|
10.8.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 283/48 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (fruntieri u viża) u li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/633/ĠAI, ir-Regolament (UE) 2016/399 u r-Regolament (UE) 2017/2226”
[COM(2017) 793 final – 2017/0351 (COD)]
“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE (kooperazzjoni bejn il-pulizija u ġudizzjarja, asil u migrazzjoni)”
[COM(2017) 794 final – 2017/0352 (COD)]
(2018/C 283/07)
|
Relatur: |
Laure BATUT |
|
Konsultazzjoni |
Kummissjoni Ewropea, 18.1.2018 Parlament Ewropew, 28.2.2018 |
|
Bażi legali |
L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea |
|
|
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza |
|
Adottata fis-sezzjoni |
25.4.2018 |
|
Adottata fil-plenarja |
23.5.2018 |
|
Sessjoni plenarja Nru |
535 |
|
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
160/3/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jqis utli u pożittiva l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex titjieb l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE dwar il-fruntieri u l-viża kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija, dik ġudizzjarja, u fir-rigward tal-asil u l-migrazzjoni. |
|
1.2. |
Il-KESE jqis li din l-interoperabilità għandha tkun għan strateġiku tal-UE sabiex hija tibqa’ żona miftuħa, li tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali u l-mobilità. L-UE u l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipproteġu l-ħajja u s-sigurtà tal-bnedmin kollha; il-prinċipju ta’ non-refoulement jrid jiġi rispettat bis-sħiħ. |
|
1.3. |
Il-miżuri li jimmiraw għall-interoperabilità jinftiehmu aħjar jekk:
|
|
1.4. |
Il-KESE jitlob għal proċeduri u garanziji fir-rigward tal-użu tad-data għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi li:
|
|
1.5. |
Il-KESE jemmen li l-bażi legali attwali tas-sistemi ta’ informazzjoni għandha tiġi msaħħa u tqis l-evoluzzjoni tas-sistemi tal-ġbir tad-data. Huwa jirrakkomanda:
|
|
1.6. |
Il-KESE jqis li l-proġett għandu jitmexxa minn persunal kompetenti u jirrakkomanda:
|
|
1.7. |
Il-KESE jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament tas-sistema l-ġdida. Il-monitoraġġ tal-ippjanar se jkun kruċjali biex jiġu evitati devjazzjonijiet mill-baġits u biex il-proġett jitwassal sa tmiemu fl-2029. |
|
1.8. |
Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini jiġu infurmati sa tmiem il-proġett dwar il-progress dwar il-progress miksub, u li n-nies jirċievu tagħrif edukattiv dwar il-kontrolli li huma soġġetti għalihom. Iqis li għandha tiġi prevista l-possibbiltà li jitwaqqaf kollox jekk il-libertà u d-drittijiet fundamentali jiġu pperikolati permezz ta’ funzjonament ħażin tas-sistema. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
Fil-kuntest internazzjonali tal-2017 meqjus bħala instabbli kemm mil-lat ġeopolitiku kif ukoll mil-lat tas-sigurtà interna tal-Istati Membri, il-Kunsill talab lill-Kummissjoni diversi drabi biex timplimenta l-mezzi sabiex jinstabu t-traċċi ta’ persuni “f’riskju” li diġà kienu soġġetti għal kontroll f’wieħed mill-Istati Membri. L-intraċċar tal-qsim tal-fruntieri, tal-vjaġġi u tar-rotot tagħhom fl-Ewropa jista’ jkun kruċjali għas-sigurtà fl-Unjoni. |
