|
4.8.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 275/26 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta' Lulju 2023
dwar il-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem kif imsemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill “Irish Grass Fed Beef” (IĠP)
(2023/C 275/13)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2)(a) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-applikazzjoni tal-Irlanda biex l-isem “Irish Grass Fed Beef” jiġi rreġistrat bħala Indikazzjoni Ġeografika Protetta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Fil-21 ta’ Frar 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ oppożizzjoni inkluża d-dikjarazzjoni motivata ta’ oppożizzjoni relatata mir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq). L-oppożizzjoni tqieset li kienet ammissibbli. L-Irlanda u r-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) wettqu konsultazzjonijiet xierqa u laħqu ftehim li jemenda sostanzjalment id-Dokument Uniku. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, l-Irlanda bagħtet lill-Kummissjoni d-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti għall-ftehim milħuq mar-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq) fil-proċedura ta’ oppożizzjoni dwar l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Irish Grass Fed Beef” bħala indikazzjoni ġeografika protetta, inkluż id-Dokument Uniku emendat b’mod sostanzjali. |
|
(4) |
F’konformità mal-Artikolu 50 u mal-Artikolu 51(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat dik l-applikazzjoni u kkonkludiet li din tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament. |
|
(5) |
Sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-avviżi ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li d-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 50(2)(a) ta’ dak ir-Regolament għall-isem “Irish Grass Fed Beef” jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
IDDEĊIEDIET KIF ĠEJ:
Artikolu Uniku
Id-Dokument Uniku u r-referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott imsemmija fl-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 għall-isem “Irish Grass Fed Beef” (IĠP) (Nru tal-UE: PGI-IE+UK(NI)-02647 — 27.11.2020) għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
F’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-pubblikazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu għandha tagħti d-dritt ta’ oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni tal-isem “Irish Grass Fed Beef”.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Lulju 2023.
Għall-Kummissjoni
Janusz WOJCIECHOWSKI
Membru tal-Kummissjoni
ANNESS
DOKUMENT UNIKU
“Irish Grass Fed Beef”
Nru tal-UE: PGI-IE+UK(NI)-02647 – 27.11.2020
DOP () IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Irish Grass Fed Beef”
2. Stat Membru jew Pajjiż Terz
L-Irlanda
Ir-Renju Unit (l-Irlanda ta’ Fuq)
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 1.1 Laħam frisk (u l-ġewwieni)
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)
“Irish Grass Fed Beef” huwa l-isem mogħti liċ-ċanga friska u ffriżata bl-għadam u mingħajr għadam, inklużi karkassi, kwarti, qatgħat bl-għadam, qatgħat ewlenin mingħajr għadam, ikkapuljat taċ-ċanga ta’ dawk il-qatgħat, u pakketti għall-bejgħ bl-imnut.
L-“Irish Grass Fed Beef” għandu (i) livell baxx kumplessiv ta’ xaħam; (ii) distribuzzjoni uniformi tax-xaħam (bħala strixxi tax-xaħam intermuskolari); (iii) kulur tal-laħam aħmar lewn iċ-ċirasa qawwi; u (iv) grad għoli ta’ kremożità/kulur isfar tax-xaħam. Il-laħam huwa rikk, kumpless, b’togħma ta’ ħaxix, sukkulenti, u mmerraq b’togħma vera ta’ ċanga u huwa tari.
Il-karkassi jridu jkunu miż-żewġ kategoriji li ġejjin:
|
i. |
Gniedes u erħiet sal-età ta’ 36 xahar b’konformazzjoni aħjar minn O- u punteġġ tax-xaħam ta’ bejn 2+ u 4+; |
|
ii. |
Baqar taċ-ċanga sal-età ta’ 120 xahar b’konformazzjoni aħjar minn O+ u b’punteġġ tax-xaħam ta’ bejn 2+ u 5. |
L-“Irish Grass Fed Beef” mill-kategorija (i.) juri l-attributi kollha b’rabta mal-kulur tal-laħam aħmar lewn iċ-ċirasa u l-kulur tax-xaħam krema/isfar, u livelli tax-xaħam estern kif deskritt.
