European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/397

23.11.2023

P9_TA(2023)0070

L-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew – ir-rapport annwali 2021

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2023 dwar ir-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2021 (2022/2141(INI))

(C/2023/397)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2021,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 24(3), 228 u 298(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”),

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2021/1163 tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi r-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman (Statut tal-Ombudsman Ewropew) u li jħassar id-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom (1),

—

wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

—

wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas ta' Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2022 dwar l-involviment maċ-ċittadini: id-dritt ta' petizzjoni, id-dritt ta' referenza għall-Ombudsman Ewropew u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (2),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 54 u 232(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A9-0054/2023),

A.

billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2021 ġie ppreżentat formalment lill-President tal-Parlament Ewropew fis-7 ta' Ġunju 2022 u billi l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport tagħha lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fit-8 ta' Settembru 2022 fi Brussell;

B.

billi l-Artikoli 20, 24 u 228 tat-TFUE u l-Artikolu 43 tal-Karta jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' lmenti li jikkonċernaw każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha;

C.

billi l-Artikolu 15 TFUE jistipula li “sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ” u “kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandha jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”; billi l-iżgurar li ċ-ċittadini tal-UE jirċievu servizzi ta' kwalità għolja u li l-amministrazzjoni tal-UE tirrispondi għall-bżonnijiet u l-preokupazzjonijiet tagħhom huwa essenzjali sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini;

D.

billi l-Artikolu 41 tal-Karta, relatat mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, jgħid fost l-oħrajn li “kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni”;

E.

billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jistabbilixxi li “fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti”;

F.

billi d-dritt ta' rikors għall-Ombudsman Ewropew, id-dritt ta' petizzjoni, u l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma għodod parteċipatorji li jrawmu t-trasparenza, id-demokrazija parteċipattiva u ċ-ċittadinanza Ewropea attiva;

G.

billi fl-2021 l-Ombudsman għinet lil 20 536 persuna u fetħet 338 inkjesta, li minnhom 332 kienu bbażati fuq ilmenti u 6 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 305 inkjesta (300 bbażati fuq ilmenti u 5 inkjesti fuq inizjattiva proprja); billi ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (208 inkjesti jew 61,5 %); billi l-akbar numri sussegwenti kienu jikkonċernaw lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (16-il inkjesta jew 4,7 %), il-Parlament (13-il inkjesta jew 3,8 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (13-il inkjesta jew 3,8 %), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) (11-il inkjesta jew 3,3 %), l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (8 inkjesti jew 2,4 %), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (7 inkjesti jew 2,1 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (6 inkjesti jew 1,8 %), u istituzzjonijiet oħra (34 inkjesta jew 10,1 %);

H.

billi t-tliet punti ta' tħassib ewlenin fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2021 kienu t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont (l-aċċess għall-informazzjoni u d-dokumenti) (29 %), il-kultura tas-servizz (26 %) u l-użu xieraq tas-setgħat diskrezzjonali (inkluż fil-proċeduri ta' ksur) (18 %); billi tħassib ieħor jinkludi r-rispett għad-drittijiet proċedurali, ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, il-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE, il-ġestjoni finanzjarja tajba, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, kwistjonijiet etiċi, u l-iżvelar ta' informazzjoni protetta dwar l-amministrazzjoni tal-UE;

I.

billi, fil-kuntest tax-xogħol strateġiku tiegħu fl-2021, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ sitt inkjesti strateġiċi ġodda: dwar il-mod li bih il-Kummissjoni Ewropea timmaniġġja movimenti “revolving doors” tal-membri tal-persunal tagħha; dwar it-trasparenza tal-interazzjonijiet tal-Kummissjoni mar-rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk; dwar kif il-Frontex tikkonforma mal-obbligi tagħha tad-drittijiet fundamentali u tiżgura l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tar-responsabbiltajiet imsaħħa tagħha; dwar kif l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ttrattat l-applikazzjoni mill-ex kap eżekuttiv tagħha biex jieħu pożizzjoni għolja f'Airbus; dwar kif il-Kummissjoni timmonitorja l-fondi tal-UE użati biex jippromwovu d-dritt tal-persuni b'diżabilità u tal-persuni akbar fl-età għal għajxien indipendenti; u dwar kif il-Bank Ewropew tal-Investiment iżomm ċerta informazzjoni personali dwar l-applikanti għal impjieg qabel ma jieħu deċiżjonijiet ta' reklutaġġ;