|
2.2. |
Fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2016, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tipprovdi s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni tad-data. |
|
2.3. |
It-testijiet inkwistjoni huma konformi mal-għan “L-ippreservar u t-tisħiħ ta’ Schengen” (1). L-Unjoni diġà għandha diversi regolamenti u servizzi diġitalizzati ta’ informazzjoni fl-oqsma marbuta mal-kontroll tal-qsim tal-fruntieri ta’ persuni u ta’ merkanzija. |
|
2.4. |
Nota:
|
|
2.5. |
Il-mezzi attwali ta’ awtorità kompetenti jistgħu jitqabblu permezz ta’ smartphone b’applikazzjonijiet differenti, ilkoll separati u li kull waħda minnhom tagħti l-informazzjoni “tagħha”. |
|
2.6. |
Ħlief għas-SIS, dawn is-sistemi jiffukaw fuq il-ġestjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jeżistu sitt sistemi komplementari u deċentralizzati. L-informazzjoni kollha mfittxija tikkonsisti fit-tweġibiet differenti miksuba minn diversi bażijiet mill-aġenziji ta’ investigazzjoni, skont l-awtorizzazzjonijiet ta’ aċċess tagħhom. |
|
2.7. |
Il-Kummissjoni tipproponi li twieġeb għall-kwistjoni li ġejja:
|
|
2.8. |
Il-Kummissjoni Ewropea, fil-proposti inkwistjoni: |
|
2.8.1. |
tixtieq iżżid il-possibbiltajiet addizzjonali li joffri aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Europol u tal-Interpol, li diġà jikkooperaw mal-awtoritajiet superviżorji Ewropej; |
|
2.8.2. |
tixtieq “tissinkronizza” t-tiftix ta’ informazzjoni biex jitnaqqas il-ħin tar-rispons f’dak li jirrigwarda d-dossier tal-migranti u biex jitħaffef ir-rispons tas-sigurtà fejn meħtieġ. Biex tagħmel dan, hija tipproponi li jinħolqu entitajiet ġodda, li għandhom jippermettu li l-bażijiet attwali joperaw f’simbjożi. |
|
2.9. |
L-għanijiet tagħha huma li tindirizza kemm jista’ jkun il-lakuni tas-sistemi differenti; ittejjeb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni taż-żona Schengen; tikkontribwixxi għas-sigurtà interna tal-Unjoni; tiġġestixxi l-frodi tal-identità, issolvi l-każijiet ta’ identitajiet multipli; issib il-persuni suspettati jew diġà kkundannati u tikkontrolla l-identità tagħhom fiż-żona Schengen. |
|
2.10. |
Biex immorru lura għat-tixbiha mal-ismartphone, l-awtorità kompetenti mhux biss ikollha bosta applikazzjonijiet għad-dispożizzjoni tagħha iżda hija tkun tista’ tiġbor ukoll fl-istess ħin u fil-kuntest tal-istess tiftixa, id-data maħżuna fit-tagħmir kollu tagħha: il-PC, il-mowbajl, it-telefon, it-tablet, in-notebook, eċċ, billi tuża l-kodiċi ta’ aċċess tagħha. |
3. Funzjonament tas-sistema
|
3.1. |
Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjonijiet u sejħet laqgħa ta’ grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar is-sistemi ta’ informazzjoni u l-interoperabbiltà (6), maħtura mill-Istati Membri, il-pajjiżi tal-Grupp Schengen, l-aġenziji Ewropej bħal eu-LISA (7) u FRA (8), taħt il-koordinazzjoni tad-DĠ HOME.