L-“Irish Grass Fed Beef” deskritt fil-kategorija (ii.) għandu xaħam isfar saħansitra aktar immarkat b’laħam ta’ kulur aħmar aktar skur mill-kategorija tal-gniedes u l-erħiet. Il-livelli medji ta’ xaħam huma ogħla milli fil-kategorija (i.). Il-karkassi ta’ pH għoli (> 5,8) jiġu identifikati u esklużi.
.
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
L-“Irish Grass Fed Beef” jinkludi biss ifrat li:
|
a) |
Jidderivaw mill-inqas 90 % tal-konsum tal-għalf tagħhom mill-ħaxix. Dan huwa primarjament ħaxix li jirgħu, b’għalf ta’ ħaxix ippreżervat fix-xitwa. |
|
b) |
Iqattgħu mill-inqas 220 jum fis-sena tul ħajjithom jirgħu l-bwar. Kull sena, skont kif il-kundizzjonijiet jippermettu, l-ifrat tal-“Irish Grass Fed Beef” jintbagħtu fil-bur u jqattgħu hemm sa 10 xhur ta’ ġranet sħaħ, fejn jirgħu il-ħaxix. Tipikament, l-ifrat jiddaħħlu ġewwa fl-aħħar ta’ Novembru/fil-bidu ta’ Diċembru meta l-kundizzjonijiet tat-temp u tal-art ma jibqgħux jiffaċilitaw it-tkabbir attiv tal-ħaxix u/jew ir-ragħa. Hija permessa tolleranza sa 40 jum minħabba ċirkostanzi mitiganti, iddefiniti bħala: meta l-kundizzjonijiet tat-temp, tal-ħamrija, kundizzjonijiet ambjentali oħra jew kunsiderazzjonijiet tat-trattament xieraq tal-annimali jkunu fatturi ta’ ostaklu. Il-Ħaxix Ikkonservat jintuża għall-għalf biss matul il-perjodu meta l-annimali jkunu ġewwa (massimu (*1) ta’ 145 jum). Il-kwalità nutrittiva tal-Ħaxix Ikkonservat tiġi vvalutata mill-produtturi kollha. L-ifrat jistgħu jingħataw foraġġ li mhux tal-ħaxix (eż. Tiben; Pitravi tal-Għalf; Qamħirrum; Ħbub oħra) u għalf ikkonċentrat iżda dan huwa ristrett għal massimu ta’ 10 % tal-konsum tal-għalf tul il-ħajja tal-annimal. Dan l-għalf li mhux tal-ħaxix jintuża biss meta jkun meħtieġ, eż. fil-ftim, matul ix-xitwa, matul episodji ta’ temp estrem u matul il-perjodu finali tal-irfinar, iżda biss fejn il-kwalità nutrittiva tal-ħaxix/tal-foraġġ tal-ħaxix ma tkunx biżżejjed biex tiġi żgurata l-aħjar kwalità tal-ikel tal-laħam. Il-ħaxix ikkonservat kollu jrid jinħasad fiż-żona ġeografika. |
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
L-ifrat jeħtieġ li jitwieldu, jitrabbew fuq il-ħaxix, jiġu rfinati, imbiċċra, imkessħa, u mqassma fi kwarti ġewwa ż-żona ġeografika.
