|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/3005 |
3.6.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-28 ta’ April 2026
li tistabbilixxi l-Pjattaforma tas-Simplifikazzjoni
(C/2026/3005)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Kummissjoni għamlet is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin tagħha, inkorporati fl-aġenda fit-tul tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar. Hija għandha l-għan li tħaffef, tissimplifika u ttejjeb il-politiki u l-liġijiet tal-UE, tagħmel ir-regoli aktar ċari u aktar faċli biex jinftiehmu u biex jiġu implimentati aktar malajr, mingħajr ma timmina l-objettivi tagħhom jew tnaqqas l-ambizzjonijiet soċjali u ambjentali tal-Unjoni. |
|
(2) |
L-għan ġenerali tal-isforzi ta’ simplifikazzjoni u implimentazzjoni tal-Kummissjoni huwa li jiġu sfruttati l-opportunitajiet, l-innovazzjoni u t-tkabbir biex jissaħħu l-kompetittività, il-prosperità u r-reżiljenza tal-Unjoni. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni hija impenjata li tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħna mal-istituzzjonijiet u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha sabiex ir-responsabbiltà kondiviża twassal għal riżultati aħjar. Il-Pjattaforma REFIT (2014–2019) u l-Pjattaforma Fit for Future (2020–2024) ġew stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 3261 (1) u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2977 (2) biex jappoġġaw dawk l-isforzi u jgħinu lill-Kummissjoni tidentifika oqsma bil-potenzjal li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi. |
|
(4) |
Biex iżżomm l-ambizzjoni tagħha li twassal benefiċċji massimi għan-negozji u għan-nies filwaqt li tevita piżijiet regolatorji bla bżonn, il-Kummissjoni jeħtieġ li tkompli tuża l-għarfien espert tal-ispeċjalisti u tiġbor evidenza minn fuq il-post. |
|
(5) |
Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza mill-pjattaformi REFIT u Fit for Future, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi grupp ta’ esperti ġdid — il-“Pjattaforma tas-Simplifikazzjoni”. Il-Pjattaforma se tlaqqa’ flimkien l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali tal-Istati Membri, il-Kumitat tar-Reġjuni appoġġat min-Network ta’ Ċentri Reġjonali (“RegHubs”), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, is-sħab soċjali, in-negozji żgħar u kbar, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u ambjentali u organizzazzjonijiet mhux governattivi oħra. |
|
(6) |
Il-Pjattaforma se taħdem fuq is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet biex tiġbor evidenza dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE, inkluż fejn rilevanti atti delegati u ta’ implimentazzjoni, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Pjattaforma se tgħin biex jiġu identifikati prattiki ta’ regolamentazzjoni żejda li jistgħu jirriżultaw fi frammentazzjoni tas-suq uniku. Dan se jiffaċilita l-iskambji u l-koordinazzjoni dwar l-istrateġiji ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet u, f’dan il-kuntest se jkun ta’ kontribut għall-aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar. |
|
(7) |
It-teknoloġiji emerġenti joffru opportunitajiet ekonomiċi u soċjali sinifikanti xprunati minn innovazzjoni rapida. Il-leġiżlazzjoni għandha tiffaċilita l-użu li jwassal għat-tkabbir ta’ dawk it-teknoloġiji u tippermetti lill-Unjoni taħsad il-benefiċċji kollha tagħhom. Madankollu, hekk kif il-bidliet jaċċelleraw, in-negozji — b’mod partikolari dawk iżgħar — jirriskjaw li jinqabdu bejn ir-ritmu tal-bidla u l-kapaċità li jadattaw malajr, mingħajr ma’ wieħed jinsa l-kostijiet assoċjati. Għalhekk huwa essenzjali li r-regolamentazzjoni tevita piżijiet addizzjonali u telimina dawk li mhumiex meħtieġa jew li huma eċċessivi. F’dan ir-rigward, il-Pjattaforma tista’ tgħin lill-Kummissjoni tidentifika u tindirizza l-ostakli regolatorji li jxekklu l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-prattika. |