Il-metodu: interkonnettività jew interoperabbiltà? |
|
3.1.1. |
L-interkonnettività tas-sistemi ta’ informazzjoni hija l-possibbiltà li jingħaqdu flimkien b’tali mod li d-data ta’ waħda tkun tista’ tiġi kkonsultata awtomatikament minn oħra. |
|
3.1.2. |
L-interoperabbiltà (9) hija l-kapaċità ta’ sistemi differenti li jikkomunikaw, jiskambjaw data u jużaw l-informazzjoni skambjata, filwaqt li jirrispettaw l-awtorizzazzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi. |
3.2. L-għażla tal-interoperabbiltà
|
3.2.1. |
Il-Kummissjoni tqis li din ma tfixkilx il-kisbiet tal-istrutturi u tal-kompetenzi attwali, u li d-data tibqa’ “f’silos separati”. Minkejja ż-żieda fil-komunikazzjoni, dan jippreżenta vantaġġ ta’ sigurtà għas-sistemi u d-data, li bla dubju l-ebda waħda minnhom mhija se tkun aċċessibbli permezz tal-Internet. It-testi inkwistjoni jinkludu similaritajiet sinifikanti, u jirrigwardaw:
|
3.3. L-għodod il-ġodda
|
3.3.1. |
Sabiex jaħdmu f’interoperabbiltà, jeħtieġ li s-sitt bażijiet jiġu kkomplementati minn arkitettura ġdida ta’ erba’ għodod ġodda biex jaħdmu b’mod rapidu billi s-sistema tiġi kkonsultata darba biss, filwaqt li jiġu salvagwardati l-persuni li għandhom is-setgħa fl-oriġini tat-talbiet. |
3.4. ESP, il-portal Ewropew tat-tfittxija
|
3.4.1. |
L-awtorità superviżorja kompetenti (l-utent finali) għandu jkollha aċċess uniku għas-sistema kollha. Minflok twettaq sitt tiftixiet, hija tniedi tiftixa waħda biss (pulizija, dwana, eċċ.,) sabiex tinterroga diversi bażijiet fl-istess ħin dwar id-data misjuba mingħajr ma tinħażen fl-ebda minnhom. Jekk dawn jeżistu, is-sistema ssibhom. F’każ ta’ suspett ta’ reat jew attività terroristika, l-ewwel waħda tista’ tkun newtrali għall-persuna kkontrollata (“no-hit”), iżda jekk id-data taqbel mat-tieni informazzjoni (“hit”) li tkun teżisti fil-bażijiet bħal SIS, EES, ETIAS, dan jista’ jwassal għal tiftix aktar dettaljai u għal inkjesta. |
3.5. BMS kondiviż (shared biometric matching service)
|
3.5.1. |
Din il-pjattaforma kondiviża ta’ tqabbil tippermetti t-tiftix u t-tqabbil fl-istess ħin ta’ data matematika, bijometrika, marki tas-swaba’ u ritratti tal-identità, minn bażijiet differenti, bħal SIS, Eurodac, VIS, EES (10), ECRIS, iżda mhux ETIAS; id-data tagħhom għandha tkun kompatibbli. |
|
3.5.2. |
Id-data matematika mhijiex se tinżamm fil-forma oriġinali tagħha. |
3.6. CIR (Common Identity Repository)
|
3.6.1. |
“Repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità” se jiġbor id-data dwar l-identità bijografika u bijometrika taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kkontrollati, kemm dawk li jinsabu fil-fruntieri kif ukoll dawk li jinsabu fl-Istati Membri (ta’ Schengen). Indikatur ta’ tqabbil tal-informazzjoni fil-bażijiet differenti se jħaffef it-tiftix. Taħt ir-responsabbiltà tal-aġenzija eu-LISA u bil-mezzi ta’ sigurtà tagħha, din id-data se tkun issalvagwardjata b’tali mod li l-ebda persuna ma tkun tista’ taċċessa aktar minn linja alfanumerika waħda fl-istess ħin. Ir-repożitorju CIR ġie żviluppat minn EES u ETIAS, u ma għandux iwassal għad-duplikazzjoni tad-data. Ir-repożitorju jista’ jkun utli wkoll għal tiftix ċivili. |
3.7. MID (multiple-identity detector)
|
3.7.1. |
