European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/6013

17.11.2026

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2024/2847 (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika)

(C/2026/6013)

Werrej

1.

INTRODUZZJONI 3

1.1.

L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika 3

1.2.

L-għan tal-gwida 3

2.

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI 4

2.1.

Introduzzjoni fis-suq 4

2.2.

Software bħala prodott b’elementi diġitali 5

2.3.

Kodiċi tal-kompjuter 6

2.4.

Kombinament ta’ hardware u software li jifformaw prodott b’elementi diġitali 7

2.5.

Konnessjoni tad-data 8

2.6.

Sistemi kumplessi 8

2.7.

Prodotti b’elementi diġitali ddisinjati qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA 9

3.

SOFTWARE LIBERU U B’SORS MIFTUĦ 11

3.1.

Determinazzjoni ta’ jekk software liberu u b’sors miftuħ huwiex taħt ir-responsabbiltà ta’ dak li jkun 12

3.2.

Determinazzjoni ta’ jekk software liberu u b’sors miftuħ huwiex introdott fis-suq tal-UE 13

3.2.1.

Impożizzjoni ta’ prezz 13

3.2.2.

Il-monetizzazzjoni ta’ servizzi oħra jew li tirrikjedi l-ipproċessar ta’ data personali 13

3.2.3.

Servizzi ta’ appoġġ 14

3.2.4.

Donazzjonijiet 15

3.2.5.

Finanzjament ta’ software liberu u b’sors miftuħ 15

3.2.6.

Entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ stabbiliti biex jiksbu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ 16

3.2.7.

Integrazzjoni minn manifatturi oħra 16

3.3.

L-amministraturi ta’ software b’sors miftuħ 16

3.3.1.

Appoġġ sostnut u l-iżgurar tal-vijabbiltà ta’ FOSS 17

3.4.

Kontributuri u użi downstream 18

3.5.

Xenarji illustrattivi 19

4.

MODIFIKI SOSTANZJALI U SPARE PARTS 21

4.1.

Tiswijiet fiżiċi 22

4.2.

Spare parts 23

4.3.

Aġġornamenti tas-software bħala modifiki sostanzjali 24

4.4.

Il-konsegwenzi ta’ modifika sostanzjali 27

4.4.1.

Modifiki sostanzjali mwettqa minn persuna għajr il-manifattur oriġinali 28

4.4.2.

Modifiki sostanzjali mwettqa mill-manifattur oriġinali 29

5.

PERJODU TA’ APPOĠĠ 29

5.1.

Modifiki sostanzjali u l-perjodu ta’ appoġġ 31

6.

PRODOTTI B’ELEMENTI DIĠITALI IMPORTANTI U KRITIĊI 32

6.1.

Funzjonalità ewlenija 33

6.2.

Valutazzjoni tal-konformità għal prodotti b’elementi diġitali importanti u kritiċi 36

6.3.

Implikazzjonijiet għall-preżunzjoni tal-konformità 38

7.

IL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ U L-INTEGRAZZJONI TA’ PRODOTTI B’ELEMENTI U KOMPONENTI DIĠITALI 41

7.1.

Dwar l-evalwazzjoni u t-trattament tar-riskji għaċ-ċibersigurtà 41

7.2.

Dwar id-disinn, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ prodotti b’elementi diġitali b’tali mod li jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà bbażat fuq ir-riskji 42

7.3.

Valutazzjoni tar-riskju u diliġenza dovuta fir-rigward ta’ dipendenzi esterni u komponenti integrati 42

7.4.

L-użu mill-ġdid tal-valutazzjonijiet tar-riskji u tad-dokumentazzjoni tal-konformità għall-familji ta’ prodotti b’elementi diġitali 44

8.

IPPROĊESSAR TAD-DATA MILL-BOGĦOD 44

8.1.

X’jitqies bħala soluzzjoni għall-ipproċessar tad-data mill-bogħod għal prodott b’elementi diġitali? 45

8.1.1.

Il-kunċett ta’ “mill-bogħod” 46

8.1.2.

In-nuqqas ta’ tali pproċessar tad-data jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu? 46

8.1.3.

Is-software ġie ddisinjat u żviluppat mill-manifattur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu? 47

8.2.

L-implikazzjonijiet prattiċi u tekniċi ta’ soluzzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod u d-dipendenza fuq soluzzjonijiet ta’ partijiet terzi 49

8.3.

Każijiet ta’ użu għal soluzzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod 50

8.3.1.

Applikazzjoni ta’ bbankjar bil-mobile 51

8.3.2.

Termostat intelliġenti 52

8.3.3.

Qarrej elettroniku 53

8.3.4.

Robot industrijali 53

8.3.5.

Network ċellulari 53

9.

ELEMENTI ADDIZZJONALI 54

9.1.

Obbligi ta’ rapportar 54

9.2.

Il-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet 56

9.2.1.

Rapportar upstream u kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ sigurtà 56

9.2.2.

Vulnerabbiltajiet magħrufa li jistgħu jiġu sfruttati 57

9.2.3.

Testijiet u rieżamijiet effettivi u regolari 58

9.3.

Interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra 59

9.3.1.

Ir-Regolament (UE) Nru 2019/2144 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013 59

9.3.2.

Validità taċ-ċertifikati tal-eżami tal-UE tat-tip (l-Artikolu 69(1)) 59

1.   INTRODUZZJONI

1.1.   L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika

1.

Ir-Regolament (UE) 2024/2847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2024 dwar ir-rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali u, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) 2019/1020 u d-Direttiva (UE) 2020/1828 (l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika) (1) daħal fis-seħħ fl-10 ta’ Diċembru 2024. Ir-Regolament għandu l-għan li jsaħħaħ l-approċċ tal-UE għaċ-ċibersigurtà, jindirizza r-reżiljenza ċibernetika fil-livell tal-UE u jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi jistabbilixxi qafas legali uniformi għar-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà għall-introduzzjoni ta’ prodotti b’elementi diġitali fis-suq tal-UE, kif ukoll matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodott b’elementi diġitali.

2.

L-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika (CRA) huwa msawwar fuq il-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid tal-UE (NLF) stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditazzjoni u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 339/93 u d-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (2).

3.

Is-sorveljanza u l-infurzar tas-suq jitwettqu mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq. Il-prodotti b’elementi diġitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA huma koperti mir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011. Il-Kummissjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) jappoġġaw lill-operaturi ekonomiċi u lill-Istati Membri fl-applikazzjoni tas-CRA.

1.2.   L-għan tal-gwida

4.

L-Artikolu 26(1) tas-CRA jirrikjedi lill-Kummissjoni tippubblika gwida biex tassisti lill-operaturi ekonomiċi fl-applikazzjoni tar-Regolament, b’enfasi partikolari fuq l-iffaċilitar tal-konformità min-naħa tal-intrapriżi mikro u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-Artikolu 26(2) jistabbilixxi l-aspetti minimi li għandhom jiġu indirizzati fil-gwida. Dawn jinkludu: (i) il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA (b’mod partikolari is-soluzzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data mill-bogħod u s-software liberu u b’sors miftuħ); (ii) il-kunċett ta’ “perjodi ta’ appoġġ”; (iii) l-interazzjoni bejn is-CRA u leġiżlazzjoni oħra tal-UE; u (iv) il-kunċett ta’ “modifika sostanzjali”.

5.

Fit-3 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni ppubblikat sensiela ta’ mistoqsijiet frekwenti (FAQs), li huma maħsuba biex jgħinu lill-operaturi ekonomiċi jħejju għall-implimentazzjoni tas-CRA (3).

6.

Din il-gwida hija maħsuba biex tgħin lill-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mas-CRA u biex tappoġġa l-attivitajiet tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq, tal-awtoritajiet notifikanti u tal-korpi notifikati, bil-ħsieb li jiġi żgurat l-infurzar armonizzat tas-CRA madwar l-Unjoni. Din il-gwida ma hijiex maħsuba biex tkopri s-CRA fil-kamp ta’ applikazzjoni kollu tiegħu, iżda pjuttost biex tipprovdi kjarifiki dwar ir-raġunament ta’ ċerti dispożizzjonijiet ewlenin u kif jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. Din il-gwida tikkonċerna s-CRA u ma hijiex applikabbli għal liġijiet oħra tal-UE.

7.

Il-partijiet ikkonċernati, inkluż il-Grupp ta’ Esperti dwar iċ-Ċibersigurtà ta’ prodotti b’elementi diġitali (4), ġew ikkonsultati b’mod estensiv fit-tħejjija ta’ din il-gwida, anki permezz ta’ konsultazzjoni pubblika li saret bejn it-3 ta’ Marzu u t-13 ta’ April 2026 (5).

8.

Din il-gwida ma hijiex vinkolanti għall-operaturi ekonomiċi jew għal atturi oħra soġġetti għas-CRA. Interpretazzjoni awtorevoli tas-CRA tista’ tingħata biss mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-interpretazzjoni tas-CRA mill-Kummissjoni, bil-għan li jgħinu ħalli jkun hemm il-konformità filwaqt li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament. Barra minn hekk, il-gwida fiha għadd ta’ eżempji li juru kif jiġu applikati xi dispożizzjonijiet speċifiċi. Madankollu, dawn l-eżempji ma humiex maħsuba biex jissostitwixxu valutazzjoni każ b’każ, li dejjem se tkun meħtieġa biex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta’ kull każ individwali.

9.

F’konformità mal-Artikolu 26 tas-CRA, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li toħroġ gwida ulterjuri, inkluża gwida għall-manifatturi soġġetti għas-CRA u għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni jew għal atti legali oħra relatati tal-Unjoni. Din il-gwida tista’, pereżempju, tindirizza mistoqsijiet dwar l-interazzjoni bejn is-CRA u r-Regolament (UE) 2024/1689 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-IA), u r-Regolament (UE) 2022/2554 dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju (DORA).

2.   KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

2.1.   Introduzzjoni fis-suq

10.

Is-CRA tapplika għal prodotti b’elementi diġitali mqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq tal-UE. Il-kunċett ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq huwa ddefinit fl-Artikolu 3(22) tas-CRA bħala “il-provvista ta’ prodott b’elementi diġitali għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas”. F’konformità mal-Artikolu 3(21), prodott b’elementi diġitali jiġi introdott fis-suq tal-UE l-ewwel darba li jsir disponibbli.

11.

L-aħħar edizzjoni tal-“Gwida Blu dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE” ippubblikata fl-2022 (minn issa ’l quddiem, “il-Gwida Blu”) (6), tipprovdi gwida li tiffaċilita l-fehim tar-regoli ta-prodotti tal-UE u l-applikazzjoni uniformi tagħhom fl-oqfsa legali settorjali differenti allinjati mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid (NLF), bħas-CRA. Il-Gwida Blu tindika li l-kunċetti ta’ “introduzzjoni fis-suq” u ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni” għandhom jinftiehmu li jirreferu “għal kull prodott individwali, mhux għal tip ta’ prodott, u jekk ġiex immanifatturat bħala unità individwali jew f’serje” (it-Taqsima 2.3).

12.

Għal prodotti b’elementi diġitali aktar “tradizzjonali” koperti mill-NLF, bħal hardware fil-forma ta’ makkinarju jew prodotti ta’ tagħmir tar-radju b’elementi diġitali, il-kunċett ta’ “introduzzjoni fis-suq” huwa stabbilit sew, u l-Gwida Blu tipprovdi gwida ulterjuri biex tiċċara meta tali prodotti jitqiesu li huma introdotti fis-suq. L-“eżempji fil-qosor” li jinsabu fit-Taqsima 2.12 tal-Gwida Blu jipprovdu eżempji ulterjuri tal-kunċett ta’ “introduzzjoni fis-suq”.

13.

Madankollu, minħabba n-natura ta’ prodotti b’elementi diġitali intanġibbli bħal software awtonomu, hija meħtieġa aktar gwida dwar meta tali prodotti b’elementi diġitali jitqiesu introdotti fis-suq. Ladarba l-fażi tal-manifattura tas-software tkun kompluta u l-prodott b’elementi diġitali jiġi offrut lill-utenti prospettivi fis-suq tal-UE, il-manifattur tiegħu jista’ jitqies li jkun immanifattura diversi kopji tal-istess prodott tas-software b’elementi diġitali u jkun ipprovdih għad-distribuzzjoni jew għall-użu. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ prodotti b’elementi diġitali tanġibbli, is-software awtonomu ma huwiex soġġett għal produzzjoni fiżika jew limitazzjonijiet fl-istokk: kull att li jagħmel lis-software disponibbli għat-tniżżil jew għad-distribuzzjoni jirriżulta fil-ħolqien ta’ kopja identika ġdida għall-utent. Sakemm din il-verżjoni tas-software ma tiġix immodifikata b’mod li jaffettwa l-konformità mas-CRA, l-introduzzjoni fis-suq tal-UE għandha titqies li tkun seħħet fil-mument tal-ewwel offerta għad-distribuzzjoni jew għall-użu. Għalhekk, il-possibbiltà ta’ tniżżil jew distribuzzjoni sussegwenti ta’ din il-verżjoni tal-prodott tas-software b’elementi diġitali għandha titqies bħala każ fejn dan il-prodott tas-software b’elementi diġitali jitqiegħed għad-dispożizzjoni (7).

14.

Għalhekk, prodott tas-software awtonomu b’elementi diġitali jenħtieġ li jitqies li ġie introdott fis-suq meta l-fażi ta’ manifattura tiegħu tkun tlestiet u dak is-software jiġi pprovdut għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni jew għall-użu fis-suq tal-UE matul attività kummerċjali. Il-manifattur jenħtieġ li jitqies li introduċa fis-suq diversi kopji tal-istess prodott tas-software b’elementi diġitali fl-istess ħin. Għalhekk, għalkemm kopji multipli tal-istess software jibqgħu prodotti b’elementi diġitali individwali, dawn jitqiesu introdotti fis-suq fl-istess ħin, irrispettivament minn meta l-pussess jew l-użu ta’ kull kopja individwali jiġi ttrasferit lil persuna fiżika jew ġuridika oħra. Fl-istess ħin, meta l-manifattur iqiegħed software għad-dispożizzjoni f’varjanti differenti li jvarjaw fil-komponenti, fil-konfigurazzjonijiet jew fil-funzjonalitajiet attivati inklużi tagħhom (pereżempju, verżjonijiet għal sistemi operatorji differenti jew pakketti b’settijiet ta’ karatteristiċi differenti), dawk il-varjanti ma jistgħux jitqiesu bħala kopji multipli tal-istess prodott tas-software b’elementi diġitali. Għalhekk, dawn jenħtieġ li jiġu ttrattati bħala prodotti b’elementi diġitali distinti għall-finijiet tal-introduzzjoni fis-suq.

Eżempju 1: Fl-1 ta’ Jannar 2028, il-kumpanija A tipprovdi għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni permezz tas-sit web tagħha l-verżjoni 1.0.0 tas-software tagħha X. Fl-istess jum, il-klijent 1 jixtri kopja tal-verżjoni 1.0.0 tas-software X. Fil-15 ta’ Jannar 2028, il-klijent 2 jixtri kopja tal-verżjoni 1.0.0 tas-software X. Iż-żewġ kopji tal-verżjoni 1.0.0 tas-software X huma introdotti fis-suq fl-1 ta’ Jannar 2028.

15.

Minħabba n-natura iterattiva tal-iżvilupp tas-software, jenħtieġ li jiġi ċċarat ulterjorment li l-iterazzjonijiet sussegwenti ta’ prodott tas-software b’elementi diġitali jitqiesu bħala introdotti fis-suq għall-ewwel darba meta dawk l-iterazzjonijiet jikkwalifikaw bħala “modifika sostanzjali” ta’ prodott tas-software b’elementi diġitali diġà introdott fis-suq, kif huwa indikat fil-premessa 41 tas-CRA. Iterazzjonijiet li ma jikkwalifikawx bħala modifiki sostanzjali ma jeħtiġux li l-manifattur iwettaq proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità ġdida u għalhekk ma jibdlux id-data tal-introduzzjoni ta’ dak is-software fis-suq. Għal aktar gwida dwar il-kunċett ta’ modifiki sostanzjali ara t-Taqsima 4 Substantial modifications.

Eżempju 2: Fl-1 ta’ Jannar 2028, il-kumpanija A l-ewwel tipprovdi għad-distribuzzjoni permezz tas-sit web tagħha l-verżjoni 1.0.0 tas-software X. Fl-istess jum, il-klijent 1 jixtri kopja tal-verżjoni 1.0.0 tas-software X. Fil-15 ta’ Jannar 2028, il-kumpanija A toħroġ il-verżjoni aġġornata 1.0.1 tas-software X li ma tikkostitwix modifika sostanzjali. Fit-30 ta’ Jannar 2028, il-klijent 2 jixtri kopja tal-verżjoni 1.0.1 tas-software X. Iż-żewġ kopji tal-verżjoni 1.0.0 u 1.0.1 tas-software X jitqiesu li ġew introdotti fis-suq fl-1 ta’ Jannar 2028.

16.

Il-gwida stabbilita fil-punti 13, 14 u 15 tapplika esklużivament sa fejn il-prodott b’elementi diġitali jkun software awtonomu. Dan ma huwiex il-każ, pereżempju, meta s-software ikun ikkombinat ma’ hardware, kif diskuss fit-Taqsima 2.4 Combination of hardware and software forming a product.

2.2.   Software bħala prodott b’elementi diġitali

17.

L-Artikolu 3(1) tas-CRA jiddefinixxi prodott b’elementi diġitali bħala “prodott tas-software jew tal-hardware u s-soluzzjonijiet remoti tiegħu għall-ipproċessar tad-data, inklużi komponenti tas-software jew tal-hardware introdotti fis-suq separatament”. Tali prodotti b’elementi diġitali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA meta l-iskop maħsub jew l-użu raġonevolment prevedibbli tagħhom jinkludi konnessjoni diretta jew indiretta ta’ data loġika jew fiżika ma’ apparat jew ma’ network.

18.

Għalhekk, is-CRA jista’ jkopri firxa ta’ prodotti b’elementi diġitali, inklużi: (i) software awtonomu, bħal applikazzjonijiet u programmi tal-kompjuter, kemm jekk distribwiti b’mod diġitali kif ukoll jekk fiżikament; (ii) hardware b’software inkorporat (eż. apparat tal-internet tal-oġġetti, laptops, tablets); (iii) hardware awtonomu (eż. ċirkwiti integrati, motherboards); u (iv) kwalunkwe kombinament ta’ hardware u software ipprovduti separatament iżda maħsuba biex jaħdmu flimkien.

19.

Għalhekk, is-software awtonomu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA meta jiġi introdott fis-suq bħala prodott b’elementi diġitali. Huwa utli li ssir distinzjoni bejn prodotti tas-software b’elementi diġitali li huma soġġetti għas-CRA u l-provvista mill-bogħod ta’ servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

20.

Sabiex is-software jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA, prodott tas-software b’elementi diġitali jrid jiġi pprovdut lil utent, miksub minn dak l-utent u mħaddem fuq sistema ta’ informazzjoni elettronika, jew bħala parti minnha, fuq in-naħa tal-utent. Software li jitniżżel, jiġi installat jew inkella jiġi pprovdut lill-utent u li jeżegwixxi fuq is-sistema ta’ informazzjoni elettronika tal-utent jissodisfa dawn il-kriterji, inkluż pereżempju meta jieħu l-forma ta’ estensjoni tal-brawżer jew applikazzjoni żviluppata bl-użu ta’ teknoloġiji tal-web iżda pprovduta għal eżekuzzjoni lokali.

21.

B’kuntrast ma’ dan, software li jeżegwixxi mill-bogħod u huwa sempliċiment aċċessat mill-utent ma huwiex, fuq dik il-bażi biss, prodott b’elementi diġitali. Il-premessi 11 u 12 tas-CRA, fil-fatt, jagħmlu din id-distinzjoni, billi jispjegaw li l-ipproċessar jew il-ħżin mill-bogħod huwa soġġett għas-CRA biss sa fejn ikun meħtieġ li prodott b’elementi diġitali jwettaq il-funzjonijiet tiegħu (jiġifieri permezz tal-kunċett ta’ pproċessar tad-data mill-bogħod kif definit fl-Artikolu 3(2)), u mhux li hu nnifsu huwa prodott b’elementi diġitali. Dan huwa tipikament il-każ għall-applikazzjonijiet tal-web, inklużi l-applikazzjonijiet tal-web progressivi, fejn jiġu aċċessati esklużivament permezz ta’ brawżer tal-web. L-istess japplika għas-siti web: għalkemm is-siti web jistgħu, sa ċertu punt, teknikament jaħdmu u jeżegwixxu fuq l-apparat tal-utent, mill-premessa 12 tas-CRA jirriżulta li s-siti web ma għandhomx jitqiesu bħala prodotti b’elementi diġitali, u jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA biss meta jappoġġaw il-funzjonalità ta’ prodott b’elementi diġitali, jiġifieri sa fejn jikkwalifikaw bħala pproċessar tad-data mill-bogħod (kif huwa spjegat ulterjorment fit-Taqsima 8 u b’mod partikolari 8.1.2 Would the absence of such data processing prevent the product with digital elements from performing one of its functions?).

Eżempju 3: applikazzjoni mobbli li utent iniżżel minn ħanut tal-applikazzjonijiet u jinstalla fuq l-ismartphone tiegħu hija pprovduta lill-utent u teżegwixxi fuq l-apparat tal-utent u għalhekk hija prodott b’elementi diġitali. Meta tiġi introdotta fis-suq matul attività kummerċjali, din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

Eżempju 4: applikazzjoni tad-desktop mibnija bl-użu ta’ teknoloġiji tal-web iżda imballata għall-installazzjoni lokali hija pprovduta lill-utent u teżegwixxi fuq l-apparat tal-utent, u għalhekk hija prodott b’elementi diġitali. Meta tiġi introdotta fis-suq matul attività kummerċjali, din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

Eżempju 5: applikazzjoni tal-web aċċessata mill-utent esklużivament permezz ta’ brawżer tal-web ma hijiex prodott b’elementi diġitali. Sakemm ma tappoġġax il-funzjonalità ta’ prodott b’elementi diġitali, din ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA. B’kuntrast ma’ dan, applikazzjoni pprovduta lill-utent bħala klijent installat lokalment li teżegwixxi fuq l-apparat tal-utent hija prodott b’elementi diġitali. Meta tiġi introdotta fis-suq matul attività kummerċjali, din tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

Jekk dak il-klijent jibbaża, sabiex iwettaq funzjoni waħda jew aktar tiegħu, fuq l-ipproċessar tad-data mill-bogħod li jissodisfa d-definizzjoni tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod, dak l-ipproċessar tad-data mill-bogħod huwa wkoll parti mill-prodott b’elementi diġitali.

Eżempju 6: sit web li sempliċiment jippreżenta informazzjoni lill-viżitaturi tiegħu u ma jappoġġax il-funzjonalità ta’ prodott b’elementi diġitali fih innifsu ma huwiex prodott b’elementi diġitali. Għalhekk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

2.3.   Kodiċi tal-kompjuter

22.

Huwa utli wkoll li jiġi ċċarat jekk kodiċi tas-sors jistax jikkostitwixxi prodott tas-software b’elementi diġitali. Is-CRA tiddefinixxi s-software bħala “il-parti ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika li tikkonsisti f’kodiċi tal-kompjuter” (l-Artikolu 3(4)). Il-kodiċi tal-kompjuter jista’ jieħu l-forma ta’ (i) kodiċi tal-magna, li huwa s-sett ta’ struzzjonijiet eżegwiti direttament mill-proċessur ta’ kompjuter, miktub f’format binarju; jew (ii) kodiċi tas-sors, jiġifieri s-sett ta’ struzzjonijiet u dikjarazzjonijiet miktuba b’lingwa ta’ programmazzjoni, li jridu jiġu kkompilati jew interpretati biex jiġu eżegwiti minn kompjuter. Id-definizzjoni ta’ software stabbilita fis-CRA tkopri t-tnejn.

23.

Kwistjoni separata hija jekk provvista partikolari ta’ kodiċi tal-kompjuter tammontax għall-introduzzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali fis-suq tal-UE, li jirrikjedi provvista matul attività kummerċjali. Dan spiss jista’ ma jkunx il-każ għall-kodiċi tas-sors. Pereżempju, persuna fiżika jew ġuridika li tikkondividi kodiċi tal-kompjuter liberu u b’sors miftuħ fuq repożitorji aċċessibbli għall-pubbliku ġeneralment ma titqiesx li qed tintroduċi dak il-kodiċi fis-suq tal-UE għall-finijiet tas-CRA (kif diskuss f’aktar dettall fit-Taqsima 3 Free and open-source software). Kodiċi mhux lest kondiviż matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp ta’ prodott b’elementi diġitali (eż. għall-ittestjar jew għal analiżi) lanqas ma jitqies li huwa introdott fis-suq għall-finijiet tas-CRA, peress li l-fażi tal-manifattura tiegħu ma tkunx kompluta. Bl-istess mod, kodiċi kampjun jew dimostrattiv ipprovdut bħala parti minn tutorials jew materjal ta’ taħriġ ukoll ma jitqiesx introdott fis-suq għall-finijiet tas-CRA (8).

24.

Min-naħa l-oħra, meta manifattur jipprovdi lill-klijenti tiegħu b’kodiċi tal-kompjuter bħala prodott b’elementi diġitali, dak il-kodiċi jitqies li huwa introdott fis-suq, irrispettivament minn jekk huwiex kodiċi tal-magna jew kodiċi tas-sors (9).

Eżempju 7: Il-kumpanija A tagħti liċenzja tal-kodiċi tas-sors lill-kumpanija B għal pjattaforma interna li tista’ tiġi ppersonalizzata, u tipprovdi dak il-kodiċi tas-sors f’fajl ta’ test. Anke jekk dak il-kodiċi tas-sors jirrikjedi adattament u kompilazzjoni ulterjuri mill-kumpanija B qabel ma jintuża, il-kumpanija A qed tintroduċi dak il-kodiċi tas-sors fis-suq u għalhekk hija soġġetta għas-CRA. Il-kumpanija A ma hijiex responsabbli mill-konformità mas-CRA tal-adattamenti u l-kompilazzjoni sussegwenti ta’ dak il-kodiċi mill-kumpanija B.

2.4.   Kombinament ta’ hardware u software li jifformaw prodott b’elementi diġitali

25.

Jekk is-software jiffurmax parti minn prodott b’elementi diġitali jenħtieġ li iġi ddeterminat mhux minn kif jew meta dak is-software jiġi kkonsenjat lill-utent, iżda minn jekk, fid-dawl tal-iskop maħsub u l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott, is-software huwiex meħtieġ għall-prodott b’elementi diġitali biex iwettaq il-funzjonijiet maħsuba tiegħu. Meta prodott tal-hardware b’elementi diġitali jkun iddisinjat biex jaħdem flimkien ma’ software speċifiku pprovdut mill-istess manifattur sabiex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu, il-hardware u dak is-software flimkien jikkostitwixxu l-prodott b’elementi diġitali. Software li huwa meħtieġ biex iħaddem, jikkonfigura, jikkontrolla jew juża prodott b’elementi diġitali f’konformità mal-iskop maħsub tiegħu huwa għalhekk parti mill-prodott b’elementi diġitali, anke jekk jinkiseb permezz ta’ kanal separat (eż. ħanut tal-applikazzjonijiet, link tat-tniżżil jew kanal diġitali ieħor wara li l-prodott tal-hardware b’elementi diġitali jkun ġie introdott fis-suq). Għalhekk, l-introduzzjoni tiegħu fis-suq isseħħ fl-istess ħin li l-unitajiet tal-prodotti tal-hardware b’elementi diġitali jiġu introdotti fis-suq.

Eżempju 8: Printer tan-network jiġi introdott fis-suq bħala prodott tal-hardware b’elementi diġitali, filwaqt li d-drivers tas-software meħtieġa biex jibagħtu x-xogħol tal-istampar, jikkonfiguraw l-apparat u jimmaniġġaw it-tħaddim tiegħu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biex jitniżżlu mis-sit web tal-manifattur. Għalkemm il-printer u d-drivers huma pprovduti permezz ta’ kanali differenti, flimkien jikkostitwixxu prodott b’elementi diġitali wieħed, minħabba li l-printer ma jistax jissodisfa l-iskop maħsub tiegħu mingħajr id-drivers.

Eżempju 9: Fis-suq jiġi introdott apparat tas-saħħa fiżika li jintlibes biex ikejjel ir-rata tal-qalb u l-attività ta’ utent, filwaqt li applikazzjoni fuq l-ismartphone ipprovduta mill-manifattur hija meħtieġa biex jintwerew il-kejl u r-riżultati preċedenti u biex tippermetti l-konfigurazzjoni tal-apparat. Għalkemm l-applikazzjoni titniżżel separatament minn ħanut tal-applikazzjonijiet, l-apparat li jintlibes u l-applikazzjoni flimkien jikkostitwixxu prodott wieħed b’elementi diġitali, minħabba li huma ddisinjati u maħsuba biex jaħdmu flimkien biex iwasslu l-funzjonalità tal-prodott b’elementi diġitali.

2.5.   Konnessjoni tad-data

26.

L-Artikolu 2(1) jiddikjara li s-CRA “japplika għal prodotti b’elementi diġitali mqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq, li l-iskop maħsub jew l-użu raġonevolment prevedibbli tagħhom jinkludi konnessjoni diretta jew indiretta ta’ data loġika jew fiżika ma’ apparat jew ma’ network”. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA ma jibbażax biss fuq is-sempliċi preżenza tal-elettronika, iżda fil-kapaċità ta’ prodott b’elementi diġitali li jiskambja informazzjoni diġitali.

27.

Għalkemm it-termini “konnessjoni loġika” u “konnessjoni fiżika” huma definiti fl-Artikolu 3, is-CRA ma jiddefinix “konnessjoni tad-data” jew “data diġitali”. Għalhekk, huwa utli li tiġi stabbilita interpretazzjoni ta’ x’inhi konnessjoni tad-data, sabiex jiġi ċċarat il-konfini tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA. Dan il-konfini huwa partikolarment importanti biex issir distinzjoni bejn prodotti b’elementi diġitali li sempliċiment jużaw sinjali elettriċi minn dawk li jipparteċipaw fil-komunikazzjoni diġitali u għalhekk huma esposti għar-riskji taċ-ċibersigurtà.

28.

Fl-aktar livell bażiku tagħha, konnessjoni tad-data tinvolvi t-trażmissjoni ta’ informazzjoni f’forma binarja, jiġifieri bħala sekwenza tan-numri 0 u 1. Is-sempliċi xegħil u tifi ta’ output (jiġifieri 0/1) waħdu ma jikkostitwix konnessjoni tad-data jekk dawk l-istati ma jkunux maħsuba biex jirrappreżentaw data jew ma jinqrawx minn input diġitali. Biex teżisti konnessjoni tad-data, l-istati binarji jridu jiġu kkodifikati deliberatament bħala informazzjoni minn sors u jridu jkunu jistgħu jiġu ddekodifikati bħala informazzjoni fid-destinazzjoni. Fi kliem ieħor, irid ikun hemm mittent li jiġġenera b’mod deliberat simboli diġitali skont skema definita, u riċevent li jkun kapaċi jinterpreta dawk is-simboli bħala data. Meta s-sinjali elettriċi jew elettroniċi jintużaw biss biex jattivaw jew iħaddmu funzjoni, mingħajr ma jwasslu informazzjoni kkodifikata b’mod diġitali, ma teżisti l-ebda konnessjoni tad-data għall-finijiet tas-CRA u għalhekk il-prodott b’elementi diġitali ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1).

2.6.   Sistemi kumplessi

29.

Il-prodotti b’elementi diġitali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA jistgħu jikkonsistu mhux biss minn apparati uniċi jew komponenti tas-software, iżda wkoll minn sistemi kumplessi, inklużi sistemi magħmula minn diversi elementi ta’ hardware u software li jaħdmu flimkien biex iwettqu ċerta funzjoni. Meta tali sistema tiġi introdotta fis-suq bħala prodott b’elementi diġitali wieħed, din tikkostitwixxi prodott b’elementi diġitali skont it-tifsira tas-CRA.

30.

Sistemi kumplessi bħal dawn spiss ikunu kkaratterizzati minn ċikli twal ta’ disinn u żvilupp, b’kuntratti li setgħu ġew iffirmati qabel ma japplika s-CRA, ħajja operattiva estiża u grad għoli ta’ kumplessità teknika u organizzazzjonali. Sistemi bħal dawn, li għandhom jiġu introdotti fis-suq wara d-data ta’ applikazzjoni tas-CRA, jistgħu jiddependu fuq komponenti introdotti fis-suq qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA, fuq arkitetturi stabbiliti jew fuq standards ta’ interoperabbiltà użati b’mod wiesa’, inklużi standards imsemmija f’leġiżlazzjoni oħra tal-UE jew f’oqfsa speċifiċi għas-settur. B’riżultat ta’ dan, jista’ jkun diffiċli jew sproporzjonat li ċerti karatteristiċi tekniċi ta’ dawk is-sistemi jiġu mmodifikati mingħajr ma jiġu affettwati l-iskop maħsub, is-sikurezza, l-affidabbiltà jew l-interoperabbiltà tagħhom mal-infrastruttura eżistenti.

31.

Dawn il-karatteristiċi fihom infushom ma jeskludux sistemi kumplessi mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA. Pjuttost, juru l-applikazzjoni tal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju tas-CRA, li jippermetti li l-konformità tintwera b’modi differenti skont il-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet tal-prodott b’elementi diġitali, f’konformità mal-Artikolu 13(3) tas-CRA. Dawk il-karatteristiċi jifformaw parti mill-iskop maħsub u mill-kuntest operattiv tiegħu u għalhekk huma rilevanti meta tiġi vvalutata l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà (ir-“rekwiżiti essenzjali”). B’mod partikolari, il-premessa 55 tirrikonoxxi b’mod espliċitu li ċerti rekwiżiti essenzjali jistgħu ma jkunux kompletament kompatibbli man-natura ta’ prodott b’elementi diġitali. Pereżempju, dan jista’ jkun il-każ meta l-konformità timmina r-rekwiżiti obbligatorji tal-interoperabbiltà jew il-funzjonament xieraq tas-sistema.

32.

Għaldaqstant, il-manifatturi huma meħtieġa jindirizzaw ir-riskji taċ-ċibersigurtà abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju taċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 13(2). Kif tispjega wkoll il-premessa 55, f’xi każijiet, rekwiżiti essenzjali speċifiċi ma humiex applikabbli jew ma jistgħux jiġu ssodisfati permezz tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ sigurtà mill-aktar avvanzati minħabba, pereżempju, l-iskop maħsub tas-sistema, li jirrikjedi li l-prodott b’elementi diġitali jinteraġixxi ma’ dipendenzi eżistenti jew isegwi ċerti rekwiżiti ta’ interoperabbiltà. F’każijiet bħal dawn, il-manifatturi jenħtieġ li jidentifikaw u jiddokumentaw dawk ir-restrizzjonijiet speċifiċi, jivvalutaw ir-riskji assoċjati, u jimplimentaw miżuri alternattivi jew kumpensatorji xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskju, sabiex ma jdgħajfux is-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Għal dawn il-finijiet, kemm id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 31 kif ukoll l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet lill-utent imsemmija fl-Anness II għandhom rwol ewlieni fid-deskrizzjoni trasparenti tar-restrizzjonijiet identifikati, ir-riskji assoċjati għaċ-ċibersigurtà u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju implimentati. F’konformità mal-obbligu li l-valutazzjoni tar-riskju tinżamm aġġornata matul il-perjodu ta’ appoġġ, jenħtieġ ukoll li l-manifatturi jirrivalutaw perjodikament jekk tali restrizzjonijiet għadhomx ikomplu jeżistu. Meta tali restrizzjonijiet ikunu jistgħu jitneħħew jew jitnaqqsu mal-milja taż-żmien, il-manifatturi jenħtieġ li jaġġornaw il-prodott b’elementi diġitali kif xieraq sabiex ikun jista’ jimxi lejn livell xieraq ta’ ċibersigurtà (10).