|
(8) |
Il-Pjattaforma se tassisti wkoll lill-Kummissjoni fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet u soluzzjonijiet ta’ diġitalizzazzjoni li jistgħu jkomplu jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għaċ-ċittadini u n-negozji, itejbu l-effiċjenza fil-proċessi regolatorji u jappoġġaw l-implimentazzjoni. |
|
(9) |
Il-Pjattaforma se taħdem fuq aġenda proposta mill-Kummissjoni u se tagħti kontribut f’waqtu u prattiku biex tappoġġa s-simplifikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet, inklużi modi kif tiġi indirizzata r-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li twieġeb għal kwalunkwe talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni, evidenza u involviment mal-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tagħha ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet. Il-kontribut jenħtieġ li jiġi pprovdut fuq bażi kollettiva individwali jew volontarja; jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda rekwiżit biex jintlaħaq kompromess jew biex jiġu adottati kontributi b’kunsens. |
|
(10) |
Il-Pjattaforma tista’ tgħin biex jiġu identifikati oqsma ta’ politika u leġiżlazzjoni fejn jistgħu jinħolqu spejjeż bla bżonn għan-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, kif ukoll għaċ-ċittadini u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u tissuġġerixxi modi biex dan jiġi indirizzat. Il-Pjattaforma se tagħti pariri lill-Kummissjoni dwar kif tista’ ttejjeb l-effiċjenza u l-koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inklużi kwistjonijiet ta’ densità (3) u kumplessità leġiżlattiva. Sa fejn ikun possibbli, il-Pjattaforma se tidentifika jekk il-piżijiet addizzjonali jirriżultawx mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fl-Istati Membri. |
|
(11) |
Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ proċedura u dwar id-divulgazzjoni tal-informazzjoni. |
|
(12) |
Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(13) |
Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika għal perjodu limitat. |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Suġġett
Tiġi stabbilita l-Pjattaforma tas-Simplifikazzjoni (“il-Pjattaforma”).
Artikolu 2
Kompiti
1. Il-Pjattaforma għandha tassisti lill-Kummissjoni fil-ħidma tagħha dwar is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet billi tipprovdi kontribut azzjonabbli dwar il-kwistjonijiet identifikati mill-Kummissjoni, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
2. Il-membri tal-Pjattaforma jistgħu jissuġġerixxu oqsma ta’ politika fejn hemm ħtieġa perċepita għal aktar simplifikazzjoni, jidentifikaw kwistjonijiet rilevanti f’dak ir-rigward, jipprovdu evidenza u suġġerimenti dwar kif għandhom jiġu indirizzati dawk il-kwistjonijiet. Dwar il-kwistjonijiet identifikati, il-Pjattaforma se:
|
(a) |
tassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għadhiex tilħaq l-objettivi tagħha b’mod effettiv u effiċjenti, u fl-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet biex jitnaqqsu l-kumplessità jew il-konformità u l-piżijiet amministrattivi, inkluż permezz tal-użu ta’ għodod diġitali u elettroniċi fejn xieraq; |
|
(b) |
tipprovdi lill-Kummissjoni b’għarfien u pariri dwar kwistjonijiet prattiċi fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-livelli kollha bil-ħsieb li jiġi identifikat il-potenzjal li jitnaqqsu l-piżijiet u r-regolamentazzjoni żejda, u li tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż permezz tad-diġitalizzazzjoni; |
|
(c) |
tiskambja u tipprovdi kontribut dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma ta’ regolamentazzjoni aħjar fi ħdan l-aġenda ta’ simplifikazzjoni u tnaqqis tal-piżijiet fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, inklużi attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati relatati. |
Il-Pjattaforma tista’ tiskambja dwar il-progress tal-aġenda ta’ simplifikazzjoni fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.