Dan se jkollu r-rwol li jivverifika l-identità korretta tal-persuni in bona fide, u jiġġieled il-frodi tal-identità, permezz ta’ tiftix fil-bażijiet kollha fl-istess ħin. L-ebda amministrazzjoni għad ma użat għodda bħal din, li għandha tgħin biex jiġi evitat is-serq tal-identità. |
3.8. Ir-rwol tal-Aġenzija eu-LISA (11)
|
3.8.1. |
L-aġenzija, li nħolqot fl-2011, għandha l-kompitu li tiffaċilita l-politiki tal-UE fl-oqsma tal-ġustizzja, tas-sigurtà u tal-libertà. Stabbilita f’Tallin, fl-Estonja, din diġà tassigura l-iskambju ta’ informazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u l-funzjonament kontinwu tas-sistemi tas-sistemi ta’ informazzjoni fuq skala kbira kif ukoll il-libertà ta’ moviment tal-persuni fiż-żona Schengen. |
|
3.8.2. |
Din qiegħda taħdem fuq il-proġett “Smart Borders” (Fruntieri Intelliġenti) u fl-arkitettura l-ġdida ta’ skambji tad-data se jkollha l-kompitu li taħżen l-elementi marbuta ma’ persuni u dawk relatati mal-awtoritajiet, mal-investigazzjonijiet u mal-investigaturi. L-aġenzija se tikkontrolla l-awtorizzazzjonijiet tal-applikanti, u se tiżgura s-sigurtà tad-data, inkluż fil-każ ta’ “inċident” (Artikolu 44 tal-proposti COM(2017) 793 u 794). |
|
3.8.3. |
L-użu tal-UMF (Universal Message Format) li għad irid jinħoloq, għandu jiffaċilita l-ħidma bis-sistemi l-ġodda, li se jkunu obbligatorji, billi jimponi l-ħolqien ta’ interfaċċi fl-Istati Membri li għad ma għandhomx waħda u sistema ta’ traduzzjoni temporanja minn lingwa għal oħra. |
3.9. Il-protezzjoni tad-data personali (Artikoli 7 & 8 tal-Karta):
|
3.9.1. |
Il-Proposta għal Regolament tirrikonoxxi l-possibbiltà ta’ inċidenti ta’ sigurtà. L-Istati Membri u s-sistemi ta’ data tagħhom għandhom, l-ewwel, jirrispettaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data previsti fit-testi, it-trattat, il-Karta tad-Drittijiet Fundamental u l-GDPR (12) li se jidħol fis-seħħ fil-25 ta’ Mejju 2018. |
4. Diskussjoni
4.1. Il-valur miżjud tal-interoperabbiltà f’termini ta’ demokrazija
|
4.1.1. |
L-UE għandha bżonn ta’ regolazzjoni u ta’ mezzi ta’ investigazzjoni li jipproteġuha kontra l-kriminalità. L-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni hija opportunità biex tiġi asserita s-supremazija tad-dritt u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. |
|
4.1.2. |
L-EES u l-ETIAS, flimkien ma’ BMS u CIR, se jippermettu l-kontroll tal-qsim tal-fruntieri mhux biss ta’ persuni suspettati, u ż-żamma tad-data tagħhom. Madankollu, il-possibbiltà għall-“awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi [li jkollhom aċċess] għas-sistemi ta’ informazzjoni mhux tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE” [Art. 17 CIR, proposta (2017) 794 u 793] ma tistax tkun kompatibbli mal-għanijiet iddikjarati bħala l-bażi tal-proposti inkwistjoni. Il-Kumitat (Art. 300(4) TFUE) għandu jsemmi hawnhekk il-prinċipju tal-proporzjonalità u jitlob lill-Kummissjoni biex tevita kull skema tat-tip “Big Brother” (13) u l-ħolqien ta’ ostakli għal-libertà ta’ moviment tal-Ewropej (Art. 3 TUE). |
|
4.1.3. |
Il-mudell propost għall-ġbir u l-użu tad-data personali miksuba fil-fruntieri u fit-territorju tal-Unjoni waqt il-kontrolli tal-movimenti u tad-dokumenti miżmuma huwa ppreżentat bħala wieħed rigoruż, li huwa miftuħ biss għal persuni awtorizzati u għal finijiet tas-sigurtà u l-ġestjoni, u jwassal għal aktar fluwidità tal-proċeduri. |
|
4.1.4. |