Il-proċess ta’ maturazzjoni tal-laħam (minimu ta’ tliet ijiem, jew fil-każ ta’ qatgħat ta’ manifattura ta’ speċjalità, jumejn), li huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-kwalità tal-ikel tal-“Irish Grass Fed Beef” iseħħ fiż-żona ġeografika.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar
Prodotti li jistgħu jiġu ttikkettati bħala IĠP “Irish Grass Fed Beef”
|
— |
Iċ-ċanga friska u ffriżata bl-għadam u mingħajr għadam, inklużi karkassi, kwarti, qatgħat bl-għadam, qatgħat ewlenin mingħajr għadam, u pakketti għall-bejgħ bl-imnut, minn kategoriji li jikkwalifikaw tal-ifrat taċ-ċanga. |
|
— |
L-ikkapuljat taċ-ċanga li fih 100 % ċanga li ġejja minn kategoriji li jikkwalifikaw tal-ifrat taċ-ċanga u li jkun fih minimu ta’ 90 % dgħif taċ-ċanga viżwali. |
|
— |
Il-prodotti tal-ikkapuljat taċ-ċanga (eż. burgers) li fihom 100 % ċanga li ġejja minn kategoriji li jikkwalifikaw tal-ifrat taċ-ċanga u li jkun fihom minimu ta’ 90 % dgħif taċ-ċanga viżwali. |
Prodotti li jistgħu jiġu ttikkettati bħala “derivati” mill-IĠP “Irish Grass Fed Beef”
|
— |
Prodotti kompożiti taċ-ċanga li jkun fihom 100 % ċanga li tkun ġejja minn kategoriji li jikkwalifikaw tal-ifrat tal-“Irish Grass Fed Beef” u li jkun fihom minimu ta’ 90 % dgħif taċ-ċanga viżwali. |
|
— |
Il-ġewwieni prim (il-Ħadd, id-Denb, it-Taħrika tal-falda ħoxna u l-Ilsien) li ġej minn kategoriji li jikkwalifikaw tal-ifrat tal-“Irish Grass Fed Beef”. |
4. Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika hija l-gżira tal-Irlanda li tinkludi l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq (1).
5. Rabta maż-żona ġeografika
Ir-rabta kawżali bejn il-prodott u ż-żona li fiha jiġi prodott hija bbażata fuq il-kwalità tal-ikel konsistentement għolja tiegħu li min-naħa tagħha wasslet għal reputazzjoni stabbilita sew. L-“Irish Grass Fed Beef” stabbilixxa reputazzjoni fost il-konsumaturi, il-bejjiegħa bl-imnut, il-koki, il-ġurnalisti u l-opinjonisti Ewropej, li hija bbażata fuq sistema ta’ ragħa tal-bwar u produzzjoni ta’ foraġġ tal-ħaxix li tintuża għat-trobbija u l-“irfinar” tal-kategoriji li jikkwalifikaw ta’ annimali taċ-ċanga, ipproċessati skont protokoll strett, li jirriżulta f’laħam b’dehra viżwali differenzjata u kwalità tal-ikel rinomata.
Speċifiċitajiet taż-żona ġeografika: fatturi naturali u għarfien espert
Id-dipendenza unika tal-gżira tal-Irlanda fuq l-agrikoltura bbażata fuq il-ħaxix, u l-potenzjal tagħha tat-tkabbir tal-ħaxix, ilhom rikonoxxuti għal sekli sħaħ. It-trobbija tal-ifrat ilha rikonoxxuta għal ħafna żmien bħala parti integrali mill-ekonomija Irlandiża.
Iż-żona ġeografika għandha klima moderata, ix-xtiewi ma humiex ħorox, il-ġlata ħarxa hija rari, u huma rari wkoll it-temperaturi għoljin fis-sajf. L-irjieħ prevalenti u niedja mill-Punent mill-ilmijiet sħan tal-Kurrent tal-Golf jiżguraw li l-gżira jkollha klima notevolment oċeanika b’xita frekwenti (sa 246 jum ta’ xita/sena) u medda ta’ temperatura annwali baxxa (li rari taqa’ taħt iż-0 °C jew titla’ aktar minn 25 °C). Il-mergħat Irlandiżi jistgħu jipproduċu wħud mill-ogħla rendimenti ta’ ħxejjex mhux irrigati (12–16 t ta’ materja niexfa (DM)/ettaru fis-sena) fl-Ewropa.
Il-merħla Irlandiża taċ-ċanga hija differenti minn sistemi oħra taċ-ċanga, peress li tirriżulta mill-prattika tal-inkroċjar ta’ razez tradizzjonali (eż. Hereford, Angus u Shorthorn) kemm ma’ razez tal-ħalib (b’karatteristiċi materni qawwija) kif ukoll ma’ razez taċ-ċanga tal-Ewropa Kontinentali (eż. Limousin, Charolais u Simmental). L-annimal ta’ razza mħallta li jirriżulta, li jiflaħ ħafna, huwa adattat bl-aħjar mod għall-kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjati taż-żona ġeografika.