J.

billi f'inkjesta wiesgħa dwar ir-“revolving doors” li tkopri kampjun ta' 100 deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fl-2019-2021, l-Ombudsman sabet li l-Kummissjoni pprojbiet biss żewġ attivitajiet;

K.

billi l-2021 kienet l-għoxrin anniversarju mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (3) (ir-Regolament dwar it-Trasparenza) dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti; billi fl-2021 l-Ombudsman għamlet l-aċċess għad-dokumenti prijorità għall-Uffiċċju matul is-sena, peress li t-trasparenza tibqa' s-suġġett ewlieni tal-ilmenti u l-prijorità għall-ħidma tagħha; billi l-Ombudsman ospitat konferenza pubblika dwar kif ir-Regolament dwar it-Trasparenza għandu jiġi mmodernizzat biex jissodisfa l-ħtiġijiet pubbliċi f'dan il-qasam;

L.

billi l-QĠUE ddeċidiet bosta drabi li hija preċiżament it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv li tikkontribwixxi għall-għoti ta' leġittimità akbar lill-istituzzjonijiet f'għajnejn iċ-ċittadini tal-UE u żżid il-fiduċja tagħhom billi tippermetti li d-diverġenzi bejn diversi fehmiet jiġu diskussi fil-miftuħ; billi l-QĠUE stipulat li fil-fatt huwa n-nuqqas ta' informazzjoni u ta' dibattitu li jista' jqajjem dubji f'moħħ iċ-ċittadini u jiffaċilita t-tixrid ta' informazzjoni ħażina, mhux biss fir-rigward tal-legalità ta' att iżolat, iżda wkoll fir-rigward tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet kollu kemm hu (4);

M.

billi t-titjib tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-iżgurar tat-trasparenza fil-livell tal-UE huma essenzjali biex jingħalaq id-distakk perċepit bejn l-UE, l-istituzzjonijiet tagħha, iċ-ċittadini tagħha u l-organizzazzjonijiet rappreżentanti, filwaqt li jingħelbu l-livelli baxxi ta' fiduċja u kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-UE u tinkiseb demokrazija reali f'diversi livelli; billi l-Ombudsman għandha rwol ewlieni fl-għeluq ta' dan id-distakk;

N.

billi l-ilmenti taċ-ċittadini lill-Ombudsman huma komponent essenzjali tad-demokrazija parteċipattiva u tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Unjoni peress li jippromwovu t-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE; billi r-rwol tal-Ombudsman żviluppa matul is-snin u issa jippermettilu juża setgħat ta' inizjattiva proprja biex jgħin fl-indirizzar ta' problemi sistemiċi fl-amministrazzjoni tal-UE u jagħmel rakkomandazzjonijiet għal titjib bil-ħsieb li jiġu solvuti il-problemi f'diversi każijiet ta' amministrazzjoni ħażina, u b'hekk ikollu rwol dejjem aktar importanti fil-ħajja taċ-ċittadini fejn jidħlu kwistjonijiet bħall-ambjent, il-migrazzjoni u s-saħħa;

O.

billi f'każijiet li fihom ilment jaqa' barra mill-ambitu tal-mandat tagħha, l-Ombudsman għandu jagħti parir lill-persuna li ressqet l-ilment tirreferi l-ilment lil awtorità oħra jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet;

P.