Eżempju 10: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott b’elementi diġitali li jikkomunika ma’ sistemi esterni bl-użu ta’ protokoll tan-network. Bħala parti mill-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali, il-manifattur jiddetermina, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, li l-użu ta’ protokoll ta’ komunikazzjoni sigur huwa meħtieġ biex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-integrità tad-data skambjata mill-prodott b’elementi diġitali.

Madankollu, l-iskop maħsub tiegħu jinkludi l-interoperabbiltà ma’ sistemi eżistenti li jappoġġaw biss protokoll eqdem jew inqas sigur. F’każijiet bħal dawn, il-manifattur jista’ jimplimenta dak il-protokoll meta dan ikun meħtieġ biex jikseb l-interoperabbiltà, dment li r-riskji għaċ-ċibersigurtà assoċjati jiġu identifikati u mmitigati permezz ta’ mezzi oħra.

Meta jkun teknikament fattibbli li l-prodott b’elementi diġitali jappoġġa kemm il-protokoll sigur kif ukoll il-protokoll inqas sigur, il-manifattur huwa mistenni li jimplimenta l-protokoll sigur u li jippermetti l-użu tiegħu b’mod awtomatiku. Il-protokoll inqas sigur ikun permess biss meta jkun meħtieġ għall-interoperabbiltà.

Eżempju 11: Manifattur ta’ sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali jixtri xi mikrokontrolluri qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA. Il-manifattur iwettaq il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għas-sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali tiegħu li trid tiġi introdotta fis-suq wara d-data ta’ applikazzjoni tas-CRA. Abbażi ta’ dik il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, il-manifattur ma jidentifikax riskji speċifiċi għaċ-ċibersigurtà assoċjati mal-użu ta’ wieħed minn dawk il-mikrokontrolluri. Il-manifattur jintegrah fis-sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali tiegħu u jiżgura li l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa (is-sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali) jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali.

2.7.   Prodotti b’elementi diġitali ddisinjati qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA

33.

F’xi każijiet, manifattur jintroduċi fis-suq, wara d-data ta’ applikazzjoni tas-CRA fil-11 ta’ Diċembru 2027, unitajiet ta’ prodott b’elementi diġitali mmanifatturati f’konformità ma’ tip jew mudell iddisinjat u żviluppat qabel id-data tal-applikazzjoni tas-CRA. F’każijiet bħal dawn, il-konformità ma’ dan ir-Regolament ma tirrikjedix neċessarjament li dawk l-unitajiet tal-prodott b’elementi diġitali jiġu ddisinjati mill-ġdid. Il-manifattur huwa meħtieġ li jwettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 13(2) tas-CRA sabiex jiddetermina, abbażi tal-għan maħsub u tal-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott b’elementi diġitali, liema mir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I huma applikabbli għal dak il-prodott b’elementi diġitali, u kif jiġu implimentati dawk ir-rekwiżiti.

34.

Meta l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni tar-riskju juri li l-prodott b’elementi diġitali diġà jinkorpora miżuri ta’ sigurtà xierqa u effettivi li jindirizzaw ir-riskji rilevanti, il-manifattur jista’ jibbaża fuq dawk il-miżuri eżistenti biex juri l-konformità mas-CRA. Is-CRA fih innifsu ma jimponix obbligu li jiġu introdotti karatteristiċi ta’ sigurtà ġodda jew li l-prodott b’elementi diġitali jiġi ddisinjat mill-ġdid fejn dan ma jkunx meħtieġ biex jiġu indirizzati r-riskji identifikati.

35.

Madankollu, il-manifattur jibqa’ soġġett għall-obbligi stabbiliti fis-CRA. Dawn jinkludu li jiġi żgurat, qabel l-introduzzjoni tal-prodott b’elementi diġitali fis-suq, li tkun twettqet il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli, li tkun tfasslet id-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-UE u li tkun twaħħlet il-marka CE. Il-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti hija indipendenti minn jekk id-disinn tal-prodott b’elementi diġitali kienx jeħtieġ modifika bħala riżultat tal-valutazzjoni tar-riskju. Għall-prodotti b’elementi diġitali ddisinjati qabel id-data tal-applikazzjoni tas-CRA, iżda introdotti fis-suq wara dik id-data, meta ma jkunx possibbli għall-manifattur li juri kif il-valutazzjoni tar-riskju tqieset matul il-fażi tad-disinn u tal-iżvilupp tal-prodott b’elementi diġitali, l-obbligu tal-Artikolu 13(2) għandu jinftiehem bħala li jirrikjedi li l-manifatturi jwettqu valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u juru fuq dik il-bażi li l-prodott b’elementi diġitali jinkorpora miżuri ta’ sigurtà adegwati bil-għan li jiġu minimizzati r-riskji għaċ-ċibersigurtà, jiġu evitati l-inċidenti u jiġi mminimizzat l-impatt tagħhom, inkluż fir-rigward tas-saħħa u s-sikurezza tal-utenti.

36.

Għaldaqstant, prodotti b’elementi diġitali ddisinjati qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA jistgħu jiġu introdotti fis-suq skont is-CRA mingħajr disinn mill-ġdid, dment li l-manifattur ikun jista’ juri, permezz tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u d-dokumentazzjoni teknika, li l-prodott b’elementi diġitali jikseb livell xieraq ta’ ċibersigurtà fid-dawl tal-iskop maħsub u tal-użu raġonevolment prevedibbli tiegħu u jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà.

37.

Barra minn hekk, huwa utli li tiġi ċċarata l-applikazzjoni tal-obbligi ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali li jiġu introdotti fis-suq wara d-data ta’ applikazzjoni tas-CRA, iżda mmanifatturati f’konformità ma’ tip jew mudell iddisinjat u żviluppat qabel dik id-data. F’konformità mal-Artikolu 13(12), il-manifattur huwa meħtieġ juri permezz tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti li l-prodott b’elementi diġitali tiegħu huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli u jinkludi evidenza għal dak il-għan fid-dokumentazzjoni teknika tal-prodott (il-punt 6 tal-Anness VII).

38.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti jeħtieġ li tiġi interpretata fid-dawl tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u l-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. B’mod partikolari fil-każ ta’ prodotti b’elementi diġitali ddisinjati qabel id-data tal-applikazzjoni tas-CRA (iżda introdotti fis-suq wara dik id-data) u soġġetti għall-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-Artikolu 32(1), meta l-valutazzjoni tar-riskju turi li l-prodott b’elementi diġitali diġà jinkorpora miżuri ta’ sigurtà xierqa u effettivi li jindirizzaw ir-riskji ta’ dak il-prodott, l-obbligu li tiġi pprovduta evidenza bħala parti mill-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità ma għandux jinftiehem bħala li jirrikjedi li l-manifattur jipprovdi riżultati tat-testijiet li jkopru l-fażijiet tad-disinn u tal-iżvilupp oriġinali ta’ dawn il-prodotti b’elementi diġitali. Dan ma jkunx meħtieġ peress li ma jkunx qed jikkontribwixxi biex tiżdied is-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali nnifsu. Meta, madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa xi testijiet, il-manifatturi ma humiex mistennija jipprovdu evidenza ta’ testijiet imwettqa fuq il-varjanti kollha tal-prodott, iżda jistgħu jiġbru dawn it-testijiet f’familji ta’ prodotti b’elementi diġitali, kif diskuss aktar fit-Taqsima 7.4 Reuse of risk assessments and conformity documentation for families of products with digital elements.

39.

Madankollu, il-manifattur jenħtieġ li jipprovdi evidenza ta’ kif jikkonforma mal-proċessi ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I, jenħtieġ li jżomm il-valutazzjoni tar-riskju tiegħu aġġornata f’konformità mal-Artikolu 13(3), kif ukoll jissodisfa l-obbligi l-oħra kollha stabbiliti fis-CRA, inkluż billi jipprovdi informazzjoni u struzzjonijiet lill-utenti f’konformità mal-Artikolu 13(18).

Eżempju 12: Manifattur jintroduċi fis-suq mikrokontrollur li ġie ddisinjat u żviluppat qabel id-data tal-applikazzjoni tas-CRA. Il-mikrokontrollur huwa maħsub biex jiġi integrat f’firxa ta’ prodotti elettroniċi b’elementi diġitali, inklużi prodotti b’elementi diġitali b’funzjonalitajiet ta’ konnettività.

Qabel ma jintroduċi unitajiet ġodda tal-mikrokontrollur fis-suq wara li jibda japplika s-CRA, il-manifattur iwettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 13(2). Abbażi tal-iskop maħsub tal-mikrokontrollur u l-użu raġonevolment prevedibbli tiegħu, il-manifattur jidentifika riskji rilevanti għaċ-ċibersigurtà, bħal aċċess mhux awtorizzat, manipulazzjoni tas-software jew tad-data, u l-użu ħażin tal-interfaċċi disponibbli.

L-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju juri li l-mikrokontrollur, kif iddisinjat oriġinarjament, diġà jinkorpora miżuri ta’ sigurtà xierqa u effettivi li jindirizzaw ir-riskji identifikati. Għalhekk, il-manifattur jikkonkludi li l-prodott b’elementi diġitali jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I u li ma hemm bżonn ta’ ebda disinn mill-ġdid jew introduzzjoni ta’ funzjonalitajiet addizzjonali tas-sigurtà.

Meta ma jkunx possibbli li jintwera kif valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tqieset matul il-fażi oriġinali tad-disinn u tal-iżvilupp, il-manifattur jiddokumenta valutazzjoni attwali tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u jispjega kif id-disinn u l-miżuri eżistenti jimmitigaw ir-riskji identifikati. Il-manifattur ma huwiex meħtieġ li joħloq mill-ġdid id-disinn jew id-dokumentazzjoni tat-testijiet storiċi, peress li dan ma jikkontribwix għat-tisħiħ taċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Meta diversi varjanti tal-mikrokontrollur ikunu bbażati fuq l-istess disinn u jikkondividu l-istess profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, il-manifattur jista’ jibbaża wkoll fuq evidenza rappreżentattiva li tkopri l-familja rilevanti tal-prodott.

Il-manifattur jiżgura wkoll il-konformità mar-rekwiżiti għall-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I, inkluż billi jżomm proċessi biex jindirizza u jirrimedja l-vulnerabbiltajiet u billi jwettaq rieżami tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà f’konformità mal-Artikolu 13(3).

F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-mikrokontrollur iddisinjat qabel id-data tal-applikazzjoni tas-CRA jista’ jiġi introdott fis-suq mingħajr disinn mill-ġdid, dment li l-manifattur ikun jista’ juri, permezz tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u d-dokumentazzjoni teknika, li jilħaq livell xieraq ta’ ċibersigurtà fid-dawl tal-iskop maħsub u tal-użu raġonevolment prevedibbli tiegħu u li jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli.

3.   SOFTWARE LIBERU U B’SORS MIFTUĦ

40.

Kif imfakkar fit-Taqsima 2.1 Placing on the market, is-CRA japplika għal prodotti b’elementi diġitali li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq tal-UE matul attività kummerċjali għall-ewwel darba (jiġifieri “introdotti fis-suq”), kif ukoll għal kwalunkwe każ sussegwenti li jikkostitwixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dak l-istess prodott b’elementi diġitali fis-suq. Il-Gwida Blu (it-Taqsima 2.2) tiċċara li “attività kummerċjali” għandha tinftiehem bħala l-provvista ta’ oġġetti, bi ħlas kif ukoll jekk bla ħlas, f’kuntest relatat man-negozju u tista’ tiġi apprezzata biss fuq bażi ta’ każ b’każ, b’kont meħud tar-regolarità tal-provvisti, il-karatteristiċi tal-prodott, l-intenzjonijiet tal-fornitur, eċċ.

41.

Il-provvista matul attività kummerċjali hija kkaratterizzata minn firxa ta’ ċirkostanzi, dokumentati b’mod estensiv fil-Gwida Blu u mfakkra fil-premessa 15 tas-CRA. Dawn jistgħu jinkludu li jiġi impost direttament prezz kif ukoll li “jiġi impost prezz għas-servizzi ta’ appoġġ tekniku fejn dan ma jservix biss għall-irkupru tal-kostijiet reali, permezz ta’ intenzjoni ta’ monetizzazzjoni, pereżempju billi tiġi pprovduta pjattaforma tas-software li permezz tagħha l-manifattur ikejjel is-servizzi l-oħra, billi bħala kundizzjoni għall-użu jkun meħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali għal raġunijiet għajr esklużivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-software, jew billi jiġu aċċettati donazzjonijiet li jaqbżu l-kostijiet assoċjati mad-disinn, l-iżvilupp u l-forniment ta’ prodott b’elementi diġitali” (il-premessa 15) (11).

42.

Madankollu, is-CRA jirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet fil-modi differenti tal-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ “software liberu u b’sors miftuħ” (FOSS) u joffri xi gwida biex tgħin fl-identifikazzjoni ta’ jekk FOSS huwiex prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq (jiġifieri matul attività kummerċjali) skont it-tifsira tas-CRA. Kif huwa spjegat fil-premessa 18, “is-sempliċi ċirkostanzi li fihom il-prodott b’elementi diġitali jkun ġie żviluppat, jew kif l-iżvilupp ikun ġie ffinanzjat […] jenħtieġ li ma jitqisux meta jiġi ddeterminat jekk in-natura ta’ dik l-attività hijiex kummerċjali jew mhux kummerċjali”. B’mod aktar speċifiku, “biex jiġi żgurat li jkun hemm distinzjoni ċara bejn il-fażijiet tal-iżvilupp u tal-provvista, il-provvista ta’ prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ li mhumiex monetizzati mill-manifatturi tagħhom jenħtieġ li ma titqiesx li hija attività kummerċjali”.

43.

Għalhekk huwa utli li (i) jiġi ċċarat x’inhu FOSS; (ii) meta jitqies li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna fiżika jew ġuridika; u (iii) li jingħataw eżempji biex jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jifhmu meta d-distribuzzjoni ta’ FOSS tikkostitwixxi introduzzjoni fis-suq. Meta FOSS ma jiġix introdott fis-suq, dan jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA, ħlief jekk l-entità li tippubblikah tkun persuna ġuridika li tissodisfa d-definizzjoni ta’ “amministratur ta’ software b’sors miftuħ” (minn issa ’l quddiem, “amministratur”) skont l-Artikolu 3(14). F’dak il-każ, din tkun soġġetta biss għall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 24.

44.

L-Artikolu 3(48) jiddefinixxi FOSS bħala “software li l-kodiċi tas-sors tiegħu huwa kondiviż b’mod miftuħ u li huwa magħmul disponibbli taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ li tagħti d-drittijiet kollha li jagħmluh liberament aċċessibbli, li jista’ jintuża, modifikabbli u ridistribwibbli”. Filwaqt li din il-gwida ma tidentifikax liċenzji speċifiċi liberi u b’sors miftuħ li huma kompatibbli mad-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(48), mill-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni jirriżulta li software li b’mod kumulattiv jissodisfa żewġ kundizzjonijiet biss jikkwalifika bħala FOSS għall-finijiet tas-CRA: (i) is-software irid ikun magħmul għad-dispożizzjoni taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ li tagħti s-sett sħiħ ta’ drittijiet imsemmija fl-Artikolu 3(48); u (ii) il-kodiċi tas-sors tiegħu jrid jiġi kondiviż b’mod miftuħ.

45.

Ir-rekwiżit li l-liċenzja tipprevedi li s-software ikun “liberament aċċessibbli, li jista’ jintuża, modifikabbli u ridistribwibbli” jirrifletti l-fehim tradizzjonali tal-FOSS, jiġifieri li l-utenti jridu jkunu jistgħu jaċċessaw il-kodiċi tas-sors, jużawh mingħajr restrizzjoni żejda, jimmodifikawh u jiddistribwixxu mill-ġdid verżjonijiet oriġinali jew modifikati. Għalhekk, l-aċċess għall-kodiċi tas-sors huwa prekundizzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tad-drittijiet l-oħra: mingħajr aċċess għall-kodiċi tas-sors, huwa prattikament impossibbli li s-software jiġi mmodifikat jew użat mill-ġdid b’mod sinifikanti.

46.

Madankollu, l-Artikolu 3(48) imur lil hinn milli jirreferi biss għat-termini tal-liċenzja, peress li jirrikjedi b’mod espliċitu li l-kodiċi tas-sors jiġi “kondiviż b’mod miftuħ”. Il-kunċett ta’ “kondiviż b’mod miftuħ” jindika li l-kodiċi tas-sors irid jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku (jew “upstream” jew “downstream”), u mhux sempliċiment ipprovdut fuq bażi ristretta jew kundizzjonali. Għaldaqstant, is-software distribwit taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ iżda li l-kodiċi tas-sors tiegħu jkun kondiviż (jew jitħalla jiġi kondiviż) biss ma’ klijenti li jħallsu jew ma’ grupp limitat ta’ utenti ma għandux jitqies bħala FOSS skont it-tifsira tal-Artikolu 3(48). Għall-finijiet tas-CRA, huwa biss is-software li l-kodiċi tas-sors tiegħu jkun disponibbli għall-pubbliku u liċenzjat taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ li tagħti s-sett sħiħ ta’ drittijiet imsemmi fl-Artikolu 3(48) li jenħtieġ għalhekk li jitqies li jikkwalifika bħala FOSS.

3.1.   Determinazzjoni ta’ jekk software liberu u b’sors miftuħ huwiex taħt ir-responsabbiltà ta’ dak li jkun

47.

Is-CRA jqiegħed responsabbiltajiet ewlenin fuq l-operaturi ekonomiċi li jipprovdu prodotti b’elementi diġitali fis-suq tal-UE. Dan jiddefinixxi l-manifattur bħala l-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi prodott b’elementi diġitali taħt isimha jew it-trademark tagħha, u li tagħmel dan matul attività kummerċjali (u b’hekk tintroduċih fis-suq). Bl-istess mod, importatur huwa l-persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-UE li tipprovdi l-prodott b’elementi diġitali ta’ persuna stabbilita barra mill-UE, u li tagħmel dan matul attività kummerċjali (u b’hekk tintroduċih fis-suq). L-obbligi tal-amministraturi japplikaw għall-persuna ġuridika li tipprovdi FOSS maħsub għal attivitajiet kummerċjali (12), iżda li ma tintroduċihx fis-suq skont it-tifsira tas-CRA.

48.

Għalhekk, biex jiġi ddeterminat jekk persuna fiżika jew ġuridika hijiex qed tintroduċi FOSS fis-suq tal-UE, l-ewwel jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk dik il-persuna fiżika jew ġuridika hijiex fil-fatt qed tipprovdi l-FOSS. Biex l-obbligi applikabbli skont is-CRA jiġu stabbiliti b’mod korrett, huwa essenzjali li jiġi ddeterminat jekk il-persuna fiżika jew ġuridika hijiex tabilħaqq qed twettaq l-azzjoni li tipprovdi FOSS. Fil-fatt, kif imfakkar fil-premessa 18, is-CRA ma japplikax għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontribwixxu kodiċi tas-sors għal prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala FOSS li ma jkunux taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

49.

Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-iżvilupp ta’ FOSS, li spiss jinvolvi diversi kontributuri, mudelli ta’ kollaborazzjoni deċentralizzati u separazzjoni bejn il-kontribut u t-teħid ta’ deċiżjonijiet, huwa utli li jiġi ċċarat li l-FOSS jitqies bħala “taħt ir-responsabbiltà” ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippubblikawh u jeżerċitaw kontroll primarju fuq l-iżvilupp, ir-rilaxxi u d-deċiżjonijiet ta’ distribuzzjoni tiegħu (spiss imsejħa “dawk li jagħmlu l-manutenzjoni”). Persuni li jikkontribwixxu kodiċi tas-sors iżda li ma jikkontrollawx ir-rilaxxi, il-pjanijiet direzzjonali, jew deċiżjonijiet ta’ governanza jitqiesu bħala “kontributuri”; f’każijiet bħal dawn, il-FOSS ma jkunx taħt ir-responsabbiltà tagħhom, anke jekk ikunu kkontribwew kodiċi għalih. Is-sempliċi eżistenza ta’ permessi tekniċi, bħall-impenn ta’ aċċess, ma hijiex biżżejjed biex jiġi stabbilit li l-FOSS huwa taħt ir-responsabbiltà ta’ dik il-persuna; ir-responsabbiltà tkun ta’ dawk li jippubblikaw u jikkontrollaw il-FOSS.

Eżempju 13: Żviluppatur individwali jew impjegat ta’ kumpanija jissottometti talba għal “bidla” jew “fużjoni” li jkun fiha software korrettiv tas-sigurtà jew karatteristika ġdida għal proġett ta’ FOSS. Dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-proġett janalizzaw, jaċċettaw u jgħaqqdu l-kodiċi mar-repożitorju ewlieni u sussegwentement jinkluduh f’rilaxx ġdid. F’dan ix-xenarju, il-persuna li tkun ippreżentat it-talba għal bidla hija “kontributur” u ma hijiex soġġetta għas-CRA. Għalkemm dik il-persuna kkontribwiet il-kodiċi tas-sors, ma teżerċitax kontroll primarju fuq id-deċiżjonijiet ta’ żvilupp, ta’ rilaxxi jew ta’ distribuzzjoni.

3.2.   Determinazzjoni ta’ jekk software liberu u b’sors miftuħ huwiex introdott fis-suq tal-UE

50.

Ladarba jiġi stabbilit li FOSS huwa taħt ir-responsabbiltà ta’ persuna fiżika jew ġuridika, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk dik il-persuna tipprovdihx matul attività kummerċjali, u b’hekk jikkostitwixxi introduzzjoni fis-suq.

3.2.1.   Impożizzjoni ta’ prezz

51.

Meta l-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi FOSS hija stess timponi prezz għas-software (eż. billi timponi prezz għall-binarji kkompilati minn qabel), dik il-persuna tkun qed tintroduċi prodott b’elementi diġitali fis-suq. Għalhekk, il-persuna li tintroduċi FOSS fis-suq hija manifattur taħt is-CRA.

52.

Spiss, il-manifatturi ta’ FOSS jipprovdu verżjonijiet mingħajr ħlas ta’ dak is-software (spiss imsejħa verżjonijiet “komunitarji”), li l-bażi tal-kodiċi tagħhom tkun (kważi) identika għall-verżjoni mħallsa. Madankollu, dawk il-prodotti b’elementi diġitali jkunu prodotti differenti: il-verżjoni mħallsa tiġi mmonetizzata b’xi mod (eż. billi jiġi impost prezz jew permezz ta’ mezzi oħra kif diskuss f’din it-taqsima) u għalhekk titqies li hija introdotta fis-suq u b’hekk tiskatta l-obbligi tal-manifattur. Il-verżjoni pprovduta mingħajr ħlas (jew verżjoni komunitarja) ma tkunx monetizzata u għalhekk ma titqiesx li ġiet introdotta fis-suq għall-finijiet tas-CRA. Dan huwa wkoll il-każ meta l-verżjoni mħallsa tkun verżjoni kummerċjali “imtejba”, li testendi l-bażi tal-kodiċi tal-verżjoni pprovduta b’xejn, jew tinkorpora dik il-verżjoni fi prodott b’elementi diġitali usa’ (eż. bħal fil-każ tal-mudell “opencore”).

53.

Jekk il-persuna li tipprovdi l-verżjoni komunitarja tkun persuna ġuridika, dik il-persuna ġuridika tkun soġġetta wkoll għall-obbligi fuq l-amministraturi għall-verżjoni li tipprovdi mingħajr ħlas (il-verżjoni komunitarja). Jekk l-entità tkun persuna fiżika, il-verżjoni pprovduta mingħajr ħlas (il-verżjoni komunitarja) ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA.

3.2.2.   Il-monetizzazzjoni ta’ servizzi oħra jew li tirrikjedi l-ipproċessar ta’ data personali

54.

Persuna fiżika jew ġuridika li tippubblika FOSS tista’ tkun qed tintroduċih fis-suq ukoll (jiġifieri tipprovdih matul attività kummerċjali) meta tipprovdi s-software li permezz tiegħu timmonetizza prodotti b’elementi jew servizzi diġitali oħra, jew meta tkun tirrikjedi bħala kundizzjoni għall-użu l-ipproċessar ta’ data personali għal raġunijiet għajr dawk esklużivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-software.

Eżempju 14: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika applikazzjoni libera u b’sors miftuħ tas-suq. L-applikazzjoni hija disponibbli mingħajr ħlas u tippermetti lill-utenti jixtru oġġetti jew servizzi permezz tagħha. L-applikazzjoni tippermetti lill-persuna li tkun ippubblikatha li timmonetizza prodotti b’elementi u servizzi diġitali oħra offruti permezz tagħha (eż. permezz ta’ reklami, tariffi ta’ kummissjoni jew tariffi ta’ abbonament). Għalhekk, l-applikazzjoni titqies li ġiet introdotta fis-suq matul attività kummerċjali.

Eżempju 15: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika VPN liberu u b’sors miftuħ. L-applikazzjoni hija disponibbli mingħajr ħlas, iżda tippermetti lill-utenti jħallsu biex jaċċessaw servers addizzjonali jew indirizzi tal-IP iddedikati. Dik l-applikazzjoni tippermetti lil dik il-persuna timmonetizza servizzi oħra offruti permezz tagħha, għalhekk titqies li ġiet introdotta fis-suq matul attività kummerċjali.

Eżempju 16: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika applikazzjoni libera u b’sors miftuħ ta’ trekkjar tal-kundizzjoni fiżika. L-applikazzjoni hija disponibbli mingħajr ħlas, iżda l-użu tagħha huwa kundizzjonali fuq l-ipproċessar tad-data personali tal-utenti għal skopijiet bħal reklamar immirat jew analitika mhux relatati mas-sigurtà, mal-kompatibbiltà jew mal-interoperabbiltà tas-software. Peress li tirrikjedi tali pproċessar tad-data bħala kundizzjoni għall-użu, l-applikazzjoni għalhekk titqies li ġiet introdotta fis-suq fil-lant ta’ attività kummerċjali.

3.2.3.   Servizzi ta’ appoġġ

55.

Is-sempliċi fatt li persuna fiżika jew ġuridika li tippubblika FOSS toffri wkoll servizzi ta’ appoġġ bi ħlas relatati miegħu, bħala tali, ma jfissirx li l-prodott b’elementi diġitali huwa pprovdut fil-lant ta’ attività kummerċjali. Is-servizzi ta’ appoġġ jistgħu jinkludu attivitajiet bħal konsulenza, taħriġ jew servizzi professjonali relatati mal-użu, id-dokumentazzjoni, il-konfigurazzjoni u l-varar tas-software minn klijent.

56.

Il-fattur deċiżiv huwa jekk l-aċċess għall-FOSS innifsu (jiġifieri l-provvista tal-prodott b’elementi diġitali), inkluża l-manutenzjoni tiegħu, huwiex ikkundizzjonat fuq ir-remunerazzjoni, aktar milli s-sempliċi offerta ta’ servizzi professjonali madwar prodott b’elementi diġitali disponibbli liberament, kif huwa indikat fil-premessa 18 tas-CRA (“il-provvista ta’ prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ li mhumiex monetizzati mill-manifatturi tagħhom jenħtieġ li ma titqiesx li hija attività kummerċjali”). Meta l-FOSS jista’ jitniżżel u jiġi installat liberament, u l-utenti jistgħu jagħżlu b’mod fakultattiv li jixtru servizzi professjonali separatament, dak il-FOSS ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq.

57.

B’kuntrast ma’ dan, f’xi każijiet, l-aċċess għal verżjoni speċifika tal-prodott b’elementi diġitali inklużi ċerti benefiċċji bħall-assistenza teknika jew l-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni, ikun ikkundizzjonat fuq ir-remunerazzjoni. F’każijiet bħal dawn, dik id-dispożizzjoni tikkostitwixxi provvista monetizzata ta’ prodott b’elementi diġitali pprovdut matul attività kummerċjali u għalhekk jitqies li ġie introdott fis-suq. Dan jinkludi każijiet meta edizzjoni mħallsa jew verżjoni ta’ intrapriża titqiegħed għad-dispożizzjoni taħt ftehim kummerċjali, irrispettivament minn jekk software funzjonalment ekwivalenti jkunx disponibbli wkoll mingħajr ħlas taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ.

Eżempju 17: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika sistema operattiva libera u b’sors miftuħ, li toffri verżjoni mħallsa ta’ dik is-sistema operattiva li tinkludi servizzi ta’ appoġġ, bħal pereżempju l-assistenza teknika jew l-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni. Il-verżjoni bi ħlas tas-sistema operattiva titqies li ġiet introdotta fis-suq matul attività kummerċjali.

Eżempju 18: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika għodda libera u b’sors miftuħ tal-linja tal-kmandi. L-għodda hija aċċessibbli liberament u kulħadd jista’ jniżżilha u jinstallaha. Dik il-persuna fiżika jew ġuridika toffri separatament servizzi professjonali, bħal servizzi fakultattivi ta’ konsulenza biex tħarreġ lill-utenti u tappoġġahom fl-installazzjoni u fl-użu tal-għodda. Dak il-FOSS ma jitqiesx introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA.

58.

B’mod partikolari fil-każ ta’ persuni fiżiċi li jippubblikaw FOSS, l-offerta ta’ assistenza teknika miġbura direttament f’pakkett mal-aċċess għall-prodott b’elementi diġitali xorta ma tikkwalifikax bħala attività kummerċjali jekk, kif huwa indikat mill-premessa 15 tas-CRA, il-prezz mitlub iservi biss għall-irkupru tal-kostijiet reali. Tali kostijiet reali jinkludu varjetà ta’ kostijiet relatati mad-disinn, l-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ dak is-software, inklużi l-ispejjeż raġonevoli tal-għajxien tal-persuna. Għalhekk, persuna fiżika li tippubblika FOSS u li toffri assistenza teknika biex tkopri l-kostijiet tagħha u biex tikseb remunerazzjoni ġusta ma għandhiex titqies, fuq dik il-bażi biss, li qed tintroduċi dak is-software fis-suq tal-UE.

59.

Persuna fiżika jew ġuridika li toffri assistenza teknika relatata ma’ FOSS li ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħha ma titqiesx li qed tintroduċi dak is-software fis-suq, ħlief jekk dik il-persuna timmodifika l-FOSS b’mod sostanzjali, f’konformità mal-Artikolu 22, bħala parti mill-għoti tagħha ta’ tali assistenza.

Eżempju 19: Fornitur ta’ servizz ma jippubblikax FOSS, iżda jgħin lil klijent jinstallah fuq is-server fuq il-post tal-klijent. Huwa jagħmel dan mingħajr ma jwettaq modifika sostanzjali ta’ dak il-FOSS. Għalhekk, il-fornitur tas-servizz ma jitqiesx li qed jintroduċi l-FOSS fis-suq.

3.2.4.   Donazzjonijiet

60.

Persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jippubblikaw proġetti ta’ FOSS b’mod regolari jinkludu modi kif l-utenti ta’ dak is-software jistgħu jagħtu donazzjoni ta’ flus minn jeddhom biex jirringrazzjaw lill-pubblikatur(i) tal-proġett u wkoll biex jiżguraw li l-proġett jingħata manutenzjoni regolari.

61.

Kif huwa indikat fil-premessa 15 tas-CRA “jenħtieġ li l-aċċettazzjoni ta’ donazzjonijiet mingħajr l-intenzjoni li jsir profitt ma titqiesx bħala attività kummerċjali”. Is-sempliċi fatt li tiġi inkluża link għal pjattaforma ta’ donazzjonijiet jew għal għodod simili biex jinġabru d-donazzjonijiet ma għandux jitqies bħala intenzjoni li jsir profitt, anke meta l-ammont miġbur permezz ta’ donazzjonijiet jaqbeż is-sempliċi kostijiet assoċjati mad-disinn, l-iżvilupp u l-provvista ta’ prodott b’elementi diġitali. Dan jinkludi kumpens raġonevoli għall-kontributuri mqabbda minn persuna ġuridika, u/jew l-ispejjeż raġonevoli tal-għajxien ta’ persuna fiżika. Id-donazzjonijiet, min-natura tagħhom stess, ivarjaw maż-żmien, u għalhekk għandu jiġi eżerċitat grad ta’ flessibbiltà meta jiġi vvalutat jekk FOSS monetizzat esklużivament permezz ta’ donazzjonijiet huwiex meqjus introdott fis-suq. Għalhekk, huwa improbabbli li FOSS appoġġat biss mid-donazzjonijiet jitqies li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA.

Eżempju 20: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika għodda ta’ FOSS f’repożitorju online pubbliku, li tippermetti lil kulħadd iniżżilha, jużaha, jimmodifikaha u jiddistribwiha mill-ġdid taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ. Il-pubblikatur jistieden lill-utenti jagħmlu donazzjonijiet volontarji permezz ta’ pjattaforma tad-donazzjonijiet biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-manutenzjoni kontinwi tal-proġett. L-aċċess għas-software, il-kodiċi tas-sors tiegħu u l-aġġornamenti tiegħu ma jiddependux fuq jekk tingħatax donazzjoni jew le. Dak il-FOSS ma jitqiesx li huwa pprovdut matul attività kummerċjali u ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA.

62.

Madankollu, hemm każijiet fejn FOSS appoġġat mid-donazzjonijiet jista’ jitqies li ġie introdott fis-suq. Dan huwa l-każ meta, abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali taċ-ċirkostanzi, id-donazzjonijiet ikunu de facto ekwivalenti għall-impożizzjoni ta’ prezz għall-aċċess għall-prodott b’elementi diġitali jew għal uħud mill-funzjonalitajiet tiegħu. Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-aċċess għall-FOSS, għal funzjonalitajiet essenzjali jew għall-aġġornamenti jkun ikkundizzjonat fil-prattika fuq l-għoti ta’ donazzjoni, jew meta d-donazzjonijiet ikunu assoċjati ma’ benefiċċji kuntrattwali jew ma’ vantaġġi esklużivi li jmorru lil hinn mill-vantaġġi komunitarji.

Eżempju 21: Persuna fiżika jew ġuridika tippubblika prodott tas-software b’elementi diġitali taħt liċenzja libera u b’sors miftuħ, iżda tipprovdi rilaxxi li jistgħu jitniżżlu u aġġornamenti tas-sigurtà biss lill-utenti li jagħmlu donazzjoni. L-utenti li ma jagħmlux donazzjoni ma għandhomx aċċess għall-verżjoni kurrenti tas-software.

F’dan il-każ, id-donazzjonijiet huma de facto kundizzjoni għall-aċċess għall-prodott b’elementi diġitali u għalhekk jammontaw għall-ħlas ta’ prezz. Għalhekk dak il-FOSS jitqies li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA.

Eżempju 22: Persuna fiżika jew ġuridika tagħmel il-kodiċi tas-sors ta’ FOSS disponibbli għall-pubbliku, iżda tipprovdi binarji kkompilati minn qabel, aġġornamenti regolari u soluzzjonijiet ta’ sigurtà garantiti biss lid-donaturi. F’dan il-każ, id-donazzjonijiet huma marbuta mal-aċċess għal aspetti essenzjali tal-prodott b’elementi diġitali u jikkostitwixxu remunerazzjoni għall-provvista ta’ dak il-prodott. Għalhekk, dak il-FOSS jitqies li ġie introdott fis-suq matul attività kummerċjali.