Il-Kumitat huwa dubjuż dwar ir-rigorożità: il-lakuni se jibqgħu, il-kostruzzjoni mifruxa fuq 9 snin hija bbażata fuq “pedamenti” li s’issa għadhom ma jeżistux bħall-bażijiet EES jew ETIAS, jew l-interfaċċi nazzjonali. Il-kuntest teknoloġiku jevolvi kontinwament; il-proġett jibbaża b’neċessità fuq l-istat attwali tat-teknoloġija u ma jipprovdix baġit għall-ġestjoni tal-obsoloxxenza li possibbilment ikollha impatt f’ċerti setturi diġitali. |
|
4.1.5. |
Barra minn hekk, l-iżvilupp rapidu tal-użu tal-algoritmi magħrufa bħala l-intelliġenza artifiċjali (IA) seta’ jitqies fil-proġett kemm bħala għodda ta’ kontroll tas-sistemi kif ukoll bħala ċavetta tas-sigurtà li għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jiġi żgurat l-użu demokratiku tal-arkitettura. |
|
4.1.6. |
Il-proposta tiżviluppa sistema għal protagonisti in bona fide, li jirrispettaw il-liġijiet. Il-fatt li r-riedni jkunu f’idejn persuni huwa rassikuranti, iżda huma jistgħu jkunu wkoll il-ħolqa d-dgħajfa. Il-Kumitat jissuġġerixxi ż-żieda ta’ artikolu li jipprevedi “salvaviti differenzjali”, għall-każijiet ta’ kriżi politika u/jew ta’ “ġestjoni”, fejn kull problema f’bażi tista’ tirrappreżenta riskju għall-arkitettura kollha (14). Il-ġeneralizzazzjoni tal-UMF tista’ tirriżulta f’użu internazzjonali, pożittiv ħafna iżda riskjuż ħafna għall-protezzjoni tad-data. L-awtoritajiet kompetenti għandhom responsabilità kbira. Dawn l-aspetti mhumiex previsti fit-testi attwali. |
4.2. Protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali
|
4.2.1. |
Id-drittijiet fundamentali huma assoluti; ma jistgħux jiġu limitati sakemm ma jkunx neċessarju u b’tali mod li għal finijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni u bil-kundizzjoni li l-kontenut essenzjali tagħhom jiġi rispettat (Art. 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali). Il-Kumitat għandu dubji dwar kif tista’ tiġi vvalutata l-proporzjonalità tal-miżuri ta’ kontroll fil-każijiet tal-migranti li jaħarbu mill-persekuzzjonijiet u jfittxu asil fix-xtut tal-Unjoni. (COM(2017) 79 final, – Memorandum ta’ spjegazzjoni – Drittijiet fundamentali). It-tfittxija għall-persuni suspettati bil-għan li jiġu evitati l-atti kriminali, b’mod partikolari l-atti terroristiċi, ma għandhiex tqarreb id-demokraziji tagħna mal-kunċett ta’ reat antiċipat; għandha tinżamm differenza bejn “attivitajiet” u “opinjonijiet” li jfixklu l-ordni pubbliku. |
|
4.2.2. |
Ir-rispett tad-drittijiet stipulati fil-Karta għal kull persuna għandu jiżgura l-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertà li mingħajrhom tmut id-demokrazija. Il-Kumitat iqis li dan għandu jkun għan permanenti għall-awtoritajiet superviżorji kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell Ewropew. |
|
4.2.3. |
Il-katina tal-awtoritajiet involuti fi tfittxija kif ukoll il-metadata relatata magħha se jinżammu fis-sistema. Id-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiġu rrispettati fir-rigward tad-data ġġenerata, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà tagħhom, tal-ħajja privata tagħhom, f’każ ta’ intrużjoni fl-istruttura b’intenzjoni ħażina u tal-użu ħażin tad-data bejn iż-żmien tad-dħul tagħha u dak tat-tħassir tagħha. |
4.3. Protezzjoni tad-data
|
4.3.1. |