L-edukazzjoni agrikola integrata u l-appoġġ sod fl-azjenda agrikola jipprovdu aċċess għal riċerka xjentifika mill-aktar avvanzata, li jippermetti lill-bdiewa jiksbu vantaġġ massimu għall-ifrat taċ-ċanga tagħhom mill-bwar. Is-servizzi huma disponibbli għall-bdiewa kollha u għal dawk kollha ġodda li jibdew jaħdmu fis-sengħa tal-biedja. Dan l-appoġġ xjentifiku huwa kontribut importanti għat-titjib kontinwu fil-kwalità tal-ikel tal-“Irish Grass Fed Beef”. Filwaqt li l-fokus primarju huwa l-produzzjoni ta’ ċanga viżwalment distintiva u b’togħma superjuri, l-inizjattivi riċenti fl-industrija jgħinu wkoll lill-produttur tal-“Irish Grass Fed Beef” jiffoka fuq it-tnaqqis tal-marka tal-karbonju tal-intrapriża taċ-ċanga tagħhom.
L-azjendi tal-“Irish Grass Fed Beef” huma ċentrali għall-pajżaġġ u l-komunitajiet rurali tal-Irlanda. Storikament, l-istruttura hija mibnija madwar azjendi agrikoli residenzjali ta’ daqs minn żgħir sa medju, li ġew mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. F’din l-istruttura, ir-razzett jokkupa post ċentrali fiż-żoni tar-ragħa u l-foraġġ għall-bhejjem, li jagħmilha possibbli li l-bhejjem jiġu vvalutati b’mod viżiv regolarment (“herding”) u li tingħata attenzjoni kontinwa lill-benesseri tal-annimali, li għandu kontribuzzjoni sinifikanti għall-kwalità tal-ikel tal-laħam.
Sal-lum, din in-nisġa rurali hija karatteristika rikonoxxuta tal-pajżaġġ Irlandiż. Filwaqt li l-mudell tal-produzzjoni tal-Irish Grass Fed Beef mhuwiex esklużiv għall-azjendi agrikoli tal-familja u ma jeskludix parteċipanti ġodda, aktar minn 99 % tal-azjendi agrikoli jistgħu jiġu kklassifikati bħala “azjendi agrikoli tal-familja” (2), (3). Madankollu, l-operazzjonijiet intensivi taż-żoni tat-tismin li jużaw metodi ta’ biedja industrijali, mingħajr evidenza tal-prattiki bbażati fuq il-bwar u tal-għalf tal-ħaxix tat-tip tal-azjendi agrikoli tal-familja, ma humiex eliġibbli għall-produzzjoni tal-“Irish Grass Fed Beef”.
Is-sistema tradizzjonali tal-produzzjoni taċ-ċanga bbażata fuq it-trobbija estensiva fuq il-bwar għadha tippersisti fl-azjendi agrikoli tal-“Irish Grass Fed Beef”. Id-data tindika disponibbiltà medja tal-art ta’ aktar minn 3000 metru kwadru għal kull annimal. Is-sistema tal-biedja ġiet idderivata minn merħliet akkumulati u ħiliet ta’ żamma tal-bhejjem li ġew mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra. Dan il-proċess ippreserva l-għarfien u l-esperjenza fil-produzzjoni taċ-ċanga, li t-tnejn li huma huma sensittivi għall-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi lokali kif ukoll għar-rekwiżiti tat-trattament xieraq tal-annimali. Iċ-ċanga bbażata fuq il-bwar hija assoċjata madwar id-dinja ma’ livell ogħla ta’ trattament xieraq tal-annimali, inqas stress u saħħa tal-annimali aħjar.
Barra minn hekk, il-ħaxix għar-ragħa u l-foraġġ kollu tax-xitwa bbażat fuq il-ħaxix jiġu miż-żona ġeografika.