3.2.5.   Finanzjament ta’ software liberu u b’sors miftuħ

63.

Is-sempliċi fatt li parti terza ħallset, sponsorjat jew inkella ffinanzjat l-iżvilupp ta’ FOSS ma jiddeterminax fih innifsu jekk dak il-FOSS ġiex introdott fis-suq. Hija prattika komuni fl-ekosistema tal-FOSS li żviluppaturi, fondazzjonijiet jew komunitajiet individwali jirċievu finanzjament minn kumpaniji, korpi pubbliċi jew sponsors oħra sabiex jaħdmu fuq karatteristiċi speċifiċi, jirranġaw bugs jew jagħmlu manutenzjoni ta’ komponenti kritiċi. Dan il-finanzjament jista’ jieħu ħafna forom, inklużi għotjiet, premji għas-sejbien ta’ bugs, sponsorizzazzjonijiet, kuntratti ta’ servizz jew xogħol ta’ żvilupp imħallas.

64.

Kif diġà ġie mfakkar qabel, il-premessa 18 tas-CRA tiċċara li s-sempliċi ċirkostanzi li fihom il-prodott b’elementi diġitali jkun ġie żviluppat, jew kif l-iżvilupp ikun ġie ffinanzjat ma għandhomx jitqiesu meta tiġi ddeterminata n-natura kummerċjali ta’ dik l-attività.

65.

Għalhekk, meta l-FOSS ikun kondiviż b’mod miftuħ u jkun disponibbli liberament għal kulħadd biex jaċċessah, jużah, jimmodifikah u jiddistribwih mill-ġdid, il-fatt li entità kummerċjali setgħet ħallset għal dak il-proġett ma għandux jikkontribwixxi biex jiġi ddeterminat jekk is-software ġiex introdott fis-suq. Fil-fatt, jekk dak il-FOSS ma jkunx monetizzat b’mod ieħor, ma għandux jitqies li ġie introdott fis-suq. Meta l-kumpanija li ffinanzjat l-iżvilupp tal-FOSS (kif ukoll kwalunkwe kumpanija oħra) tinkorporah fil-prodott b’elementi diġitali tagħha, dik il-kumpanija għandha teżerċita d-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5) tas-CRA.

Eżempju 23: Żviluppatur individwali jippubblika proġett ta’ FOSS u jagħmillu manutenzjoni regolari. Il-manifattur A jitlob lill-iżviluppatur individwali jżid karatteristika speċifika ma’ dak il-FOSS, u jiffinanzja dak l-iżvilupp. L-iżviluppatur iżid il-karatteristika mal-bażi tal-kodiċi tal-FOSS, jikkondividih b’mod miftuħ u jagħmlu disponibbli liberament biex kulħadd jaċċessah, jużah, jimmodifikah u jiddistribwih mill-ġdid. L-iżviluppatur individwali ma jitqiesx li introduċa dak il-FOSS fis-suq. Jekk il-manifattur jintegra l-FOSS fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu, jeħtieġ li jeżerċita d-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5).

3.2.6.   Entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ stabbiliti biex jiksbu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ

66.

Meta persuna ġuridika li tippubblika FOSS tkun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ “stabbilita b’tali mod li tiżgura li l-qligħ kollu wara l-kostijiet jintuża biex jintlaħqu l-objettivi mingħajr skop ta’ qligħ” (il-premessa 18 tas-CRA), il-FOSS li tippubblika ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq. Meta dik il-persuna ġuridika tissodisfa d-definizzjoni ta’ “amministratur”, hija tkun soġġetta għall-obbligi korrispondenti (l-Artikolu 24 tas-CRA).

Eżempju 24: Persuna ġuridika tippubblika brawżer liberu u b’sors miftuħ li jiġi mmonetizzat direttament permezz ta’ sħubijiet tal-magni tat-tiftix, iżda l-qligħ kollu tagħha wara l-kostijiet jintuża għal objettivi mingħajr skop ta’ qligħ. Il-brawżer ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. Il-persuna ġuridika li tippubblikah hija soġġetta għall-obbligi applikabbli għall-amministraturi.

3.2.7.   Integrazzjoni minn manifatturi oħra

67.

F’xi każijiet, FOSS jiġi ppubblikat minn persuna fiżika jew ġuridika identifikabbli b’mod ċar, iżda dak il-FOSS ikun “[maħsub] għall-integrazzjoni minn manifatturi oħra fil-prodotti tagħhom stess b’elementi diġitali”. F’każijiet bħal dawn, dak il-FOSS ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq tal-UE, ħlief jekk jiġi mmonetizzat ukoll mill-persuna li tippubblikah (jiġifieri l-manifattur oriġinali), f’konformità mat-taqsimiet preċedenti ta’ din il-gwida.

68.

Meta dak il-FOSS ma jiġix introdott fis-suq, il-persuna ġuridika li tippublikah tkun soġġetta għall-obbligi tal-amministraturi, jekk tipprovdi appoġġ fuq bażi sostnuta, f’konformità mad-definizzjoni ta’ “amministratur”.

Eżempju 25: Persuna ġuridika tippubblika librerija tal-FOSS għall-bini tal-interfaċċi tal-utenti. Ma timmonetizzax il-provvista ta’ dik il-librerija, iżda tintegraha f’wieħed mill-prodotti b’elementi diġitali tagħha (li min-naħa tiegħu jiġi introdott fis-suq). Il-librerija ma titqiesx li ġiet introdotta fis-suq skont it-tifsira tas-CRA, iżda hija maħsuba għall-integrazzjoni fi prodotti b’elementi diġitali. Il-persuna ġuridika li tippublikaha hija l-amministratur tagħha.

Eżempju 26: Persuna ġuridika tintroduċi sistema operattiva fis-suq, u tippubblika wkoll libreriji tal-FOSS biex iservu bħala implimentazzjonijiet ta’ referenza għall-utenti ta’ dik is-sistema operattiva. Il-persuna ġuridika ma timmonetizzax il-libreriji tal-FOSS, li huma maħsuba biex jiġu integrati fi prodotti b’elementi diġitali oħra. Il-persuna ġuridika li tippublikahom hija amministratur ta’ dawk il-libreriji tal-FOSS.

3.3.   L-amministraturi ta’ software b’sors miftuħ

69.

Is-CRA jintroduċi l-kategorija legali ġdida ta’ “amministratur tas-software b’sors miftuħ” fid-dawl ta’ “l-importanza għaċ-ċibersigurtà ta’ ħafna prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ li jiġu ppubblikati, iżda li ma jitqegħdux għad-dispożizzjoni fis-suq skont it-tifsira tas-[CRA]” (il-premessa 19 tas-CRA).

70.

F’xi każijiet, FOSS jiġi ppubblikat iżda ma jitqiegħedx għad-dispożizzjoni fis-suq skont it-tifsira tas-CRA minn persuna ġuridika li “għandha l-għan jew l-objettiv li sistematikament tipprovdi appoġġ fuq bażi sostnuta għall-iżvilupp ta’ [FOSS] […] intiż għal attivitajiet kummerċjali, u li tiżgura l-vijabbiltà ta’ dawk il-prodotti” (l-Artikolu 3(14) tas-CRA). F’każijiet bħal dawn, dik il-persuna ġuridika hija soġġetta għall-obbligi tal-amministraturi.

71.

Amministratur huwa definit bħala “persuna ġuridika, għajr manifattur” minħabba li manifattur, skont id-definizzjoni tiegħu, huwa l-persuna fiżika jew ġuridika li tintroduċi prodotti b’elementi diġitali fis-suq (“tikkummerċjalizzahom”) taħt isimha jew it-trademark tagħha stess. Persuna ġuridika tista’ tkun amministratur biss għal prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala FOSS li jiġu ppubblikati, iżda li ma jitqegħdux għad-dispożizzjoni fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. Għalhekk, il-kunċett ta’ amministratur japplika għal każijiet speċifiċi ta’ FOSS li “fl-aħħar mill-aħħar huma maħsuba għal attivitajiet kummerċjali, bħal pereżempju għall-integrazzjoni f’servizzi kummerċjali jew fi prodotti monetizzati b’elementi diġitali” (il-premessa 19 tas-CRA (13)) iżda mhux imqiegħda għad-dispożizzjoni fis-suq skont it-tifsira tas-CRA, u li għalihom il-persuna ġuridika li tippubblika l-FOSS tiżgura appoġġ sistematiku.

72.

Il-fatt li l-persuna ġuridika tkun amministratur għal FOSS speċifiku wieħed ma jfissirx li hija neċessarjament ukoll amministratur għal FOSS ieħor li tippubblika. Bl-istess mod, il-fatt li l-persuna ġuridika tkun manifattur għal FOSS speċifiku wieħed ma jfissirx li ma tistax tkun amministratur ta’ FOSS ieħor. Dan jinkludi l-provvista ta’ verżjonijiet “komunitarji” tal-istess FOSS, kif deskritt fit-Taqsima 3.2.1 Charging a price.

73.

Għalhekk, persuna ġuridika tista’ simultanjament tkun amministratur ta’ FOSS speċifiku wieħed (fejn l-amministratur jipprovdi sistematikament appoġġ fuq bażi sostnuta u jiżgura l-vijabbiltà tas-software) u manifattur għal FOSS speċifiku ieħor (meta jintroduċih fis-suq). Fi kliem ieħor, l-istess entità ġuridika tista’ tkun meħtieġa tissodisfa rwoli differenti għal proġetti differenti ta’ FOSS.

74.

Għal kull FOSS speċifiku li tippubblika, il-persuna ġuridika jkun jeħtiġilha taċċerta jekk dak il-FOSS huwiex meqjus li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. Jekk iva, dan jagħmel lill-entità ġuridika l-manifattur tas-software. Jekk il-FOSS ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq, il-persuna ġuridika tista’ tkun l-amministratur tiegħu, jekk is-software ikun maħsub għal attivitajiet kummerċjali u jekk il-persuna ġuridika tkun qed issostnih f’konformità mad-definizzjoni ta’ amministratur (14).

3.3.1.   Appoġġ sostnut u l-iżgurar tal-vijabbiltà ta’ FOSS

75.

Il-premessa 19 tispjega li l-għoti ta’ appoġġ sostnut għall-iżvilupp ta’ prodott b’elementi diġitali jista’ jinkludi (iżda mhux biss): (i) il-hosting u l-ġestjoni ta’ pjattaformi ta’ kollaborazzjoni għall-iżvilupp tas-software; (ii) il-hosting ta’ kodiċi tas-sors jew ta’ software; (iii) il-governanza jew il-ġestjoni ta’ prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala FOSS; u (iv) it-tmexxija tal-iżvilupp ta’ tali prodotti b’elementi diġitali.

76.

Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, ta’ entità ġuridika li tiżviluppa FOSS biex tintegrah fil-prodotti b’elementi diġitali tagħha stess u mbagħad tippubblikah mingħajr ma tintroduċih fis-suq. Dan huwa diskuss ukoll fit-Taqsima 3.2.7 Integration by other manufacturers. F’dan il-każ, l-entità ġuridika ma hijiex manifattur tas-software, iżda tista’ tkun amministratur tiegħu. Barra minn hekk, kif huwa spjegat ukoll fit-taqsimiet preċedenti, entità ġuridika li tippubblika verżjoni libera (jew komunitarja) u verżjoni monetizzata tal-istess FOSS, titqies bħala amministratur għall-verżjoni libera (jew komunitarja), u manifattur għall-verżjoni monetizzata.

77.

Bl-istess mod, entità ġuridika li timmonetizza FOSS iżda hija entità mingħajr skop ta’ qligħ li l-qligħ tagħha wara l-kostijiet jintuża biex jintlaħqu l-objettivi mingħajr skop ta’ qligħ (u għalhekk il-FOSS tagħha ma jiġix introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA, kif diskuss fit-Taqsima Not-for-profit entities) hija amministratur għall-FOSS 3.2.6li tippubblika.

78.

Barra minn hekk, ċerti fondazzjonijiet joffru pjattaformi ta’ kollaborazzjoni b’diversi forom ta’ governanza li jippermettu lill-manifatturi jikkontribwixxu regolarment għall-iżvilupp ta’ FOSS u/jew li huma ffinanzjati regolarment mill-manifatturi. Tali fondazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala amministraturi fir-rigward ta’ FOSS speċifiku li huwa maħsub għal attivitajiet kummerċjali u li għalih il-fondazzjoni toffri appoġġ sostnut. Madankollu, kif huwa spjegat fit-Taqsima 3.3 Open-source software stewards, tali fondazzjoni tista’ ma tkun soġġetta għall-ebda obbligu skont is-CRA għal FOSS speċifiku ieħor li tospita, f’każijiet meta ma tipprovdix appoġġ sistematiku għal FOSS speċifiku, ma tiżgurax il-vijabbiltà tiegħu, u/jew dak is-software speċifiku ma jkunx maħsub għal attivitajiet kummerċjali.

79.

It-tip ta’ “appoġġ sostnut” li l-fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet simili jipprovdu għal proġetti speċifiċi ta’ FOSS jista’ jvarja ħafna. Pereżempju, ċerti entitajiet ġuridiċi jipprovdu biss appoġġ li ma jkunx tekniku, bħall-ġestjoni tal-immarkar tal-proġetti, l-istabbiliment ta’ regoli ta’ governanza, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti komunitarji jew il-ġbir ta’ donazzjonijiet. Entitajiet oħrajn jipprovdu wkoll infrastruttura sottostanti tal-IT meħtieġa biex jitmexxa l-proġett, bħall-hosting ta’ repożitorji tal-kodiċi tas-sors, il-provvista ta’ sistemi ta’ kontroll tal-verżjoni, jew il-ġenerazzjoni ta’ kjavi tal-iffirmar. Oħrajn imorru lil hinn fit-tip ta’ appoġġ li jipprovdu billi jikkontribwixxu b’mod attiv riżorsi tal-inġinerija għall-proġett, pereżempju billi jimpjegaw żviluppaturi, jikkoordinaw ix-xogħol ta’ żvilupp, jirrevedu jew jamalgamaw il-kodiċi, jimmaniġġaw ir-rilaxxi, jew jittrattaw ir-rapporti dwar il-vulnerabbiltajiet u s-software korrettiv tas-sigurtà. Filwaqt li l-entitajiet ġuridiċi kollha li jikkwalifikaw bħala amministraturi skont is-CRA huma meħtieġa jikkonformaw mal-obbligi fl-Artikolu 24(1) u (2), kemm l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 14(1), (3) u (8) japplikaw għal dawk l-entitajiet ġuridiċi jvarja skont it-tip ta’ appoġġ li jipprovdu, f’konformità mal-Artikolu 24(3).

80.

Pereżempju, amministratur li jipprovdi biss appoġġ li ma jkunx tekniku ma huwiex, skont id-definizzjoni, involut fl-iżvilupp tal-prodott b’elementi diġitali, u għalhekk ma huwiex meħtieġ li jirrapporta vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv. Dak l-amministratur ma jipprovdi wkoll l-ebda network u sistema ta’ informazzjoni għall-iżvilupp ta’ tali prodotti b’elementi diġitali, u għalhekk ma huwiex meħtieġ li jirrapporta inċidenti serji lill-ENISA u lis-CSIRTs jew lill-utenti affettwati. Madankollu, meta l-amministratur isir jaf b’vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv (eż. permezz ta’ rapport minn sorsi esterni, bħar-riċerkaturi tas-sigurtà), għandu jikkondividi l-informazzjoni ma’ dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-prodott b’elementi diġitali, f’konformità mal-politika tiegħu dwar iċ-ċibersigurtà. Dawk li jagħmlu l-manutenzjoni tal-prodotti b’elementi diġitali u/jew l-amministraturi jenħtieġ li jikkunsidraw ukoll li jirrappurtaw il-vulnerabbiltà minn jeddhom, f’konformità mal-Artikolu 15.

81.

Min-naħa l-oħra, meta amministratur jipprovdi l-infrastruttura sottostanti tal-IT għal ċerti prodotti b’elementi diġitali, huwa meħtieġ li jinnotifika lill-ENISA u lis-CSIRTs, f’konformità mal-Artikolu 14(3) dwar kwalunkwe inċident serju relatat ma’ dik l-infrastruttura li jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-prodotti b’elementi diġitali. Huwa meħtieġ ukoll, fejn xieraq, li jinforma lill-utenti kollha (eż. permezz ta’ avviż ġenerali). Kif huwa indikat fil-punt preċedenti, għalkemm l-amministratur ma huwiex meħtieġ jirrapporta l-vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv li jsir jaf bihom, jenħtieġ li jrawwem il-ġestjoni korretta tal-vulnerabbiltajiet u jenħtieġ li jqis li jirrapporta minn jeddu f’konformità mal-Artikolu 15.

82.

Fl-aħħar nett, meta amministratur jipprovdi wkoll riżorsi tal-inġinerija għal prodotti b’elementi diġitali speċifiċi, huwa meħtieġ li: (i) jinnotifika, f’konformità mal-Artikolu 14(1), l-vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv li jsir jaf bihom; u (ii) fejn xieraq, li jinforma lill-utenti kollha. Sa fejn l-amministratur ikollu wkoll relazzjoni diretta mal-utenti affettwati, huwa jkun meħtieġ ukoll li jinfurmahom direttament, f’konformità mal-Artikolu 14(8).

83.

Meta entità ma tibqax tipprovdi appoġġ sistematiku fuq bażi sostnuta għal FOSS speċifiku, ma tistax tibqa’ tissodisfa d-definizzjoni ta’ amministratur u għalhekk ma tistax tibqa’ soġġetta għall-obbligi korrispondenti. F’każijiet bħal dawn, dik l-entità hija mħeġġa tikkomunika b’mod ċar il-bidla fl-istatus tagħha għal dak il-FOSS speċifiku.

84.

F’ċerti sitwazzjonijiet, entità li kienet amministratur għal proġett speċifiku tista’ tiddeċiedi li timonetizza dak il-proġett direttament, u b’hekk tintroduċi l-prodott b’elementi diġitali fis-suq u tiskatta l-obbligi tal-manifattur skont is-CRA. F’ċirkostanzi bħal dawn, dik l-entità tikkwalifika bħala l-manifattur tal-prodott b’elementi diġitali mid-data li fiha tintroduċih fis-suq (iżda mhux fir-rigward ta’ verżjonijiet preċedenti li għalihom tkun aġixxiet bħala amministratur).

3.4.   Kontributuri u użi downstream

85.

Kif diġà ntqal fit-Taqsima 3.1 Determining if free and open-source software is under one’s responsibility, is-CRA jiċċara li ma japplikax għal “persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jikkontribwixxu b’kodiċi tas-sors għal prodotti b’elementi diġitali li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ li mhumiex taħt ir-responsabbiltà tagħhom” (il-premessa 18).

86.

Il-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali li jintegraw il-komponenti ta’ FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess ukoll ma jsirux responsabbli għall-konformità individwali ta’ tali komponenti mas-CRA, anke meta l-manifatturi jikkontribwixxu kodiċi tas-sors għall-manutenzjoni tagħhom.

87.

Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li l-manifatturi jintegraw il-komponenti ta’ FOSS fi prodotti (monetizzati) b’elementi diġitali tagħhom stess ma għandu l-ebda impatt fuq l-istatus ta’ dak il-komponent ta’ FOSS skont is-CRA. Dawk li jagħmlu l-manutenzjoni ta’ komponenti ta’ FOSS li ma jiġux introdotti fis-suq ma għandhomx obbligi fir-rigward ta’ entitajiet oħra li jistgħu jintegraw tali komponenti fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom. Jekk is-CRA japplikax għal komponent partikolari ta’ FOSS jiddependi biss fuq jekk il-persuna fiżika jew ġuridika li tippubblikah tintroduċihx fis-suq.

88.

Madankollu, il-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali li jintegraw komponenti ta’ FOSS huma meħtieġa jikkonformaw mas-CRA għall-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess. Għandhom ukoll obbligu tad-diliġenza dovuta, f’konformità mal-Artikolu 13(5), fir-rigward tal-komponenti ta’ FOSS li jintegraw. Barra minn hekk, huma meħtieġa jirrapportaw il-vulnerabbiltajiet fil-komponenti integrati u jikkondividu s-soluzzjonijiet ta’ sigurtà f’konformità mal-Artikolu 13(6). Għal aktar gwida dwar dan is-suġġett, ara t-Taqsima 9.2.1 Reporting upstream and sharing security fixes.

3.5.   Xenarji illustrattivi

89.

L-eżempji elenkati hawn taħt huma kompletament ipotetiċi u maħsuba biss biex juru każijiet differenti kif huwa spjegat fit-taqsimiet ta’ hawn fuq.

Eżempju 27: L-iżviluppatur individwali A żviluppa FOSS. L-iżviluppatur A jippubblika dak il-FOSS taħt ismu jew it-trademark tiegħu stess, iżda ma jitlobx prezz għall-użu tiegħu. Is-software jiġi kondiviż b’mod miftuħ u mqiegħed liberament għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd biex jaċċessah, jużah, jimmodifikah u jiddistribwih mill-ġdid. L-iżviluppatur A jinkludi wkoll link għal pjattaforma biex jiġbor donazzjonijiet volontarji.

Il-kumpaniji B, C u D jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess. Biex jappoġġaw il-manutenzjoni kontinwa, il-kumpaniji B, C u D jagħmlu donazzjonijiet volontarji lill-iżviluppatur A. Dawn id-donazzjonijiet jippermettu lill-iżviluppatur A jagħmel manutenzjoni regolari tal-proġett.

Dak il-FOSS ma ġiex introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. L-iżviluppatur A ma għandu l-ebda obbligu skont is-CRA. Il-kumpaniji B, C, u D għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5) meta jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti tagħhom stess b’elementi diġitali.

Eżempju 28: Il-fondazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ F tippubblika komponent ta’ FOSS biex jiġi integrat fi prodotti kummerċjali oħra b’elementi diġitali. Il-Fondazzjoni F timpenja ruħha li tipprovdi appoġġ kontinwu għal dak il-FOSS, biex tiżgura l-vijabbiltà u l-adozzjoni tiegħu. Il-kumpaniji A, B u C jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess. Il-kumpaniji A u B jikkontribwixxu minn jeddhom parti mill-ħin tal-iżviluppaturi tagħhom għall-iżvilupp u l-manutenzjoni ta’ proġetti ta’ FOSS fi ħdan il-fondazzjoni F, inkluż għal dak il-FOSS.

Peress li l-fondazzjoni F hija entità mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita b’tali mod li l-qligħ tagħha wara li l-kostijiet jintużaw biex jintlaħqu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ, il-FOSS ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. Il-Fondazzjoni F hija l-amministratur FOSS u hija soġġetta għall-obbligi korrispondenti stabbiliti fl-Artikolu 24. Il-kumpaniji A, B, u C għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5) meta jintegraw dak il-FOSS stess b’elementi diġitali fil-prodotti tagħhom.

Eżempju 29: Il-kumpanija A żviluppat komponent ta’ FOSS biex jiġi integrat fil-prodotti b’elementi diġitali tagħha stess. Tippubblika wkoll dak il-FOSS separatament taħt isimha jew it-trademark tagħha stess u tagħmillu manutenzjoni regolari. Madankollu, ma titlobx ħlas għall-użu tiegħu u lanqas ma timmonetizzah b’modi oħra. Il-kumpaniji B, C u D jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess, u jikkontribwixxu minn jeddhom xi ftit mill-ħin tal-iżviluppaturi tagħhom għall-manutenzjoni tiegħu.

Dak il-FOSS ma jitqiesx li ġie introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA. Il-kumpanija A ma hijiex il-manifattur tiegħu, iżda hija l-amministratur tiegħu. Il-kumpaniji B, C, u D għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5) meta jintegraw il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess.

Eżempju 30: Il-kumpanija A tippubblika FOSS taħt isimha jew it-trademark tagħha stess u toffrih bħala verżjoni mħallsa, li tinkludi ċerti benefiċċji bħall-assistenza teknika jew l-ottimizzazzjoni tal-prestazzjoni. Żviluppaturi mill-kumpaniji B, C u D jikkontribwixxu għall-manutenzjoni tal-FOSS, iżda dan jibqa’ taħt il-kontroll tal-kumpanija A.

Il-kumpanija A titqies bħala manifattur ta’ dak il-FOSS  (15) . Il-kumpaniji B, C u D ma humiex soġġetti għall-obbligi skont is-CRA għal dak il-FOSS speċifiku. Jekk jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom stess, dawn ikunu meħtieġa jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5).

Eżempju 31: Il-kumpanija A tippubblika FOSS taħt isimha jew it-trademark tagħha stess u tipprovdi manutenzjoni kontinwa biex tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tiegħu, biex tippermetti li dak is-software jiġi integrat fi prodotti b’elementi diġitali ta’ kumpaniji oħra. Il-kumpanija A ma titlobx ħlas għall-użu tiegħu, ma tipproċessax data personali li tiġbor permezz tal-prodott b’elementi diġitali, u lanqas tbigħ servizzi ta’ appoġġ assoċjati mal-pubblikazzjoni tal-FOSS.

Il-kumpanija B tikkontribwixxi l-kodiċi u l-ħin tal-iżviluppaturi għall-manutenzjoni tal-FOSS, iżda ma tiddistribwihx kummerċjalment. Il-kumpanija B toffri servizzi ta’ appoġġ tekniku irrispettivament mid-distribuzzjoni tal-FOSS. Il-kumpanija A titqies bħala l-amministratur ta’ dak il-FOSS, filwaqt li l-kumpanija B ma għandha l-ebda obbligu skont is-CRA fir-rigward ta’ dak il-FOSS.

Eżempju 32: Komponent ta’ FOSS jiġi ppubblikat minn entità mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita b’tali mod li tiżgura li l-qligħ kollu wara l-kostijiet jintuża biex jintlaħqu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ. L-entità tipprovdi appoġġ sostnut biex tiżgura l-vijabbiltà fit-tul tal-proġett. Il-manutenzjoni hija ffinanzjata minn finanzjament pubbliku, bħal għotjiet għar-riċerka. L-iżviluppi addizzjonali, inklużi karatteristiċi ġodda, huma ffinanzjati permezz ta’ donazzjonijiet u proġetti speċifiċi, imwettqa fi sħubija mal-manifatturi li jintegraw dak il-FOSS fil-prodotti b’elementi diġitali tagħhom. Dawn il-karatteristiċi huma inkorporati fil-bażi tal-kodiċi tal-FOSS.

L-entità mingħajr skop ta’ qligħ li tippubblika l-FOSS titqies bħala l-amministratur ta’ dak il-komponent ta’ FOSS. Manifattur li kkontribwixxa għall-iżvilupp ta’ ċerti karatteristiċi ma jsirx il-manifattur ta’ dak il-komponent ta’ FOSS. Meta l-manifattur jintegra dak il-komponent ta’ FOSS fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu stess, jeħtieġ li jeżerċita diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5).

Eżempju 33: Entità mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita b’tali mod li tiżgura li l-qligħ kollu wara l-kostijiet jintuża biex jintlaħqu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ tippubblika kit għall-iżvilupp ta’ software (SDK) ta’ FOSS u twettaq il-manutenzjoni kontinwa tiegħu. L-SDK huwa kondiviż b’mod miftuħ u mqiegħed għad-dispożizzjoni liberament biex kulħadd jaċċessah, jużah, jimmodifikah u jiddistribwih mill-ġdid. Il-finanzjament jiġi pprovdut permezz ta’ tariffi tas-sħubija mħallsa lill-entità mingħajr skop ta’ qligħ, u l-iżviluppaturi impjegati mill-organizzazzjonijiet membri jikkontribwixxu kodiċi u riżorsi oħra għall-iżvilupp tal-SDK. Il-manifatturi jużaw l-SDK bħala komponent biex jibnu prodotti oħra b’elementi diġitali.

L-entità mingħajr skop ta’ qligħ li tippubblika dak l-SDK hija l-amministratur tiegħu. Il-membri tal-fondazzjoni ma humiex responsabbli għall-konformità tal-SDK mas-CRA. Meta l-manifatturi jużaw l-SDK biex jibnu l-prodott b’elementi diġitali tagħhom stess, jeħtieġ li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5).

Eżempju 34: Żviluppatur individwali jippubblika librerija ta’ FOSS fuq repożitorju ta’ pakketti pubbliku għal lingwa partikolari tal-ipprogrammar u jagħmlilha manutenzjoni regolari. Fid-dokumentazzjoni tal-pakkett, l-iżviluppatur iżid link biex jiġbor donazzjonijiet. Manifattur iniżżel dik il-librerija mir-repożitorju mingħajr ħlas u jintegraha fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu stess.

L-iżviluppatur individwali u r-repożitorju tal-pakketti ma għandhom l-ebda obbligu skont is-CRA. Il-manifattur li jintegra l-librerija jeħtieġ li jeżerċita diliġenza dovuta f’konformità mal-Artikolu 13(5).

Illustrazzjoni 1

Dijagramma sekwenzjali stilizzata għall-kopertura mis-CRA ta’ software liberu u b’sors miftuħ

Image 1

4.   MODIFIKI SOSTANZJALI U SPARE PARTS

90.

L-Artikolu 3(30) tas-CRA jiddefinixxi “modifika sostanzjali” bħala bidla fil-prodott b’elementi diġitali wara l-introduzzjoni tiegħu fis-suq, li (i) taffettwa l-konformità tal-prodott b’elementi diġitali mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I; jew (ii) tirriżulta f’modifika tal-iskop maħsub li għalih ikun ġie vvalutat il-prodott b’elementi diġitali.

91.

Il-kunċett ta’ modifika sostanzjali huwa rilevanti biex jiġu aċċertati l-obbligi tas-CRA f’għadd ta’ każijiet, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

f’konformità mal-Artikolu 21, importatur jew distributur li jwettaq modifika sostanzjali ta’ prodott b’elementi diġitali li jkun diġà ġie introdotti fis-suq, jitqies bħala l-manifattur tiegħu;

(b)

f’konformità mal-Artikolu 22, kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq modifika sostanzjali ta’ prodott b’elementi diġitali u tqiegħed dak il-prodott għad-dispożizzjoni fis-suq, titqies bħala l-manifattur tiegħu;

(c)

f’konformità mal-Artikolu 69(2), kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li twettaq modifika sostanzjali wara l-11 ta’ Diċembru 2027 ta’ prodott b’elementi diġitali li jkun ġie introdott fis-suq qabel il-11 ta’ Diċembru 2027 u tintroduċih fis-suq titqies bħala l-manifattur tiegħu;

(d)

għall-manifatturi ta’ prodotti b’elementi diġitali introdotti fis-suq wara l-11 ta’ Diċembru 2027, sabiex jiġi ddeterminat jekk prodott b’elementi diġitali jkunx meħtieġ jgħaddi minn proċedura ġdida ta’ valutazzjoni tal-konformità minħabba bidliet li jkunu saru wara dik id-data, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura iterattiva tal-iżvilupp tas-software.

92.

Għalhekk, huwa importanti li tiġi pprovduta gwida biex tgħin lill-operaturi ekonomiċi jifhmu meta l-modifiki fil-hardware jew fis-software jikkwalifikaw bħala modifiki sostanzjali.

4.1.   Tiswijiet fiżiċi

93.

Kif huwa ddikjarat fil-premessa 42 tas-CRA, “meta prodott b’elementi diġitali huwa soġġett għal ‘rinnovazzjoni’, ‘manutenzjoni’ u ‘tiswija’, kif definit fl-Artikolu 2, il-punti (18), (19) u (20), tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dan mhux neċessarjament iwassal għal modifika sostanzjali tal-prodott, pereżempju jekk l-iskop u l-funzjonalitajiet maħsuba ma jinbidlux u l-livell ta’ riskju jibqa’ mhux affettwat. Madankollu, l-aġġornament ta’ prodott b’elementi diġitali mill-manifattur jista’ jwassal għal bidliet fid-disinn u fl-iżvilupp tal-prodott u għalhekk jista’ jaffettwa l-iskop maħsub tiegħu u l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament”. Dan huwa konsistenti mat-Taqsima 2.1 tal-Gwida Blu, li tfakkar li “prodott soġġett għal bidliet importanti jew għal tiġdid maġġuri wara li jkun tqiegħed fis-servizz irid jitqies bħala prodott ġdid jekk: i) il-prestazzjoni, l-iskop jew it-tip oriġinali tiegħu jiġu mmodifikati, mingħajr ma dan ikun previst fil-valutazzjoni tar-riskju inizjali; ii) in-natura tal-periklu tkun inbidlet jew il-livell ta’ riskju jkun żdied fir-rigward tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni; u iii) il-prodott jitqiegħed għad-dispożizzjoni (jew jitqiegħed fis-servizz jekk il-leġiżlazzjoni applikabbli tkopri wkoll it-tqegħid fis-servizz fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha). Dan għandu jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-objettiv tal-leġiżlazzjoni u tat-tip ta’ prodotti koperti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni”.

94.

L-operazzjonijiet ta’ rinnovazzjoni, manutenzjoni jew tiswija li jirriżultaw f’modifiki fiżiċi ta’ prodotti b’elementi diġitali diġà introdotti fis-suq mhux neċessarjament jammontaw għal modifiki sostanzjali. Għalhekk jenħtieġ li titwettaq valutazzjoni każ b’każ, biex jiġi aċċertat jekk tali modifika fiżika taffettwax il-konformità tal-prodott b’elementi diġitali mar-rekwiżiti essenzjali tal-Parti I tal-Anness I, jew jekk tirriżultax f’bidla fl-iskop maħsub tal-prodott kopert mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà.

95.

Is-sostituzzjoni ta’ parts difettużi jew ta’ oġġetti mkagħbra b’parts li jaħdmu aħjar (eż. minħabba progress tekniku jew minħabba li l-part il-qadima ma għadhiex tiġi prodotta) fiha nnifisha ma twassalx għal modifika sostanzjali tal-prodott b’elementi diġitali msewwi. Tagħmel dan biss jekk il-bidla fil-prestazzjoni jew il-mod kif jaħdem il-prodott b’elementi diġitali msewwi (i) jaffettwa l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti essenzjali jew (ii) jirriżulta f’bidla fl-iskop maħsub li ma kinitx koperta mill-valutazzjoni tar-riskju.

Eżempju 35: Il-manifattur ta’ server iwettaq operazzjoni ta’ tiswija, billi jibdel RAM difettuża b’waħda ġdida li taħdem aħjar. Il-konformità tas-server mar-rekwiżiti essenzjali ma hijiex affettwata. Is-server jaħdem aħjar, iżda l-prestazzjoni l-ġdida tiegħu tibqa’ fi ħdan l-użu maħsub tas-server kif ikkunsidrat fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà. Is-server ma jitqiesx li ġie mmodifikat sostanzjalment.

4.2.   Spare parts

96.

L-Artikolu 2(6) tas-CRA jistabbilixxi li l-ispare parts maħsuba biex jissostitwixxu komponenti identiċi u manifatturati skont l-istess speċifikazzjonijiet ta’ dawk il-komponenti ma humiex soġġetti għas-CRA. Il-premessa 29 tiddikjara wkoll li l-eżenzjoni tkopri kemm spare parts għall-prodotti b’elementi diġitali magħmula disponibbli qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA, kif ukoll spare parts li jkunu diġà għaddew minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità kif stabbilit fir-Regolament.

97.