billi l-QĠUE enfasizzat li l-mudell demokratiku adottat mill-UE għandu żewġ dimensjonijiet: id-demokrazija rappreżentattiva, ibbażata fuq l-Artikolu 10(1) u (2) tat-TUE, u d-demokrazija parteċipattiva, abbażi tal-Artikolu 10(3) tat-TUE; billi l-ewwel dimensjoni timplika li r-rappreżentanti taċ-ċittadini huma responsabbli għad-deċiżjonijiet li jieħdu u t-tieni dimensjoni tippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw fil-proċess deċiżjonali; billi l-QĠUE stipulat li t-trasparenza hija pertinenti fiż-żewġ dimensjonijiet (5);

Q.

billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2021, l-Uffiċċju tal-Ombudsman fetaħ l-inizjattivi strateġiċi u ġodda tiegħu stess dwar kif l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-organi u l-aġenziji tal-UE jirreġistraw it-test u l-messaġġi istantanji mibgħuta/riċevuti mill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom; dwar l-intelliġenza artifiċjali u l-amministrazzjoni tal-UE; dwar id-dmir tal-amministrazzjoni tal-UE li tinforma lill-pubbliku dwar kif teżerċita d-dritt ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE; dwar it-trasparenza tal-portal tal-UE għall-ġestjoni tal-offerti għal kuntratti mogħtija mill-istituzzjonijiet tal-UE; dwar l-obbligi ta' trasparenza tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-rieżami li jmiss tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-tabakk; dwar kif il-Kummissjoni tagħmel disponibbli informazzjoni dwar laqgħat bejn kummissarji u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom; u dwar kif il-Kummissjoni tiżgura r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

R.

billi l-QĠUE, b'referenza għall-għoti lill-pubbliku tal-akbar aċċess possibbli għal dokumenti tal-UE, iddikjarat li t-trasparenza f'dak ir-rigward tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jagħmlu skrutinju tal-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta' att leġiżlattiv; billi l-QĠUE ssostni li l-possibbiltà għaċ-ċittadini li jsiru jafu l-bażi tal-azzjonijiet leġiżlattivi hija kundizzjoni tal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet demokratiċi tagħhom (6);

S.

billi l-QĠUE interpretat l-Artikolu 10(3) tat-TUE fis-sens li, f'sistema bbażata fuq il-prinċipju tal-leġittimità demokratika, il-koleġiżlaturi jridu jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom lejn il-pubbliku; billi l-QĠUE stipulat li, biex l-eżerċizzju miċ-ċittadini tad-drittijiet demokratiċi tagħhom ikun possibbli, dan jippresupponi l-possibbiltà tagħhom li jsegwu fid-dettall il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet li jipparteċipaw fil-proċeduri leġiżlattivi u li jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha (7);

1.

Japprova r-rapport annwali għall-2021 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u jfaħħar il-preżentazzjoni eċċellenti tagħha tal-aktar fatti u ċifri importanti rigward il-ħidma tal-Ombudsman fl-2021;

2.

Jifraħ lil Emily O'Reilly, u l-uffiċċju tagħha, dwar il-ħidma notevoli u l-isforzi kostruttivi tagħhom li jsibu bilanċ bejn id-dritt tal-istituzzjonijiet tal-UE li jaħdmu u l-interess pubbliku f'amministrazzjoni tal-UE li taħdem bl-ogħla standards ta' integrità u ta' obbligu ta' rendikont; jifirħilhom talli saħħew id-demokrazija rappreżentattiva u parteċipattiva, filwaqt li tejbu l-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u l-leġittimità tiegħu; jirrikonoxxi li l-ħidma tal-Ombudsman wasslet għal bidliet pożittivi fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni;

3.

Japprezza r-relazzjonijiet eċċellenti bejn l-Ombudsman Emily O'Reilly u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fl-2021; japprezza l-kollaborazzjoni b'saħħitha bejn iż-żewġ korpi bħala għodda importanti fiż-żieda tar-rendikont demokratiku tal-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar li r-relazzjonijiet mal-Ombudsman Ewropew huma fost ir-responsabbiltajiet li r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jagħtu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet; japprezza l-interess komuni li jidher f'bosta riżoluzzjonijiet ibbażati fuq l-inkjesti tal-Ombudsman, b'mod partikolari fir-rigward tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tal-amministrazzjoni tal-UE fil-kuntest tal-COVID-19;

4.