Artikolu 3
Sħubija
1. Il-membri tal-Pjattaforma għandhom ikunu:
|
(a) |
sa 15-il espert individwali maħtura mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni identifikati mill-proċedura tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4, li għandhom jirrappreżentaw interess komuni kondiviż mill-partijiet ikkonċernati f’qasam ta’ politika partikolari; |
|
(b) |
l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri mil-livell nazzjonali jew mil-livelli lokali jew reġjonali; |
|
(c) |
il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. |
2. L-esperti maħtura biex jirrappreżentaw interess komuni msemmija fil-paragrafu 1(a) ma għandhomx jirrappreżentaw parti kkonċernata individwali, iżda orjentazzjoni ta’ politika komuni għal organizzazzjonijiet differenti tal-partijiet ikkonċernati. Dawn għandhom jirrappreżentaw lin-negozji, partikolarment lill-intrapriżi żgħar u medji, lis-sħab soċjali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jkollhom esperjenza diretta b’rabta mal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
3. Il-membri tal-Pjattaforma msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (c) għandhom jinnominaw tliet rappreżentanti kull wieħed u għandhom ikunu responsabbli biex jiżguraw li r-rappreżentanti tagħhom jipprovdu livell għoli ta’ għarfien espert fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 2(2).
4. Il-membri tal-Pjattaforma msemmija fil-paragrafu 1, il-punt (b) għandhom jinnominaw rappreżentant kull wieħed.
5. Il-membri kollha tal-Pjattaforma għandhom jinħatru għal perjodu limitat li jikkorrispondi mal-mandat tal-Kummissjoni.
6. Il-membri li jirrappreżentaw interess komuni li ma jibqgħux f’pożizzjoni li jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-ħidma tal-Pjattaforma jew li, fl-opinjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jew li jirriżenjaw, ma għandhomx jibqgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-laqgħat tal-grupp u jistgħu jiġu sostitwiti għall-bqija tal-mandat tagħhom minn kandidat ieħor mil-lista ta’ riżerva msemmija fl-Artikolu 4(4).
Artikolu 4
Proċess tal-għażla
1. L-għażla tal-membri li jirrappreżentaw interess komuni għandha ssir permezz ta’ sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet, ippubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili (5) (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”). Barra minn hekk, is-sejħa għall-applikazzjonijiet tista’ tiġi ppubblikata b’mezzi oħra, inkluż fuq siti web dedikati. Is-sejħa għall-applikazzjonijiet għandha tiddeskrivi b’mod ċar il-kriterji tal-għażla li jinkludu l-livell ta’ għarfien espert u l-interessi meħtieġa li għandhom ikunu rappreżentati b’rabta mal-ħidma li għandha titwettaq. L-iskadenza minima għall-applikazzjonijiet għandha tkun ta’ 4 ġimgħat.
2. Ir-reġistrazzjoni fir-Reġistru tat-Trasparenza (6) hija meħtieġa biex jinħatru individwi li jirrappreżentaw interess komuni.
3. Individwi li jirrappreżentaw interess komuni għandhom jinħatru mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni minn fost speċjalisti li jkunu wieġbu għas-sejħa għall-applikazzjonijiet u li jkunu jissodisfaw il-kriterji tal-għażla deskritti fis-sejħa għall-applikazzjonijiet.
4. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi lista ta’ riżerva ta’ kandidati xierqa li tista’ tintuża għal kwalunkwe sostituzzjoni meħtieġa ta’ membri li jirrappreżentaw interess komuni. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni għandu jitlob il-kunsens tal-applikanti qabel ma jinkludihom fil-lista ta’ riżerva.
Artikolu 5
President
Il-Kummissarju għall-Implimentazzjoni u s-Simplifikazzjoni għandu jippresiedi l-laqgħat plenarji tal-Pjattaforma. Il-Kummissarju jista’ jiġi ssostitwit fejn meħtieġ. Laqgħat oħra minbarra l-laqgħat plenarji għandhom ikunu ppreseduti minn uffiċjali tas-Segretarjat Ġenerali.