L-eżenzjoni fl-Artikolu 2(6) tas-CRA jenħtieġ li tinftiehem bħala li tapplika biss meta l-ispare part tiġi pprovduta speċifikament biex tissewwa jew tiġi estiża d-durabbiltà ta’ prodott b’elementi diġitali li jkun diġà ġie introdott fis-suq (qabel jew wara l-11 ta’ Diċembru 2027). Meta prodott b’elementi diġitali jiġi pprovdut bħala prodott awtonomu, mingħajr l-ebda konnessjoni mal-manutenzjoni jew mat-tiswija ta’ prodott b’elementi diġitali eżistenti minn qabel, dan jiġi introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA u ma għandux jitqies bħala spare part li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(6). L-iskop ta’ manutenzjoni jew tiswija jenħtieġ li jkun evidenti mill-kuntest tal-provvista, pereżempju billi l-prodott b’elementi diġitali jew il-familja ta’ prodotti tiġi identifikata fl-ordni jew fl-offerta kummerċjali, jew permezz ta’ provvista permezz ta’ kanali ta’ wara l-bejgħ jew ta’ servizz. L-evidenza ta’ sostenn għal dak il-għan jenħtieġ li tinżamm disponibbli wkoll għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq. Il-fatt li prodott b’elementi diġitali jista’ jintuża teknikament biex jissostitwixxi komponent ma huwiex, fih innifsu, biżżejjed biex jiddaħħal fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni fin-nuqqas ta’ dawn l-elementi.

98.

Għaldaqstant, meta spare part tkun identika għal komponent diġà inkluż fi prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA jew li jkun ġie introdott fis-suq f’konformità mas-CRA, dik l-istess spare part ma tkunx soġġetta għas-CRA.

99.

Il-valutazzjoni ta’ jekk spare part għandhiex titqies identika għal komponent jenħtieġ li tiffoka fuq ir-rwol funzjonali tagħha fil-prodott b’elementi diġitali u l-karatteristiċi li jistgħu jkunu rilevanti għaċ-ċibersigurtà. Filwaqt li dejjem tkun meħtieġa valutazzjoni każ b’każ, id-differenzi li ma jaffettwawx il-karatteristiċi tas-sigurtà jew il-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-komponent, fihom infushom, ma jipprevjenux lil dik l-ispare part milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(6) tas-CRA.

100.

B’kuntrast ma’ dan, id-differenzi fil-karatteristiċi rilevanti għaċ-ċibersigurtà tal-komponent, bħal algoritmi, protokolli, mekkaniżmi kriptografiċi, karatteristiċi ta’ kontroll tal-aċċess jew karatteristiċi oħra rilevanti għas-sigurtà, jistgħu jfissru li l-part il-ġdida ma tistax titqies identika għall-komponent li hija maħsuba li tissostitwixxi.

101.

Meta spare part ma tkunx identika għall-komponent oriġinali, dik l-ispare part tikkostitwixxi prodott b’elementi diġitali fiha nnifisha u għalhekk tkun soġġetta għas-CRA. F’każijiet bħal dawn, il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-iskop maħsub tal-komponent ta’ sostituzzjoni. Il-funzjoni tal-komponent ta’ sostituzzjoni li jiżgura l-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà ma’ prodott b’elementi diġitali eżistenti hija partikolarment rilevanti, inkluż meta dak il-prodott ikun prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA. Meta ċerti rekwiżiti essenzjali ma jkunux jistgħu jiġu ssodisfati b’mod raġonevoli minħabba dak l-iskop maħsub jew restrizzjonijiet tekniċi, il-manifattur irid jirrifletti dan fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u jimplimenta miżuri alternattivi jew kumpensatorji xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju, sabiex ma jdgħajjifx is-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Kif huwa diskuss ukoll fit-Taqsima 2.6 Complex systems, kemm id-dokumentazzjoni teknika kif ukoll l-informazzjoni u l-istruzzjonijiet għall-utent għandhom rwol ewlieni fid-deskrizzjoni trasparenti tar-restrizzjonijiet identifikati, ir-riskji assoċjati għaċ-ċibersigurtà u l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju implimentati. Kif huwa spjegat fit-Taqsima 4.1 Physical repairs, is-sostituzzjoni ta’ parts difettużi jew ta’ oġġetti mkgħabra b’parts li jaħdmu aħjar ma twassalx fiha nnifisha għal modifika sostanzjali tal-prodott b’elementi diġitali msewwi.

Eżempju 36: Manifattur introduċa kontrolluri konnessi fis-suq tal-UE. F’każ minnhom, il-kontrollur ġie introdott fis-suq fl-2026, qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA. F’każ ieħor, il-kontrollur ġie introdott fis-suq fl-2028, f’konformità mas-CRA. Fl-2028, modulu ta’ komunikazzjoni diġitali fiż-żewġ tipi ta’ kontrolluri jieqaf jaħdem. Il-manifattur jipprovdi bħala spare part modulu ta’ sostituzzjoni li jkun identiku u manifatturat skont l-istess speċifikazzjonijiet bħall-oriġinali.

Fiż-żewġ każijiet, il-modulu ta’ sostituzzjoni jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni fl-Artikolu 2(6). L-ispare part fiha nnifisha ma hijiex soġġetta għas-CRA, minkejja li hija prodott b’elementi diġitali, minħabba li tissostitwixxi komponent identiku fi prodott b’elementi diġitali. It-tiswija ma tikkostitwix modifika sostanzjali tal-prodott b’elementi diġitali.

Eżempju 37: Manifattur introduċa kontrollur industrijali konness fis-suq tal-UE fl-2026, qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA. Fl-2028, ċippa tal-komunikazzjoni f’dak il-kontrollur tieqaf taħdem. Peress li l-manifattur ma baqax jimmanifattura dik iċ-ċippa, huwa jipprovdi bħala spare part ċippa aktar ġdida bl-istess funzjonalità, iżda b’implimentazzjoni kriptografika differenti u b’mekkaniżmu ta’ bbutjar sigur aġġornat, sabiex jinżammu l-kompatibbiltà u t-tħaddim kontinwu.

F’dan il-każ, iċ-ċippa ta’ sostituzzjoni ma tistax titqies identika, peress li d-differenzi fl-implimentazzjoni kriptografika u fil-mekkaniżmu tal-ibbutjar sigur jaffettwaw il-proprjetajiet taċ-ċibersigurtà taċ-ċippa. Għalhekk ma tibbenefikax mill-eżenzjoni fl-Artikolu 2(6) u tikkostitwixxi prodott b’elementi diġitali soġġett għas-CRA. Il-konformità tal-ispare part trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-iskop maħsub tagħha, inkluż ir-rwol tagħha li tiżgura l-interoperabbiltà mal-prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq qabel id-data ta’ applikazzjoni tas-CRA.

Eżempju 38: Manifattur jintroduċi fis-suq kontrollur tal-bini intelliġenti fl-2028 f’konformità mas-CRA. Fl-2029, il-modulu mingħajr fili f’dak il-kontrollur jieqaf jaħdem. Peress li l-manifattur ma baqax jimmanifattura dak il-modulu, huwa jipprovdi bħala spare part modulu ġdid li jwettaq l-istess funzjoni bl-użu tal-istess protokolli ta’ komunikazzjoni u mekkaniżmi tas-sigurtà, iżda huwa bbażat fuq sett ta’ ċipep differenti u għandu firmware aġġornat li ma jbiddilx karatteristiċi li jistgħu jkunu rilevanti għaċ-ċibersigurtà.

F’dan il-każ, il-modulu ta’ sostituzzjoni jista’ jitqies identiku. Għalhekk, il-modulu jibbenefika mill-eżenzjoni fl-Artikolu 2(6) u ma huwiex soġġett għas-CRA.

102.

L-eżenzjoni għall-ispare parts tapplika irrispettivament minn jekk l-ispare part tissostitwix komponent fi prodott b’elementi diġitali jew jekk tissostitwix prodott sħiħ b’elementi diġitali li huwa stess jifforma parti minn prodott akbar, inkluż meta dak il-prodott akbar b’elementi diġitali jkun magħmul minn diversi komponenti integrati, dment li l-ispare part tiġi pprovduta speċifikament bħala spare part, kif huwa spjegat fil-paragrafi preċedenti.

Eżempju 39: Fl-2027, manifattur jintroduċi fis-suq sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali li tinkorpora kontrollur loġiku programmabbli (PLC) bħala wieħed mill-komponenti tagħha. Fl-2031, l-unità ċentrali ta’ pproċessar (CPU) tal-PLC tieqaf taħdem. Il-manifattur joffri żewġ għażliet ta’ tiswija: (i) il-provvista ta’ CPU ta’ sostituzzjoni, li tista’ titqies identika għas-CPU installata oriġinarjament; jew (ii) il-provvista ta’ PLC ta’ sostituzzjoni sħiħ, li jista’ jitqies identiku għall-PLC installat oriġinarjament. F’kull każ, is-sostituzzjoni tiġi pprovduta permezz tal-kanal ta’ servizz ta’ wara l-bejgħ tal-manifattur bħala spare part, u s-sistema ta’ awtomatizzazzjoni industrijali li għaliha hija maħsuba s-sostituzzjoni hija identifikata b’mod ċar. Fiż-żewġ każijiet, is-sostituzzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni fl-Artikolu 2(6), kemm jekk is-sostituzzjoni tikkonċerna komponent fi ħdan il-PLC, jew il-PLC bħala ħaġa sħiħa.

4.3.   Aġġornamenti tas-software bħala modifiki sostanzjali

103.

L-iżvilupp tas-software huwa iterattiv fin-natura tiegħu, u l-prodotti tas-software b’elementi diġitali diġà introdotti fis-suq jiġu aġġornati ta’ spiss u kontinwament. F’dan il-kuntest, huwa utli li tiġi pprovduta aktar gwida biex jiġi aċċertat meta s-software għandu jitqies bħala modifikat sostanzjalment. Tali gwida hija maħsuba b’mod partikolari biex tgħin lill-manifatturi ta’ prodotti tas-software b’elementi diġitali li jagħmlu bidliet fil-prodotti tagħhom stess jiddeterminaw jekk dawk il-bidliet jammontawx għal modifika sostanzjali.

104.

Il-premessa 39 tindika li prodott b’elementi diġitali huwa modifikat sostanzjalment meta bidla tbiddel il-livell tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, u meta tali riskju mibdul jew addizzjonali ma jkunx tqies mill-manifattur fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu u, konsegwentement, fl-implimentazzjoni tiegħu tar-rekwiżiti essenzjali. Għalhekk, manifattur jenħtieġ li jivvaluta, abbażi ta’ każ b’każ, jekk aġġornament tas-software jintroduċix riskji ġodda jew akbar għaċ-ċibersigurtà, u jekk tali riskji kinux diġà ġew indirizzati fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu.

105.

Meta manifattur jintroduċi funzjonalitajiet ġodda fi prodott b’elementi diġitali li jirriżultaw f’bidla fl-iskop maħsub tal-prodott b’mod ġenerali, aktarx li l-manifattur ma kkunsidrax tali bidliet fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-bidla ġeneralment tikkwalifika bħala modifika sostanzjali.

Eżempju 40: Manifattur jintroduċi fis-suq dashboard li tiġbor data minn magni u turi xejriet u twissijiet, mingħajr ma għandha l-kapaċità li tikkontrolla tali magni. Sussegwentement, il-manifattur jiżviluppa verżjoni ġdida ta’ dik id-dashboard, li tintroduċi funzjonalitajiet li jippermettulha tikkontrolla l-magni, inkluż billi taġġusta l-parametri operatorji u terġa’ tistartja l-magni wara kundizzjonijiet ta’ ħsara. B’riżultat ta’ dawn il-bidliet, l-iskop maħsub tad-dashboard evolva lil hinn minn dak li kien previst fil-valutazzjoni tar-riskju, u nbidel minn għodda ta’ sensibilizzazzjoni tas-sitwazzjoni għal prodott b’elementi diġitali maħsub biex jeżerċita kontroll operazzjonali fuq apparat ieħor. Għalhekk, id-dashboard ġiet immodifikata sostanzjalment.

Eżempju 41: Manifattur jintroduċi fis-suq applikazzjoni ta’ software tal-konsumatur maħsuba biex torganizza u turi data personali, bħal emails, messaġġi jew dokumenti, u biex tappoġġa funzjonijiet bażiċi ta’ tiftix u filtrazzjoni. Sussegwentement, il-manifattur jintroduċi aġġornament li jippermetti lill-applikazzjoni tanalizza awtomatikament il-kontenut tal-utent sabiex tiġġenera profili ta’ mġiba u tieħu deċiżjonijiet awtomatizzati li jaffettwaw il-prijoritizzazzjoni, it-trażżin, jew ir-rakkomandazzjoni tal-kontenut mingħajr l-intervent tal-utent. B’riżultat ta’ din il-bidla, l-iskop maħsub tas-software jinbidel minn għodda ta’ ġestjoni tal-informazzjoni kkontrollata mill-utent għal sistema awtomatizzata ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, li ma kinitx prevista fil-valutazzjoni tar-riskju. Għalhekk, l-applikazzjoni ġiet immodifikata sostanzjalment.

106.

Fl-istess ħin, madankollu, manifattur jista’ jintroduċi progressivament funzjonalitajiet ġodda diġà inklużi fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu jew li, fihom infushom, ma jbiddlux il-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-manifattur ikun antiċipa l-iżvilupp ta’ dawk il-funzjonalitajiet, ikun diġà ddeskriva u vvaluta r-riskji assoċjati, u jkun implimenta miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa biex jiżgura konformità kontinwa mar-rekwiżiti essenzjali. Dan jista’ jkun il-każ ukoll meta l-funzjonalitajiet il-ġodda ma jimplimentawx bidliet li jintroduċu riskji ġodda jew akbar. Għalhekk, l-aġġornamenti ta’ dan it-tip ma għandhomx jitqiesu bħala modifiki sostanzjali, peress li ma jżidux ir-riskju għaċ-ċibersigurtà u konsegwentement ma jbiddlux l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.

Eżempju 42: Applikazzjoni tal-messaġġi inizjalment tiġi rilaxxata bil-funzjonalità limitata għal messaġġi one-to-one. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-manifattur tkopri l-introduzzjoni sussegwenti ta’ messaġġi fi grupp, inkluż pereżempju ż-żieda fil-kumplessità tar-routing tal-messaġġi. F’aġġornament sussegwenti, il-manifattur iżid il-funzjonalità tal-group chat flimkien ma’ kontrolli tal-amministratur u għodod ta’ moderazzjoni li diġà kienu previsti u vvalutati fid-disinn oriġinali. L-aġġornament jimplimenta funzjonalitajiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskop maħsub u tal-valutazzjoni tar-riskju oriġinali. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-messaġġi ma ġietx immodifikata sostanzjalment.

Eżempju 43: Sistema ta’ monitoraġġ tal-produzzjoni tiġi introdotta fis-suq b’dashboards li jinqraw biss attivati, filwaqt li l-arkitettura tas-sistema tinkludi karatteristiċi ta’ kontroll awtomatizzat li madankollu huma diżattivati. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-manifattur tkopri b’mod espliċitu l-attivazzjoni futura ta’ ċirkwiti ta’ kontroll awtomatizzat, u tinkludi r-riskji għaċ-ċibersigurtà assoċjati mal-kontroll b’ċirkwit magħluq, kif ukoll salvagwardji bħall-mekkaniżmi ta’ override mill-operatur u stati ta’ sigurtà f’każ ta’ ħsara. F’aġġornament sussegwenti, il-manifattur jattiva l-użu tal-karatteristiċi ta’ kontroll awtomatizzat u jattiva s-salvagwardji kif ivvalutati oriġinarjament. Għalhekk, is-sistema ta’ monitoraġġ tal-produzzjoni ma ġietx immodifikata sostanzjalment.

107.

Min-naħa l-oħra, anke funzjonalitajiet ġodda limitati jew apparentement minuri jistgħu jintroduċu riskji sinifikanti għaċ-ċibersigurtà li jaffettwaw il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali. Għalhekk, il-valutazzjoni ta’ modifika sostanzjali ma għandhiex tkun ibbażata fuq l-iskala jew il-kumplessità tal-bidla, iżda fuq l-impatt negattiv potenzjali tagħha fuq il-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali u konsegwentement fuq l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali.

Eżempju 44: Manifattur jintroduċi aġġornament f’applikazzjoni ta’ software li jżid karatteristika ta’ “ftakarni” jew ta’ login persistenti li taħżen tokens tal-awtentikazzjoni lokalment biex ittejjeb il-konvenjenza tal-utent. Għalkemm il-funzjonalità għandha ambitu limitat, tintroduċi riskji ġodda relatati mas-serq tat-tokens, l-aċċess mhux awtorizzat, u l-ħtif tas-sessjonijiet li ma ġewx ikkunsidrati fil-valutazzjoni tar-riskju. Għalhekk, l-aġġornament jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali. L-applikazzjoni tas-software ġiet immodifikata sostanzjalment.

Eżempju 45: Manifattur iżid karatteristika ġdida ta’ reġistrazzjoni u dijanjostika ma’ prodott ta’ software eżistenti b’elementi diġitali, li tippermetti li r-reġistrazzjonijiet dettaljati tas-sistema jiġu esportati għal skopijiet ta’ individwazzjoni ta’ soluzzjonijiet. Għalkemm il-funzjonalità tidher minuri, tirriżulta fil-ġbir u fil-ħżin ta’ data operazzjonali sensittiva f’format mhux kriptat, u b’hekk tintroduċi riskji ta’ esponiment tad-data li ma ġewx ivvalutati jew imnaqqsa qabel. Għalhekk, il-bidla jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Il-prodott tas-software b’elementi diġitali ġie mmodifikat sostanzjalment.

108.

F’konformità mal-premessa 39 tas-CRA, l-aġġornamenti tas-sigurtà ġeneralment ma għandhomx jitqiesu bħala modifiki sostanzjali, peress li l-iskop primarju tagħhom huwa li jnaqqsu l-livell ta’ riskju għaċ-ċibersigurtà assoċjat mal-prodott b’elementi diġitali. Għalhekk, aġġornament tas-sigurtà li ma jimmodifikax l-iskop maħsub ta’ dak il-prodott u ma jintroduċix riskji ġodda għaċ-ċibersigurtà ma għandux jitqies bħala modifika sostanzjali, anke meta dak l-aġġornament jista’ jintroduċi bidliet tekniċi sinifikanti. Dan jinkludi meta ċerti funzjonalitajiet jiġu mmodifikati jew ristretti biss għall-fini tal-mitigazzjoni tal-vulnerabbiltajiet identifikati u tal-iżgurar ta’ konformità kontinwa mar-rekwiżiti essenzjali.

Eżempju 46: Manifattur ivara aġġornament tas-sigurtà biex jindirizza vulnerabbiltà fil-bażi tal-kodiċi ta’ prodott b’elementi diġitali billi jikkoreġi żball ta’ validazzjoni tal-input li jista’ jwassal għal overflow tal-buffer, jew billi jirranġa difett loġiku li jippermetti l-evitar tal-awtentikazzjoni permezz ta’ validazzjoni mhux xierqa tat-token tas-sessjoni. L-aġġornament jimmodifika l-implimentazzjoni interna tas-software mingħajr ma jaffettwa l-iskop maħsub ta’ dak il-prodott jew mingħajr ma jintroduċi esponiment ġdid. Tali aġġornament huwa maħsub esklużivament biex inaqqas ir-riskju għaċ-ċibersigurtà. L-aġġornament tas-sigurtà ma għandux jitqies bħala modifika sostanzjali.

Eżempju 47: Manifattur jintroduċi aġġornament tas-sigurtà li jsaħħaħ il-konfigurazzjonijiet tas-sigurtà eżistenti, bħal pereżempju it-tisħiħ tar-regoli tal-firewall, id-diżattivazzjoni ta’ ports tan-network mhux użati, il-bdil tal-politiki prestabbiliti tal-password tal-amministratur, jew billi jagħmel l-awtentikazzjoni b’diversi fatturi obbligatorja meta tali funzjonalità kienet diġà disponibbli jew prevista. Għalkemm l-aġġornament jista’ jaffettwa kif l-utenti jikkonfiguraw jew jaċċessaw il-prodott b’elementi diġitali, ma jbiddilx l-iskop maħsub tiegħu u jservi biss biex itejjeb il-qagħda tas-sigurtà tiegħu. L-aġġornament tas-sigurtà ma għandux jitqies bħala modifika sostanzjali.

Eżempju 48: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott tas-software b’elementi diġitali li jiżgura komunikazzjonijiet bl-użu ta’ qafas ta’ kriptaġġ konfigurabbli li jappoġġa algoritmi kriptografiċi u daqsijiet ta’ kjavi multipli, kif deskritt fid-dokumentazzjoni teknika u fil-valutazzjoni tar-riskju tal-prodott. Il-valutazzjoni tar-riskju tkopri l-għażliet kriptografiċi kollha pprovduti fil-prodott b’elementi diġitali u tantiċipa d-deprekazzjoni futura ta’ ċerti algoritmi. Il-valutazzjoni tar-riskju tinkludi wkoll miżuri ta’ mitigazzjoni, bħall-aġilità kriptografika, il-ġestjoni interna tal-kjavi, u l-ittestjar tal-kompatibbiltà. B’rispons għall-gwida kriptografika emerġenti, il-manifattur ivara aġġornament tas-sigurtà li jiddiżattiva algoritmu deprekat u jattiva alternattiva aktar b’saħħitha u diġà appoġġata, mingħajr ma jintroduċi dipendenzi esterni ġodda jew jibdel il-flussi tad-data. Peress li l-aġġornament jimplimenta miżura ta’ sigurtà li kienet prevista u vvalutata bħala parti mid-disinn oriġinali, u ma jintroduċix riskji ġodda għaċ-ċibersigurtà, l-aġġornament tas-sigurtà ma għandux jitqies bħala modifika sostanzjali.

109.

B’kuntrast ma’ dan, aġġornament tas-sigurtà jista’ jikkwalifika bħala modifika sostanzjali meta, minkejja l-objettiv tas-sigurtà tiegħu, l-aġġornament jimmodifika l-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali lil hinn minn dak li oriġinarjament kien previst jew jintroduċi riskji ġodda jew akbar għaċ-ċibersigurtà. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta aġġornament jibdel materjalment il-konfini jew l-istruttura ta’ dipendenza tal-prodott b’mod li ma kienx previst fil-valutazzjoni tar-riskju, eż. billi jbiddel materjalment il-flussi tad-data, jew billi jżid interfaċċi ġodda li jistgħu jintlaħqu esternament.

Eżempju 49: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott tas-software b’elementi diġitali maħsub biex jipprovdi kriptaġġ lokali tal-fajls għal data maħżuna fuq apparat tal-utent, li jippermetti lill-utenti jikkriptaw u jiddekriptaw fajls fuq talba. Wara l-iskoperta ta’ vulnerabbiltà fil-fluss tax-xogħol ta’ kriptaġġ, il-manifattur ivara aġġornament tas-sigurtà li jneħħi l-funzjonalità ta’ kriptaġġ lokali u minflok jirrikjedi li l-fajls kollha jittellgħu, jinħażnu, u jiġu pproċessati permezz ta’ servizz ta’ kriptaġġ mill-bogħod imħaddem mill-manifattur. B’riżultat ta’ din il-bidla, il-prodott b’elementi diġitali ma għadux iwettaq kriptaġġ lokali kif maħsub oriġinarjament, iżda minflok qed jiffunzjona bħala servizz ta’ kriptaġġ u pproċessar tad-data mill-bogħod. Għalkemm l-aġġornament ġie introdott għal raġunijiet ta’ sigurtà, jibdel radikalment l-iskop maħsub ta’ dak il-prodott b’mod mhux previst fil-valutazzjoni tar-riskju u għalhekk jikkwalifika bħala modifika sostanzjali.

Eżempju 50: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott tas-software b’elementi diġitali li jiddependi fuq protokoll ta’ kriptaġġ stabbilit u ċiklu tal-ħajja tal-kjavi ġestit internament biex jiżgura l-komunikazzjonijiet bejn il-komponenti tal-prodott b’elementi diġitali. B’reazzjoni għal dgħufijiet kriptografiċi li jkun għadu kemm identifika, il-manifattur jintroduċi aġġornament tas-sigurtà li jissostitwixxi l-mekkaniżmu eżistenti ta’ kriptaġġ bi protokoll differenti li jirrikjedi l-użu ta’ servizz estern ta’ ġestjoni tal-kjavi mħaddem minn parti terza. B’riżultat ta’ din il-bidla, id-dipendenzi u l-flussi tad-data tal-prodott b’elementi diġitali jinbidlu materjalment, bl-introduzzjoni ta’ interfaċċi esterni ġodda u d-dipendenza fuq is-servizzi ta’ partijiet terzi mhux ikkunsidrati fil-valutazzjoni tar-riskju. Għalkemm l-aġġornament huwa mmotivat mis-sigurtà, jintroduċi riskji ġodda għaċ-ċibersigurtà, u għalhekk jikkwalifika bħala modifika sostanzjali.

110.

Kif huwa ddikjarat fil-punt 104 aktar ’il fuq, jekk aġġornament tas-software jikkostitwix modifika sostanzjali, jenħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta’ każ b’każ. Meta jwettqu din il-valutazzjoni, il-manifatturi jistgħu jikkunsidraw, b’mod mhux eżawrjenti, jekk l-aġġornament tas-software:

(a)

jintroduċix vetturi ġodda ta’ theddid, bħal interfaċċi addizzjonali, kanali ta’ komunikazzjoni, ambjenti ta’ eżekuzzjoni, jew dipendenzi esterni li permezz tagħhom jista’ jinħoloq it-theddid;

(b)

joħloqx xenarji ta’ attakk ġodda, inklużi pereżempju modi ġodda li bihom jistgħu jseħħu b’mod plawżibbli l-aċċess, il-manipulazzjoni, l-interferenza jew l-użu ħażin mhux awtorizzat tal-prodott b’elementi diġitali, jew ta’ data pproċessata minnu;

(c)

ibiddilx il-probabbiltà ta’ xenarji ta’ attakk identifikati qabel, pereżempju billi jnaqqas l-isforz jew l-għarfien espert meħtieġ biex dawn jiġu sfruttati, iżid l-esponiment għal atturi mhux fdati, jew idgħajjef is-salvagwardji eżistenti;

(d)

ibiddilx l-impatt potenzjali ta’ xenarji ta’ attakk identifikati qabel, inkluż pereżempju l-ambitu tad-data jew tal-funzjonijiet affettwati, is-severità tal-konsegwenzi operazzjonali, tas-sikurezza jew ekonomiċi, jew il-kapaċità ta’ detezzjoni u trażżin ta’ inċident jew ta’ rkupru minnu.

111.

F’xi każijiet, aġġornament tas-software ma jintroduċix vetturi ġodda ta’ theddid, ma jippermettix xenarji ta’ attakki ġodda, u ma jbiddilx materjalment il-probabbiltà jew l-impatt ta’ xenarji ta’ attakk identifikati qabel. Dan jista’ jindika li l-aġġornament ma jintroduċix riskji ġodda jew akbar għaċ-ċibersigurtà, dment li s-suppożizzjonijiet u l-miżuri ta’ mitigazzjoni invokati fil-valutazzjoni tar-riskju jibqgħu validi u effettivi. Għalhekk huwa probabbli li l-aġġornament ma jikkwalifikax bħala modifika sostanzjali.

112.

Min-naħa l-oħra, aġġornament tas-software jista’ jintroduċi vetturi ta’ theddid ġodda, jippermetti xenarji ta’ attakk ġodda, jew jibdel materjalment il-probabbiltà jew l-impatt ta’ xenarji ta’ attakk eżistenti. F’każijiet bħal dawn, il-manifattur jenħtieġ li jirrivaluta r-riskji għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali u jiddetermina jekk ir-rekwiżiti essenzjali jibqgħux jiġu ssodisfati, inkluż jekk l-aġġornament jintroduċix riskji imprevisti ġodda jew akbar fil-valutazzjoni tar-riskju.

113.

Jekk aġġornament tas-software jikkwalifikax bħala modifika sostanzjali huwa rilevanti meta jiġi ddeterminat jekk japplikawx ċerti obbligi skont is-CRA, kif stabbilit fil-punt 91. Madankollu, irrispettivament minn dik il-kwalifika, il-manifatturi jibqgħu responsabbli biex jiżguraw is-sigurtà tal-aġġornamenti tas-software u tal-prodott b’elementi diġitali tagħhom matul il-perjodu ta’ appoġġ tiegħu, f’konformità mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-vulnerabbiltà stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I tas-CRA. Barra minn hekk, irrispettivament minn jekk l-aġġornamenti tas-software jikkwalifikawx bħala modifiki sostanzjali jew le, il-manifatturi huma meħtieġa jżommu l-valutazzjoni tar-riskju u d-dokumentazzjoni teknika akkurati, kompluti u aġġornati kontinwament, f’konformità mal-Artikoli 13(7) u 31(2).

4.4.   Il-konsegwenzi ta’ modifika sostanzjali

114.

Il-konsegwenzi ta’ modifika sostanzjali mwettqa minn attur għajr il-manifattur oriġinali ta’ prodott b’elementi diġitali diġà introdott fis-suq huma indirizzati fl-Artikoli 21 u 22 tas-CRA. L-Artikolu 21 jikkonċerna l-importaturi u d-distributuri, filwaqt li l-Artikolu 22 jikkonċerna kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għajr il-manifattur, l-importatur jew id-distributur.

115.

Meta l-modifika sostanzjali titwettaq mill-manifattur oriġinali tal-prodott b’elementi diġitali, il-konsegwenzi jirriżultaw mill-kunċett ġeneralment stabbilit ta’ modifika sostanzjali msemmi fil-premessa 41 tas-CRA u huma elaborati ulterjorment fit-Taqsima 2.1 tal-Gwida Blu. Dik it-taqsima tiddikjara li prodott li jkun ġie soġġett għal tibdil importanti jew għal tiġdid maġġuri wara li jkun ġie introdott fis-suq għandu jitqies bħala prodott ġdid meta l-prestazzjoni, l-iskop jew it-tip oriġinali tiegħu jkun ġie mmodifikat, in-natura tal-periklu tkun inbidlet jew il-livell ta’ riskju jkun żdied, u l-prodott b’elementi diġitali jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq.

116.

Għalhekk, il-konsegwenza stabbilita b’mod ġenerali hija li, meta modifika ta’ prodott b’elementi diġitali tikkwalifika bħala modifika sostanzjali u l-prodott b’elementi diġitali modifikat jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq, għandu jiġi ttrattat bħala prodott b’elementi diġitali ġdid għall-finijiet tas-CRA. B’riżultat ta’ dan, l-att li l-prodott sostanzjalment modifikat jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jikkostitwixxi introduzzjoni ġdida fis-suq. Dan japplika kemm jekk il-modifika sostanzjali titwettaq mill-manifattur oriġinali kif ukoll jekk titwettaq minn persuna oħra. Sabiex jiġi żgurat li s-CRA jiġi applikat b’mod uniformi u proporzjonat fil-kategoriji differenti ta’ atturi li jistgħu jwettqu modifika sostanzjali, is-subtaqsimiet li ġejjin jindirizzaw l-obbligi li jirriżultaw tal-persuna li twettaq il-modifika sostanzjali meta l-prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment jitqiegħed fis-suq. Il-konsegwenzi għall-perjodu ta’ appoġġ tal-prodott b’elementi diġitali huma indirizzati fit-Taqsima 5 Support period.

4.4.1.   Modifiki sostanzjali mwettqa minn persuna għajr il-manifattur oriġinali

117.

F’konformità mal-Artikoli 21 u 22, meta modifika sostanzjali ta’ prodott b’elementi diġitali diġà introdott fis-suq titwettaq minn persuna fiżika jew ġuridika għajr il-manifattur tal-prodott b’elementi diġitali, il-persuna li twettaq il-modifika sostanzjali u tqiegħed il-prodott modifikat b’elementi diġitali għad-dispożizzjoni fis-suq għandha titqies bħala l-manifattur tal-prodott b’elementi diġitali modifikat, irrispettivament minn jekk dik il-persuna kinitx involuta fid-disinn oriġinali jew fl-introduzzjoni fis-suq ta’ dak il-prodott.

118.

L-Artikolu 22 jiċċara wkoll li l-persuna li twettaq il-modifika hija soġġetta għall-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 biss fir-rigward tal-parti tal-prodott b’elementi diġitali affettwata mill-modifika sostanzjali, meta dik il-modifika ma jkollhiex impatt fuq iċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa.

119.

Meta modifika sostanzjali taffettwa l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali iżda ma taffettwax b’mod negattiv iċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, il-persuna li twettaq il-modifika tkun soġġetta għall-Artikoli 13 (inkluż l-obbligu li tiżgura l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali u li twettaq proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità) u 14 (obbligi ta’ rapportar) biss fir-rigward tal-parti tal-prodott b’elementi diġitali li tkun ġiet immodifikata sostanzjalment (16). Barra minn hekk, l-obbligi tal-manifattur oriġinali skont is-CRA jkomplu japplikaw għall-prodott oriġinali b’elementi diġitali introdott fis-suq, biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-ġestjoni tal-vulnerabbiltà u l-konformità tal-partijiet mhux mibdula.

120.

Każ ta’ modifika sostanzjali ma għandux jiġi konfuż ma’ każijiet ta’ integrazzjoni, li fihom persuna tassembla komponenti (inkluż, fejn xieraq, billi timmodifikahom) fi prodott b’elementi diġitali ġdid li hija stess tintroduċi fis-suq. F’każijiet bħal dawn, l-integratur ma jkunx qed jimmodifika prodott b’elementi diġitali li diġà ġie introdott fis-suq minn manifattur ieħor; pjuttost, ikun qed jintroduċi fis-suq prodott b’elementi diġitali ġdid tiegħu stess. L-integratur huwa l-manifattur ta’ dak il-prodott b’elementi diġitali l-ġdid għall-finijiet tas-CRA u huwa meħtieġ jikkonforma mar-Regolament fl-intier tiegħu fir-rigward tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa. Meta l-manifattur jintegra komponenti li huma soġġetti għas-CRA, dan jista’ jibbaża fuq l-attivitajiet ta’ konformità tal-manifatturi tal-komponenti biex jiffaċilita l-konformità tiegħu stess mas-CRA.

Eżempju 51: Kumpanija tixtri moduli tal-mikrokontrolluri u komponenti tal-konnettività kummerċjalment disponibbli mingħand fornituri terzi, tiżviluppa firmware proprjetarju u pakkett ta’ sensuri, u tassemblahom fi prodott konness b’elementi diġitali għall-monitoraġġ agrikolu li tintroduċi fis-suq taħt isimha stess. Għalkemm il-kumpanija mmodifikat il-moduli tal-mikrokontrolluri sottostanti u għaqqdithom ma’ komponenti oħra, ma hijiex qed timmodifika sostanzjalment prodott b’elementi diġitali diġà introdott fis-suq; pjuttost, qed tintroduċi fis-suq prodott b’elementi diġitali ġdid. Il-kumpanija hija l-manifattur tal-monitor agrikolu għall-finijiet tas-CRA u hija meħtieġa tikkonforma mar-Regolament fir-rigward tal-monitor agrikolu bħala ħaġa sħiħa.

121.