Jilqa' l-inizjattivi mwettqa mill-Ombudsman biex issir taf kif l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE jistgħu jagħmlu liċ-ċittadini konxji mid-dritt ta' aċċess pubbliku għad-dokumenti; jilqa' l-konferenza pubblika dwar il-futur tar-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti organizzata mill-Uffiċċju tal-Ombudsman fi Brussell fil-15 ta' Novembru 2021 bit-titolu “Aċċess għad-dokumenti tal-UE: xi jmiss?”;

5.

Jifraħ lill-Ombudsman għall-isforzi tagħha biex tippubblika gwida qasira għall-amministrazzjoni tal-UE dwar liema politiki u l-prattiki jenħtieġ li timplimenta biex tagħti effett lid-dritt għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE; jifraħ lill-Ombudsman għall-parir mogħti permezz tal-Gwida Interattiva disponibbli fuq is-sit web tal-Ombudsman;

6.

Jemmen bis-sħiħ li l-aċċess taċ-ċittadini għad-dokumenti kollha tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-organi u l-aġenziji Ewropej huwa l-bażi ta' demokrazija parteċipattiva u jgħin biex jittejjeb l-għarfien pubbliku tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-appoġġ għalihom; jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman biex ittejjeb il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE u l-leġittimità tiegħu; jirrimarka li d-dritt li titressaq kwistjoni lill-Ombudsman iżid l-involviment taċ-ċittadini mal-istituzzjonijiet tal-UE u l-fiduċja fihom, għaliex jippromwovi t-trasparenza u l-amministrazzjoni tajba tal-istituzzjonijiet u tal-korpi tal-UE;

7.

Ifakkar li l-QĠUE issottolinjat li r-rekwiżit tal-imparzjalità, li jorbot lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-organi u l-aġenziji fit-twettiq tal-kompiti tagħhom, huwa maħsub biex jiggarantixxi trattament ugwali, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li dan ir-rekwiżit għandu l-għan li jevita sitwazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess potenzjali u jkopri kwalunkwe ċirkostanza li uffiċjal jew aġent jintalab jiddeċiedi dwarha, minħabba l-importanza fundamentali tal-garanzija tal-indipendenza u l-integrità kemm fir-rigward tal-funzjonament intern kif ukoll tal-immaġni esterna tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-organi u l-aġenziji tal-Unjoni (8);

8.

Iqis li huwa importanti ħafna li tkompli tiġi pprovduta liċ-ċittadini tal-UE informazzjoni adegwata dwar ir-rwol u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet tal-Ombudsman u dwar l-influwenza tagħha fuq l-iżvilupp tal-istituzzjonijiet tal-UE;

9.

Ifakkar li wieħed mill-modi kif titjieb il-perċezzjoni li ċ-ċittadini għandhom tal-UE huwa billi din issir aktar aċċessibbli, komprensibbli u trasparenti għalihom; jemmen li l-fatt li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jżommu lill-gvernijiet tagħhom responsabbli jsaħħaħ id-drittijiet demokratiċi taċ-ċittadini u jżid il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa biex tiggarantixxi l-ogħla livell possibbli ta' trasparenza; jesprimi dispjaċir kbir li, minkejja d-diversi appelli mill-Parlament u l-Ombudsman, il-ħidma attwali tal-Kunsill għadha mtappna minn nuqqas ta' trasparenza u ċ-ċittadini ma għandhomx aċċess xieraq għal dokumenti leġiżlattivi prodotti mill-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jikkonforma mal-istandards ta' trasparenza ta' demokrazija kif meħtieġ skont it-Trattati u rrakkomandat mill-Ombudsman fir-Rapport speċjali tagħha ta' Mejju 2018 (9);

10.