Is-sistemi tal-produzzjoni tal-“Irish Grass Fed Beef” jipprijoritizzaw:
|
— |
l-akbar żieda fil-piż possibbli mill-ħaxix tar-ragħa, |
|
— |
il-ħsad ta’ ħaxix żejjed tas-sajf fl-istadju ottimali ta’ tkabbir tiegħu (Mejju/Ġunju) biex jiġi prodott għalf tax-xitwa ta’ kwalità għolja, u b’hekk |
|
— |
tiġi mmassimizzata d-Diġestibilità tal-Materja Niexfa (DMD) ta’ dan il-ħaxix ikkonservat. Dan huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat li s-silaġġ tal-ħaxix ikun jista’ jipprovdi l-maġġoranza vasta tar-rekwiżiti nutrittivi tal-annimali fix-xitwa. |
Studji riċenti kkonfermaw li l-“Irish Grass Fed Beef” għandu konċentrazzjonijiet ogħla b’mod sinifikanti ta’ minerali u vitamini ta’ benefiċċju li jinkludu: il-Kalċju, il-Manganiż, il-Ħadid, iż-Żingu, is-Selenju, is-Sodju, il-Manjeżju, il-Potassju, il-Fosfru u l-Vitamina E minn sistemi ta’ għalf mingħajr ħaxix jew b’ammont żgħir ta’ ħaxix.
Speċifiċità tal-Prodott
Ir-rabtiet bejn l-art, in-nies u l-annimali juru l-importanza mogħtija lit-trobbija tal-merħla, lill-azjenda agrikola tal-familja, lill-għarfien lokali u lill-ġestjoni tal-bwar mill-bdiewa tal-“Irish Grass Fed Beef” u jagħtu lil-laħam l-ispeċifiċitajiet li ġejjin.
Instab li l-“Irish Grass Fed Beef” għandu proprjetajiet nutrizzjonali speċifiċi li jiddifferenzjawh minn sistemi ta’ għalf mingħajr ħaxix jew b’ammont żgħir ta’ ħaxix: L-“Irish Grass Fed Beef” għandu profil ta’ aċidu grass saturat aktar baxx u livelli ogħla ta’ omega 3 miċ-ċanga li tiġi minn ifrat mitmugħa b’sistemi ta’ għalf mingħajr ħaxix jew b’ammont żgħir ta’ ħaxix. Ir-riċerka sabet ukoll li d-differenzi fil-kontenut ta’ aċidu grass jagħtu liċ-ċanga tal-ifrat mitmugħa l-ħaxix togħma ta’ ħaxix distinta u kwalitajiet uniċi ta’ tisjir bħal sfumaturi aktar kumplessi tal-“ġewż”.
Iż-żewġ kategoriji tal-“Irish Grass Fed Beef” huma viżwalment differenti f’termini tal-kulur tal-laħam u tax-xaħam miċ-ċanga prodotta f’sistemi ta’ għalf mingħajr ħaxix jew b’ammont żgħir ta’ ħaxix.
Studju riċenti sab li x-xaħam taħt il-ġilda tal-ifrat tal-“Irish Grass Fed Beef” huwa madwar 63 % aktar isfar minn dak ta’ annimali mitmugħa konċentrat taċ-ċereali. Il-kulur aktar safrani jista’ jiġi assoċjat ma’ livelli ogħla ta’ karotenojdi (eż. il-betakaroten u l-luteina) fil-bwar fiż-żona ġeografika milli fil-konċentrati taċ-ċereali.
Il-kulur tal-muskoli fl-“Irish Grass Fed Beef” huwa rrappurtat li huwa aktar skur (aħmar aktar skur) minn dak tal-annimali mitmugħa konċentrat taċ-ċereali.
It-togħma, li hija rikka, kumplessa, ta’ ħaxix u mmerrqa, u l-proprjetajiet tal-“Irish Grass Fed Beef” huma konsegwenza tas-sistema ta’ ragħa fil-bwar tradizzjonali, li ssir prinċipalment barra, fejn l-annimali jqattgħu aktar minn 220 jum (4) fis-sena fil-bur u jikkunsmaw aktar minn 90 % tad-dieta tagħhom bħala ħaxix miż-żona ġeografika.