Meta modifika sostanzjali mwettqa minn persuna għajr il-manifattur oriġinali toloqot b’mod negattiv iċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, pereżempju minħabba li l-modifika ma għadhiex immirata jew limitata għal komponent jew subsistema speċifika, il-prodott b’elementi diġitali modifikat imqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq jenħtieġ li jiġi ttrattat bħala prodott b’elementi diġitali ġdid soġġett għas-CRA fl-intier tiegħu. F’każijiet bħal dawn, il-profil ġenerali tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott inbidel, u l-modifika ma tistax tiġi vvalutata mingħajr ma jitqies il-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa. Il-persuna li twettaq il-modifika hija soġġetta għall-obbligi ta’ manifattur stabbiliti fl-Artikoli 13 u 14 fir-rigward tal-prodott b’elementi diġitali modifikat bħala ħaġa sħiħa.

4.4.2.   Modifiki sostanzjali mwettqa mill-manifattur oriġinali

122.

Meta l-modifika sostanzjali titwettaq mill-manifattur oriġinali, inkluż fil-kuntest ta’ żvilupp iterattiv ta’ prodotti tas-software b’elementi diġitali, dak il-manifattur jibqa’ l-manifattur għall-finijiet tas-CRA. Madankollu, il-prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment għandu jitqies bħala li għadu kemm ġie introdott fis-suq.

123.

F’konformità mat-Taqsima 2.1 tal-Gwida Blu, il-manifattur oriġinali li jintroduċi fis-suq il-prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment jista’ jerġa’ juża d-dokumentazzjoni u t-testijiet eżistenti għal aspetti tal-prodott b’elementi diġitali li ma humiex affettwati mill-modifika sostanzjali. B’mod partikolari meta l-manifattur iqiegħed verżjonijiet modifikati sostanzjalment tal-istess prodott b’elementi diġitali fis-suq, il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li tiffoka fuq il-partijiet modifikati sostanzjalment tal-prodott b’elementi diġitali. Bl-istess mod, meta titwettaq valutazzjoni tal-konformità minn parti terza, il-korp ta’ valutazzjoni tal-konformità jenħtieġ li jiffoka l-valutazzjoni tiegħu fuq il-partijiet modifikati sostanzjalment. Għal partijiet mhux mibdula tal-prodott b’elementi diġitali, jista’ jerġa’ juża d-dokumentazzjoni u r-riżultati tat-testijiet eżistenti.

124.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-proporzjonalità stabbiliti fis-subtaqsima preċedenti japplikaw bl-istess mod għal modifiki sostanzjali mwettqa mill-manifattur oriġinali ta’ prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq qabel il-11 ta’ Diċembru 2027. Tali modifika sostanzjali mwettqa mill-manifattur oriġinali, fiha nnifisha, ma tirrikjedix li l-manifattur iġib il-prodott kollu b’elementi diġitali introdott fis-suq qabel dik id-data f’konformità sħiħa mas-CRA, ħlief jekk il-modifika taffettwa b’mod negattiv iċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa. Meta l-modifika ma taffettwax iċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, l-obbligi tal-manifattur oriġinali fir-rigward tal-modifika għandhom ikunu limitati għall-partijiet modifikati sostanzjalment.

5.   PERJODU TA’ APPOĠĠ

125.

L-Artikolu 13(8) tas-CRA jirrikjedi li l-manifatturi jiddeterminaw il-perjodu ta’ appoġġ li matulu l-vulnerabbiltajiet tal-prodott b’elementi diġitali, inklużi l-komponenti tiegħu, jiġu ttrattati b’mod effettiv u f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I. Il-perjodu ta’ appoġġ jirrifletti l-perjodu ta’ żmien li matulu l-prodott b’elementi diġitali huwa mistenni li jintuża (iż-żmien tal-użu mistenni), u jenħtieġ li jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(8), b’mod partikolari l-aspettattivi raġonevoli tal-utenti, in-natura tal-prodott b’elementi diġitali, inkluż l-iskop maħsub tiegħu, kif ukoll id-dritt rilevanti tal-Unjoni li jiddetermina l-ħajja tal-prodotti b’elementi diġitali (17). B’mod ġenerali, dawn il-kriterji għandhom jitqiesu b’mod li jiżgura l-proporzjonalità fid-determinazzjoni tal-perjodu ta’ appoġġ.

126.

L-Artikolu 13(8) jirrikjedi wkoll li l-perjodu ta’ appoġġ ikun ta’ mill-inqas 5 snin, ħlief jekk il-prodott b’elementi diġitali jkun mistenni li jintuża għal inqas minn 5 snin, f’liema każ il-perjodu ta’ appoġġ għandu jikkorrispondi għaż-żmien tal-użu mistenni. Għalhekk, il-perjodu minimu ta’ appoġġ jopera biss bħala salvagwardja, u jiżgura li l-vulnerabbiltajiet jiġu ttrattati għal perjodu twil biżżejjed, filwaqt li jippermetti lill-manifatturi jqisu prodotti b’elementi diġitali bi żminijiet tal-użu mistennija ġenwinament iqsar. Il-premessa 60 tipprovdi aktar gwida f’dan ir-rigward, u tiċċara li l-prodotti b’elementi diġitali li jkunu raġonevolment mistennija li jintużaw għal aktar minn 5 snin jenħtieġ li jkollhom perjodi ta’ appoġġ itwal. Għalhekk, perjodu ta’ appoġġ ta’ 5 snin ma għandux jitqies bħala l-perjodu awtomatiku għall-prodotti kollha b’elementi diġitali. Minflok, il-manifattur jenħtieġ li jiddetermina l-perjodu ta’ appoġġ xieraq fid-dawl tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 13(8).

127.

L-Artikolu 13(19) jirrikjedi li l-manifatturi jindikaw fil-ħin tax-xiri, b’mod ċar u li jinftiehem, id-data tat-tmiem tal-perjodu ta’ appoġġ (mill-inqas ix-xahar u s-sena). Jirrikjedi wkoll li, fejn ikun teknikament fattibbli fid-dawl tan-natura tal-prodott b’elementi diġitali, il-manifatturi juru notifika lill-utenti ladarba jiskadi l-perjodu ta’ appoġġ. Dan l-obbligu huwa maħsub biex jipprovdi trasparenza lill-utenti f’dak li jirrigwarda ż-żmien li matulu jistgħu jistennew appoġġ għas-sigurtà.

128.

Fil-każ ta’ prodotti tas-software b’elementi diġitali, li spiss jiġu żviluppati u rilaxxati b’mod iterattiv u fejn, maż-żmien, spiss jistgħu jiġu introdotti fis-suq verżjonijiet modifikati sostanzjalment, il-perjodu ta’ appoġġ irid jinftiehem fid-dawl ta’ dan il-mudell ta’ żvilupp. Kull verżjoni modifikata sostanzjalment ta’ prodott tas-software b’elementi diġitali introdott fis-suq irid ikollha perjodu ta’ appoġġ iddikjarat li jikkonforma mal-Artikolu 13(8). Dan jinkludi l-perjodu minimu ta’ appoġġ ta’ mill-inqas 5 snin, sakemm iż-żmien tal-użu mistenni ta’ dik il-verżjoni ma jkunx evidentement iqsar, kif huwa ċarat ukoll fil-premessa 60. It-Taqsima 5.1 Substantial modifications and the support periodtiċċara wkoll li, meta l-modifika sostanzjali ma twassalx għal bidliet fil-fatturi li oriġinarjament iddeterminaw iż-żmien tal-użu mistenni tal-prodott b’elementi diġitali, il-perjodu ta’ appoġġ oriġinali ma jiġix affettwat (jiġifieri inkluż f’każijiet fejn il-perjodu ta’ appoġġ li jifdal ikun inqas minn 5 snin).

129.

L-Artikolu 13(10) jipprovdi flessibbiltà għall-prodotti tas-software b’elementi diġitali billi jippermetti lill-manifatturi, taħt ċerti kundizzjonijiet, jiżguraw il-konformità mar-rekwiżit ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet stabbilit fil-punt (2) tal-Parti II tal-Anness I (l-indirizzar u r-rimedjar tal-vulnerabbiltajiet) biss għall-verżjoni tal-prodott tas-software b’elementi diġitali introdotta l-aħħar fis-suq. Dan huwa permess meta l-utenti ta’ verżjonijiet introdotti qabel ikollhom aċċess għall-verżjoni introdotta l-aħħar fis-suq mingħajr ħlas u ma jġarrbux kostijiet addizzjonali biex jaġġustaw l-ambjent tal-hardware u tas-software li fih jużaw il-verżjoni oriġinali ta’ dak il-prodott.

130.

Għall-finijiet tal-Artikolu 13(10), il-kunċett ta’ “kostijiet addizzjonali” jenħtieġ li jiġi interpretat b’mod prattiku u proporzjonat, filwaqt li jitqiesu l-prattiki normali u mistennija fil-manutenzjoni u fit-tħaddim tas-software. Dan ma jinkludix sforz operazzjonali raġonevoli li huwa inerenti għall-applikazzjoni ta’ aġġornamenti tas-software jew għaż-żamma ta’ ambjent operattiv sikur, bħall-ħin tal-persunal, l-ittestjar ta’ rutina, l-aġġustamenti fil-konfigurazzjoni jew l-aġġornamenti ta’ dipendenzi sottostanti tas-software li huma meħtieġa biex jiġu indirizzati komponenti fi tmiem il-ħajja jew vulnerabbiltajiet magħrufa tas-sigurtà. B’kuntrast ma’ dan, “kostijiet addizzjonali” tirreferi għal piżijiet li jmorru lil hinn minn dak li normalment jista’ jkun mistenni fil-kuntest ta’ aġġornamenti tas-software, bħal xiri obbligatorju ta’ hardware, sostituzzjoni tal-infrastruttura jew bidliet fundamentali ġodda fl-ambjent operattiv.

131.

Għal prodotti tas-software b’elementi diġitali li jevolvu kontinwament, il-manifatturi jistgħu jintroduċu fis-suq verżjonijiet suċċessivi modifikati sostanzjalment fuq intervalli relattivament qosra u jistennew li l-utenti jaġġornaw regolarment. F’każijiet bħal dawn, il-perjodu ta’ appoġġ iddikjarat għal kull verżjoni modifikata sostanzjalment irid jikkonforma mal-Artikolu 13(8) fiż-żmien meta tiġi introdotta fis-suq. Fi kliem ieħor, il-manifattur irid jiddikjara perjodu ta’ appoġġ ġdid għal dik il-verżjoni modifikata sostanzjalment. Madankollu, il-manifatturi jistgħu jibbażaw fuq l-Artikolu 13(10) biex iwaqqfu l-indirizzar u r-rimedjar tal-vulnerabbiltajiet għal verżjonijiet preċedenti ladarba l-utenti jkunu jistgħu jaġġornaw għal verżjoni aktar reċenti mingħajr ħlas u mingħajr ma jġarrbu kostijiet addizzjonali kif imsemmi hawn fuq, anke jekk dan jirriżulta f’perjodu ta’ appoġġ effettiv iqsar għal dawk il-verżjonijiet preċedenti (18). Il-manifattur jibqa’ soġġett għar-rekwiżiti l-oħra ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet tal-Parti II tal-Anness I, kif ukoll għall-obbligi ta’ rapportar tal-Artikolu 14. Kif huwa spjegat ukoll fil-premessa 40, għall-verżjonijiet sussegwenti kollha modifikati sostanzjalment tal-prodott tas-software b’elementi diġitali introdott fis-suq, dawn ir-rekwiżiti jinkludu, fost l-oħrajn: (i) iż-żamma ta’ politika dwar id-divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltajiet; u (ii) miżuri biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar vulnerabbiltajiet potenzjali (19).

Eżempju 52: Manifattur jintroduċi mudell ta’ smartphone fis-suq tal-UE u jiddikjara perjodu ta’ appoġġ ta’ X snin mid-data tal-introduzzjoni fis-suq, li matulu se jipprovdi aġġornamenti tas-sigurtà li jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet. Matul dak il-perjodu, il-manifattur jirrilaxxa aġġornamenti regolari tas-software u verżjonijiet modifikati sostanzjalment tas-sistema operattiva, li l-utenti jistgħu jinstallaw mingħajr ħlas mingħajr ma jeħtieġu hardware ġdid.

Il-manifattur jista’, f’konformità mal-Artikolu 13(10), jindirizza u jirrimedja l-vulnerabbiltajiet għall-aħħar verżjoni tas-sistema operattiva mqiegħda għad-dispożizzjoni għal dak il-mudell ta’ smartphone, dment li l-verżjonijiet preċedenti jkunu jistgħu jiġu aġġornati mingħajr ħlas u mingħajr kostijiet addizzjonali. Għad-durata tal-perjodu ta’ appoġġ, il-manifattur jibqa’ soġġett għar-rekwiżiti l-oħra ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, bħad-divulgazzjoni koordinata tal-vulnerabbiltajiet u l-miżuri ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Eżempju 53: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott ta’ software għall-intrapriżi b’elementi diġitali u jirrilaxxa verżjonijiet modifikati sostanzjalment kull ftit xhur, li jirriflettu titjib fis-sigurtà, karatteristiċi ġodda u kompatibbiltà ma’ sistemi u pjattaformi operattivi aġġornati. Kull verżjoni tiġi introdotta fis-suq b’perjodu ta’ appoġġ iddikjarat f’konformità mal-Artikolu 13(8). Il-manifattur jistenna li l-utenti jaġġornaw b’mod regolari bħala parti mit-tħaddim normali u jipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-aktar verżjoni reċenti. L-applikazzjoni ta’ aġġornamenti tista’ tirrikjedi sforz operazzjonali raġonevoli, bħall-ittestjar jew l-aġġustamenti tal-konfigurazzjoni, iżda ma tirrikjedix kostijiet addizzjonali, bħax-xiri ta’ hardware ġdid jew bidliet fundamentali fl-infrastruttura. F’dan il-kuntest, il-manifattur jista’ jibbaża fuq l-Artikolu 13(10) biex iwaqqaf l-indirizzar u r-rimedjar tal-vulnerabbiltajiet għall-verżjonijiet preċedenti ladarba l-utenti jistgħu jaġġornaw għall-aħħar verżjoni, filwaqt li jkompli jikkonforma mar-rekwiżiti l-oħra tal-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet għall-verżjonijiet kollha sussegwenti modifikati sostanzjalment.

5.1.   Modifiki sostanzjali u l-perjodu ta’ appoġġ

132.

Kif stabbilit fit-Taqsima 4.4 Consequences of a substantial modification, meta modifika ta’ prodott b’elementi diġitali tikkwalifika bħala modifika sostanzjali u l-prodott b’elementi diġitali modifikat jitqiegħed għad-dispożizzjoni fis-suq, dan għandu jiġi ttrattat bħala prodott ġdid għall-finijiet tas-CRA, u l-att tat-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment jikkostitwixxi introduzzjoni ġdida fis-suq. Għalhekk huwa utli li jiġi ċċarat l-effett li din l-introduzzjoni l-ġdida fis-suq għandha fuq il-perjodu ta’ appoġġ tal-prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment.

133.

Il-perjodu ta’ appoġġ ta’ prodott b’elementi diġitali modifikat sostanzjalment għandu jiġi ddeterminat b’referenza għaż-żmien tal-użu mistenni ta’ dak il-prodott, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(8) tas-CRA. Għalhekk, modifika sostanzjali għandha tirrikjedi rivalutazzjoni skont dawk il-kriterji, iżda ma tirriżultax awtomatikament fl-iffissar mill-ġdid tal-perjodu ta’ appoġġ, jew saħansitra fl-estensjoni tiegħu. Il-mistoqsija rilevanti hija jekk il-modifika sostanzjali taffettwax il-fatturi li oriġinarjament iddeterminaw iż-żmien tal-użu mistenni ta’ dak il-prodott u, għalhekk, il-perjodu ta’ appoġġ oriġinali.

134.

Meta l-modifika sostanzjali ma taffettwax dawk il-fatturi, il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(8) ikomplu jindikaw l-istess żmien tal-użu mistenni kif iddeterminat oriġinarjament, u l-perjodu ta’ appoġġ tal-prodott b’elementi diġitali modifikat għandu jallinja mal-bqija taż-żmien tal-użu mistenni tal-prodott kif introdott oriġinarjament fis-suq. Dan tipikament ikun il-każ meta ż-żmien tal-użu mistenni jkun ġie ddeterminat primarjament minn fatturi li l-modifika ma tibdilx, bħad-durabbiltà fiżika tal-komponenti tal-hardware, meta l-modifika sostanzjali tikkonċerna biss il-funzjonalità tas-software jew is-servizzi back-end.

Eżempju 54: Manifattur jintroduċi fis-suq vacuum cleaner robot bi żmien tal-użu mistenni ta’ X snin, iddeterminat abbażi tan-natura tal-prodott b’elementi diġitali, inklużi l-karatteristiċi tad-durabbiltà fiżika u tat-tkagħbir tal-komponenti tal-hardware, u filwaqt li jitqiesu l-aspettattivi raġonevoli tal-utenti rigward il-ħajja ta’ dak il-prodott. Il-manifattur jistabbilixxi perjodu ta’ appoġġ ta’ X snin. Wara Y snin, il-manifattur jirrilaxxa aġġornament tas-software li jikkwalifika bħala modifika sostanzjali, billi jżid modi ta’ tindif u karatteristiċi tan-navigazzjoni ġodda. L-aġġornament tas-software ma jaffettwax id-durabbiltà fiżika tal-hardware u ma jbiddilx l-aspettattivi raġonevoli tal-utenti fir-rigward tal-ħajja ta’ dak il-prodott. Għalhekk, il-kriterji tal-Artikolu 13(8) ikomplu jindikaw l-istess żmien tal-użu mistenni. Il-perjodu ta’ appoġġ tal-prodott b’elementi diġitali modifikat jallinja mal-bqija taż-żmien tal-użu mistenni kif iddeterminat oriġinarjament.

Eżempju 55: Manifattur jintroduċi fis-suq prodott ta’ makkinarju industrijali kumpless b’elementi diġitali, b’back-end fuq il-cloud li jikkostitwixxi soluzzjoni ta’ pproċessar tad-data mill-bogħod. Iż-żmien tal-użu mistenni huwa X snin, iddeterminat fid-dawl tal-aspettattivi raġonevoli tal-utenti u n-natura tal-prodott b’elementi diġitali, bħad-durabbiltà fiżika tal-hardware tal-makkinarju u t-tkagħbir bl-użu mistenni. Il-perjodu ta’ appoġġ huwa ffissat biex jallinja ma’ dak iż-żmien tal-użu mistenni ta’ X snin. Wara Y snin, il-manifattur jerġa’ jiddisinja l-back-end fuq il-cloud (is-soluzzjoni tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod), billi jintroduċi APIs u flussi tad-data ġodda, b’mod li jikkwalifika bħala modifika sostanzjali tal-prodott b’elementi diġitali iżda la jbiddel in-natura ta’ dak il-prodott u lanqas jaffettwa l-aspettattivi tal-utenti. Għalhekk, il-kriterji tal-Artikolu 13(8) ikomplu jindikaw l-istess żmien tal-użu mistenni. Il-perjodu ta’ appoġġ tal-prodott b’elementi diġitali modifikat jallinja mal-bqija taż-żmien tal-użu mistenni kif iddeterminat oriġinarjament.

135.

Meta l-modifika sostanzjali taffettwa l-fatturi li oriġinarjament iddeterminaw iż-żmien tal-użu mistenni tal-prodott b’elementi diġitali, il-manifattur għandu jikkalkula mill-ġdid il-perjodu ta’ appoġġ biex dan jirrifletti ż-żmien tal-użu mistenni l-ġdid, filwaqt li japplika l-kriterji tal-Artikolu 13(8) kif xieraq. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, tar-rivitalizzazzjoni ta’ modifiki tal-hardware li jestendu l-ħajja operazzjonali ta’ dak il-prodott, jew ta’ riprogrammazzjoni sostanzjali jew kitba mill-ġdid tas-software ewlieni ta’ dak il-prodott li tbiddel materjalment iż-żmien tal-użu mistenni tiegħu (20).

Eżempju 56: Manifattur jintroduċi fis-suq kontrollur loġiku programmabbli (PLC) bi żmien tal-użu mistenni ta’ X snin, iddeterminat primarjament abbażi tan-natura tal-prodott b’elementi diġitali u d-durabbiltà tal-hardware sottostanti. Il-perjodu ta’ appoġġ huwa stabbilit kif xieraq. Bosta snin wara l-introduzzjoni inizjali fis-suq, il-manifattur iwettaq modifika sostanzjali li tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-pjattaforma tal-computing integrata tal-PLC, inklużi l-proċessur, il-memorja u l-ambjent tar-runtime, b’ġenerazzjoni ġdida ta’ komponenti ddisinjati għal tul ta’ ħajja operazzjonali ferm itwal. B’riżultat tal-modifika, jinbidlu l-aspettattivi raġonevoli tal-utenti u n-natura tal-prodott b’elementi diġitali: l-utent tal-PLC issa jista’ raġonevolment jistenna li l-PLC jibqa’ f’użu produttiv lil hinn miż-żmien tal-użu mistenni tiegħu ddikjarat oriġinarjament, appoġġat mill-pjattaforma l-ġdida tal-computing. Għalhekk, il-kriterji tal-Artikolu 13(8) jindikaw żmien itwal ta’ użu mistenni, u l-manifattur jikkalkula mill-ġdid il-perjodu ta’ appoġġ għal dak il-PLC speċifiku kif xieraq.

6.   PRODOTTI B’ELEMENTI DIĠITALI IMPORTANTI U KRITIĊI

136.

L-Artikolu 7(1) tas-CRA jistabbilixxi li l-prodotti b’elementi diġitali li għandhom il-funzjonalità ewlenija ta’ kategorija ta’ prodotti stabbilita fl-Anness III tar-Regolament jitqiesu bħala “prodotti importanti b’elementi diġitali”. L-Anness III ikompli jaqsam il-prodotti b’elementi diġitali importanti fil-klassi I u fil-klassi II. Bl-istess mod, l-Artikolu 8(1) jistabbilixxi li l-prodotti b’elementi diġitali li għandhom il-funzjonalità ewlenija ta’ kategorija ta’ prodotti stabbilita fl-Anness IV tas-CRA jitqiesu bħala “prodotti kritiċi b’elementi diġitali” (21).

137.

Il-klassifikazzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali bħala importanti jew kritiku jew, bil-maqlub, bħala li jappartjeni għall-kategorija “prestabbilita” (22), hija rilevanti meta tiġi ddeterminata l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li l-manifattur jeħtieġ li jsegwi, f’konformità mal-Artikolu 32, qabel ma jkun jista’ jintroduċi dak il-prodott b’elementi diġitali fis-suq. B’mod partikolari, il-prodotti b’elementi diġitali fil-kategorija prestabbilita dejjem jistgħu jibbażaw fuq il-proċedura ta’ kontroll intern ibbażata fuq il-modulu A (“awtovalutazzjoni”) (23). Il-prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi I jew II u l-prodotti b’elementi diġitali kritiċi huma soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità aktar stretti. Dan ma jinkludix prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi I jew II li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ li jiġu introdotti fis-suq, li għalihom il-manifatturi huma awtorizzati jsegwu l-proċeduri tal-kategorija prestabbilita f’konformità mal-Artikolu 32(5).

138.

Għalhekk, il-kunċett ta’ funzjonalità ewlenija huwa essenzjali għall-manifattur biex jiddetermina r-reġim applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità. Madankollu, dan il-kunċett ma huwiex definit b’mod espliċitu fis-CRA. Il-prodotti b’elementi diġitali jistgħu jwettqu firxa ta’ funzjonijiet, li wħud minnhom jistgħu jkunu anċillari għall-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott, u ma għandhomx jaffettwaw il-klassifikazzjoni tal-prodott bħala prestabbilit/importanti tal-klassi I/importanti tal-klassi II/kritiku. Għalhekk, huwa utli li tiġi pprovduta aktar gwida li tgħin lill-manifatturi jwettqu l-proċeduri rilevanti ta’ valutazzjoni tal-konformità b’mod korrett, u li tassisti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq biex jiżguraw l-infurzar armonizzat tas-CRA madwar l-UE.

6.1.   Funzjonalità ewlenija

139.

Il-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali tirreferi għall-karatteristiċi ewlenin u għall-kapaċitajiet tekniċi ta’ dak il-prodott, li mingħajrhom ma jkunx jista’ jissodisfa l-iskop maħsub tiegħu. Din tista’ tiġi vvalutata fid-dawl tal-kuntest speċifiku u l-kundizzjonijiet tal-użu ta’ dak il-prodott, filwaqt li titqies, fost l-oħrajn, l-informazzjoni li l-manifattur jipprovdi fl-istruzzjonijiet għall-użu, fil-materjali u d-dikjarazzjonijiet promozzjonali jew tal-bejgħ, kif ukoll fid-dokumentazzjoni teknika.

Eżempju 57: Prodott tas-software b’elementi diġitali jipprovdi saff ta’ estrazzjoni fuq il-hardware sottostanti u jimmaniġġja l-eżekuzzjoni ta’ komponenti tas-software. Il-karatteristiċi ewlenin tiegħu jinkludu l-inizjalizzazzjoni tal-hardware u tal-periferali, il-ġestjoni tal-proċess u tal-memorja, il-kontroll tal-input-output, l-iskedar, l-allokazzjoni tar-riżorsi, u l-esponiment tas-servizzi tas-sistema u tal-interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) li permezz tagħhom l-applikazzjonijiet jinteraġixxu mar-riżorsi tal-hardware u tas-software tal-apparat. Id-dokumentazzjoni teknika tindika li l-prodott b’elementi diġitali jikkoordina r-riżorsi tal-computing, isaħħaħ il-konfigurazzjonijiet tas-sistema, u jipprovdi interfaċċi standardizzati għall-moduli tas-software u għall-periferali konnessi. Il-manifattur jenfasizza li dawn il-kapaċitajiet jippermettu lill-pjattaforma sservi bħala l-ambjent ċentrali tas-software li fuqu l-applikazzjonijiet jistgħu jaħdmu b’mod affidabbli. Il-prodott b’elementi diġitali għandu l-funzjonalità ewlenija ta’ sistema operattiva, kif deskritt fl-Anness I, il-punt 11, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2392.

140.

Il-funzjonalità ta’ prodott b’elementi diġitali rarament tkun ristretta esklużivament għall-funzjonalità ewlenija tiegħu, peress li l-prodotti b’elementi diġitali spiss — jekk mhux dejjem — iwettqu funzjonijiet addizzjonali li ma jikkontribwux għall-funzjonalità ewlenija tal-prodott. Dan jista’ jinkludi wkoll l-inkorporazzjoni ta’ komponenti li għandhom huma stess il-funzjonalità ta’ prodott ieħor b’elementi diġitali importanti jew kritiku. Madankollu, il-fatt li prodott b’elementi diġitali jwettaq funzjonijiet differenti minn dawk dettaljati fid-deskrizzjonijiet tekniċi ta’ prodotti b’elementi diġitali importanti jew kritiċi, jew addizzjonali għalihom, fih innifsu ma jipprevjenix li l-prodott ikollu waħda minn dawn il-funzjonalitajiet ewlenin.

Illustrazzjoni 2

Illustrazzjoni ta’ kif il-funzjonalità ewlenija, u mhux il-funzjonalitajiet anċillari, jiddeterminaw il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli

Image 2

141.

Prodott b’elementi diġitali jista’ jkollu l-kapaċità li jwettaq il-funzjonijiet ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi, iżda xorta waħda jkollu funzjonalità ewlenija differenti minn dik ta’ tali kategorija ta’ prodotti. F’dawk il-każijiet, dak il-prodott b’elementi diġitali ma jikkwalifikax bħala prodott b’elementi diġitali importanti jew kritiku. Kif huwa ddikjarat b’mod espliċitu fl-Artikolu 7(1) tas-CRA għal prodotti b’elementi diġitali importanti (u bl-applikazzjoni tal-istess loġika għall-prodotti b’elementi diġitali kritiċi), is-sempliċi integrazzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali importanti jew kritiku fiha nnifisha ma tagħmilx il-prodott b’elementi diġitali prodott b’elementi diġitali importanti jew kritiku.

Eżempju 58: Smartphone jintegra sistema operattiva li tipprovdi l-funzjonalitajiet deskritti fl-Anness I, il-punt 11, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2392. Filwaqt li s-sistema operattiva tippermetti l-ġestjoni tar-riżorsi tal-hardware u l-eżekuzzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software, l-ismartphone bħala ħaġa sħiħa għandu funzjonalità ewlenija differenti (eż. dik li tippermetti lill-utenti jikkomunikaw u jaċċessaw informazzjoni u servizzi). Is-sempliċi integrazzjoni ta’ sistema operattiva ma tfissirx li l-ismartphone għandu l-funzjonalità ewlenija ta’ sistema operattiva.

142.

Xi prodotti b’elementi diġitali jistgħu jkunu simili għal kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi, jew jappartjenu għall-istess familja ta’ prodotti ġenerali, iżda l-funzjonalità ewlenija tagħhom tista’ tisboq sostanzjalment il-funzjonalità ewlenija ta’ dik il-kategorija jew ma tilħaqhiex b’mod sostanzjali. Dan ma huwiex il-każ meta prodott b’elementi diġitali jinkludi funzjonalitajiet addizzjonali li sempliċiment jikkomplementaw jew itejbu l-funzjonalità ewlenija, li hija stess tikkorrispondi għal dik ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi; f’każijiet bħal dawn, il-prodott b’elementi diġitali jżomm il-funzjonalità ewlenija ta’ dik il-kategorija u jiġi kklassifikat skont dan. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi ewlenin u l-kapaċitajiet tekniċi ta’ dak il-prodott, ikkunsidrati b’mod oġġettiv fid-dawl tal-iskop maħsub tiegħu, u mhux fuq il-mod kif il-prodott b’elementi diġitali jiġi deskritt jew ikkummerċjalizzat, meta dik id-deskrizzjoni ma tirriflettix il-karatteristiċi tekniċi reali tal-prodott.

Eżempju 59: Pereżempju, software għall-orkestrazzjoni, għall-awtomatizzazzjoni u għar-rispons tas-sigurtà (SOAR) spiss ikollu l-kapaċità li jwettaq il-funzjonijiet ta’ prodotti b’elementi diġitali fil-kategorija ta’ “sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u tal-eventi (SIEM)”, jiġifieri jiġbor id-data, janalizzaha u jippreżentaha bħala informazzjoni azzjonabbli għall-finijiet ta’ sigurtà. Madankollu, il-funzjonalità ewlenija tas-software tisboq sostanzjalment dik ta’ SIEM, billi tinkludi servizzi bħar-rispons għall-inċidenti bħala elementi ewlenin tal-kapaċitajiet tekniċi tiegħu. Għalhekk, is-software SOAR ġeneralment ma jitqiesx li għandu l-funzjonalità ewlenija tas-sistemi SIEM.

Illustrazzjoni 3

Illustrazzjoni tal-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali li tisboq sostanzjalment id-definizzjoni ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi

Image 3

Eżempju 60: Ċerti għodod għall-ġbir u għall-viżwalizzazzjoni tar-reġistrazzjonijiet għandhom il-kapaċità li jinġerixxu data tar-reġistrazzjonijiet u jippreżentaw dashboards bażiċi li juru eventi tas-sistema. Filwaqt li dawn l-għodod jistgħu jappoġġaw l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tas-sigurtà, il-funzjonalità ewlenija tagħhom ma tilħaqx dik tas-sistemi SIEM, peress li ma jwettqux korrelazzjoni tad-data, u lanqas ma jipprovdu għarfien azzjonabbli dwar is-sigurtà. Għalhekk, tali għodod ġeneralment ma għandhomx jitqiesu li għandhom il-funzjonalità ewlenija tas-sistemi SIEM.

Illustrazzjoni 4

Illustrazzjoni tal-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali li sostanzjalment ma jilħaqx id-definizzjoni ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi

Image 4

143.

Manifattur ma jistax jirrappreżenta ħażin il-funzjonalità ewlenija tal-prodott b’elementi diġitali tiegħu b’tali mod li jaħrab mir-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal prodotti importanti jew kritiċi b’elementi diġitali, eż. billi jenfasizza żżejjed ir-rwol ta’ ċerti funzjonalitajiet jew jagħtihom inqas importanza, biex il-prodott jisboq sostanzjalment jew ma jilħaqx funzjonalità ewlenija partikolari. Dan ikun il-każ, pereżempju, fejn ikun hemm inkonsistenzi ċari bejn il-materjali promozzjonali, l-istruzzjonijiet għall-użu, u d-dokumentazzjoni teknika.

144.

Prodott b’elementi diġitali ma jistax ikollu aktar minn funzjonalità ewlenija waħda għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-reġim applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità. F’konformità mal-Anness VII tas-CRA, bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika ta’ prodott, il-manifatturi huma meħtieġa jiddeskrivu l-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali tagħhom u l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li jkunu segwew. Għalhekk, il-funzjonalità ewlenija tal-prodott għandha tiġi identifikata b’mod ċar. Dan jippermetti l-identifikazzjoni korretta tar-reġim applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità u jippermetti lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq jissorveljaw u jivverifikaw li r-Regolament qed jiġi applikat b’mod korrett.

Illustrazzjoni 5

Illustrazzjoni ta’ kif il-funzjonalità ewlenija ta’ prodott speċifiku b’elementi diġitali tiddetermina l-klassi tal-prodott u għalhekk il-proċedura applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità

Image 5

145.

Xi prodotti b’elementi diġitali jiġu introdotti fis-suq bħala prodotti b’elementi diġitali uniċi iżda jkunu magħmula minn moduli distinti b’funzjonalitajiet separati. Meta manifattur jqiegħed ukoll dawk il-moduli għad-dispożizzjoni fis-suq separatament, bħal fil-każ fejn jiġu offruti għal xiri, liċenzjar jew abbonament separat, dawk il-moduli jikkostitwixxu prodotti b’elementi diġitali awtonomi fihom infushom. Bħala tali, għandhom jiġu kklassifikati abbażi tal-funzjonalitajiet ewlenin rispettivi tagħhom (u għalhekk soġġetti għar-reġim xieraq ta’ valutazzjoni tal-konformità abbażi tal-funzjonalità ewlenija ta’ kull modulu). Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-moduli pprovduti biss bħala komponenti ta’ prodott b’elementi diġitali integrat u mhux imqiegħda għad-dispożizzjoni separatament; f’każijiet bħal dawn, il-funzjonalità ewlenija tiġi ddeterminata fil-livell tal-prodott b’elementi diġitali integrat.

Eżempju 61: manifattur jintroduċi fis-suq sett ta’ sigurtà unifikat li jikkombina diversi moduli, inkluż SIEM, sistema ta’ detezzjoni tal-intrużjoni, u modulu analitiku. Il-manifattur joffri wkoll dawk il-moduli għal abbonamenti separati. F’dan ix-xenarju, kull modulu huwa prodott b’elementi diġitali distint u huwa kklassifikat abbażi tal-funzjonalità ewlenija tiegħu stess. Il-modulu SIEM huwa soġġett għar-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi I, peress li l-funzjonalità ewlenija tiegħu hija dik ta’ “sistemi ta’ ġestjoni tas-sigurtà tal-informazzjoni u tal-eventi (SIEM)”. Is-sistema ta’ detezzjoni tal-intrużjoni hija soġġetta għar-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi II, peress li l-funzjonalità ewlenija tagħha hija dik ta’ “Firewalls, sistemi ta’ detezzjoni jew prevenzjoni ta’ intrużjoni”. Il-modulu analitiku huwa soġġett għar-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità għal prodotti b’elementi diġitali “prestabbiliti”, peress li l-funzjonalità ewlenija tiegħu ma hijiex dik ta’ kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi.

146.

In-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 32 tas-CRA jista’ jiskatta multi amministrattivi f’konformità mal-Artikolu 64(3).