Jenfasizza li s-sena 2021 immarkat l-għoxrin anniversarju mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar it-Trasparenza; jilqa' l-enfasi speċjali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fuq din il-kwistjoni matul l-2021; jinnota li din is-sistema ħalliet effetti pożittivi iżda tista' tiġi aġġustata biex tadatta aħjar għall-iżviluppi teknoloġiċi; jinnota bi tħassib li l-leġiżlazzjoni attwali dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE hija ferm obsoleta minħabba l-avvanzi teknoloġiċi fl-aħħar deċennji fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, mezzi ġodda ta' komunikazzjoni u modi differenti ta' reġistrazzjoni, ġestjoni u ħażna ta' informazzjoni; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rieżaminat ir-Regolament dwar it-Trasparenza sabiex l-UE titqiegħed fuq quddiem tal-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-UE u tat-trasparenza demokratika għaċ-ċittadini; jilqa' l-kontribut tal-Ombudsman għar-Regolament dwar it-Trasparenza u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-kumitat rilevanti fil-Parlament jieħdu dan inkunsiderazzjoni;

11.

Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni, kif iddikjarat mill-Viċi President Věra Jourová matul il-konferenza pubblika l-“Aċċess għad-dokumenti tal-UE: xi jmiss?” li saret fil-15 ta' Novembru 2021, tinsab lesta li tkompli l-ħidma leġiżlattiva dwar l-aċċess għad-dokumenti fi sħubija mal-koleġiżlaturi;

12.

Jenfasizza li l-fatt li l-Ombudsman nediet inizjattiva strateġika dwar kif l-amministrazzjoni tirreġistra messaġġi testwali u istantanji li jintbagħtu minn/jaslu lill-membri tal-persunal fil-kapaċità professjonali tagħhom; jappoġġja l-impenn tal-Ombudsman li ttejjeb il-mod kif l-amministrazzjoni tal-UE tittratta l-messaġġi testwali u istantanji u teknoloġiji ġodda oħra bħala parti mill-obbligi ta' trasparenza tagħha;

13.

Jinnota l-inkjesta tal-Ombudsman dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni Ewropea li tagħti aċċess pubbliku għal messaġġi testwali skambjati bejn il-President tal-Kummissjoni u s-CEO ta' kumpanija farmaċewtika dwar ix-xiri ta' vaċċini tal-COVID-19; ifakkar li l-messaġġi testwali li l-kontenut tagħhom jirrelata mal-politiki, l-attivitajiet u d-deċiżjonijiet li jaqgħu fl-isfera ta' responsabbiltà tal-istituzzjoni, jitqiesu dokumenti tal-UE skont ir-Regolament dwar it-Trasparenza; jistieden lill-Kummissjoni tilħaq bis-sħiħ il-prinċipji tal-etika, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej;

14.

Jenfasizza l-inkjesta tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni ttrattat talba għal aċċess pubbliku għal dokumenti dwar il-kwalità tal-maskri mediċi distribwiti fir-rebbiegħa tal-2020 matul il-pandemija tal-COVID-19; jinnota bi tħassib li fiż-żmien meta saret it-talba u matul kriżi tas-saħħa pubblika, il-Kummissjoni ma żguratx l-ogħla livell ta' trasparenza meħtieġ;

15.

Jisħaq fuq il-bżonn li tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-2016 għat-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv; jilqa' l-istedina tal-Ombudsman għal trasparenza akbar fit-trilogi filwaqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' bilanċ tajjeb bejn it-trasparenza u l-isfidi u s-sensittivitajiet partikolari involuti biex jintlaħqu kompromessi dwar proposti leġiżlattivi; itenni l-istedina tiegħu li tiġi ppubblikata wkoll qabel jew ftit wara l-laqgħat tat-trilogi, dokumentazzjoni inkluż kalendarji, aġendi, minuti, dokumenti eżaminati, emendi u informazzjoni dwar id-delegazzjonijiet tal-Istati Membri u l-pożizzjonijiet u l-minuti tagħhom, f'ambjent online standardizzat u faċilment aċċessibbli, b'mod awtomatiku skont ir-Regolament dwar it-Trasparenza u f'konformità mal-każistika tal-QĠUE;

16.

