalkolu f’waqtu ma jkunx aktar possibbli, jenħtieġ li jintuża l-ewwel metodu. Kemm skont l-ewwel metodu kif ukoll skont it-tieni, ir-rimunerazzjoni varjabbli tista’ tinkludi ammonti li jingħataw fuq il-bażi ta’ perjodi ta’ prestazzjoni li jkunu itwal minn sena, skont il-kriterji tal-prestazzjoni użati mid-ditta tal-investiment.

(8)

Jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu kwantitattiv ta’ EUR 500 000 għall-identifikazzjoni tal-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa. Ir-rimunerazzjoni li tkun aktar minn dak il-limitu kwantitattiv jew li tammonta għal waħda mill-ogħla rimunerazzjonijiet fid-ditta tal-investiment tistabbilixxi għalhekk preżunzjoni qawwija li l-attivitajiet tal-membri tal-persunal li jirċievu tali rimunerazzjoni għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa, u li f’dak il-każ, jenħtieġ li jiġi applikat aktar skrutinju superviżorju biex jiġi stabbilit jekk l-attivitajiet professjonali ta’ tali membri tal-persunal għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa.

(9)

Madankollu, jenħtieġ li tali preżunzjonijiet ibbażati fuq kriterji kwantitattivi ma japplikawx meta d-ditti tal-investiment jistabbilixxu fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi addizzjonali li tali membri tal-persunal ma jkollhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa, filwaqt li jitqiesu r-riskji kollha li għalihom hija jew tista’ tkun esposta d-ditta tal-investiment. Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk il-kriterji oġġettivi, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li japprovaw l-esklużjoni tal-membri tal-persunal bl-ogħla qligħ identifikati jew ta’ dawk il-membri tal-persunal b’rimunerazzjoni mogħtija ta’ aktar minn EUR 750 000. Għall-membri tal-persunal li jingħataw aktar minn EUR 1 000 000 (persuni li jaqilgħu pagi għoljin), l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jinfurmaw lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) qabel japprovaw l-esklużjonijiet, sabiex l-EBA tkun tista’ tiżgura l-applikazzjoni konsistenti ta’ dawk il-kriterji.

(10)

Li jkun fl-istess kategorija ta’ rimunerazzjoni bħal maniġment superjuri jew dawk li jieħdu r-riskji jista’ jkun ukoll indikatur li l-attivitajiet professjonali tal-membru tal-persunal ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa. Għal dak il-għan, ir-rimunerazzjoni mħallsa lill-persunal fil-funzjonijiet ta’ kontroll, fil-funzjonijiet ta’ appoġġ u lill-membri tal-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu jenħtieġ li ma tiġix ikkunsidrata. Fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju kwantitattiv, jenħtieġ li jitqies ukoll li l-livelli ta’ ħlas ivarjaw bejn il-ġuriżdizzjonijiet. Id-ditti tal-investiment jenħtieġ li jitħallew juru li l-membri tal-persunal li jaqgħu fil-kategorija ta’ rimunerazzjoni, iżda li ma jissodisfaw l-ebda wieħed mill-kriterji kwalitattivi jew kwantitattivi oħra, ma jkollhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa, filwaqt li jitqiesu r-riskji kollha li għalihom id-ditta tal-investiment hija jew tista’ tkun esposta.

(11)

Sabiex l-awtoritajiet kompetenti u l-awdituri jkunu jistgħu jwettqu rieżami tal-valutazzjonijiet imwettqa mid-ditti tal-investiment biex jidentifikaw lill-membri tal-persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa, huwa kritiku li d-ditti tal-investiment iżommu rekords tal-valutazzjonijiet li jkunu saru u tar-riżultati tagħhom, inklużi tal-membri tal-persunal li jkunu ġew identifikati skont kriterji bbażati fuq ir-rimunerazzjoni totali tagħhom iżda li l-attivitajiet professjonali tagħhom jiġu vvalutati bħala li ma għandhomx impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa.

(12)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentati lill-Kummissjoni mill-EBA wara li tkun ikkonsultat lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

(13)

L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament u analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“responsabbiltà maniġerjali” tfisser sitwazzjoni li fiha membru tal-persunal imexxi unità tan-negozju jew funzjoni ta’ kontroll u huwa responsabbli direttament lill-korp maniġerjali fl-intier tiegħu jew lil membru tal-korp maniġerjali jew lill-maniġment superjuri;

(2)

“funzjoni ta’ kontroll” tfisser funzjoni li hija indipendenti mill-unità tan-negozju li tikkontrolla u li hija responsabbli li tipprovdi valutazzjoni oġġettiva tar-riskji tad-ditta tal-investiment, twettaq rieżami tagħhom jew tirrapporta dwarhom, inklużi l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, il-funzjoni tal-konformità u l-funzjoni tal-awditjar intern, iżda mhux limitata għalihom biss;

(3)

“unità tan-negozju” tfisser unità tan-negozju kif iddefinit fl-Artikolu 142(1), il-punt (3), tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-kriterji

1.   Fil-każijiet fejn dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi individwali f’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, għandha tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament skont il-profil tar-riskju individwali tad-ditta tal-investiment.