6.2.   Valutazzjoni tal-konformità għal prodotti b’elementi diġitali importanti u kritiċi

147.

Ladarba l-manifattur ikun iddetermina l-funzjonalità ewlenija tal-prodott b’elementi diġitali tiegħu, jeħtieġ li jwettaq waħda mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli. Il-manifattur jeħtieġ li jiżgura li l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali, filwaqt li jqis, kif xieraq, is-sigurtà tal-komponenti jew tal-funzjonalitajiet integrati fih.

148.

Proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità aktar stretta, bl-involviment ta’ parti terza (abbażi tal-modulu B+C, il-modulu H jew tal-iskemi ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà) hija obbligatorja għal prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi II (bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ, f’konformità mal-Artikolu 32(5)) u għal prodotti b’elementi diġitali kritiċi (24). B’kuntrast ma’ dan, prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi I (bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkwalifikaw bħala software liberu u b’sors miftuħ, f’konformità mal-Artikolu 32(5)) huma meħtieġa jgħaddu minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità minn parti terza biss jekk il-manifattur ma jkunx applika jew ikun applika parzjalment biss standards armonizzati rilevanti li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn issa ’l quddiem, “standards armonizzati”), speċifikazzjonijiet komuni jew skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-anqas fil-livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali” (25).

149.

Għalhekk, biex prodott b’elementi diġitali importanti tal-klassi I ikun eliġibbli għall-proċedura ta’ kontroll intern, (i) jeħtieġ li jiġu applikati r-rekwiżiti applikabbli kollha ta’ standard armonizzat rilevanti; u (ii) l-ambitu tal-istandard jeħtieġ li jkopri mill-inqas ir-riskji kollha taċ-ċibersigurtà assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott.

150.

L-ambitu tal-prodott b’elementi diġitali jista’ jkun usa’ mill-ambitu previst mill-istandard armonizzat rilevanti, u tali funzjonijiet addizzjonali jistgħu jippreżentaw riskji differenti jew addizzjonali għaċ-ċibersigurtà. Il-manifattur huwa dejjem meħtieġ li jwettaq valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 13(2) u għaldaqstant għandu jivverifika jekk l-implimentazzjoni ta’ standard armonizzat tkoprix ir-riskji kollha assoċjati mal-prodott b’elementi diġitali. Meta l-implimentazzjoni tal-istandard ma tkoprix ir-riskji kollha, il-manifattur għandu jiżgura permezz ta’ mezzi oħra li l-prodott b’elementi diġitali tiegħu huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali.

151.

Għalhekk, jekk il-manifattur ta’ prodott b’elementi diġitali importanti tal-klassi I jkun applika standard armonizzat rilevanti li jkopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott, jista’ jiddeċiedi li juża l-proċedura ta’ kontroll intern biex juri l-konformità tal-prodott tiegħu. Bħala parti mill-attivitajiet ta’ valutazzjoni tal-konformità tiegħu, il-manifattur xorta se jkun meħtieġ juri li r-riskji kollha applikabbli għall-prodott b’elementi diġitali tiegħu huma indirizzati. Għalhekk, meta jkun hemm diskrepanza bejn il-kopertura tal-istandard armonizzat u l-ambitu tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, il-manifattur xorta jeħtieġ li jiddokumenta liema miżuri addizzjonali jkun stabbilixxa biex jittratta dawk ir-riskji.

Eżempju 62: Software anti-virus għandu l-funzjonalità ewlenija ta’ software li jfittex, ineħħi jew jitfa’ fi kwarantina, software malizzjuż, kif deskritt fl-Anness I, il-punt 4, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2392. Dak il-prodott b’elementi diġitali jinkludi wkoll karatteristiċi addizzjonali, jiġifieri funzjoni ta’ tindif tad-diska u funzjoni kontra t-trekkjar li tipproteġi lill-utent meta jinnaviga fuq il-web. Il-manifattur iwettaq valutazzjoni tar-riskju li tkopri l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, inklużi l-funzjonalità ewlenija tal-anti-virus, it-tindif tad-diska u l-funzjonijiet ta’ kontra t-trekkjar. Huwa japplika standard armonizzat li jkopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija tal-anti-virus, u miżuri addizzjonali biex jindirizza r-riskji li jirriżultaw minn funzjonijiet addizzjonali. Il-manifattur huwa awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern għall-valutazzjoni tal-konformità tiegħu, li tkopri l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, inklużi l-funzjonijiet tat-tindif tad-diska u ta’ kontra t-trekkjar.

Illustrazzjoni 6

Illustrazzjoni ta’ kif l-użu ta’ standard armonizzat imsemmi li jkopri biss funzjonalità ewlenija jiddetermina l-proċedura applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità

Image 6

152.

Dan huwa wkoll il-każ meta l-prodott b’elementi diġitali jintegra funzjoni addizzjonali li hija stess tkun dik ta’ prodott ieħor b’elementi diġitali importanti jew kritiku. Fil-fatt, hija l-funzjonalità ewlenija tal-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, u mhux il-funzjonalità tal-komponenti integrati meħuda waħedhom, li tiddetermina jekk il-prodott b’elementi diġitali jappartjenix għall-kategorija ta’ prodotti importanti jew kritiċi (u għalhekk ir-reġim applikabbli ta’ valutazzjoni tal-konformità). Pereżempju, jekk prodott b’elementi diġitali jkollu l-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali importanti tal-klassi I, dak il-prodott bħala ħaġa sħiħa jkun soġġett għar-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità applikabbli għal prodotti b’elementi diġitali importanti tal-klassi I, anke jekk jintegra komponent li huwa stess huwa prodott b’elementi diġitali kritiku. F’dawn il-każijiet, meta l-manifattur japplika standard armonizzat li jkopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott, huwa jkun awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern.

Eżempju 63: Prodott tal-hardware b’elementi diġitali għandu l-funzjonalità ewlenija ta’ router, kif deskritt fl-Anness I, il-punt 12, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2025/2392. Dak il-prodott b’elementi diġitali jinkludi wkoll funzjonalitajiet addizzjonali, inklużi kapaċitajiet ta’ firewalling, peress li jintegra komponent ta’ firewall. Il-manifattur iwettaq valutazzjoni tar-riskju li tkopri l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, billi jinkludi l-funzjonalità ewlenija tar-router u l-funzjonalità tal-firewall. Huwa japplika standard armonizzat li jkopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija tar-router, u miżuri addizzjonali biex jindirizza r-riskji li jirriżultaw minn funzjonijiet addizzjonali. Pereżempju, il-manifattur jista’ japplika l-istandard armonizzat għall-firewalls biex ikopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità tal-firewall. Il-manifattur huwa awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern għall-valutazzjoni tal-konformità tiegħu, li tkopri l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, inkluża l-funzjonalità tal-firewall.

6.3.   Implikazzjonijiet għall-preżunzjoni tal-konformità

153.

L-Artikolu 27(1) tas-CRA jistabbilixxi li l-prodotti b’elementi diġitali u l-proċessi stabbiliti mill-manifattur li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU), għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali tas-CRA koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom (26). L-Artikolu 27(5) jestendi l-istess preżunzjoni ta’ konformità għall-prodotti b’elementi diġitali u l-proċessi stabbiliti mill-manifattur li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, u l-Artikolu 27(8) jistabbilixxi l-preżunzjoni ta’ konformità għall-prodotti b’elementi diġitali u proċessi stabbiliti mill-manifattur li għalihom tkun inħarġet dikjarazzjoni ta’ konformità jew ċertifikat tal-UE skont skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà adottata skont ir-Regolament (UE) 2019/881, jekk dan ikun ġie speċifikat permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27(9) (27).

154.

Għalhekk, meta l-manifattur ikun applika standard armonizzat li r-referenzi tiegħu jkunu ġew ippubblikati fil-ĠU, huwa jibbenefika minn preżunzjoni ta’ konformità għar-riskji koperti minn dak l-istandard. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-istandard armonizzat referenzjat jindirizza r-riskji kollha assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ prodott b’elementi diġitali u ma hemm l-ebda funzjonalità addizzjonali li tippreżenta riskji għaċ-ċibersigurtà. Pereżempju, huwa mistenni li l-istandard armonizzat għar-routers se jindirizza mill-inqas ir-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dawn il-prodotti b’elementi diġitali. Jekk tali prodott ma jkun fih l-ebda funzjonalità addizzjonali jew jekk dawn il-funzjonalitajiet addizzjonali ma jippreżentawx riskji mhux indirizzati mill-istandard, il-prodott b’elementi diġitali jista’ jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ konformità.

155.

Fil-każijiet diskussi fil-punti 151 u 152, il-manifattur huwa awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern minħabba li l-istandard armonizzat ikopri r-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija tal-prodott b’elementi diġitali. Madankollu, il-prodotti b’elementi diġitali deskritti f’dawk l-eżempji jistgħu jkunu usa’ mill-ambitu tal-istandards armonizzati, u funzjonalitajiet addizzjonali jistgħu jippreżentaw riskji għaċ-ċibersigurtà li ma jkunux indirizzati minn tali standard armonizzat. Għalhekk, dawk il-prodotti b’elementi diġitali ma jistgħux jibbenefikaw mill-preżunzjoni ta’ konformità għal dawk il-funzjonalitajiet addizzjonali.

Eżempju 64: Software anti-virus għandu l-funzjonalità ewlenija ta’ software li jfittex, ineħħi, jew jitfa’ fi kwarantina software malizzjuż, u r-riskji assoċjati ma’ dik il-funzjonalità ewlenija huma koperti mill-istandard armonizzat. Dak il-prodott b’elementi diġitali jinkludi wkoll funzjonalitajiet addizzjonali, jiġifieri funzjoni ta’ tindif tad-diska u funzjonalità kontra t-trekkjar li tipproteġi lill-utent meta jinnaviga fuq il-web, li r-riskji tagħhom ma humiex koperti mill-istandard armonizzat. Jekk jiġi applikat l-istandard armonizzat, il-manifattur huwa awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern għall-valutazzjoni tal-konformità tiegħu. Dan jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ konformità għar-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott, iżda mhux għar-riskji assoċjati mal-funzjonalitajiet addizzjonali.

Illustrazzjoni 7

Standard ta’ konformità jagħti l-preżunzjoni ta’ konformità (PoC) għall-funzjonalità ewlenija, peress li jindirizza r-riskji kollha assoċjati ma’ dik il-funzjonalità ewlenija, iżda mhux għall-funzjonalitajiet anċillari

Image 7

Eżempju 65: Fl-istess xenarju bħall-eżempju preċedenti, l-istandard armonizzat issa ġie aġġornat biex ikopri wkoll ir-riskji assoċjati ma’ waħda mill-funzjonalitajiet addizzjonali, jiġifieri l-funzjoni tat-tindif tad-diska, iżda mhux l-oħra (jiġifieri l-funzjoni kontra t-trekkjar). Jekk jiġi applikat l-istandard armonizzat, il-manifattur huwa awtorizzat juża l-proċedura ta’ kontroll intern għall-valutazzjoni tal-konformità tiegħu. Dan jibbenefika minn preżunzjoni ta’ konformità għar-riskji assoċjati mal-funzjonalità ewlenija ta’ dak il-prodott u għall-funzjonalità tat-tindif tad-diska, iżda mhux għar-riskji relatati mal-funzjonalità kontra t-trekkjar.

Illustrazzjoni 8

Standard ta’ konformità jagħti l-PoC għall-funzjonalità ewlenija u għall-funzjonalità anċillari 1, peress li jindirizza r-riskji kollha assoċjati ma’ dawn iż-żewġ funzjonalitajiet, iżda mhux għall-funzjonalità anċillari 2

Image 8

7.   IL-VALUTAZZJONI TAR-RISKJU GĦAĊ-ĊIBERSIGURTÀ U L-INTEGRAZZJONI TA’ PRODOTTI B’ELEMENTI U KOMPONENTI DIĠITALI

7.1.   Dwar l-evalwazzjoni u t-trattament tar-riskji għaċ-ċibersigurtà

156.

Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà prevista fl-Artikolu 13(2) tas-CRA tirrikjedi li l-manifatturi jidentifikaw ir-riskji rilevanti u jivvalutaw l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-prodott b’elementi diġitali. Il-manifatturi jeħtieġ ukoll li jimplimentaw miżuri xierqa biex jindirizzaw dawk ir-riskji, f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali tal-Anness I.

157.

Fil-ġestjoni tar-riskju organizzazzjonali, ir-riskji ġeneralment jiġu evalwati skont il-kriterji ta’ aċċettazzjoni derivati mill-objettivi interni jew mill-aptit għar-riskju tal-organizzazzjoni. B’kuntrast ma’ dan, skont is-CRA, ir-riskju residwu għaċ-ċibersigurtà għandu jiġi vvalutat fid-dawl tar-rekwiżit li l-prodott b’elementi diġitali introdott fis-suq jiżgura livell xieraq ta’ ċibersigurtà bbażat fuq ir-riskji, filwaqt li jitqiesu l-iskop maħsub u l-użu raġonevolment prevedibbli tiegħu.

158.

Għaldaqstant, it-tolleranza interna tar-riskju tal-manifattur, l-istrateġija kummerċjali jew is-sempliċi kunsiderazzjonijiet tal-kostijiet ma humiex rilevanti biex jiġi ddeterminat jekk ir-riskji ġewx indirizzati. Għall-finijiet tal-Artikolu 13(2) u (3), il-manifatturi jridu jkunu f’pożizzjoni li jiddeterminaw jekk ir-riskji għaċ-ċibersigurtà identifikati ġewx indirizzati biżżejjed permezz tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali tal-Parti I tal-Anness I, fid-dawl tal-iskop maħsub, l-użu raġonevolment prevedibbli u l-kundizzjonijiet tal-użu, inkluż, fejn rilevanti, l-ambjent operazzjonali (pereżempju l-utenti maħsuba tal-prodott b’elementi diġitali) u l-assi li jridu jiġu protetti, filwaqt li jitqies it-tul ta’ żmien li l-prodott b’elementi diġitali huwa mistenni li jintuża.

159.

Ir-riskju residwu għaċ-ċibersigurtà huwa eżitu inerenti tal-valutazzjoni tar-riskju u tat-trattament tar-riskju. Huwa rikonoxxut li r-riskji għaċ-ċibersigurtà, fil-prattika, ma jistgħux jiġu eliminati għalkollox. Madankollu, l-eżistenza ta’ riskju residwu ma timplikax li kwalunkwe riskju jista’ jiġi aċċettat fid-diskrezzjoni tal-manifattur. Prodott b’elementi diġitali jista’ jiġi introdott fis-suq biss meta r-riskji residwi, ladarba jkunu ttieħdu l-miżuri xierqa, ikunu ġew indirizzati b’mod suffiċjenti permezz tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali, filwaqt li jitqiesu l-iskop maħsub u l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott b’elementi diġitali.

160.

F’konformità mal-Artikolu 13(3), meta jiġu identifikati riskji għaċ-ċibersigurtà, il-manifatturi huma meħtieġa jindirizzawhom permezz ta’ miżuri xierqa, inkluż fil-livell tal-prodott. Skont iċ-ċirkostanzi, dan jista’ jinvolvi, pereżempju, it-tnaqqis tas-superfiċe ta’ attakk, l-implimentazzjoni ta’ salvagwardji tekniċi, il-limitazzjoni jew l-adattament tal-funzjonalità, jew definizzjoni aktar preċiża tal-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali. Il-manifatturi jistgħu jieħdu wkoll passi biex isawru l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott b’elementi diġitali, pereżempju permezz tal-komunikazzjoni tar-riskju, il-gwida għall-utent, jew id-disinn tal-interfaċċa tal-utent, sabiex jiggwidaw l-imġiba tal-utent lejn xejriet ta’ użu sikur.

161.

Is-CRA ma jipprevedix it-trasferiment tar-riskju jew tar-responsabbiltà għaċ-ċibersigurtà lill-utenti jew lil partijiet terzi bi tpattija għan-nuqqasijiet fid-disinn tal-prodott jew bħala ġustifikazzjoni għall-fatt li r-riskji taċ-ċibersigurtà jitħallew mhux indirizzati. L-obbligu li jiġi introdott fis-suq prodott b’elementi diġitali sigur u li tintwera l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali jibqa’ f’idejn il-manifattur.

162.

L-informazzjoni u l-istruzzjonijiet ipprovduti lill-utenti jistgħu jintużaw biex jappoġġaw il-varar u t-tħaddim sikuri tal-prodott b’elementi diġitali, inkluż meta l-manifattur ikun għażel li jirrestrinġi l-iskop maħsub ta’ dak il-prodott għal ambjenti fdati, u biex jinformaw lill-utenti dwar ir-riskji residwi, b’mod xieraq għan-natura tal-prodott b’elementi diġitali u l-utenti maħsuba tiegħu.

Eżempju 66: Manifattur jiżviluppa sensur industrijali għall-użu f’ambjenti fdati. Biex is-sensur iwettaq il-funzjonalità tiegħu b’mod korrett, il-manifattur ma jimplimentax miżuri biex jipproteġi kontra attakki fiżiċi fuq is-sensur innifsu. Biex itaffi r-riskji assoċjati identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju, il-manifattur jillimita l-iskop maħsub tas-sensur biex jintuża biss f’ambjenti fdati fejn jiġi evitat l-aċċess fiżiku mhux awtorizzat għall-prodott b’elementi diġitali. L-informazzjoni u l-istruzzjonijiet lill-utenti jipprovdu informazzjoni ċara dwar dawn il-limitazzjonijiet fuq l-użu tas-sensur, b’mod li huwa xieraq għan-natura tal-prodott b’elementi diġitali u l-utenti maħsuba tiegħu.

Eżempju 67: Manifattur jiżviluppa applikazzjoni ta’ software għall-użu professjonali fuq apparati desktop u mobbli ġestiti. L-applikazzjoni tipproċessa data sensittiva maħżuna lokalment u kontenut iġġenerat mill-utent. Matul il-valutazzjoni tar-riskju, il-manifattur jidentifika r-riskju ta’ aċċess mhux awtorizzat għal tali data jekk tinħażen f’test ċar fuq l-apparat. Minflok ma jiddisinja u jimplimenta mekkaniżmu ta’ kriptaġġ proprjetarju fl-applikazzjoni nnifisha, il-manifattur jagħżel li jibbaża fuq il-funzjonijiet tal-kriptaġġ u tal-ġestjoni ewlenija pprovduti b’mod nattiv mis-sistema operattiva li fuqha l-applikazzjoni hija maħsuba biex taħdem, peress li s-servizzi kriptografiċi integrati tas-sistema operattiva huma maturi u mogħtija manutenzjoni regolari.

163.

Meta l-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tidentifika riskji li ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod adegwat permezz ta’ miżuri xierqa, il-konformità mas-CRA tista’ tirrikjedi bidliet fid-disinn, fil-funzjonalità jew fl-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali. Il-kunsiderazzjonijiet relatati biss mal-kost jew mal-fattibbiltà kummerċjali ma jikkostitwux raġunijiet suffiċjenti biex tali riskji ma jiġux ittrattati meta dan jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali.

7.2.   Dwar id-disinn, l-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ prodotti b’elementi diġitali b’tali mod li jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà bbażat fuq ir-riskji

164.

Ir-rekwiżit essenzjali taċ-ċibersigurtà msemmi fil-punt (1) tal-Parti I tal-Anness I tas-CRA jipprevedi li l-prodotti b’elementi diġitali jkunu ddisinjati, żviluppati u prodotti b’tali mod li jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà bbażat fuq ir-riskji.

165.

Dan ir-rekwiżit essenzjali għandu l-għan li jindirizza r-riskji kollha għaċ-ċibersigurtà li jkunu ġew identifikati bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà. B’mod partikolari, dan jinkludi riskji għaċ-ċibersigurtà li ma jkunux indirizzati b’mod adegwat ieħor bħala parti mill-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali tal-Parti I tal-Anness I għajr il-punt (1). Dan ir-rekwiżit essenzjali huwa differenti mill-obbligu legali li titwettaq valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, li għandha titwettaq skont l-Artikolu 13(2).

166.

Meta r-riskji rilevanti kollha għaċ-ċibersigurtà relatati ma’ prodott b’elementi diġitali jiġu ttrattati bl-implimentazzjoni ta’ miżuri adegwati biex jiġu indirizzati r-rekwiżiti essenzjali applikabbli għajr il-punt (1), ir-rekwiżit essenzjali msemmi fil-punt (1) tal-Parti I tal-Anness I jitqies li ġie ssodisfat. Min-naħa l-oħra, meta l-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tidentifika riskji addizzjonali mhux indirizzati bis-sħiħ minn tali miżuri, il-manifatturi huma meħtieġa jimplimentaw miżuri xierqa fuq il-prodott b’elementi diġitali biex jindirizzaw dawk ir-riskji, sabiex jikkonformaw mar-rekwiżit essenzjali msemmi fil-punt (1) tal-Parti I tal-Anness I. Fil-prattika, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali l-oħra hija mistennija li tirriżulta f’konformità ma’ dan ir-rekwiżit.

7.3.   Valutazzjoni tar-riskju u diliġenza dovuta fir-rigward ta’ dipendenzi esterni u komponenti integrati

167.

Is-CRA jistabbilixxi żewġ obbligi distinti iżda komplementari għall-manifatturi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji għaċ-ċibersigurtà. L-ewwel nett, l-Artikolu 13(2) jirrikjedi li l-manifatturi jwettqu valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-prodott b’elementi diġitali nnifsu. It-tieni, l-Artikolu 13(5) jimponi l-obbligu li tiġi eżerċitata d-diliġenza dovuta fir-rigward tal-komponenti integrati. Flimkien, dawn iż-żewġ obbligi huma mfassla biex jiżguraw li l-prodott b’elementi diġitali jibqa’ sigur, inkluż meta jiddependi fuq soluzzjonijiet remoti għall-ipproċessar tad-data, servizzi remoti, jew software jew komponenti ta’ hardware ta’ partijiet terzi.

168.

Il-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tikkonċerna l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji rilevanti li jistgħu jaffettwaw il-prodott b’elementi diġitali, inklużi r-riskji li joriġinaw barra mill-prodott innifsu, bħal networks esterni, fatturi ambjentali, jew aspetti esterni oħra li jistgħu jaffettwaw il-prodott b’elementi diġitali jew li fuqhom jiddependi l-prodott. Għal riskji esterni bħal dawn, is-CRA ma jirrikjedix li l-manifatturi jikkontrollaw jew jirregolaw l-ambjent estern. Pjuttost, il-manifatturi huma meħtieġa jidentifikaw tali riskji u jtaffuhom permezz tad-disinn u l-iżvilupp tal-prodott b’elementi diġitali nnifsu. Dan se jinvolvi l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali xierqa stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I u, fejn meħtieġ, l-għoti ta’ informazzjoni u struzzjonijiet lill-utenti dwar ir-riskji tal-integrazzjoni jew tal-varar.

169.

Pereżempju, manifattur jista’ jidentifika riskju li persuni mhux awtorizzati jistgħu jiksbu aċċess għal sistemi back-end li ma humiex parti mill-prodott b’elementi diġitali nnifsu waqt li l-prodott ikun qed jaħdem, u jippruvaw jibagħtu kmandi malizzjużi lill-prodott b’elementi diġitali. Tali sistemi back-end, meta ma jkunux iddisinjati u żviluppati mill-manifattur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jew meta ma jappoġġawx waħda mill-funzjonijiet tal-prodott b’elementi diġitali, ma jikkostitwux soluzzjonijiet għall-ipproċessar tad-data mill-bogħod u għalhekk jaqgħu barra mill-ambitu tal-prodott b’elementi diġitali għall-finijiet tas-CRA. Madankollu, is-CRA jirrikjedi li l-manifattur jindirizza r-riskju li jistgħu joħolqu permezz ta’ miżuri fil-livell tal-prodott, pereżempju billi jirrikjedi awtentikazzjoni kriptografika ta’ kmandi mill-bogħod, jivverifika l-integrità tal-bidliet fil-konfigurazzjoni, jew billi jiġġenera reġistri jew twissijiet rilevanti għas-sigurtà meta tiġi identifikata mġiba anormali. Bl-istess mod, meta manifattur jidentifika riskju riżultanti meta tali servizz estern ma jkunx disponibbli, pereżempju minħabba qtugħ tal-elettriku jew ħsarat fl-infrastruttura, is-CRA jista’ jirrikjedi miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell tal-prodott kontra tali riskji għaċ-ċibersigurtà, eż. jiġi żgurat li l-qtugħ tal-elettriku ma jwassalx biex il-prodott b’elementi diġitali jidħol fi stati mhux sikuri. F’każijiet bħal dawn, is-CRA jirregola kif il-prodott b’elementi diġitali jirrispondi għal dawk ir-riskji esterni; ma jimponix obbligi dwar l-organizzazzjoni, il-persunal jew it-tħaddim tal-infrastruttura back-end u lanqas ma jittratta dik l-infrastruttura bħala parti mill-prodott b’elementi diġitali.

170.

Id-diliġenza dovuta hija relatata ma’ elementi li jiffurmaw parti mill-prodott b’elementi diġitali nnifsu, b’mod partikolari komponenti integrati tas-software jew tal-hardware ipprovduti minn parti terza. Il-manifatturi huma meħtieġa jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li tali komponenti ma jdgħajfux il-konformità tal-prodott b’elementi diġitali mar-rekwiżiti essenzjali. Dan jista’ jinkiseb biss billi jiġi ddeterminat x’jirrikjedi l-prodott b’elementi diġitali mill-komponenti tiegħu sabiex jissodisfa l-objettivi taċ-ċibersigurtà tiegħu, u billi jiġi vverifikat, b’mod ibbażat fuq ir-riskju, li dawk il-komponenti huma konformi mal-ħtiġijiet tal-prodott, kif huwa indikat ukoll fil-premessa 34.

171.

F’konformità mal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tiegħu, il-manifattur jeħtieġlu jidentifika r-rekwiżiti li l-komponent integrat għandu jissodisfa. Pereżempju, jekk il-prodott b’elementi diġitali jiddependi fuq funzjonijiet kriptografiċi, mekkaniżmi ta’ aġġornament jew komunikazzjonijiet siguri pprovduti minn komponent, il-manifattur irid, bħala parti mid-diliġenza dovuta tiegħu, jidentifika dawk il-ħtiġijiet u jivverifika li l-komponent jissodisfahom. L-evidenza għal dan il-għan tista’ tikkonsisti f’dokumentazzjoni miksuba mill-manifattur tal-komponenti, bħal speċifikazzjonijiet tekniċi, dokumentazzjoni tas-sigurtà jew dokumentazzjoni rilevanti tal-konformità jew tal-assigurazzjoni. Meta jkun xieraq, il-manifattur jista’ jwettaq ukoll testijiet biex jivverifika li dawk il-komponenti jwettqu b’mod adegwat il-funzjonijiet rilevanti. Filwaqt li d-diliġenza dovuta hija obbligu legali separat, tappoġġa u tirfed il-kapaċità tal-manifattur li juri l-konformità mar-rekwiżiti essenzjali għall-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa.

172.

Meta jiġu vvalutati r-riskji għall-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, l-elementi barra mill-prodott, bħall-elementi ambjentali, l-infrastruttura esterna, sistemi jew networks oħra, iridu jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u, meta jkun rilevanti, jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri fil-livell tal-prodott biex tiġi żgurata l-konformità tal-prodott b’elementi diġitali mar-rekwiżiti essenzjali. Il-komponenti li jkunu integrati fiżikament jew loġikament fil-prodott b’elementi diġitali iżda li jkunu ġejjin mingħand parti terza jridu jitqiesu wkoll bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju. Madankollu, għall-finijiet ta’ konformità, il-manifattur għandu jittrattahom bħala komponenti fornuti esternament li l-proprjetajiet tagħhom jiġu vverifikati permezz ta’ diliġenza dovuta meta jiġu integrati, billi l-manifattur jista’ ma jkunx iddisinjahom mill-ġdid jew żviluppahom mill-ġdid.

173.

L-istess loġika tapplika matul l-iżvilupp u l-integrazzjoni tal-komponenti. Meta l-manifattur jiżviluppa l-funzjonalitajiet huwa stess, huwa jeħtieġlu jimplimenta r-rekwiżiti essenzjali direttament. Meta l-manifattur jintegra komponenti żviluppati minn oħrajn, huwa jeħtieġlu jiżgura permezz tad-diliġenza dovuta, li dawk il-komponenti jistgħu jintużaw b’mod li jippermetti li l-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa jkun konformi. Fiż-żewġ każijiet, l-objettiv jibqa’ l-istess: li l-prodott b’elementi diġitali, kif introdott fis-suq, jikseb livell xieraq ta’ ċibersigurtà kif meħtieġ mis-CRA, filwaqt li jitqiesu r-riskji identifikati fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà.

7.4.   L-użu mill-ġdid tal-valutazzjonijiet tar-riskji u tad-dokumentazzjoni tal-konformità għall-familji ta’ prodotti b’elementi diġitali

174.

Il-manifatturi jistgħu jintroduċu fis-suq prodotti b’elementi diġitali li huma simili, pereżempju varjanti, mudelli jew konfigurazzjonijiet differenti tal-istess familja ta’ prodotti. Meta tali prodotti b’elementi diġitali jikkondividu l-istess arkitettura, disinn rilevanti għas-sigurtà u skop maħsub, u jkunu esposti għall-istess riskji għaċ-ċibersigurtà, is-CRA ma jirrikjedix li l-manifatturi jittrattaw kull varjant bħala prodott b’elementi diġitali kompletament separat għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-riskju u tal-valutazzjoni tal-konformità.

175.

F’każijiet bħal dawn, dment li l-varjanti kollha kkonċernati jkunu koperti b’mod adegwat f’termini ta’ riskji rilevanti u rekwiżiti essenzjali, il-manifatturi jistgħu jibbażaw fuq: (i) valutazzjoni waħda tar-riskji għaċ-ċibersigurtà mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13(2) tas-CRA; (ii) sett uniku ta’ dokumentazzjoni teknika; u (iii) proċedura waħda ta’ valutazzjoni tal-konformità. Dan jippermetti wkoll li tinħareġ dikjarazzjoni waħda ta’ konformità tal-UE għall-grupp ta’ prodotti b’elementi diġitali, sakemm din tidentifika b’mod ċar il-varjanti tal-prodott li għalihom tapplika.

176.

Il-fattur deċiżiv huwa jekk id-differenzi bejn il-varjanti humiex rilevanti għaċ-ċibersigurtà. Il-varjazzjonijiet li ma jaffettwawx il-proprjetajiet taċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali, bħal differenzi fil-kulur, fil-fattur tal-forma, fid-daqs tal-memorja, jew karatteristiċi oħra mhux rilevanti għas-sigurtà, ma jirrikjedux valutazzjonijiet tar-riskji jew valutazzjonijiet tal-konformità separati. Min-naħa l-oħra, f’xi każijiet il-varjanti jistgħu jvarjaw b’modi li jaffettwaw l-implimentazzjoni ta’ rekwiżiti essenzjali, pereżempju permezz ta’ interfaċċi ta’ komunikazzjoni differenti, stacks tas-software, mekkaniżmi ta’ aġġornament jew konnettività remota. F’dawn il-każijiet, dawk id-differenzi jridu jiġu riflessi fil-valutazzjoni tar-riskju u, fejn meħtieġ, fil-valutazzjoni tal-konformità u fid-dokumentazzjoni teknika.

177.

Il-manifatturi jibqgħu responsabbli biex jiżguraw li l-valutazzjoni tar-riskju u d-dokumentazzjoni relatata jirriflettu b’mod akkurat il-prodotti b’elementi diġitali introdotti fis-suq. Meta varjant ġdid jintroduċi riskji ġodda għaċ-ċibersigurtà jew jibdel il-mod kif jiġu implimentati r-rekwiżiti essenzjali, il-valutazzjoni tar-riskju eżistenti u d-dokumentazzjoni tal-konformità jridu jiġu aġġornati kif xieraq. Id-dipendenza fuq valutazzjoni unika tal-konformità hija possibbli biss sa fejn il-prodotti b’elementi diġitali ma jippreżentawx differenzi fir-rigward tal-proprjetajiet taċ-ċibersigurtà tagħhom.

8.   IPPROĊESSAR TAD-DATA MILL-BOGĦOD

178.

L-Artikolu 3(1) tas-CRA jiddefinixxi prodott b’elementi diġitali bħala “prodott tas-software jew tal-hardware u s-soluzzjonijiet remoti tiegħu għall-ipproċessar tad-data, inklużi komponenti tas-software jew tal-hardware introdotti fis-suq separatament”. Fid-dawl ta’ dan, il-manifattur irid iqis il-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa, inklużi s-soluzzjonijiet remoti tiegħu għall-ipproċessar tad-data (RDPS). Pereżempju, meta jintwera li l-prodott b’elementi diġitali jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, iridu jitqiesu l-RDPS, u dan jibda bil-valutazzjoni tar-riskju (l-Artikolu 13(2)). L-istess jgħodd meta jitqiesu l-obbligi taċ-ċiklu tal-ħajja, bħar-rapportar ta’ vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv u inċidenti serji (l-Artikolu 14).

179.

L-għan ta’ din il-gwida huwa li tipprovdi aktar appoġġ lill-manifatturi fid-determinazzjoni ta’ jekk il-prodott b’elementi diġitali tagħhom għandux RDPS kif definiti fis-CRA u kif għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ konformità tagħhom f’dan ir-rigward. Wara analiżi inizjali tad-definizzjonijiet u tal-premessi stabbiliti fis-CRA, din il-gwida se tipprovdi mistoqsijiet biex tiggwida lill-manifatturi jiċċaraw jekk il-prodott b’elementi diġitali tagħhom jinkludix RDPS (ara t-Taqsima 8.1 What is considered a remote data processing solution for a product with digital elements?). Sussegwentement, se telabora dwar l-implikazzjonijiet tekniċi tal-RDPS u kif tiġi vvalutata l-konformità mas-CRA (ara t-Taqsima 8.2 Practical and technical implications of remote data processing solutions and reliance on third-party solutions).

180.

Fil-fatt, l-Artikolu 3(2) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ipproċessar tad-data mill-bogħod” bħala “ipproċessar tad-data mill-bogħod li għalih is-software huwa ddisinjat u żviluppat mill-manifattur, jew taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur, u li n-nuqqas tiegħu jimpedixxi lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu”. Għalhekk, l-RDPS hija definita bħala l-elementi tas-software (“il-parti ta’ sistema ta’ informazzjoni elettronika li tikkonsisti f’kodiċi tal-kompjuter”, kif definit fl-Artikolu 3(4)) tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod. Ma hijiex maħsuba li tinkludi, bħala parti mill-ambitu tal-prodott b’elementi diġitali, il-hardware li l-ipproċessar remot tad-data jista’ jiddependi fuqu.

181.

Il-premessi 11 u 12 jagħtu aktar spjegazzjonijiet dwar kif dan il-kunċett jenħtieġ li jiġi interpretat. Il-premessa 11 tiċċara li l-għan li tiġi koperta soluzzjoni ta’ pproċessar tad-data mill-bogħod huwa li l-“prodotti jkunu protetti b’mod adegwat fl-intier tagħhom mill-manifatturi tagħhom, irrispettivament minn jekk id-data tiġix ipproċessata jew tinħażinx lokalment fuq l-apparat tal-utent jew mill-bogħod mill-manifattur”. Tiddikjara wkoll li r-“rekwiżiti li jikkonċernaw is-soluzzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data mill-bogħod li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għalhekk ma jinvolvux miżuri tekniċi, operattivi jew organizzattivi li għandhom l-għan li jimmaniġġjaw ir-riskji għas-sigurtà tan-network u tas-sistemi tal-informazzjoni ta’ manifattur b’mod ġenerali.”