Jilqa' l-inkjesta strateġika wiesgħa tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni tittratta sitwazzjonijiet ta' “revolving doors” kif ukoll l-inkjesti tal-Ombudsman dwar “revolving doors” f'korpi oħra tal-Unjoni Ewropea, bħall-Bank Ewropew tal-Investiment jew l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; ifakkar li ġestjoni xierqa tal-kwistjoni tar-revolving doors hija essenzjali biex tinżamm il-fiduċja fl-istituzzjonijiet tal-UE; itenni l-appell tiegħu lill-Ombudsman biex tkompli bix-xogħol tagħha biex tiżgura l-pubblikazzjoni f'waqtha tal-ismijiet tal-uffiċjali anzjani tal-UE involuti f'każijiet ta' “revolving doors” u biex tiggarantixxi t-trasparenza sħiħa fir-rigward tal-informazzjoni relatata kollha; jistieden lill-Kummissjoni tirfina r-regoli dwar ir-revolving doors u l-kunflitt ta' interess u tiżgura li jiġu implimentati regoli b'saħħithom fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

17.

Jifraħ lill-Ombudsman għall-inkjesta dwar kif il-Kummissjoni ttrattat it-tħassib b'rabta mal-kompożizzjoni tal-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-UE, u kkonkluda li l-miżuri tal-Kummissjoni biex timmitiga l-kunflitti ta' interess potenzjali rriżultaw f'sebgħa biss mit-28 membru tal-grupp li kienu verament indipendenti; jenfasizza li nstab li seħħet amministrazzjoni ħażina f'dan il-każ; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-aktar regoli etiċi stretti sabiex tipprevjeni kunflitti ta' interess u tieħu passi ulterjuri biex tindirizza r-“revolving doors”, b'konformità sħiħa mar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman;

18.

Jilqa' l-inkjesta strateġika tal-Ombudsman biex tevalwa kif il-Kummissjoni tassigura li l-interazzjonijiet tagħha mal-lobbisti tat-tabakk ikunu trasparenti. jiddispjaċih li, bl-eċċezzjoni tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari (DĠ SANTE) u d-Direttorat Ġenerali tagħha għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali (DĠ TAXUD), il-Kummissjoni għadha qed tonqos milli tiżgura trasparenza sħiħa u proattiva dwar il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk; jiddispjaċih li dan in-nuqqas idgħajjef l-iskrutinju pubbliku sħiħ kif meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC);

19.

Jindika li, wara inkjesta dwar il-mekkaniżmu ta' lment tal-Frontex, fejn l-Ombudsman ġibdet l-attenzjoni lejn id-dewmien tal-aġenzija fit-twettiq tal-obbligi ġodda tagħha skont il-mekkaniżmu stess u l-obbligi tal-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali, l-Ombudsman fetħet inkjesta fuq inizjattiva proprja dwar kif il-Frontex tikkonforma mal-obbligu tad-drittijiet fundamentali tagħha u tassigura l-obbligu ta' rendikont b'rabta mar-responsabbiltà msaħħa tagħha; jenfasizza li din l-inkjesta fittxet li tikkjarifika kwistjonijiet relatati mal-obbligu ta' rendikont tal-operazzjonijiet konġunti tal-Frontex, ma' attivitajiet relatati mar-ritorni tal-migranti u mal-appoġġ tal-migrazzjoni fl-iskrinjar fil-fruntieri esterni tal-UE;

20.