Artikolu 6
Ħidma
1. Il-Pjattaforma għandha taġixxi fuq talba tal-President tagħha bl-appoġġ tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, f’konformità mar-regoli orizzontali.
2. Il-membri individwali u r-rappreżentanti tal-membri għandhom jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma. Il-Pjattaforma normalment titlaqqa’ mill-Kummissjoni darbtejn fis-sena f’laqgħa plenarja. Il-laqgħat plenarji tal-Pjattaforma għandhom fil-prinċipju jsiru fil-bini tal-Kummissjoni. Fil-prinċipju, laqgħat oħra għandhom isiru permezz ta’ vidjokonferenza.
3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta abbozz ta’ aġenda u l-kwistjonijiet li dwarhom tkun qed titlob kontribut qabel kull laqgħa plenarja. Il-Pjattaforma normalment ma tqisx suġġetti li jaqgħu taħt il-kriterji ta’ esklużjoni li ġejjin:
|
(a) |
leġiżlazzjoni li tkun qed tiġi eżaminata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala parti mill-proċedura leġiżlattiva fiż-żmien meta jiġi ppreżentat is-suġġeriment tas-suġġett; |
|
(b) |
kwistjoni mingħajr rabta ċara u li tista’ tintwera mat-tnaqqis tal-piżijiet, is-simplifikazzjoni jew l-implimentazzjoni aktar effiċjenti tad-dritt tal-Unjoni jew li tirrikjedi analiżi teknika jew xjentifika barra mill-mandat tal-Pjattaforma, jew it-tnejn li huma; |
|
(c) |
kwistjoni li hija soġġetta għal konsultazzjoni ppjanata jew li tkun għaddejja mas-sħab soċjali. |
4. Il-kontribut ipprovdut mill-membri tal-Pjattaforma għandu jkun azzjonabbli direttament, u joffri kontribut prattiku u bbażat fuq l-evidenza li jista’ jintuża faċilment mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-ħidma ta’ politika u ta’ implimentazzjoni tagħhom.
5. Il-kontribut għandu jiġi pprovdut fuq bażi kollettiva individwali jew volontarja; ma hemm l-ebda rekwiżit biex jintlaħaq kompromess jew biex jiġu adottati kontributi b’kunsens.
6. Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni għandu jaġixxi bħala segretarjat għall-Pjattaforma u jipprovdilha appoġġ amministrattiv.
7. Bi qbil mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Pjattaforma, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha, tista’ tiddeċiedi li d-deliberazzjonijiet għandhom ikunu pubbliċi.
8. Uffiċjali minn dipartimenti oħra tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Pjattaforma.
9. In-network tar-Rappreżentanti tal-SMEs għandu, fuq talba tal-President u f’koordinazzjoni mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Pjattaforma, b’mod partikolari billi jipprovdi kontribut u pariri dwar il-piżijiet u l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni li taffettwa l-intrapriżi żgħar u medji.
10. Is-Segretarjat tal-Pjattaforma, taħt ir-responsabbiltà tal-President, għandu jabbozza l-minuti ta’ kull laqgħa plenarja. Il-minuti għandhom ikunu sinifikanti u kompluti, u jirriflettu l-kontribut minn qabel ippreżentat mill-membri tal-Pjattaforma dwar il-punti tal-aġenda, l-eżitu tad-diskussjoni, u kwalunkwe azzjoni ta’ segwitu impenjata.
11. Sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza, il-ħidma preparatorja qabel il-laqgħat plenarji tista’ titwettaq minn qabel permezz ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub, laqgħat b’vidjokonferenza jew skambji elettroniċi.
Artikolu 7
Esperti mistiedna
1. Il-President jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti esterni b’għarfien espert speċifiku f’suġġett fuq l-aġenda, inklużi esperti mill-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, biex jipparteċipaw f’laqgħa plenarja tal-Pjattaforma.