2.   Fil-każijiet fejn dan ir-Regolament jiġi applikat fuq bażi konsolidata f’konformità mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2019/2034, għandha tiġi vvalutata l-konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dan ir-Regolament skont il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment fuq bażi konsolidata.

3.   Fil-każijiet fejn l-Artikolu 4(1), il-punt (a) jiġi applikat fuq bażi individwali, għandha titqies ir-rimunerazzjoni mogħtija mid-ditta tal-investiment.

4.   Fil-każijiet fejn l-Artikolu 4(1), il-punt (a) jiġi applikat fuq bażi konsolidata, id-ditta tal-investiment tal-konsolidazzjoni għandha tqis ir-rimunerazzjoni mogħtija minn kwalunkwe entità li taqa’ fl-ambitu tal-konsolidazzjoni.

5.   L-Artikolu 4(1), il-punt (b), għandu japplika biss fuq bażi individwali.

6.   L-Artikolu 4(1), il-punt (c), għandu japplika fuq bażi individwali u konsolidata.

Artikolu 3

Kriterji kwalitattivi

Il-membri tal-persunal għandhom jitqiesu li jkollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ ditta tal-investiment jew fuq dak tal-assi li timmaniġġa meta jiġu ssodisfati wieħed jew aktar mill-kriterji kwalitattivi li ġejjin:

(a)

il-membru tal-persunal ikun membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni tal-immaniġġar tiegħu;

(b)

il-membru tal-persunal ikun membru tal-korp maniġerjali fil-funzjoni superviżorja tiegħu;

(c)

il-membru tal-persunal ikun membru tal-maniġment superjuri;

(d)

f’ditti tal-investiment b’karta tal-bilanċ totali ta’ EUR 100 miljun jew aktar, il-membri tal-persunal b’responsabbiltà maniġerjali għall-unitajiet tan-negozju li qed jipprovdu mill-inqas wieħed mis-servizzi li jeħtieġu awtorizzazzjoni elenkata fil-punti minn (2) sa (7) tat-Taqsima A tal-Anness I, għad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(e)

il-membru tal-persunal ikollu responsabbiltajiet maniġerjali għall-attivitajiet ta’ funzjoni ta’ kontroll;

(f)

il-membru tal-persunal ikollu responsabbiltajiet maniġerjali għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(g)

il-membru tal-persunal ikun responsabbli għall-immaniġġar ta’ riskju materjali kif imsemmi fl-Artikolu 28(3) tad-Direttiva (UE) 2019/2034 fid-ditta tal-investiment jew ikun membru bi dritt ta’ vot ta’ kumitat responsabbli għall-immaniġġar ta’ riskju materjali li għalih tkun esposta d-ditta tal-investiment;

(h)

f’ditta tal-investiment li tkun awtorizzata tipprovdi mill-inqas wieħed mis-servizzi elenkati fil-punti minn (2) sa (7) tat-Taqsima A tal-Anness I għad-Direttiva 2014/65/UE, il-membru tal-persunal huwa responsabbli għall-immaniġġar ta’ waħda mill-attivitajiet li ġejjin:

(i)

l-analiżi ekonomika;

(ii)

it-teknoloġija tal-informazzjoni;

(iii)

is-sigurtà tal-informazzjoni;

(iv)

l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ta’ funzjonijiet kritiċi jew importanti kif imsemmi fl-Artikolu 30(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 (8).

(i)

il-membru tal-persunal ikun jissodisfa wieħed mill-kriterji li ġejjin fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-approvazzjoni tal-introduzzjoni ta’ prodotti ġodda, jew it-tqegħid ta’ veto fuqhom:

(i)

il-membru tal-persunal ikollu awtorità jieħu tali deċiżjonijiet;

(ii)

il-membru tal-persunal ikun membru bi dritt ta’ vot ta’ kumitat li jkollu l-awtorità jieħu deċiżjonijiet bħal dawn.