Jilqa' l-ftuħ ta' inkjesta dwar ir-rwol tal-Kummissjoni fil-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tal-proġetti tal-gass imniżżla bħala proġetti ta' sinifikat reġjonali mill-Komunità tal-Enerġija – li tgħaqqad lill-UE, lill-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent, lill-pajjiżi fir-Reġjun tal-Baħar l-Iswed, u lin-Norveġja – wara lment minn organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, li ddenunzjat li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura li s-sostenibbiltà tal-proġetti tal-gass tiġi vvalutata sew qabel ma jiġu inklużi fil-lista; ifakkar li dawn il-proġetti ġew evalwati skont metodoloġija li kienet tintuża qabel mill-Kummissjoni għal-lista ta' Proġetti ta' Interess Komuni tagħha li issa ma għadhiex adegwata u ma għadhiex tintuża; iqis li, b'mod partikolari fil-kuntest ġeopolitiku tal-enerġija attwali, il-proġetti tal-enerġija promossi jew iffinanzjati mill-UE jenħtieġ li jiġu evalwati bl-iktar mod trasparenti, konsistenti u parteċipattiv possibbli;

21.

Jilqa' d-dikjarazzjonijiet tal-Ombudsman dwar il-proċeduri kummerċjali, li jenfasizzaw bħala amministrazzjoni ħażina l-fatt li l-Kummissjoni ma ffinalizzatx “valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà” aġġornata qabel ma kkonkludiet in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Mercosur;

22.

Jenfasizza l-importanza tal-adozzjoni ta' statut aġġornat għall-Uffiċċju tal-Ombudsman f'Ġunju 2021; ifakkar li l-istatut il-ġdid jikkodifika ħafna mill-prattiki ta' ħidma tal-Uffiċċju f'dawn l-aħħar snin; jilqa' l-fatt li l-istatut rivedut jipprovdi qafas legali msaħħaħ għall-Uffiċċju u jintroduċi salvagwardji ġodda li jiggarantixxu aktar l-indipendenza tiegħu; jemmen bis-sħiħ li l-baġit allokat għall-Uffiċċju tal-Ombudsman jenħtieġlu jiġi emendat biex ikun żgurat li għandu r-riżorsi meħtieġ biex jittratta b'mod effettiv l-ammont ta' xogħol ġenerali u jkun kapaċi jkompli jaħdem b'mod kompetenti għas-servizz taċ-ċittadini Ewropej;

23.

Jifraħ lill-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-implimentazzjoni u r-reviżjoni tal-proċedura “rapida”, li tfittex li tittratta malajr l-aċċess pubbliku għall-ilmenti tad-dokumenti; jinnota li l-proċedura wriet riżultati eċċellenti, inkluż tnaqqis sinifikanti fiż-żminijiet tal-ipproċessar, żieda fl-għadd ta' lmenti dwar l-aċċess għad-dokumenti, u sodisfazzjon ġenerali tal-partijiet ikkonċernati bil-proċedura “rapida”;

24.

Jilqa' l-istrateġija ġdida għad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà ppreżentata mill-Kummissjoni fit-3 ta' Marzu 2021, li tkopri l-perjodu mill-2021 sal-2030 u tistabbilixxi l-qafas għall-implimentazzjoni tal-UNCRPD mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE;

25.

Jilqa' l-impenn tal-Ombudsman; jirrikonoxxi x-xogħol tagħha bħala membru tal-qafas tal-UE mmirat lejn il-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni korretta tal-UNCRPD mill-istituzzjonijiet tal-UE; jirrikonoxxi r-rwol tal-Ewropa bħala sieħeb globali fl-appoġġ tal-inklużjoni tal-persuni b'diżabbiltà;

26.

Jissottolinja r-riżultati ta' żewġ inkjesti dwar kif il-fondi tal-UE jintefqu fl-istituzzjonijiet tal-kura soċjali; jilqa' l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni timmonitorja l-fondi tal-UE użati biex jippromwovu d-dritt li wieħed jgħix indipendentement minn persuni b'diżabilità u persuni akbar fl-età;

27.