Il-fatt li l-laħam huwa tari (is-sawra) jirrappreżenta waħda mill-aktar proprjetajiet organolettiċi importanti li jinfluwenzaw l-aċċettabbiltà u s-sodisfazzjon tal-konsum tal-prodotti tal-laħam għall-konsumaturi. Dan il-laħam tari ħafna assoċjat mal-“Irish Grass Fed Beef” jinkiseb minħabba li l-immaniġġjar tal-bhejjem qabel it-tbiċċir u t-tkessiħ u l-maturazzjoni tal-karkassi u l-qatgħat wara t-tbiċċir isegwu pjan dettaljat preċiż li l-bdiewa u l-proċessuri Irlandiżi jsegwu bir-reqqa. Dan jippermetti li jseħħ il-proċess ta’ maturazzjoni/dekompożizzjoni naturali tal-fibri li jirriżulta f’laħam aktar tari u f’enfasizzar tat-togħmiet naturali taċ-ċanga. Jinkiseb ukoll bis-saħħa ta’ teknoloġija tal-laħam ippruvata u proċess ta’ maturazzjoni kkontrollat li jsaħħaħ it-tenerezza u jelimina r-riskju li l-karkassa tibbies. Il-karkassi ta’ pH għoli (> 5,8) jiġu identifikati u esklużi.
Rabta kawżali: Reputazzjoni
Ir-rabtiet bejn l-art, in-nies, u l-annimali, flimkien mal-fatturi umani assoċjati mat-trobbija tradizzjonali tal-merħliet fir-reġjun, is-sistema tal-biedja Irlandiża u t-tekniki ta’ ġestjoni tal-bwar ipprattikati mill-bdiewa tal-“Irish Grass Fed Beef” joħolqu l-“Irish Grass Fed Beef”.
Dan jirriżulta f’laħam taċ-ċanga tari ta’ kwalità għolja li huwa ddifferenzjat b’dehra, togħma, u profil nutrittiv uniċi. Dawn il-proprjetajiet huma apprezzati ħafna mill-konsumaturi, mill-koki u mix-xerrejja tal-ikel.
L-“Irish Grass Fed Beef” stabbilixxa żewġ swieq primi distinti, abbażi ta’ differenzi u preferenzi kulinari reġjonali:
|
i. |
L-“Irish Grass Fed Beef” mill-gniedes u mill-erħiet intlaqgħu tajjeb f’diversi swieq, inkluż fin-Netherlands, fil-Ġermanja, fil-Belġju, u fil-Lussemburgu; huwa ppożizzjonat f’dawn is-swieq bi prezz primjum. |
|
ii. |
L-“Irish Grass Fed Beef” mill-baqar li jikkwalifikaw huwa ċ-ċanga ppreferuta f’żoni fl-Ewropa bi preferenza għal ċanga aktar rikka u b’togħma qawwija minn annimali maturi (eż. fi Franza u fit-Tramuntana ta’ Spanja). Din is-suq speċjalizzat espanda sostanzjalment reċentement, kif muri mix-xejra kulinari ta’ livell għoli favur iċ-ċanga tal-baqra “matura” (eż. Galizjana) fost il-koki ewlenin Ewropej. |
Ir-riċerka fost il-konsumaturi tikkonferma d-differenzi ċari viżwali, fit-togħma u fil-kompożizzjoni bejn l-“Irish Grass Fed Beef” u ċ-ċanga minn sistemi ta’ għalf mingħajr ħaxix jew b’ammont żgħir ta’ ħaxix. Fl-2011 twettqu testijiet ta’ dewqan fi tliet swieq Ewropej (il-Ġermanja, in-Netherlands, u l-Italja) biex tiġi stabbilita l-perċezzjoni tal-konsumaturi tal-kwalità tal-ikel tal-“Irish Grass Fed Beef”, li ġie evalwat kontra l-kompetituri. F’kull wieħed mit-tliet iswieq, l-“Irish Grass Fed Beef” kiseb punteġġ ogħla fl-intensità tat-togħma, fis-sawra, u fil-bilanċ tal-kopertura tax-xaħam/l-istrixxi tax-xaħam fil-laħam.