Il-proposti jirrikonoxxu l-prinċipju tal-protezzjoni tad-data personali sa mid-disinn u b’mod awtomatiku, minkejja li l-Memorandum ta’ Spjegazzjoni tagħhom ifakkar li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja (QtĠ), dan mhux dritt assolut. Il-Kumitat jirrikonoxxi l-vantaġġi tal-miżuri preventivi li jiżguraw is-sigurtà, il-ġlieda kontra l-identitajiet foloz u l-garanzija tad-dritt għall-asil, iżda jenfasizza l-limiti tal-matematika u tal-anonimizzazzjoni tad-data: il-persuni kkonċernati jista’ jkollhom bżonn tad-data tagħhom sussegwentement. |
|
4.3.2. |
Huwa jenfasizza wkoll li t-tip tad-data miżmuma, bijometrika u bijoloġika, hija ta’ interess partikolari għal ċerti intrapriżi u għall-kriminalità. Hawnhekk, iċ-ċibersigurtà hija importanti daqs is-sigurtà fiżika, u ftit li xejn tissemma fil-proposti. Id-data miżmuma se tinħażen f’post fiżiku wieħed; anke jekk dan ikun protett, jista’ jiġi espost. |
|
4.3.3. |
Il-KESE jfakkar li fir-rigward tal-protezzjoni tad-data u tad-dritt għat-tħassir (li jkun minsi/li tkun minsija), l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni għandhom jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 45/2001, li joffri inqas protezzjoni mill-GDPR (15) tal-2016 (li se jidħol fis-seħħ f’Mejju 2018) li għandhom jirrispettaw l-Istati Membri. Il-Kumitat jenfasizza l-kumplessità tal-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt u jibża’ li l-vjaġġaturi, il-migranti u l-persuni li jfittxu asil ma jkunux jistgħu jirrispettawh:
|
|
4.3.4. |
It-tul taż-żamma tad-data miġbura mill-awtoritajiet kompetenti mhux speċifikat b’mod ċar fil-proposti. It-testi jistabbilixxu l-proċedura tad-dritt għal rettifika u/jew tħassir ġewwa u barra l-Istat tal-applikazzjoni u l-Istat responsabbli, iżda ma jistabbilixxux skadenzi għaż-żamma tad-data (Art. 47 tal-proposti). Il-Kumitat jirrakkomanda li din l-iskadenza tiġi stabbilita, u li din tkun iqsar għall-minorenni (Karta, Art. 24), ħlief f’każijiet ta’ terroriżmu, sabiex huma jkunu jistgħu jtejbu l-possibbiltajiet tagħhom li jintegraw ruħhom. |
4.4. Il-governanza u l-obbligu ta’ rendikont
|
4.4.1. |
Il-bażijiet internazzjonali mhumiex soġġetti għall-istess regoli bħas-sistemi kompjuterizzati Ewropej. L-implimentazzjoni ta’ format universali ta’ aċċess, li jista’ jsir internazzjonali, se jkun biss element tekniku li ma jgħaqqadx ir-regolamenti, anke jekk l-Interpol ikollu jirrispetta l-Artikolu 17 tal-Patt tan-NU (16). Barra minn hekk, l-awtorizzazzjonijiet jibqgħu fir-responsabbiltà tal-Istati Membri. Il-KESE jqis li dan il-punt għandu jiġi indirizzat fil-proposti. |
|
4.4.2. |
Interrogazzjoni waħda, u s-simbjożi tal-bażijiet Ewropej tagħti l-verdett tagħha. Il-KESE jenfasizza li l-burokrazija ġġenerata se tkun aktar minn proporzjonali għall-veloċità miksuba. Il-governanza se tkun żgurata mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ proċedura ta’ kontroll mal-Istati Membri. Iċ-ċentru se jkun l-aġenzija eu-LISA, inkarigata l-aktar biex timplimenta l-proċeduri tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-funzjonament tal-interoperabbiltà; hija se tirċievi l-informazzjoni mingħand l-Istati Membri u mill-Europol, u se se tressaq quddiem il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni, rapport ta’ valutazzjoni teknika, kull erba’ snin, filwaqt li l-Kummissjoni tħejji hija stess rapport globali sena wara (Art. 68 tal-proposti). Għall-Kumitat, dawn is-sekwenzi huma twal wisq. Il-valutazzjoni tas-sigurtà tal-elementi tal-interoperabbiltà [Art. 68(5)(d)] għandha ssir tal-inqas kull sena, u dik tal-impatt fuq id-drittijiet fundamentali għandha ssir tal-inqas kull sentejn [(l-istess artikolu, punt b)]. |