182.

Għalhekk, mill-premessa 11 jirriżulta li l-intenzjoni ma hijiex li r-rekwiżiti tas-CRA jkopru l-infrastruttura tal-IT kollha ta’ organizzazzjoni, iżda biss il-komponenti tas-software li jippermettu l-eżekuzzjoni tas-soluzzjoni għall-ipproċessar tad-data. Pereżempju, is-sistemi interni relatati mar-riżorsi umani tal-manifattur stess, il-pagi, il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijenti, il-pipelines tal-integrazzjoni kontinwa/tal-konsenja kontinwa (CI/CD), id-distribuzzjoni ta’ aġġornamenti tas-sigurtà lil lokalitajiet periferiċi, ma għandhomx jitqiesu bħala RDPS. Bl-istess mod, is-sistemi marbuta ma’ attivitajiet ta’ awditjar u ttestjar, bħall-ittestjar tal-penetrazzjoni, it-tfittix ta’ theddid u r-red teaming huma barra mill-ambitu ta’ prodott b’elementi diġitali kif kopert mis-CRA. Huwa importanti li jiġi nnotat li għalkemm l-applikazzjoni ta’ testijiet u rieżamijiet effettivi u regolari tas-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali huwa rekwiżit essenzjali stabbilit fil-punt (3) tal-Parti II tal-Anness I tas-CRA, dan ma jfissirx li tali attivitajiet għandhom jitqiesu bħala RDPS għall-prodott b’elementi diġitali.

183.

Il-premessa 12 tiffoka fuq is-servizzi tal-cloud u telabora dwar iċ-ċirkostanzi li fihom is-servizzi tal-cloud jistgħu jitqiesu bħala RDPS. Il-premessa tikkonkludi billi tfakkar li s-servizzi tal-cloud computing u l-mudelli tas-servizzi tal-cloud jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555 (NIS 2) (28), li tistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ ġestjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà għall-fornituri ta’ servizzi tal-cloud computing. Dawk ir-rekwiżiti huma speċifikati ulterjorment mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690 (29).

8.1.   X’jitqies bħala soluzzjoni għall-ipproċessar tad-data mill-bogħod għal prodott b’elementi diġitali?

184.

Id-definizzjoni ta’ pproċessar tad-data mill-bogħod stabbilita fl-Artikolu 3(2), għalhekk, tiddependi fuq tliet elementi: (i) jekk l-ipproċessar tad-data huwiex “mill-bogħod”; (ii) jekk in-nuqqas ta’ tali pproċessar tad-data jipprevjenix lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu; u (iii) jekk is-software huwiex iddisinjat u żviluppat mill-manifattur, jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu. It-tliet subtaqsimiet li jmiss jindirizzaw kull wieħed minn dawn l-elementi f’aktar dettall.

8.1.1.   Il-kunċett ta’ “mill-bogħod”

185.

Il-kunċett ta’ “mill-bogħod” imsemmi fl-Artikolu 3(2) huwa rilevanti iżda mhux biżżejjed biex jiġi ddeterminat jekk prodott b’elementi diġitali jinkludix RDPS. Barra minn hekk, minħabba l-varjetà ta’ soluzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett, ma huwiex possibbli li tiġi pprovduta definizzjoni eżawrjenti ta’ “mill-bogħod”. Hija meħtieġa valutazzjoni każ b’każ mill-manifattur.

186.

Il-premessa 11 tas-CRA ssemmi data pproċessata jew maħżuna “mill-bogħod mill-manifattur” għall-kuntrarju ta’ data pproċessata jew maħżuna “lokalment fuq l-apparat tal-utent”. L-ipproċessar tad-data mill-bogħod normalment iseħħ barra mill-ambjent tal-utent ta’ prodott b’elementi diġitali jew l-ambjent operazzjonali ta’ organizzazzjoni (għal utent professjonali). Madankollu, dan ma jipprevjenix li l-ipproċessar iseħħ ukoll qrib l-apparat (“fil-periferija”). It-trażmissjoni tad-data tista’ tkun bil-fili (eż. cable tal-Ethernet) jew mingħajr fili (eż. Wi-fi, Bluetooth). Il-cloud computing, inkluż l-edge computing, huwa eżempju tipiku tal-ipproċessar tad-data li jseħħ “mill-bogħod”. Pereżempju, fil-każ ta’ funzjoni msejsa fuq il-cloud li l-utent jaċċessa minn applikazzjoni mobbli, parti mill-ipproċessar tad-data sseħħ fuq il-cloud, barra mill-ambjent tal-utent.

187.

Huwa importanti li jiġi nnotat li l-RDPS mhux neċessarjament jitħaddmu fuq infrastruttura tal-cloud ta’ partijiet terzi. L-ipproċessar tad-data mill-bogħod li jaħdem fuq is-servers lokali fil-bini tal-manifattur jista’ jikkostitwixxi wkoll RDPS. Fi kliem ieħor, soluzzjoni mħaddma fil-post tan-negozju u fuq cloud privat x’aktarx tikkwalifika bħala RDPS daqs soluzzjoni mħaddma fuq cloud pubblika u barra mill-post tan-negozju.

188.

Iż-żewġ mistoqsijiet deċiżivi u kumulattivi li jiddeterminaw jekk l-ipproċessar tad-data huwiex kopert mis-CRA bħala soluzzjoni għall-ipproċessar tad-data mill-bogħod huma stabbiliti hawn taħt, fit-Taqsimiet 8.1.2 u 8.2. Jekk it-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet tkun “iva”, l-ipproċessar tad-data mill-bogħod jikkwalifika bħala RDPS.

8.1.2.   In-nuqqas ta’ tali pproċessar tad-data jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu?

189.

Kif stabbilit fid-definizzjoni ta’ “proċessar tad-data mill-bogħod” inkluża fl-Artikolu 3(2), biex l-ipproċessar tad-data mill-bogħod jikkwalifika bħala RDPS, in-nuqqas tiegħu jkun jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu. Il-kunċett ta’ “funzjonijiet” inkluż f’din id-definizzjoni ma huwiex limitat għall-“funzjonalità ewlenija” jew għall-“iskop maħsub” tal-prodott b’elementi diġitali, peress li s-CRA ma jimponix tali limitazzjoni. Il-funzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA huma kemm il-funzjonijiet li jissodisfaw direttament l-iskop maħsub tal-prodott b’elementi diġitali kif esperjenzati mill-utenti u l-funzjonijiet li jappoġġaw il-prestazzjoni ġenerali tal-prodott.

190.

Eżempji ta’ funzjonijiet fejn jista’ jseħħ l-ipproċessar tad-data mill-bogħod u jipprevjenu prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu jinkludu: (i) il-bgħit ta’ kmandi lil apparat; (ii) is-sinkronizzazzjoni ta’ fajls; (iii) l-onboarding tal-utent; (iv) il-konfigurazzjoni (il-personalizzazzjoni tal-prodott b’elementi diġitali); (v) id-distribuzzjoni awtomatizzata ta’ aġġornamenti, inkluż l-aġġornament tal-karatteristiċi u l-patching tas-sigurtà; (vi) il-ġestjoni tal-identità u tal-aċċess.

191.

F’xi każijiet, l-utent jista’ juża funzjoni kemm mill-bogħod kif ukoll manwalment (eż. jixgħel bozza b’applikazzjoni jew manwalment). L-eżistenza ta’ din l-għażla ma teskludix li l-ipproċessar tad-data assoċjat mal-prestazzjoni mill-bogħod tal-funzjoni jikkwalifika bħala RDPS. It-twettiq ta’ din il-funzjoni mill-bogħod jitqies ukoll bħala parti mill-funzjonijiet li joffri l-prodott b’elementi diġitali.

192.

B’kuntrast ma’ dan, meta n-nuqqas ta’ ċertu pproċessar tad-data ma jipprevjenix li l-prodott b’elementi diġitali jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu, tali pproċessar ma jitqiesx bħala RDPS skont it-tifsira tas-CRA. Dan jinkludi, pereżempju, analiżi mill-bogħod ta’ data telemetrika miġbura purament għal skopijiet ta’ statistika jew għall-iżvilupp ta’ prodott fil-futur.

193.

Madankollu, anke meta l-ipproċessar tad-data ma jappoġġax funzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali, il-manifatturi jistgħu jkunu jridu jqisu jekk dawk il-komponenti remoti jintroduċux riskji għall-prodott b’elementi diġitali bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tagħhom (eż. fid-dawl tal-ambjent operazzjonali tal-prodott), u jtaffu tali riskji kif xieraq (eż. permezz ta’ mitigazzjonijiet fil-livell tal-prodott).

194.

Is-siti web huma każ speċifiku li jistħoqqlu kjarifika ulterjuri, kif huwa spjegat ukoll fit-Taqsima 2.1 Placing on the market. Is-siti web ma jaqgħux fl-ambitu tal-RDPS jekk ma jappoġġawx funzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali, kif huwa spjegat fil-premessa 11 tas-CRA. Ma huwiex biżżejjed li sit web ikun fih informazzjoni dwar prodott b’elementi diġitali biex jitqies fl-ambitu tal-RDPS, anke jekk il-prodott jiddevja lill-utent lejn dak is-sit web. Pereżempju, id-devjazzjoni tal-utenti lejn paġna web esterna li tipprovdi informazzjoni u struzzjonijiet lill-utenti ma hijiex RDPS. B’kuntrast ma’ dan, sit web jista’ jkun fl-ambitu tal-RDPS jekk jippermetti jew jappoġġa funzjoni ta’ prodott b’elementi diġitali. Pereżempju, portal tal-awtentikazzjoni li joħroġ kredenzjali jew tokens meħtieġa biex il-prodott b’elementi diġitali jaħdem jitqies bħala RDPS (dment li jiġu ssodisfati wkoll il-kriterji l-oħra tad-definizzjoni).

8.1.3.   Is-software ġie ddisinjat u żviluppat mill-manifattur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu?

195.

Id-definizzjoni ta’ “ipproċessar tad-data mill-bogħod” tal-Artikolu 3(2) tas-CRA tispeċifika wkoll li s-software ta’ tali pproċessar tad-data mill-bogħod irid ikun iddisinjat u żviluppat mill-manifattur, jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu. L-ipproċessar tad-data mill-bogħod żviluppat u ddisinjat kompletament mill-manifattur (internament) naturalment jikkwalifika bħala RDPS. Dan ikun il-każ ukoll jekk il-manifattur jiddependi fuq fornitur tas-servizzi estern għall-iżvilupp u d-disinn ta’ soluzzjoni (jiġifieri “taħt ir-responsabbiltà tiegħu”). Il-frażi “taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur” tirreferi għal soluzzjonijiet ta’ pproċessar mill-bogħod li huma ddisinjati apposta għall-manifattur. Dawn huma każijiet fejn il-manifattur ma jkunx sempliċiment qed joħroġ liċenzja għal prodott eżistenti b’elementi diġitali jew servizz li fornitur tas-servizzi joffri lill-klijenti tiegħu jew verżjonijiet kemxejn modifikati tiegħu. “[T]aħt ir-responsabbiltà tal-manifattur” timplika li s-software jinbena biss mill-manifattur jew f’ismu, abbażi tad-disinni u l-ispeċifikazzjonijiet ipprovduti minnu.

196.

Fil-fehim ta’ RDPS, il-kunċett ta’ “min iħaddem is-soluzzjoni” ma huwiex fattur deċiżiv, peress li d-definizzjoni tas-CRA tirreferi biss għad-disinn u għall-iżvilupp tal-RDPS. Dan huwa konsistenti mal-approċċ tas-CRA fejn ir-rekwiżiti u l-obbligi huma fuq il-manifatturi, u mhux fuq it-tħaddim tal-prodott b’elementi diġitali. Jekk il-manifatturi jiddisinjaw u jiżviluppaw soluzzjonijiet, li mbagħad jitħaddmu minn parti terza, huma jibqgħu responsabbli għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tas-CRA għall-prodott b’elementi diġitali li jintroduċu fis-suq.

197.

Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn id-disinn u l-iżvilupp isiru mill-manifatturi (jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom) u każijiet ta’ dipendenza fuq soluzzjonijiet ta’ partijiet terzi mhux iddisinjati u żviluppati mill-manifatturi (jew taħt ir-responsabbiltà tagħhom). Bħala eżempju, huwa utli li jitqiesu l-aktar mudelli komuni ta’ servizzi tal-cloud li jipprovdu gradi differenti ta’ kontroll lill-utenti u li huma msemmija wkoll fil-premessa 12 tas-CRA, jiġifieri s-Software bħala Servizz (SaaS), il-Pjattaforma bħala Servizz (PaaS) u l-Infrastruttura bħala Servizz (IaaS).

198.

Fil-każ ta’ soluzzjoni ta’ IaaS ta’ parti terza, il-manifattur ma jimmaniġġjax jew ma jikkontrollax ir-riżorsi fiżiċi u virtwali sottostanti (bħall-hardware sottostanti u l-iperviżur tal-fornitur tas-servizz tal-cloud), iżda jkun jista’ jvara u jħaddem software arbitrarju bl-użu ta’ tali riżorsi, bħal sistemi operattivi u applikazzjonijiet. Dan is-software huwa ddisinjat u żviluppat mill-manifattur, jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u għalhekk jista’ jikkwalifika bħala RDPS (jekk jissodisfa l-elementi l-oħra tad-definizzjoni).

199.

Fil-każ ta’ soluzzjoni ta’ PaaS ta’ parti terza, il-manifattur ivara l-applikazzjoni tiegħu stess (maħluqa jew akkwistata) bl-użu ta’ lingwi tal-ipprogrammar u ambjenti ta’ eżekuzzjoni pprovduti mill-fornitur tas-servizz tal-cloud u jintegra l-applikazzjoni fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu. Il-manifattur għandu kontroll fuq l-applikazzjoni u possibbilment fuq is-settings tal-konfigurazzjoni għall-ambjent tal-eżekuzzjoni. Għaldaqstant l-applikazzjoni hija ddisinjata u żviluppata mill-manifattur, jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u għalhekk tista’ tikkwalifika bħala RDPS (jekk tissodisfa l-elementi l-oħra tad-definizzjoni).

200.

Fil-każ ta’ soluzzjoni ta’ SaaS ta’ parti terza, il-fornitur tal-SaaS joffri lill-manifattur applikazzjoni kompletament żviluppata li trid tiġi integrata fil-prodott tal-manifattur b’elementi diġitali. Il-manifattur għandu kapaċità limitata li jimmaniġġja s-settings tal-konfigurazzjoni tal-applikazzjoni speċifiċi għall-utent. Għalhekk, l-applikazzjoni ma hijiex iddisinjata u żviluppata mill-manifattur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

201.

Madankollu, meta ċerti elementi ma jikkwalifikawx bħala RDPS (eż. l-iperviżur fil-każ ta’ infrastruttura IaaS ta’ parti terza, is-sistema operattiva fil-każ ta’ soluzzjoni ta’ PaaS ta’ parti terza, jew l-applikazzjoni tal-SaaS ta’ parti terza) iżda jiġu integrati fil-prodott b’elementi diġitali b’mod li jaffettwa s-sigurtà tiegħu, tali soluzzjonijiet jenħtieġ li jitqiesu simili għal komponenti ta’ partijiet terzi. Il-manifattur ikun meħtieġ jidentifika u jivvaluta r-riskji marbuta mal-integrazzjoni ta’ dawk l-elementi u jindirizzahom billi jimplimenta r-rekwiżiti essenzjali fuq il-prodott b’elementi diġitali nnifsu. Dan jista’ jiġi appoġġat, meta jkun rilevanti, mill-funzjonijiet tas-sigurtà magħmula disponibbli mill-fornitur tas-servizz tal-cloud permezz tal-mudell ta’ responsabbiltà kondiviża tiegħu, meta l-manifattur juża jew jikkonfigura dawk il-funzjonijiet biex jindirizza r-riskji identifikati. Barra minn hekk, il-manifattur huwa mistenni li jeżerċita obbligu simili għall-obbligu li jwettaq id-diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 13(5) b’rabta mas-sigurtà ta’ dawn il-komponenti, b’mod li jkun proporzjonat għar-riskju li s-soluzzjoni remota toħloq għas-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali.

202.

Għalhekk, jista’ jingħad fil-qosor li:

(a)

Sabiex l-ipproċessar tad-data jikkwalifika bħala RDPS, it-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet magħmula fit-Taqsimiet 8.1.2 Would the absence of such data processing prevent the product with digital elements from performing one of its functions? u 8.1.3 Has the software been designed and developed by the manufacturer, or under its responsibility? jeħtieġ li tkun “iva”.

(b)

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija fit-Taqsima 8.1.2 Would the absence of such data processing prevent the product with digital elements from performing one of its functions? tkun “le”, il-manifatturi jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji li jirriżultaw mill-eżistenza ta’ tali pproċessar tad-data bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju tagħhom.

(c)

Jekk it-tweġiba għall-mistoqsija fit-Taqsima 8.1.2 Would the absence of such data processing prevent the product with digital elements from performing one of its functions? tkun “iva” iżda t-tweġiba għall-mistoqsija f’8.1.3 Has the software been designed and developed by the manufacturer, or under its responsibility? tkun “le”, il-manifatturi jenħtieġ li jittrattaw is-soluzzjoni tal-parti terza bħala komponent. Bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju, il-manifatturi jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji li jirriżultaw mill-integrazzjoni ta’ tali soluzzjoni u jtaffuhom kif xieraq. Barra minn hekk, il-manifatturi jenħtieġ li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta.

Illustrazzjoni 9

Dijagramma sekwenzjali stilizzata biex jiġi ddeterminat jekk prodott b’elementi diġitali fihx RDPS

Image 9

8.2.   L-implikazzjonijiet prattiċi u tekniċi ta’ soluzzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod u d-dipendenza fuq soluzzjonijiet ta’ partijiet terzi

203.

Is-CRA jsegwi approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li huwa stabbilit fl-Artikolu 13(2) u (3), kif ukoll fl-ewwel rekwiżit essenzjali tal-Parti I tal-Anness I, fejn “il-prodotti b’elementi diġitali għandhom jiġu ddisinjati, żviluppati u prodotti b’tali mod li jiżguraw livell xieraq ta’ ċibersigurtà abbażi tar-riskji”. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat approċċ imsejjes fuq ir-riskju meta jiġu applikati r-rekwiżiti tas-CRA għall-RDPS u t-trattament tar-riskji li jirriżultaw minn servizzi ta’ partijiet terzi integrati fil-prodott b’elementi diġitali.

204.

L-ewwel nett, il-manifatturi jenħtieġ li (i) jindikaw fid-dokumentazzjoni teknika li l-prodott b’elementi diġitali tagħhom għandu RDPS jew jiddependi fuq soluzzjonijiet remoti ta’ partijiet terzi u (ii) jiddeskrivu tali soluzzjonijiet. Jekk l-istess RDPS tappoġġa diversi prodotti b’elementi diġitali, l-RDPS trid tiġi ddikjarata fid-dokumentazzjoni teknika ta’ kull prodott. Id-dokumentazzjoni li tikkonċerna l-RDPS li sservi diversi prodotti b’elementi diġitali tista’ terġa’ tintuża minn valutazzjoni tal-konformità ta’ prodott għal oħra.

205.

Kif huwa indikat fil-premessa 11, l-RDPS li huma parti mill-prodott b’elementi diġitali u għalhekk soġġetti għall-valutazzjoni tal-konformità tal-prodott jenħtieġ li jkunu limitati għal dawk il-moduli tas-software li huma responsabbli għall-funzjonalità tal-prodott b’elementi diġitali, u għall-interfaċċi li dawk il-moduli jużaw b’servizzi esterni. Sistemi backend oħrajn li jwettqu pproċessar sussegwenti, u li l-prodott b’elementi diġitali ma jinteraġixxix direttament magħhom, ma jitqisux bħala RDPS.

206.

Madankollu, dawk is-sistemi back-end jibqgħu dipendenzi esterni li jridu jiġu vvalutati bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u mmitigati permezz ta’ miżuri fil-livell tal-prodott. Fil-fatt, il-valutazzjoni tar-riskju mwettqa mill-manifattur jenħtieġ li tqis: (i) ir-riskji relatati mal-RDPS; (ii) ir-riskji relatati mad-dipendenza fuq soluzzjonijiet remoti ta’ partijiet terzi (simili għal komponenti ta’ partijiet terzi); u (iii) ir-riskji relatati mal-ambjent tal-prodott (eż. il-hardware sottostanti). Il-manifatturi jenħtieġ li jimplimentaw kontrolli tas-sigurtà fuq il-prodott b’elementi diġitali nnifsu biex itaffu dawk ir-riskji.

207.

Barra minn hekk, bħala parti mill-valutazzjoni tal-konformità u/jew mill-issodisfar tal-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati ma’ servizzi remoti ta’ partijiet terzi, il-lista mhux eżawrjenti ta’ artifatti tal-assigurazzjoni li ġejja tista’ terġa’ tintuża b’appoġġ għall-valutazzjoni tal-manifattur:

(a)

evidenza tal-issodisfar tal-obbligi skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690;

(b)

evidenza tat-twettiq tal-obbligi skont ir-Regolament (UE) 2022/2554 (DORA);

(c)

dikjarazzjoni tal-konformità jew ċertifikat miksub taħt skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà (adottata skont ir-Regolament (UE) 2019/881 l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà);

(d)

evidenza tal-konformità mal-ISO/IEC 27017:2015 jew mal-ISO/IEC 27001:2022.

208.

Fl-aħħar nett, fl-interazzjonijiet tagħhom ma’ fornituri ta’ servizzi remoti terzi, il-manifatturi jeħtiġilhom jimplimentaw l-aktar miżuri ta’ sigurtà xierqa bbażati fuq il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom (u, fejn xieraq, appoġġati mill-mudell ta’ responsabbiltà kondiviża tal-fornitur). Dawk il-miżuri ta’ mitigazzjoni jenħtieġ li jinkludu kontrolli tas-sigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali tagħhom u l-verifika tal-miżuri tas-sigurtà pprovduti mill-fornituri terzi nfushom (diliġenza dovuta). Għodda biex jittaffew tali riskji tista’ tkun li jiġu inkorporati garanziji tas-sigurtà fil-ftehimiet tagħhom dwar il-livell ta’ servizz (SLAs) ma’ fornituri terzi, inklużi assigurazzjonijiet li l-fornituri jittrattaw il-vulnerabbiltajiet b’mod adegwat. Bidla kbira fis-soluzzjonijiet ipprovduti mill-fornituri tas-servizzi remoti terzi ma għandhiex tikkwalifika bħala modifika sostanzjali tal-prodott b’elementi diġitali, peress li dawn l-elementi ma humiex taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur. Madankollu, bħala parti mill-obbligi ta’ diliġenza dovuta tagħhom u biex itaffu kif xieraq ir-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ fornituri terzi, il-manifatturi huma mħeġġa jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-cloud terzi tagħhom iżommuhom infurmati b’mod adegwat dwar il-bidliet li jimplimentaw fis-soluzzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ tali informazzjoni, il-manifatturi jista’ jkollhom bżonn jirrevedu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom. Il-valutazzjoni tar-riskju aġġornata jenħtieġ li tqis jekk il-fornituri tas-servizzi terzi għadhomx jipprovdu garanziji suffiċjenti f’termini ta’ ċibersigurtà u jekk il-kontrolli tas-sigurtà fil-livell tal-prodott għadhomx adegwati. F’xi każijiet, il-manifatturi jista’ jkollhom bżonn jimmodifikaw tali kontrolli jew jibdlu l-fornituri tas-servizzi terzi.

8.3.   Każijiet ta’ użu għal soluzzjonijiet tal-ipproċessar tad-data mill-bogħod

Sabiex tipprovdi aktar gwida prattika għall-manifatturi, din it-taqsima tintroduċi sensiela ta’ każijiet ta’ użu fittizji, li jiddeskrivu prodotti b’elementi diġitali arketipiċi li jiddependu fuq l-ipproċessar tad-data mill-bogħod u li juru jekk tali pproċessar jikkwalifikax bħala soluzzjonijiet ta’ pproċessar tad-data mill-bogħod skont it-tifsira tas-CRA.

8.3.1.   Applikazzjoni ta’ bbankjar bil-mobile

Entità finanzjarja tintroduċi fis-suq applikazzjoni ta’ bbankjar bil-mobile. Is-sistemi back-end tal-applikazzjoni jappoġġaw, fost l-oħrajn, l-awtentikazzjoni, l-awtorizzazzjoni, il-ġestjoni tal-kontijiet, u l-pagamenti. L-entità finanzjarja tuża strateġija ibrida li tiddependi fuq infrastruttura interna kif ukoll fuq soluzzjonijiet remoti ta’ partijiet terzi biex tappoġġa l-funzjonalitajiet tal-applikazzjoni. Dawn jinkludu:

Infrastruttura awtoospitata żviluppata mill-entità finanzjarja:

—

Il-klijent jiftaħ l-applikazzjoni ta’ bbankjar bil-mobile u jiġi awtentikat permezz tal-interfaċċa bankarja, soluzzjoni awtoospitata żviluppata mill-entità finanzjarja li tirċievi t-talbiet tal-applikazzjoni u tirritorna t-tweġibiet korrispondenti. L-interfaċċa bankarja tivverifika l-identità tal-klijent billi tinterroga lis-sistema ta’ ġestjoni tal-kontijiet u tagħti aċċess għall-applikazzjoni.

—

Il-klijent jibda trasferiment permezz tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni tittrażmetti l-istruzzjoni lill-interfaċċa bankarja, li tissottometti talba korrispondenti lis-sistema tal-kotba.

—

Is-sistema ta’ ġestjoni tal-kontijiet u s-sistema tal-kotba, it-tnejn awtoospitati iżda segregati b’mod loġiku mill-interfaċċa bankarja, jirreġistraw it-tranżazzjoni.

—

Is-sistema tal-kotba tirritorna l-istatus tat-tranżazzjoni lill-interfaċċa bankarja, li tippreżenta r-riżultat lill-klijent.

Implikazzjonijiet għall-RDPS:

—

L-interfaċċa bankarja hija meħtieġa biex l-applikazzjoni twettaq il-funzjonijiet tagħha, jiġifieri l-awtentikazzjoni tal-klijent, is-sottomissjoni tal-istruzzjonijiet tal-klijent, inklużi struzzjonijiet ta’ pagamenti u trasferimenti, u r-ritorn tal-istatus riżultanti. L-interfaċċa bankarja hija ddisinjata u żviluppata taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur. Peress li t-tweġiba għaż-żewġ mistoqsijiet ippreżentati f’taqsimiet preċedenti hija “iva”, l-interfaċċa bankarja għandha titqies bħala RDPS. Għalhekk, din trid tiġi inkluża fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali għall-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa. L-ipproċessar sussegwenti ta’ struzzjoni ladarba tiġi sottomessa, b’mod partikolari r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni fis-sistemi tal-ġestjoni tal-kontijiet u tal-kotba, is-saldu u l-ikklerjar, jitwettaq minn sistemi li l-applikazzjoni ma tinteraġixxix direttament magħhom u, fuq dik il-bażi, ma jikkostitwix RDPS.

—

Is-sistema ta’ ġestjoni tal-kontijiet u s-sistema tal-kotba ma jikkwalifikawx bħala RDPS għall-applikazzjoni bankarja. L-applikazzjoni ma tinteraġixxix direttament magħhom (minflok, tinteraġixxi mal-interfaċċa bankarja, li min-naħa tagħha tiddependi fuqhom). Għalkemm id-disponibbiltà tagħhom tista’ tkun meħtieġa biex funzjoni titlesta, is-CRA ikopri biss dawk il-partijiet tas-sistema li jinteraġixxu direttament mal-prodott b’elementi diġitali. Għalhekk, dawn jaqgħu barra mid-definizzjoni ta’ RDPS għall-finijiet tas-CRA. Madankollu, dawk is-sistemi jibqgħu dipendenzi esterni li jistgħu joħolqu riskji sinifikanti għaċ-ċibersigurtà għall-prodott b’elementi diġitali. Pereżempju, il-kompromess tas-sistema tal-kotba jista’ jippermetti lil awtur ta’ attakk jinfluwenza r-riżultati tat-tranżazzjonijiet li sussegwentement jintwerew fl-applikazzjoni. Għalhekk, il-manifattur huwa meħtieġ jidentifika u jivvaluta dawk ir-riskji bħala parti mill-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà u jtaffihom permezz ta’ miżuri fil-livell tal-prodott, bħall-awtentikazzjoni b’saħħitha tal-interfaċċi back-end, il-protezzjoni tal-integrità tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, kanali ta’ komunikazzjoni siguri u l-verifika tat-tweġibiet riċevuti mill-applikazzjoni.

Illustrazzjoni 10

Rappreżentazzjoni stilizzata ta’ applikazzjoni bankarja li tiddependi fuq RDPS

Image 10

SaaS ta’ parti terza għall-appoġġ tal-klijenti:

—

L-entità finanzjarja tintegra fl-applikazzjoni tagħha soluzzjoni ta’ chat ta’ appoġġ għall-klijenti żviluppata u mħaddma minn fornitur terz; il-fornitur terz kiteb il-kodiċi tas-server taċ-chat, bena l-interfaċċa tal-utent u jħaddem l-infrastruttura fejn tiġi varata ċ-chat (jiġifieri l-mudell ta’ SaaS).

—

Meta l-klijent jagħmel talba għal appoġġ, l-applikazzjoni tqabbad lill-klijent mas-servizz tal-parti terza biex tistabbilixxi sessjoni ta’ chat u timmaniġġja l-fluss tal-messaġġi, mingħajr ma tipprovdi lill-parti terza aċċess għas-sistemi bankarji ewlenin.

Implikazzjonijiet għall-RDPS:

—

Is-soluzzjoni taċ-chat ta’ appoġġ hija meħtieġa għall-prodott b’elementi diġitali biex iwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu, iżda ma hijiex iddisinjata u żviluppata mill-entità finanzjarja, jew taħt ir-responsabbiltà tagħha; għalhekk, ma hijiex RDPS. Madankollu, jenħtieġ li tiġi ttrattata bħal komponent ta’ parti terza. Id-dipendenza fuq dak is-servizz ta’ parti terza tista’ toħloq riskji għaċ-ċibersigurtà għall-applikazzjoni bankarja, pereżempju kieku awtur ta’ attakk ċibernetiku juża l-kanal taċ-chat biex jippersonifika l-bank jew biex jgħaddi kontenut malizzjuż lill-utenti. L-entità finanzjarja trid tqis dawk ir-riskji fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tagħha u ttaffihom permezz ta’ miżuri fil-livell tal-prodott, pereżempju billi tiżola l-funzjoni taċ-chat mill-karatteristiċi bankarji ewlenin, tikkontrolla l-flussi tad-data u tivvalida l-kontenut. Jenħtieġ li tiġi eżerċitata wkoll id-diliġenza dovuta fuq l-SaaS.

8.3.2.   Termostat intelliġenti

Termostat intelliġenti jippermetti lill-utenti jikkontrollaw it-temperatura tad-djar tagħhom permezz ta’ applikazzjoni mobbli. L-applikazzjoni mobbli u t-termostat intelliġenti jiddependu fuq l-ipproċessar tad-data mill-bogħod għall-iskambju tad-data (eż. talba biex tiżdied it-temperatura) u għall-ħżin tad-data (eż. il-preferenzi tal-utent). Dawn il-funzjonijiet ġew żviluppati u ddisinjati taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur iżda jaħdmu fuq infrastruttura fiżika u virtwali sottostanti pprovduta minn parti terza (IaaS ta’ parti terza).

Peress li t-termostat intelliġenti ma jkunx jista’ jwettaq il-funzjonalitajiet intelliġenti tiegħu mingħajr dan l-ipproċessar tad-data mill-bogħod, in-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda jew uħud mill-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, is-software ġie żviluppat u ddisinjat taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur tat-termostat intelliġenti. Għalhekk, l-ipproċessar tad-data mill-bogħod jikkwalifika bħala RDPS kif definit fis-CRA.

Għall-fini tal-konformità mas-CRA, il-manifattur tat-termostat intelliġenti jeħtieġlu jiddokumenta l-RDPS kif ukoll id-dipendenza fuq l-IaaS tal-parti terza fid-dokumentazzjoni teknika tal-prodott b’elementi diġitali, u jinkludi d-dettalji tas-servizz kuntrattat. Il-manifattur jeħtieġlu jqis dawk l-elementi fil-valutazzjoni tar-riskju, li tinkludi l-iskop maħsub u l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott b’elementi diġitali. Il-manifattur jimplimenta r-rekwiżiti essenzjali tas-CRA abbażi tar-riskji fuq l-RDPS. Għall-IaaS tal-parti terza, il-manifattur jeħtieġ li jiżgura li l-miżuri ta’ sigurtà pprovduti mill-fornitur terz ikunu xierqa u/jew jieħu miżuri rilevanti fir-rigward tal-infrastruttura. Għal tal-ewwel, il-manifattur jista’, pereżempju, jitlob evidenza li l-obbligi tal-NIS 2 ġew issodisfati.

8.3.3.   Qarrej elettroniku

Il-manifattur ta’ software ta’ Qarrej elettroniku juża servizz ta’ ħżin SaaS ta’ parti terza biex jaħżen kotba elettroniċi mixtrija mill-klijenti u jippermettilhom jaċċessaw il-kotba tagħhom. In-nuqqas ta’ dan is-servizz ta’ ħżin jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu, iżda s-servizz ta’ ħżin SaaS tal-parti terza ma ġiex żviluppat mill-manifattur jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu; il-fornitur tal-SaaS jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-klijenti għal kwalunkwe każ ta’ użu.

Is-servizz ta’ ħżin SaaS ma jissodisfax id-definizzjoni ta’ RDPS. Madankollu, il-manifattur tal-Qarrej elettroniku jiddependi fuq dak is-servizz estern għall-funzjonament tal-prodott b’elementi diġitali tiegħu u għalhekk irid iqis ir-riskji assoċjati fil-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tiegħu. Il-manifattur tal-Qarrej elettroniku għandu jittratta l-SaaS bħal komponent. Il-manifattur irid jimplimenta miżuri xierqa ta’ sigurtà fil-livell tal-prodott, bħal pereżempju l-awtentikazzjoni sigura, il-kriptaġġ u l-protezzjoni tal-integrità tal-komunikazzjonijiet mas-servizz tal-ħżin. Id-diliġenza dovuta meta jagħżel u jintegra l-fornitur tal-SaaS tappoġġa wkoll l-obbligi tal-manifattur biex il-prodott b’elementi diġitali bħala ħaġa sħiħa jkun jista’ jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali.

8.3.4.   Robot industrijali

Robot industrijali għandu l-kompitu li jiġbor il-parts. Ir-robot jibgħat informazzjoni miġbura permezz ta’ kameras lil servizz mill-bogħod iddisinjat u żviluppat mill-manifattur. Dan is-servizz jaħdem fuq infrastruttura fiżika u virtwali sottostanti pprovduta minn fornitur ta’ servizzi terz (IaaS ta’ parti terza). Is-servizz tal-cloud jikkalkula l-pożizzjoni ta’ part skont il-feeds tal-kamera u jibgħat kmandi lura lir-robot biex jiġbor il-parts.