Jilqa' l-lista tal-aħjar prattiki fl-issodisfar tal-ħtiġijiet speċjali tal-membri tal-persunal b'diżabbiltà fil-kuntest tal-emerġenzi, imfassla b'riżultat ta' inizjattiva strateġika dwar kif il-Kummissjoni takkomoda l-ħtiġijiet speċjali tal-membri tal-persunal b'diżabbiltà fil-kuntest tal-COVID-19; Iħeġġeġ lill-Ombudsman u lill-uffiċċju tagħha jkomplu l-ħidma tagħhom favur il-persuni b'diżabilità u jiżguraw li dawn ikunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-dritt tagħhom li jirrikorru għand l-Ombudsman Ewropew;

28.

Jifraħ lill-Ombudsman dwar l-espansjoni tar-rwol tan-Network Ewropew tal-Ombudsmen (ENO) fil-bini tal-kapaċitajiet u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-istituzzjonijiet tal-ombudsmen tal-Istati Membri, tal-pajjiżi taż-ŻEE u tal-pajjiżi kandidati tal-UE; jifraħ lill-ENO dwar l-organizzazzjoni ta' webinars immirati b'enfasi fuq suġġetti differenti inkluż l-intelliġenza artifiċjali u l-gvern elettroniku fl-amministrazzjonijiet pubbliċi; il-mekkaniżmu ta' lment tal-Frontex u l-monitoraġġ tar-ritorni furzati; u l-kura istituzzjonali, l-użu tal-fondi tal-UE u t-tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19;

29.

Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-ombudsmen nazzjonali permezz tal-ENO; jemmen li huwa neċessarju li jiżdiedu l-interazzjonijiet u l-iskambji tal-aħjar prattiki mal-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u l-Ombudsman Ewropew kif ukoll bejniethom biex jiġi assigurat li ċ-ċittadini jkunu informati aħjar dwar id-drittijiet tagħhom u jkollhom gwida aħjar meta jressqu lmenti; jistieden lil dan in-network jikkunsidra r-rwol li l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali jista' jkollhom biex jinvolvu aktar liċ-ċittadini tal-UE fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE;

30.

Jifraħ lid-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej tal-Kummissjoni u lis-SEAE talli rebħu l-Premju għal Amministrazzjoni Tajba tal-Ombudsman Ewropew għall-2021 għall-isforzi konsiderevoli tagħhom tas-sena l-oħra biex jirripatrijaw aktar minn nofs miljun ċittadin tal-UE mitlufa madwar id-dinja minħabba l-pandemija tal-COVID-19;

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet kompetenti simili.

(1)   ĠU L 253, 16.7.2021, p. 1.

(2)   ĠU C 347, 9.9.2022, p. 110.

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.

(4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta' Lulju 2008, L-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill, C-39/05 P u C-52/05 P, ECLI:EU:C:2008:374, punt 59, u tat-22 ta' Marzu 2018, Emilio De Capitani vs Il-Parlament Ewropew, T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167, punt 78.

(5)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167, punt 41.

(6)  Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-39/05 P u C-52/05 P, ECLI:EU:C:2008:374, punt 46; u T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167, punt 80; tas-17 ta' Ottubru 2013, Il-Kunsill vs Access Info Europe, C-280/11 P, ECLI:EU:C:2013:671, punt 33; u tal-15 ta' Settembru 2016, Herbert Smith Freehills vs Il-Kunsill, T-710/14, ECLI EU:T:2016:494, punt 35.

(7)  Is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Marzu 2011, Access Info Europevs Il-Kunsill, T-233/09, ECLI:EU:T:2011:105, punt 69; u fil-kawża T-540/15, ECLI:EU:T:2018:167, punt 98.

(8)  Ara s-sentenza tat-12 ta' Ottubru 2022, — Vasallo Andrés vs il-Parlament, T-496/21, punt 21 (ECLI:EU:T:2022:628); is-sentenza tas-27 ta' Marzu 2019, Dr. August Wolff GmbH &Co. KG Arzneimittel u Remedia d.o.o. vs Il-Kummissjoni, C-680/16 P, punt 26 (ECLI:EU:C:2019:257).

(9)  Ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta strateġika OI/2/2017/TE dwar it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/397/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)