|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/970 |
23.5.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/970
tat-22 ta’ Mejju 2025
li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Billi:
|
(1) |
L-IPBC ddaħħal fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8. Skont l-Artikolu 86 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, ġie għalhekk ikkunsidrat bħala approvat skont dak ir-Regolament sat-30 ta’ Ġunju 2020, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE. |
|
(2) |
Fl-20 ta’ Diċembru 2018, ġiet ippreżentata applikazzjoni f’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (“l-applikazzjoni”). |
|
(3) |
Fil-11 ta’ April 2019, l-awtorità kompetenti li tevalwa tad-Danimarka għarrfet lill-Kummissjoni li kienet iddeċidiet, skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, li kienet meħtieġa evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti li tevalwa trid twettaq evalwazzjoni sħiħa tal-applikazzjoni fi żmien 365 jum mill-validazzjoni tagħha. |
|
(4) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa tista’, kif xieraq, teżiġi li l-applikant jipprovdi biżżejjed data biex titwettaq l-evalwazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. F’dak il-każ, il-perjodu ta’ 365 jum jiġi sospiż għal perjodu li ma jistax jaqbeż il-180 jum b’kollox, sakemm ma tkunx iġġustifikata sospensjoni itwal minħabba n-natura tad-data rikjesta jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali. |
|
(5) |
Fi żmien 270 jum minn meta tirċievi rakkomandazzjoni mill-awtorità kompetenti li tevalwa, l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (“l-Aġenzija”) trid tħejji opinjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva u tippreżentaha lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. |
|
(6) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1969 (3), ipposponiet id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 għall-31 ta’ Diċembru 2022 sabiex ikun hemm biżżejjed żmien biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni. |
|
(7) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1485 (4) ipposponiet għal darba oħra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 għall-31 ta’ Lulju 2025 minħabba l-ħtieġa li l-awtorità kompetenti li tevalwa tivvaluta d-data addizzjonali mitluba mill-applikant relatata mal-kriterji bil-għan li jiġu ddeterminati l-proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali għall-organiżmi mhux fil-mira. |
|
(8) |
L-awtorità kompetenti li tevalwa ppreżentat ir-rapport ta’ valutazzjoni tat-tiġdid lill-Aġenzija fil-5 ta’ Lulju 2024. L-Aġenzija qed tippjana li tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni dwar it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fl-ewwel kwart tal-2025. |
|
(9) |
Għaldaqstant, għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tal-applikant, l-approvazzjoni aktarx tiskadi qabel ma tkun ittieħdet deċiżjoni dwar it-tiġdid tagħha. Għalhekk jixraq li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tiġi posposta għal darba oħra għal perjodu ta’ żmien biżżejjed biex tkun tista’ tiġi eżaminata l-applikazzjoni. Filwaqt li jitqiesu l-limiti ta’ żmien biex l-Aġenzija tħejji u tippreżenta l-opinjoni tagħha u ż-żmien meħtieġ biex il-Kummissjoni tiddeċiedi jekk iġġeddidx l-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tiġi posposta għall-31 ta’ Lulju 2026. |
|
(10) |
Wara li tiġi posposta għal darba oħra d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni, l-IPBC jibqa’ approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1485 hi posposta għall-31 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Mejju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/528/oj.
(2) Id-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegћid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1998/8/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1969 tas-26 ta’ Novembru 2019 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 (ĠU L 307, 28.11.2019, p. 45; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2019/1969/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1485 tas-7 ta’ Settembru 2022 li tipposponi d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni tal-IPBC għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 8 f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 233, 8.9.2022, p. 81; ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/1485/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/970/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)