L-“Irish Grass Fed Beef” huwa deskritt minn diversi professjonisti li għandu kwalità tal-ikel differenzjata u speċifika:
|
— |
“togħma rikka” |
|
— |
“immerraq” |
|
— |
“fost l-aktar ċanga b’togħma tajba fid-dinja”. |
Il-fatt li huwa tari huwa apprezzat ukoll:
|
— |
“il-kwalità ta’ dan il-laħam (u) t-tarezza tiegħu ... rebħuli qalbi” |
|
— |
“il-laħam huwa tari immens” |
L-istejkijiet Irlandiżi, fil-Kategorija Mitmugħa bil-Ħaxix, rebħu aktar midalji minn kwalunkwe pajjiż ieħor fil-World Steak Challenge tal-2018 u l-2019. Fl-2019, meta ġew evalwati minn esperti f’panels ta’ dewqan imqabbla ma’ stejkijiet minn 25 pajjiż, il-vaganti ta’ fuq, il-kustilji u l-fletti mill-“Irish Grass Fed Beef” rebħu rekord ta’ 83 midalja, aktar minn kull pajjiż ieħor li kkompeta, inkluż l-Aqwa Flett tad-Dinja. Intrebħu 85 midalja oħra fil-World Steak Challenge tal-2021, li minnhom 52 kienu tad-deheb.
“Ħafna strixxi ta’ xaħam minn ċanga tal-ifrat mitmugħa l-ħaxix – Meraviljuż.”“Tari u b’togħma qawwija, kemxejn tal-ġewż, fibri qosra, aċidità baxxa, immerraq immens – Inkredibbli”. Il-kummenti tal-aġġudikaturi dwar l-“Irish Grass Fed Beef” meta rebaħ il-Kompetizzjoni tal-Aqwa Stejk fid-Dinja, BEEF Magazine, 2009.
L-“Irish Grass Fed Beef” jinsab fuq il-menù ta’ ħafna restoranti ewlenin madwar id-dinja. Is-CIBC (Chefs Irish Beef Club) b’disa’ fergħat madwar l-Ewropa u internazzjonalment għandu aktar minn 100 kok parteċipanti li għażlu li jużaw u japprovaw l-“Irish Grass Fed Beef” bħala ċ-ċanga ppreferuta tagħhom. Laqgħa internazzjonali tal-koki tas-CIBC u r-rebbieħa tal-Bocuse d’Or (Ġunju 2013) semgħu bosta approvazzjonijiet tal-“Irish Grass Fed Beef” fosthom:
|
— |
Mario Corti, Kok, Il-Ġermanja: “Jogħġobni l-laħam taċ-ċanga mill-ifrat mitmugħa bil-ħaxix u għalija l-Irish grass-fed beef fil-fatt huwa l-aqwa wieħed li tista’ ssib…” |
|
— |
Jean-Paul Jeunet, Kok: “Irrid l-aqwa prodotti għall-mistednin tiegħi u fl-Irlanda għandkom il-ħaxix u l-klima u l-ifrat taċ-ċanga jqattgħu s-sena kollha barra – dan huwa tassew interessanti.” |
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni
https://assets.gov.ie/202726/824a7d14-f441-4bf4-95d1-6b33a55af041.pdf
(*1) Ara wkoll it-Taqsima 3.3 b)
(1) Ir-referenzi għall- “gżira” jinkludu gżejjer iżgħar tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq.
(2) Fl-Irlanda, stħarriġ tal-2016 dwar l-istrutturi tal-farms (Farm Structures Survey) ippubblikat mill-Irish Central Statistics Office ikklassifika 99,6 % tal-Farms Irlandiżi bħala azjendi agrikoli tal-familja. L-azjendi agrikoli tal-familja huma operati bħala intrapriżi bbażati fuq il-familja (inklużi kwalunkwe minnhom irreġistrati bħala intrapriżi kummerċjali)”. (Ara s-CSO). Il-prattiki bbażati fuq il-bwar u tal-għalf tal-ħaxix tat-tip tal-azjendi agrikoli tal-familja jridu jkunu evidenti għal l-iskopijiet tal-IĠP
(3) Fl-Irlanda ta’ Fuq, l-Istħarriġ tal-Istruttura tal-Farms tal-UE tal-2016 wera li l-azjendi agrikoli huma primarjament negozji mmexxija mill-familja, b’99 % tal-maniġers tal-azjendi agrikoli jkunu okkupanti tal-azjendi agrikoli, konjuġi u membri oħra tal-familja.
(4) Ara wkoll it-Taqsima 3.3. b).