|
4.4.3. |
Il-Kumitat jiddispjaċih li kwistjonijiet fundamentali bħal dawk indirizzati minn dawn il-proposti huma ġestiti minn aġenziji Ewropej li, għal ħafna ċittadini, ir-reklutaġġ u l-funzjonament tagħhom mhumiex ċari. Huwa jqis neċessarju li jiġu amalgamati l-prattiki tajba u, għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, jiġu involuti l-awtoritajiet superviżorji indipendenti tal-użu tad-data (KEPD), u aġenziji oħra bħall-FRA u l-ENISA. |
|
4.4.4. |
Dawn l-istrutturi u l-proċeduri ġodda kollha se jiġu implimentati permezz ta’ atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni tal-Kumissjoni. Il-Kumitat jittama li l-għan tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-protezzjoni tad-data personali jibqa’ minqux f’dawn l-atti kollha matul iż-żmien, f’approċċ ta’ akkoljenza mtejba tal-persuni fil-fruntieri. Il-KESE jirrakkomanda li ċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati dwar l-istadji kollha sa tmiem il-proġett, u li n-nies jirċievu tagħrif edukattiv dwar il-kontrolli li huma soġġetti għalihom. |
5. It-taħriġ meħtieġ tal-awtoritajiet superviżorji fl-Unjoni kollha
|
5.1. |
Il-Kumitat iqis li fl-ewwel perjodu (wara l-2021) se jkun meħtieġ bosta taħriġ, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni tipproponi fis-sommarju tagħha tal-valutazzjoni tal-impatt (C). Hija tirreferi għal ċifra ta’ EUR 76 miljun fis-sena. It-tranżizzjoni għal proċeduri ġodda dejjem tirrikjedi aġġornamenti. F’dan il-każ dan jirrigwarda l-fruntieri kollha tal-Unjoni u s-sistemi nazzjonali. Uħud mill-Istati Membri għad ma għandhomx sistemi kompatibbli u se jkollhom jagħmlu sforz sinifikanti u jimplimentaw interfaċċi li permezz tagħhom ikunu jistgħu jipparteċipaw. Sabiex taħdem l-interoperabbiltà, jeħtieġ li jkunu indirizzati d-differenzi bejn l-Istati Membrij. |
|
5.2. |
Se jkun kruċjali t-taħriġ fl-użu ta’ data ta’ kwalità u tal-UMF. Il-Kumitat jissuġġerixxi li flimkien mas-CEPOL (17), il-Frontex, l-Europol, eċċ., jiġi organizzat ċentru ta’ taħriġ konġunt għall-awtoritajiet kompetenti, fosthom l-eu-LISA, li l-kompetenzi tal-membri tagħha għandhom jiġu vverifikati b’mod strett. |
|
5.3. |
Għodda bħall-MID ma teżisti mkien aktar. F’każ li l-għodda tirnexxi, din se tkun b’saħħitha. L-arkitettura l-ġdida se tirrikjedi data tal-aqwa kwalità. Sabiex dan kollu jissodisfa l-aspettattivi tal-proġett, l-Istati Membri kollha għandhom jipparteċipaw fl-istess livell, altrimenti l-lakuni jkunu agħar minn qabel. U f’dan il-każ, ser jiddgħajfu d-dritt għall-asil u d-dritt ta’ aċċess għal protezzjoni internazzjonali (Art. 18 u 19 tal-Karta). |
6. Finanzjament
|
6.1. |
L-arkitettura kollha proposta tibbaża fuq ċerti suppożizzjonijiet: l-adozzjoni tas-sistemi EES, ETIAS, u UMF mill-awtoritajiet li jieħdu d-deċiżjonijiet, il-funzjonament tajjeb tal-MID u l-fatt li s-CIR ikun sikur. Żewġ korpi, il-KEPD, l-aġenzija eu-LISA, u forsi anke l-aġenzija ENISA se jkollhom biżżejjed persunal u mezzi finanzjarji? Il-Kummissjoni qed tipproponi l-kofinanzjament tal-UE u tal-Istati Membri. Il-Kumitat jinnota li l-ġestjoni tas-“Semestru” għadha ssir permezz ta’ baġits ta’ awsterità u li, barra minn hekk, l-użu attwali tal-bażijiet eżistenti (SIS, VIS, Prüm, EES) għadu jrid jitjieb aktar fir-rigward tar-rekwiżiti legali (rapport tal-grupp ta’ esperti). |