Artikolu 4

Kriterji kwantitattivi

1.   Soġġett għall-paragrafi minn 2 sa 5, membru tal-persunal għandu jitqies li għandu impatt materjali fuq il-profil tar-riskju ta’ ditta tal-investiment jew fuq dak tal-assi li timmaniġġa meta jiġi ssodisfat kwalunkwe wieħed mill-kriterji kwantitattivi li ġejjin:

(a)

il-membru tal-persunal ikun ingħata rimunerazzjoni totali li tkun daqs jew akbar minn EUR 500 000 fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha;

(b)

fil-każijiet fejn id-ditta tal-investiment ikollha aktar minn 1 000 membru tal-persunal, il-membru tal-persunal ikun jaqa’ fiż-0,3 % tal-persunal, aġġustat għan-numru sħiħ ogħla li jmiss, li jkun, fid-ditta tal-investiment, ingħata l-ogħla rimunerazzjoni totali fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha;

(c)

il-membru tal-persunal kien ingħata, fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha, rimunerazzjoni totali li hija daqs jew akbar mill-inqas rimunerazzjoni totali mogħtija f’dik is-sena finanzjarja lil membru tal-persunal li jissodisfa wieħed jew aktar mill-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, il-punti (a), (c), (d), (h) jew (i).

2.   Il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw meta d-ditta tal-investiment tiddetermina li l-membru tal-persunal, jew il-kategorija tal-persunal li għaliha jappartjeni l-membru tal-persunal, ma jkollha l-ebda impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew tal-assi li timmaniġġa.

3.   Il-kundizzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi li jqisu r-riskji rilevanti kollha u l-indikaturi tal-prestazzjoni użati mid-ditta tal-investiment biex ikunu identifikati, immaniġġati u mmonitorjati r-riskji skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva (UE) 2019/2034 u fuq il-bażi tad-dmirijiet u tal-awtoritajiet tal-membru tal-persunal jew tal-kategoriji tal-persunal u l-impatt tagħhom fuq il-profil tar-riskju tad-ditta tal-investiment jew dak tal-assi li timmaniġġa, meta mqabbel mal-impatt tal-attivitajiet professjonali ta’ membri tal-persunal identifikati skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.

4.   L-applikazzjoni tal-paragrafu 2 minn ditta tal-investiment, fir-rigward ta’ membru tal-persunal imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), jew membru tal-persunal li jkun ingħata rimunerazzjoni totali ta’ EUR 750 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha, għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali ta’ dik id-ditta tal-investiment.

L-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha minn qabel biss meta d-ditta tal-investiment tkun tista’ turi li l-kundizzjoni stabbilita fil-paragrafu 2 tkun issodisfata, wara li jitqiesu l-kriterji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3.

5.   Fil-każijiet fejn il-membru tal-persunal ikun ingħata rimunerazzjoni totali ta’ EUR 1 000 000 jew aktar fis-sena finanzjarja preċedenti jew għaliha, l-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni tagħha minn qabel skont il-paragrafu 4 f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss. Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan il-paragrafu, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-EBA qabel ma tagħti l-approvazzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali membru tal-persunal.

L-eżistenza ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali għandha tintwera mid-ditta tal-investiment u tiġi vvalutata mill-awtorità kompetenti. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu sitwazzjonijiet mhux tas-soltu, rari ħafna jew differenti ferm minn dawk tas-soltu. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandhom ikunu relatati mal-membru tal-persunal ikkonċernat.

Artikolu 5

Kalkolu tar-rimunerazzjoni totali mogħtija

1.   L-ammonti kollha tar-rimunerazzjoni varjabbli u fissa għandhom jiġu kkalkolati fuq bażi gross u fuq bażi ekwivalenti għal full time.

2.   Il-politiki tar-rimunerazzjoni tad-ditti tal-investiment għandhom jistabbilixxu s-sena ta’ referenza għar-rimunerazzjoni varjabbli meqjusa minnhom meta jikkalkulaw ir-rimunerazzjoni totali. Dik is-sena ta’ referenza għandha tkun jew is-sena li tippreċedi s-sena finanzjarja meta tingħata r-rimunerazzjoni varjabbli jew inkella s-sena li tippreċedi s-sena finanzjarja li għaliha tingħata r-rimunerazzjoni varjabbli.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 314, 5.12.2019, p. 64.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/923 tal-25 ta’ Marzu 2021 li jissupplimenta d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jistabbilixxu l-kriterji biex jiġu definiti r-responsabbiltà maniġerjali, il-funzjonijiet ta’ kontroll, unità tan-negozju materjali u impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tal-unità tan-negozju rilevanti, u li jistabbilixxu l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-membri tal-persunal jew kategoriji ta’ persunal li l-attivitajiet professjonali tiegħu għandhom impatt fuq il-profil tar-riskju tal-istituzzjonijiet li b’mod komparabbli huwa materjali daqs dak tal-membri tal-persunal jew tal-kategoriji ta’ persunal imsemmija fl-Artikolu 92(3) ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 203, 9.6.2021, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(7)  Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(8)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/565 tal-25 ta’ April 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward rekwiżiti organizzazzjonali u kundizzjonijiet għall-operat għal ditti tal-investiment u termini definiti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 87, 31.3.2017, p. 1).