2. Bi qbil mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, il-Kumitat tar-Reġjuni jista’ jistieden rappreżentanti tar-RegHubs għal-laqgħat plenarji tal-Pjattaforma jew fuq bażi ad hoc.
3. Il-President se jistieden rappreżentant tan-Network ta’ Rappreżentanti tal-SMEs għal-laqgħat plenarji.
Artikolu 8
Regoli ta’ Proċedura
Fuq proposta mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni u bi qbil miegħu, il-Pjattaforma għandha tadotta r-regoli ta’ proċedura bbażati fuq ir-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali.
Artikolu 9
Segretezza professjonali u trattament ta’ informazzjoni klassifikata
Il-membri tal-Pjattaforma u r-rappreżentanti tagħhom u l-esperti mistiedna huma soġġetti għall-obbligi tas-segretezza professjonali, li skont it-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom japplikaw għall-membri kollha tal-Istituzzjonijiet u l-persunal tagħhom. Huma soġġetti wkoll għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-Unjoni stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (7) u (UE, Euratom) 2015/444 (8). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.
Artikolu 10
Trasparenza
1. Il-Pjattaforma għandha tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti.
2. Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-Pjattaforma, id-data li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti:
|
(a) |
l-isem tal-individwi maħtura li jirrappreżentaw interess komuni; u l-interess rappreżentat; |
|
(b) |
l-isem tal-membri tal-korpi tal-UE tal-Pjattaforma (il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew); |
|
(c) |
l-ismijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. |
L-individwi li ma jixtiqux li isimhom jiġi żvelat jistgħu jressqu talba lis-Segretarjat għal deroga minn din ir-regola. Għandha tingħata deroga fejn ikun ġustifikat għal raġunijiet leġittimi konvinċenti fir-rigward tas-sitwazzjoni speċifika tal-individwu, b’mod partikolari fejn l-iżvelar ta’ isem l-esperti jista’ jipperikola s-sigurtà jew l-integrità tagħhom.
3. Id-dokumenti rilevanti kollha, inklużi l-aġendi, il-minuti lesti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti, għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew permezz ta’ link mir-Reġistru għal sit web dedikat, fejn tinsab din l-informazzjoni. L-aċċess għal siti web dedikati ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. Eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu permessi biss meta l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).
4. Il-Pjattaforma għandu jkollha sit web apposta.
Artikolu 11
Spejjeż tal-laqgħat
1. Il-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma ma għandhomx jitħallsu għall-għarfien espert li joffru.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza mġarrba mill-parteċipanti fl-attivitajiet tal-Pjattaforma għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ fil-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lid-dipartimenti tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 12
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Ottubru 2029.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2026
Għall-Kummissjoni
Valdis DOMBROVSKIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) Commission-decision-establishing-refit-platform_may_2015_en.pdf.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2020 li tistabbilixxi l-Pjattaforma Fit for Future C(2020) 2977
eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:32020D0512(01)
(3) Fil-każ tal-leġiżlazzjoni, id-“densità” hija relatata mas-suffiċjenza tal-istabbiliment ta’ prinċipji u objettivi kontra l-ħtieġa li jiġu stabbiliti preskrizzjonijiet tekniċi dettaljati dwar kif għandhom jintlaħqu l-objettivi li jistgħu jinfluwenzaw il-grad ta’ diskrezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali meta jimplimentaw il-leġiżlazzjoni (kif definit fil-ħidma tat-Task Force dwar is-Sussidjarjetà, il-Proporzjonalità u dwar li “Isir Inqas b’Mod Aktar Effiċjenti”).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(5) https://ec.europa.eu/transparency/expert-groups-register/screen/home?lang=mt.
(6) https://transparency-register.europa.eu/index_mt.
(7) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/443/oj).
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/444/oj).
(9) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1049/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/3005/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)