|
6.2. |
Il-KESE jistaqsi x’impatt baġitarju se jkollu l-Brexit, għalkemm ir-Renju Unit mhuwiex fis-sistema ta’ Schengen, u b’mod aktar ġenerali dwar il-kumplessità tal-ġestjoni tal-interoperabbiltà fil-futur f’pajjiżi Ewropej li ma jużawx is-SIS iżda jipparteċipaw f’bażijiet ta’ data oħrajn bħalma hu l-Eurodac. |
|
6.3. |
Il-fond previst huwa l-FSI, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-fruntieri. Għandu jibda jaħdem fl-2023. Il-Kumitat jiddubita jekk 5 snin humiex biżżejjed biex jitnaqqsu d-diskrepanzi Ewropej u jingħaqdu flimkien il-kundizzjonijiet għas-suċċess. Il-baġit previst huwa ta’ EUR 424,7 miljun fuq disa’ snin (2019-2027), imħallas mill-UE (FSI) u l-Istati Membri. L-Istati Membri jridu jkunu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jħaddmu s-sistemi attwali mal-arkitettura l-ġdida tal-informatika b’mod korrett. Il-Kumitat iqis li r-ritorn għat-tkabbir għandu jservi biex jitwettqu dawn l-investimenti. |
Brussell, it-23 ta’ Mejju 2018.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Luca JAHIER
(1) COM(2017) 570 final.
(2) ĠU C 34, 2.2.2017, p. 144.
(3) ĠU C 458, 19.12.2014, p. 36.
(4) ĠU C 487, 28.12.2016, p. 66.
(5) ĠU C 246, 28.7.2017, p. 28.
(6) DĠ HOME, Unità B/3; Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2016/3780 tas-17 ta’ Ġunju 2016; http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?Lang=ENhttp://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?Lang=EN
(7) Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja
(8) Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali.
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, COM(2016) 205 final, “Sistemi ta’ Informazzjoni aktar bsaħħithom u aktar intelliġenti għall-Fruntieri u s-Sigurtà”.
(10) Il-korsiv ifakkar li t-testi li jikkonċernaw lil dawn il-korpi għadhom ma ġewx adottati.
(11) Regolament (UE) Nru 1077/2011, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxiAġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja .
(12) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data). Opinjonijiet tal-KESE: ĠU C 229, 31.7.2012, p. 90 u ĠU C 345, 13.10.2017, p. 138.
(13) F’1984, George Orwell.
(14) CEPD, Anness tar-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli, Mejju 2017.
(15) Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Regolament (UE) 2016/679).
(16) Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, NU: “Artikolu 17: 1. No one shall be subjected to arbitrary interference with his privacy, family, home or correspondence, nor to attacks upon his honour and reputation. (Ħadd ma għandu jkun soġġett għal interferenzi arbitrarji jew illegali fil-ħajja privata, fil-familja, jew fid-dar jew fil-korrispondenza tiegħu, u lanqas għal attakki illegali fuq l-unur tiegħu jew ir-reputazzjoni tiegħu.) 2. Kulħadd għandu d-dritt għall-protezzjoni tal-liġi kontra tali interferenza jew attakki.
(17) Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ ta’ servizzi tal-infurzar tal-liġi (Budapest, l-Ungerija).