In-nuqqas ta’ dan l-ipproċessar tad-data jipprevjeni lir-robot industrijali milli jiġbor il-parts, u b’hekk milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, is-software li jaħdem fuq l-infrastruttura ġie ddisinjat u żviluppat mill-manifattur. Is-software iddisinjat u żviluppat mill-manifattur jissodisfa d-definizzjoni ta’ RDPS.

Il-manifattur tar-robot industrijali jeħtieġlu jiddokumenta l-RDPS kif ukoll id-dipendenza fuq l-IaaS tal-parti terza fid-dokumentazzjoni teknika tal-prodott b’elementi diġitali (u jinkludi d-dettalji tas-servizz kuntrattat). Il-manifattur jeħtieġlu wkoll iqis dawk l-elementi fil-valutazzjoni tar-riskju, li tinkludi l-iskop maħsub u l-użu raġonevolment prevedibbli tal-prodott b’elementi diġitali. Il-manifattur jimplimenta r-rekwiżiti essenzjali tas-CRA fuq il-prodott b’elementi diġitali, inkluża l-RDPS tiegħu, abbażi tar-riskji. Id-diliġenza dovuta meta jagħżel il-fornitur tal-IaaS tappoġġa wkoll l-obbligi tal-manifattur. Pereżempju, il-manifattur jista’ jitlob evidenza li l-obbligi tal-NIS 2 ġew issodisfati.

8.3.5.   Network ċellulari

Smartphone jiddependi fuq network 5G biex jipprovdi konnessjoni mal-internet, telefonati u messaġġi lill-utenti tiegħu (konnettività mobbli). In-network ċellulari huwa żviluppat u ddisinjat minn operaturi tat-telekomunikazzjoni. In-network jinkludi ċelloli żgħar u torrijiet tat-telefonija ċellulari, u tagħmir ieħor tan-network.

Il-prodott b’elementi diġitali għandu jkun kapaċi jaqbad ma’ xi network b’mod korrett; din hija waħda mill-funzjonijiet tiegħu. Madankollu, jekk dak in-network ikunx qed jaħdem jew le ma huwiex rilevanti biex jiġi aċċertat jekk il-prodott b’elementi diġitali huwiex qed jaħdem b’mod korrett. In-network huwa biss kanal ta’ komunikazzjoni u ma huwiex meħtieġ għall-prodott b’elementi diġitali biex iwettaq il-funzjoni tiegħu li “jaqbad ma’ network b’mod korrett”. Bl-istess mod, cable tal-Ethernet, router jew sinjal tal-Wi-Fi ma jitqiesx bħala pproċessar tad-data li n-nuqqas tiegħu jipprevjeni lill-prodott b’elementi diġitali milli jwettaq waħda mill-funzjonijiet tiegħu, iżda pjuttost faċilitatur tal-komunikazzjoni/tal-konnettività.

Għaldaqstant, in-network tat-telefonija ċellulari ma jissodisfax id-definizzjoni ta’ RDPS. In-network ma għandux jitqies bħala komponent ta’ parti terza, peress li ma hemm l-ebda software integrat fil-prodott b’elementi diġitali, minflok, il-prodott sempliċement jiddependi fuq dan in-network. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-manifattur jeżerċita l-obbligi ta’ diliġenza dovuta fir-rigward tal-fornitur tan-network.

9.   ELEMENTI ADDIZZJONALI

9.1.   Obbligi ta’ rapportar

209.

Skont l-Artikolu 14(1) u (3) tas-CRA, manifattur huwa meħtieġ jinnotifika simultanjament lis-CSIRT maħtura bħala koordinatur u lill-ENISA (i) kwalunkwe vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv li tinsab fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu li jsir jaf biha; u (ii) kwalunkwe inċident serju li jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali li jsir jaf bih.

210.

F’konformità mal-Artikolu 69(3) u 71(2), it-tieni sentenza, l-obbligu ta’ konformità mal-Artikolu 14 japplika mill-11 ta’ Settembru 2026 għall-prodotti kollha b’elementi diġitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA, inklużi prodotti b’elementi diġitali introdotti fis-suq qabel il-11 ta’ Diċembru 2027. Barra minn hekk, għall-kuntrarju tal-obbligi ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, li jkomplu biss sakemm idum il-perjodu ta’ appoġġ ta’ prodott, l-obbligi ta’ rapportar ikomplu japplikaw wara li prodott b’elementi diġitali ma jibqax appoġġat. Meta prodott b’elementi diġitali jkun ġie introdott fis-suq qabel il-11 ta’ Diċembru 2027, jew meta l-perjodu ta’ appoġġ tiegħu jkun intemm, il-manifattur ma jkunx meħtieġ jikkonforma mal-obbligi ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I.

211.

Għandu jiġi mfakkar li l-obbligu li jiġu nnotifikati avvenimenti bħal dawn japplika ladarba l-manifattur isir jaf li vulnerabbiltà tkun qed tiġi sfruttata b’mod attiv jew li jkun seħħ inċident serju li wassal biex tiġi kompromessa s-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali tiegħu. Għalhekk, gwida dwar meta manifattur jitqies li jkun sar jaf għandha tgħin lill-manifatturi jiddeterminaw il-mument meta jibdew l-iskadenzi applikabbli tar-rapportar.

212.

Il-manifatturi jistgħu jkunu soġġetti għal obbligi ta’ rapportar simili skont atti differenti tal-UE. Sabiex jiġi żgurat li l-kunċett ta’ “isir jaf” jiġi interpretat b’mod konsistenti u biex tiġi ffaċilitata l-konformità tal-manifatturi ma’ dawk l-obbligi, din il-gwida hija allinjata mal-premessa 31 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690 u mat-Taqsima II(A) tal-Linji Gwida 9/2022 dwar in-notifika ta’ ksur ta’ data personali skont il-GDPR.

213.

F’xi każijiet, manifattur jinduna b’avveniment suspettuż, jew parti terza, bħal individwu, klijent, entità, awtorità, organizzazzjoni tal-midja jew sors ieħor jiġbidlu l-attenzjoni dwar inċident jew vulnerabbiltà potenzjali. F’każijiet bħal dawn, il-manifattur għandu jivvaluta minnufih l-avveniment suspettuż biex jiddetermina jekk jikkostitwix vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv jew inċident serju li jkollu impatt fuq is-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali. Għalhekk, il-manifattur għandu jitqies li sar jaf meta, wara tali valutazzjoni inizjali, ikollu grad raġonevoli ta’ ċertezza li: (i) xi vulnerabbiltà li tinsab fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu qed tiġi sfruttata b’mod attiv; jew (ii) seħħ xi inċident serju li wassal biex tiġi kompromessa s-sigurtà tal-prodott b’elementi diġitali tiegħu.

214.

Għalhekk, il-mument meta manifattur jista’ jitqies li sar jaf jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-vulnerabbiltà speċifika sfruttata b’mod attiv jew tal-inċident serju speċifiku. F’xi każijiet, se jkun relattivament ċar mill-bidu nett li vulnerabbiltà qed tiġi sfruttata b’mod attiv jew li inċident serju qed ikollu impatt fuq is-sigurtà ta’ prodott b’elementi diġitali. F’oħrajn, jista’ jkun meħtieġ ċertu żmien biex jiġi stabbilit jekk prodott b’elementi diġitali huwiex affettwat minn vulnerabbiltà u jekk dik il-vulnerabbiltà hijiex qed tiġi sfruttata minn xi attur malizzjuż, jew jekk xi inċident huwiex qed jaffettwa s-sigurtà ta’ prodott b’elementi diġitali. Madankollu, l-enfasi għandha tkun fuq azzjoni fil-pront biex titwettaq il-valutazzjoni inizjali biex jiġi ddeterminat jekk tali kundizzjonijiet humiex tabilħaqq issodisfati, b’mod partikolari meta l-vulnerabbiltà tista’ toħloq riskju sinifikanti, u jekk iva, biex tittieħed azzjoni ta’ rimedju u tiġi nnotifikata f’konformità mas-CRA.

215.

Barra minn hekk, l-istruttura tal-obbligi ta’ rapportar tirrikjedi li l-manifatturi jaġġornaw in-notifiki tagħhom progressivament, hekk kif l-investigazzjonijiet interni tagħhom javvanzaw u jkollhom aktar dettalji dwar il-vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv jew l-inċident. B’mod partikolari, il-manifatturi huma meħtieġa jissottomettu notifika ta’ twissija bikrija li jkun fiha informazzjoni limitata mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 24 siegħa minn meta jsiru jafu. Sussegwentement, tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali bħala parti min-notifika li tkun trid tiġi sottomessa mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 72 siegħa minn meta jsiru jafu (“notifika ta’ 72 siegħa”). Ir-rapport sħiħ jeħtieġ li jiġi ppreżentat fi żmien 14-il jum wara li tkun disponibbli miżura korrettiva jew ta’ mitigazzjoni għall-vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv, jew fi żmien xahar wara n-notifika ta’ 72 siegħa għall-inċidenti serji.

216.

Kif imfakkar ukoll fit-Taqsima 3.3.1 Sustained support and ensuring viability of FOSS, l-amministraturi ta’ software b’sors miftuħ huma meħtieġa wkoll jirrapportaw il-vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv f’konformità mal-Artikolu 24(3) (30). Dak l-obbligu japplika malli jsiru jafu b’vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv, u mhux biss meta teżisti vulnerabbiltà fil-bażi tal-kodiċi ta’ FOSS li tiegħu dik l-entità hija amministratur. Fil-prattika, minħabba li l-komponenti ta’ FOSS ġeneralment jiġu integrati ‘l isfel fil-katina (downstream) fi prodotti oħra b’elementi diġitali, amministratur x’aktarx isir jaf bi sfruttament attiv minn rapporti minn partijiet terzi, li jidentifikaw l-isfruttament fil-komponenti tal-FOSS kif integrati fi prodotti b’elementi diġitali oħra. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta manifattur ta’ prodott b’elementi diġitali jidentifika sfruttament attiv f’komponent tal-FOSS integrat fil-prodott tiegħu stess u jirrapportah lill-amministratur ta’ dak il-komponent; jew meta utent jew riċerkatur tas-sigurtà jsib evidenza ta’ sfruttament ta’ komponent ta’ FOSS integrat fi prodott b’elementi diġitali u jirrapporta dak l-isfruttament attiv lill-amministratur tal-komponent.

217.

Għandu jiġi ċċarat ukoll li, minħabba li l-obbligu li jiġu rrapportati vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv japplika meta l-manifattur isir jaf bi sfruttament attiv, il-manifattur ma huwiex meħtieġ jirrapporta vulnerabbiltajiet li jkun sar jaf bl-isfruttament attiv tagħhom qabel il-11 ta’ Settembru 2026 (id-data li fiha jibda japplika l-obbligu ta’ rapportar). Għalhekk, is-CRA ma jirrikjedix ir-rapportar retroattiv ta’ tali vulnerabbiltajiet. B’kuntrast ma’ dan, l-obbligu japplika meta l-manifattur ikun jaf b’vulnerabbiltà qabel il-11 ta’ Settembru 2026 iżda, f’dak iż-żmien, ma jkunx jaf li kien hemm xi sfruttament attiv tagħha (jew għax ma jkunx għadu seħħ jew għax il-manifattur ma jkunx jaf bih). Jekk, wara l-11 ta’ Settembru 2026, sussegwentement iseħħ sfruttament attiv jew il-manifattur isir jaf bih, il-vulnerabbiltà titqies bħala sfruttata b’mod attiv u għalhekk soġġetta għall-obbligu ta’ rapportar.

218.

B’mod simili, manifattur huwa meħtieġ biss li jirrapporta vulnerabbiltajiet sfruttati b’mod attiv li jinsabu fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu. Meta prodott b’elementi diġitali jkun fih vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv li toriġina minn komponent ta’ parti terza, il-manifattur tal-prodott b’elementi diġitali huwa meħtieġ jinnotifika dik il-vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv. Madankollu, jekk manifattur isir jaf li komponent ta’ parti terza jkun fih vulnerabbiltà, iżda dik il-vulnerabbiltà jew (i) ma tistax tiġi sfruttata fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu (eż. minħabba li l-kodiċi vulnerabbli ma jkunx aċċessibbli) jew (ii) ma tkunx ġiet sfruttata fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu, dik il-vulnerabbiltà ma tikkwalifikax bħala vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv li tinsab fil-prodott b’elementi diġitali tiegħu, u għalhekk ma tkunx soġġetta għar-rapportar obbligatorju minn dak il-manifattur. Dak il-manifattur xorta jista’ jinnotifika dik il-vulnerabbiltà minn jeddu, f’konformità mal-Artikolu 15 tas-CRA. Huwa meħtieġ ukoll li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet tal-Parti II tal-Anness I tas-CRA, kif ukoll li jirrapporta l-vulnerabbiltà lill-persuna jew lill-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent, f’konformità mal-Artikolu 13(6), u kif huwa spjegat ulterjorment fit-Taqsima 9.2.1 Reporting upstream and sharing security fixes.

219.

Wara li jsiru jafu b’vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv jew b’inċident serju, il-manifatturi huma meħtieġa wkoll, f’konformità mal-Artikolu 14(8), li jinfurmaw lill-utenti affettwati u, fejn xieraq, lill-utenti kollha. Meta jonqsu milli jagħmlu dan fil-pront, is-CSIRTs li jkunu rċevew in-notifika jistgħu jipprovdu tali informazzjoni lill-utenti meta dan jitqies proporzjonat u neċessarju biex jipprevjenu jew itaffu l-impatt ta’ dik il-vulnerabbiltà jew dak l-inċident.

220.

F’konformità mal-approċċ ibbażat fuq ir-riskju tas-CRA, l-obbligu li l-utenti jiġu informati stabbilit fl-Artikolu 14(8) għandu jiġi applikat skont ir-riskju u b’mod proporzjonat. B’mod partikolari, l-għoti ta’ informazzjoni dwar vulnerabbiltà sfruttata b’mod attiv jew inċident serju ma jimplikax li tali informazzjoni trid issir pubblika jew tiġi żvelata b’mod indiskriminat. Fejn ikun xieraq, u fid-dawl tan-natura tal-prodott b’elementi diġitali, l-utenti affettwati u l-impatt potenzjali tal-vulnerabbiltà jew tal-inċident, il-manifatturi jistgħu jillimitaw id-divulgazzjoni ta’ informazzjoni dettaljata għall-utenti jew għall-klijenti rilevanti kkonċernati. Dan huwa partikolarment il-każ għall-prodotti b’elementi diġitali użati f’ambjenti sensittivi jew essenzjali, fejn id-divulgazzjoni pubblika tad-dettalji tekniċi tista’ hija stess iżżid ir-riskji għaċ-ċibersigurtà jew tiffaċilita sfruttament ulterjuri.

221.

Ladarba l-vulnerabbiltà tkun ġiet indirizzata jew mitigata b’mod adegwat, tista’ tkun xierqa divulgazzjoni usa’. Dan ikun il-każ, pereżempju, meta d-divulgazzjoni tikkontribwixxi għas-sensibilizzazzjoni ġenerali jew tippermetti lill-utenti jivverifikaw li l-prodotti b’elementi diġitali tagħhom ma għadhomx affettwati. F’każijiet bħal dawn, il-livell ta’ dettall u t-twaqqit ta’ kwalunkwe divulgazzjoni usa’ għandhom jibqgħu proporzjonati u jqisu r-riskji residwi ta’ sfruttament, in-natura tal-prodott b’elementi diġitali u l-interessi tal-utenti kkonċernati. Barra minn hekk, il-punt (4) tal-Parti II tal-Anness I jirrikjedi li l-manifatturi jiddivulgaw pubblikament informazzjoni dwar vulnerabbiltajiet solvuti ladarba jkun sar disponibbli aġġornament tas-sigurtà.

9.2.   Il-ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet

9.2.1.   Rapportar upstream u kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ sigurtà

222.

L-Artikolu 13(6) tas-CRA jirrikjedi li l-manifatturi jirrapportaw il-vulnerabbiltajiet f’komponenti integrati lill-persuna jew lill-entità li timmanifattura jew tagħmel il-manutenzjoni ta’ dak il-komponent (“rapportar upstream”).

223.

Il-manifatturi huma meħtieġa jirrapportaw upstream biss fir-rigward tal-verżjoni tal-komponent li jintegraw. Meta l-persuna jew l-entità li timmanifattura jew tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent tkun stabbiliet politiki ta’ sigurtà, ikkoordinat il-proċessi ta’ divulgazzjoni tal-vulnerabbiltajiet jew indikat il-kanali għar-rapportar tal-vulnerabbiltajiet, il-manifatturi għandhom jirrapportaw f’konformità magħhom, b’mod partikolari meta d-divulgazzjoni prematura ta’ vulnerabbiltajiet mhux solvuti tista’ żżid ir-riskji għaċ-ċibersigurtà. Barra minn hekk, sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jagħmlu l-manutenzjoni upstream, b’mod partikolari fi proġetti b’sors miftuħ, il-manifatturi ma humiex meħtieġa jirrapportaw upstream meta jistgħu jikkonfermaw li l-persuna jew l-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent taf bl-eżistenza ta’ vulnerabbiltà. Il-manifatturi huma mħeġġa jieħdu passi raġonevoli biex jevitaw li jippreżentaw rapporti duplikati, pereżempju billi jivverifikaw bażijiet tad-data dwar il-vulnerabbiltà aċċessibbli għall-pubbliku, konsulenzi dwar is-sigurtà speċifiċi għall-proġett, jew inkella trackers stabbiliti tal-problemi, qabel ma jirrapportaw upstream.

224.

Il-manifatturi huma meħtieġa jirrapportaw upstream biss dawk il-vulnerabbiltajiet li jeżistu fil-komponent integrat innifsu, u mhux vulnerabbiltajiet li jeżistu bħala riżultat tal-integrazzjoni bejn il-komponent u kodiċi ieħor żviluppat mill-manifattur jew mill-integrazzjoni ta’ komponenti oħra. Madankollu, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-integrazzjoni ta’ komponent fi prodott b’elementi diġitali speċifiku tiżvela ċerta mġiba, interazzjonijiet jew karatteristiċi rilevanti għas-sigurtà ta’ dak il-komponent li ma kinux jidhru, jew li ma kinux faċilment identifikabbli, b’mod iżolat. F’każijiet bħal dawn, il-manifatturi huma mħeġġa jikkomunikaw din l-informazzjoni lill-persuna jew lill-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent, sabiex irawmu prattiki tajbin ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet immirati biex jiffaċilitaw ir-rimedju effettiv u jtejbu s-sigurtà ġenerali tal-ekosistema tal-komponenti.

225.

Fl-aħħar nett, il-manifatturi lanqas ma huma meħtieġa jirrapportaw il-vulnerabbiltà upstream meta l-komponent ma jibqax ikollu min jagħmillu manutenzjoni, jew meta l-manifattur ma jibqax jiddependi fuq min oriġinarjament kien jagħmel il-manutenzjoni għall-verżjonijiet ġodda jew għas-soluzzjonijiet ta’ sigurtà. F’każijiet bħal dawn, il-manifattur huwa madankollu mħeġġeġ jinforma lill-utenti dwar dak il-komponent permezz ta’ miżuri alternattivi raġonevoli, eż. permezz ta’ mekkaniżmi komunitarji eżistenti (bħal listi ta’ indirizzi jew biljetti tal-problemi) jew permezz ta’ rekords pubbliċi tal-vulnerabbiltajiet.

226.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(6), il-manifatturi li jkunu żviluppaw modifika tas-software biex jindirizzaw vulnerabbiltà f’komponent integrat huma meħtieġa jikkondividu dik il-modifika tas-software (“soluzzjoni tas-sigurtà”) mal-persuna jew mal-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent (“kondiviżjoni upstream”).

227.

Meta l-manifatturi jkunu meħtieġa jikkondividu soluzzjoni ta’ sigurtà skont l-Artikolu 13(6), is-soluzzjoni għandha tiġi pprovduta, fejn ikun xieraq, f’format li jinqara mill-magni, b’mod li jkun jista’ jiġi faċilment ivverifikat u, fejn xieraq, integrat mill-persuna jew mill-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent. Meta l-komponent ikun komponent liberu u b’sors miftuħ, is-soluzzjoni ta’ sigurtà għandha tiġi kondiviża b’mod kompatibbli mal-liċenzja ta’ dak il-komponent, pereżempju billi tiġi kondiviża taħt l-istess liċenzja jew taħt liċenzja li tippermetti lil min jagħmel il-manutenzjoni jiddistribwixxi s-soluzzjoni taħt il-liċenzja tiegħu stess. Meta min jagħmel il-manutenzjoni ta’ dak il-komponent ikollu linji gwida dwar kif għandhom jiġu kondiviżi s-soluzzjonijiet ta’ sigurtà, il-manifattur għandu jsegwi dawk il-linji gwida.

228.

Madankollu, is-CRA ma jirrikjedix li l-manifatturi jiżguraw li s-soluzzjonijiet ta’ sigurtà tagħhom jiġu neċessarjament aċċettati mill-persuna jew mill-entità li timmanifattura jew tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent. Lanqas ma huma meħtieġa li jiżguraw li dawk is-soluzzjonijiet jiġu neċessarjament integrati fir-repożitorju tal-kodiċi tal-komponent, pereżempju meta min jagħmel il-manutenzjoni jkun jippreferi għażla differenti biex isolvi l-problema. Bl-istess mod, il-manifatturi ma humiex meħtieġa jaċċettaw soluzzjoni proposta żviluppata minn min jagħmel il-manutenzjoni tal-komponent, u jistgħu jippreferu jtaffu l-problema b’modi xierqa oħra.

229.

F’xi każijiet, il-persuna jew l-entità li timmanifattura jew li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent setgħet diġà pprovdiet soluzzjoni ta’ sigurtà biex tindirizza l-vulnerabbiltà, iżda manifattur jimplimenta strateġija ta’ mitigazzjoni differenti (pereżempju billi jibdel konfigurazzjoni differenti). F’każijiet bħal dawn, is-CRA ma jirrikjedix li l-manifattur jikkondividi l-modifika ta’ parti oħra tas-sistema upstream. Il-manifattur huwa madankollu mħeġġeġ jagħmel dan meta dan jista’ jkun ta’ appoġġ għall-persuna jew għall-entità li tagħmel il-manutenzjoni tal-komponent.

9.2.2.   Vulnerabbiltajiet magħrufa li jistgħu jiġu sfruttati

230.

Wieħed mir-rekwiżiti essenzjali tal-Parti I tal-Anness I tas-CRA jipprevedi li, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà msemmija fl-Artikolu 13(2), u meta applikabbli, il-prodotti b’elementi diġitali jridu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq mingħajr vulnerabbiltajiet magħrufa li jistgħu jiġu sfruttati.

231.

L-Artikolu 3(41) jiddefinixxi “vulnerabbiltà sfruttabbli” bħala “vulnerabbiltà li għandha l-potenzjal li tintuża b’mod effettiv minn avversarju f’kundizzjonijiet operattivi prattiċi”. Mhux il-vulnerabbiltajiet kollha huma sfruttabbli f’kundizzjonijiet operazzjonali prattiċi, u xi vulnerabbiltajiet jistgħu jiġu sfruttati biss f’kundizzjonijiet teoretiċi (eż. f’laboratorju jew f’simulazzjoni) u/jew mhux f’kundizzjonijiet li jseħħu fl-ambjent operazzjonali ta’ prodott b’elementi diġitali.

232.

Is-CRA jirrikjedi li l-manifatturi jkollhom politiki u proċeduri xierqa biex jimmaniġġjaw u jirrimedjaw vulnerabbiltajiet potenzjali rrapportati minn sorsi interni jew esterni (l-Artikolu 13(8)). Madankollu, ma jispeċifikax b’mod espliċitu meta vulnerabbiltà sfruttabbli għandha titqies li hija magħrufa mill-manifattur, u b’hekk jiskatta l-obbligu tal-konformità ma’ dan ir-rekwiżit essenzjali fil-mument tal-introduzzjoni fis-suq.

233.

Vulnerabbiltà għandha titqies bħala magħrufa meta tiġi elenkata f’bażijiet tad-data tal-vulnerabbiltajiet rilevanti aċċessibbli għall-pubbliku, bħall-bażi tad-data Ewropea dwar il-vulnerabbiltajiet stabbilita mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva (UE) 2022/2555 jew bażijiet tad-data tal-vulnerabbiltajiet prominenti oħrajn.

234.

Barra minn hekk, vulnerabbiltà tista’ tkun magħrufa wkoll meta l-manifattur ikun sar jaf biha permezz ta’ informazzjoni mhux pubblika, pereżempju permezz ta’ divulgazzjoni koordinata minn riċerkatur tas-sigurtà jew permezz tal-ittestjar u l-analiżi interni tal-manifattur stess, inkluż, pereżempju, meta juża servizzi li jaħdmu bl-IA. Bl-istess mod, vulnerabbiltà tista’ tkun magħrufa meta tkun ġiet irrapportata pubblikament u b’mod prominenti f’organi tax-xandir affidabbli, inklużi pubblikazzjonijiet speċjalizzati dwar iċ-ċibersigurtà jew fil-media tal-massa ġenerali.

235.

Madankollu, is-sempliċi fatt li vulnerabbiltà tiġi rrapportata jew skoperta ma jfissirx, fih innifsu, li din hija sfruttabbli fil-prattika jew applikabbli għall-prodott b’elementi diġitali speċifiku kkonċernat. Il-manifattur ikun meħtieġ jinvestigaha u jikkonferma l-veraċità ta’ tali informazzjoni u l-applikabbiltà tagħha għall-prodott b’elementi diġitali tiegħu stess. Għaldaqstant, jista’ jgħaddi perjodu limitat ta’ żmien bejn l-ewwel rapport tal-vulnerabbiltà u l-konferma tagħha. Kif huwa indikat fit-Taqsima 9.1 Reporting obligations, l-enfasi għandha tkun fuq azzjoni fil-pront biex dak li jkun jinvestiga u jirreaġixxi.

236.

Barra minn hekk, l-obbligu għall-manifatturi li jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fil-Parti I tal-Anness I japplika fil-mument tal-introduzzjoni fis-suq, f’konformità mal-Artikolu 13(1). Fil-prattika, jista’ jkun il-każ li vulnerabbiltajiet ġodda potenzjalment sfruttabbli jiġu skoperti matul l-istadji finali taċ-ċiklu tal-ħajja tal-iżvilupp tal-prodott b’elementi diġitali, inkluż ftit qabel ma jidħol fil-katina tad-distribuzzjoni (u għalhekk introdott fis-suq).

237.

Peress li l-obbligu li l-prodotti b’elementi diġitali jiġu introdotti fis-suq mingħajr vulnerabbiltajiet sfruttabbli magħrufa huwa obbligu bbażat fuq ir-riskju, hija r-responsabbiltà tal-manifattur li jiddetermina jekk, abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà, il-prodott b’elementi diġitali jistax jiġi introdott fis-suq b’mod sikur, f’konformità mas-CRA. Inkella, il-manifattur jista’ jiddetermina li vulnerabbiltà ġdida li seta’ sar jaf biha trid tiġi solvuta qabel ma l-prodott b’elementi diġitali jkun jista’ jiġi introdott fis-suq. Meta jiddeterminaw dan, il-manifatturi jenħtieġ li jqisu s-severità, l-isfruttabbiltà u l-impatt potenzjali tal-vulnerabbiltà, kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw għall-prodott b’elementi diġitali nnifsu ladarba jibda jintuża. Huma jistgħu jqisu wkoll ir-riskji li jipposponu r-rilaxx tal-prodott sakemm il-vulnerabbiltà tiġi solvuta, pereżempju minħabba li l-edizzjoni l-ġdida tindirizza wkoll vulnerabbiltajiet sfruttabbli oħra, jew hija meħtieġa għat-tħaddim kontinwu ta’ sistemi kritiċi. Fi kwalunkwe każ, ladarba prodott b’elementi diġitali jiġi introdott fis-suq, il-manifattur jibqa’ soġġett għall-obbligu li jimmaniġġja l-vulnerabbiltajiet b’mod effettiv u f’konformità mar-rekwiżiti ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet stabbiliti fil-Parti II tal-Anness I.

9.2.3.   Testijiet u rieżamijiet effettivi u regolari

238.

Il-punt (3) tal-Parti II tal-Anness I jirrikjedi li l-manifatturi japplikaw testijiet u rieżamijiet effettivi u regolari tal-prodott b’elementi diġitali matul il-perjodu ta’ appoġġ tiegħu. L-applikazzjoni ta’ testijiet regolari ma tirrikjedix ir-ripetizzjoni mekkanika, f’intervalli fissi, tal-istess kampanja ta’ testijiet. Tfisser li jsir rieżami regolari ta’ jekk input ġdid, bħal theddid li jkun għadu kemm ġie identifikat jew vulnerabbiltajiet li jkunu għadhom kemm ġew skoperti, jirrikjedix li t-testijiet eżistenti jiġu aġġornati, u li jitwettqu t-testijiet kif xieraq.

239.

Il-frekwenza, il-fond u l-kontenut tar-rieżami għandhom ikunu proporzjonati għall-profil tar-riskju għaċ-ċibersigurtà tal-prodott b’elementi diġitali, l-evoluzzjoni tiegħu maż-żmien, u l-istat tax-xenarju tat-theddid. Meta r-rieżami jidentifika input ġdid rilevanti li jaffettwa s-sett tat-testijiet, għandhom jitfasslu u jitwettqu testijiet ġodda jew modifikati fuq il-prodott, biex jiġi żgurat li kull vulnerabbiltà tiġi indirizzata. Dan jista’ jinkludi t-twettiq mill-ġdid ta’ testijiet eżistenti meta modifika tal-prodott b’elementi diġitali tagħmel dawn it-tipi ta’ ttestjar xierqa, bħall-ittestjar tar-rigressjoni.

240.

Meta r-rieżami ma jidentifika l-ebda input ta’ dan it-tip, ma hemmx għalfejn jitfasslu testijiet addizzjonali. Obbligi oħra ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, inkluż dak tal-indirizzar u r-rimedjar tal-vulnerabbiltajiet fir-rigward tar-riskji involuti, ikomplu japplikaw b’mod parallel.

9.3.   Interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni oħra

9.3.1.   Ir-Regolament (UE) Nru 2019/2144 u r-Regolament (UE) Nru 168/2013

241.

Lal-Artikolu 2(2), il-punt (c), tas-CRA jistabbilixxi li r-Regolament ma japplikax għal prodotti b’elementi diġitali li għalihom japplika r-Regolament (UE) 2019/2144. Ir-Regolament (UE) 2019/2144 japplika “għall-vetturi tal-kategoriji M, N u O, kif definiti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2018/858, kif ukoll għas-sistemi, għall-komponenti u għall-unitajiet tekniċi separati ddisinjati u mibnija għal tali vetturi”.

242.

Bl-istess mod, il-prodotti b’elementi diġitali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1535. Ir-Regolament (UE) 168/2013 japplika għall-vetturi tal-kategorija L u “għas-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati, kif ukoll il-partijiet u t-tagħmir iddisinjati u mibnija għal dawn il-vetturi” (l-Artikolu 2(1)).

243.

Il-vetturi li għalihom japplikaw dawk ir-Regolamenti ma humiex soġġetti għas-CRA. Barra minn hekk, huma meħtieġa kjarifiki addizzjonali fir-rigward tal-ambitu tal-eżenzjoni għas-sistemi, għall-komponenti, għall-unitajiet tekniċi separati, għall-parts u għat-tagħmir (għall-finijiet ta’ din it-taqsima, “komponenti”) iddisinjati u mibnija għal tali vetturi li jitqiesu bħala prodotti b’elementi diġitali fit-tifsira tas-CRA.

244.

Huwa meqjus li tali komponenti ma humiex soġġetti għas-CRA, dment li jkunu ddisinjati u mibnija esklużivament għall-integrazzjoni f’vetturi koperti mir-Regolamenti (UE) 2019/2144 u Nru 168/2013. Dan huwa l-każ irrispettivament minn jekk il-manifattur ta’ dak il-komponent ibigħux direttament lill-manifattur tal-vettura jew lil operatur ekonomiku ieħor fil-katina tal-provvista awtomobilistika, dment li l-komponent ikun maħsub b’mod ċar u adattat biss għall-integrazzjoni finali f’dawk il-vetturi.

245.

B’kuntrast ma’ dan, manifattur li jbigħ komponenti ġeneriċi li huma prodotti b’elementi diġitali li jistgħu jiġu integrati f’tipi differenti ta’ prodotti, u mhux esklużivament f’vetturi koperti minn dawk ir-Regolamenti, huwa soġġett għas-CRA.

246.

Il-valutazzjoni ta’ jekk komponent jiġix introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA trid tkun ibbażata fuq il-kundizzjonijiet oġġettivi li taħthom jitqiegħed għad-dispożizzjoni. Meta manifattur joffri komponent li ma jkunx adattat esklużivament għall-integrazzjoni finali f’dawk il-vetturi permezz ta’ kanali ta’ distribuzzjoni li jkunu miftuħa għal klijenti barra mill-katina tal-provvista awtomobilistika, bħal ħwienet ġenerali tal-bejgħ bl-imnut jew kanali tal-bejgħ online li jaċċettaw ordnijiet mill-pubbliku ġenerali, dak il-komponent jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA, irrispettivament minn kwalunkwe dikjarazzjoni li tikkonċerna l-użu maħsub tiegħu. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-komponent ma jistax jitqies bħala ddisinjat u mibni esklużivament għall-integrazzjoni f’vetturi koperti mir-Regolamenti (UE) 2019/2144 u Nru 168/2013, u l-manifattur huwa meħtieġ jikkonforma mas-CRA. B’kuntrast ma’ dan, l-użu ta’ kanali ta’ distribuzzjoni ristretti minn negozju għal negozju limitati għall-katina tal-provvista awtomobilistika jista’ jindika li huwa ddisinjat u mibni esklużivament għal tali integrazzjoni.

9.3.2.   Validità taċ-ċertifikati tal-eżami tal-UE tat-tip (l-Artikolu 69(1))

247.

L-Artikolu 69(1) tas-CRA jiddikjara li “ċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u d-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni maħruġa fir-rigward tar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-prodotti b’elementi diġitali li huma soġġetti għal leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni apparti minn dan ir-Regolament għandhom jibqgħu validi sal-11 ta’ Ġunju 2028, sakemm ma jiskadux qabel dik id-data, jew sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’tali leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, f’liema każ għandhom jibqgħu validi kif imsemmi f’dik il-leġiżlazzjoni”.

248.

Il-validità kontinwa ta’ tali ċertifikati u deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni għandha tinftiehem bħala li hija limitata għar-riskji għaċ-ċibersigurtà u għar-rekwiżiti korrispondenti li huma koperti mil-leġiżlazzjoni rispettiva tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni li abbażi tagħha jkunu nħarġu. Għal dawk ir-riskji, il-manifatturi ma humiex meħtieġa jivvalutaw mill-ġdid jew juru mill-ġdid il-konformità għall-finijiet biss tas-CRA matul il-perjodu ta’ validità msemmi fl-Artikolu 69(1) għal prodotti b’elementi diġitali li jkunu beħsiebhom jintroduċu fis-suq fil-11 ta’ Diċembru 2027 jew wara u sal-11 ta’ Ġunju 2028 (31). Dan huwa l-każ għaċ-ċertifikati u għad-deċiżjonijiet ta’ approvazzjoni maħruġa meta l-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni tirrikjedi li l-manifattur iwettaq il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità permezz ta’ korp notifikat, kif ukoll meta l-manifattur ikun għażel minn jeddu li jagħmel dan.

249.

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ ċertifikat validu jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni valida skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni ma teżentax lill-manifatturi milli jwettqu valutazzjoni komprensiva tar-riskju għaċ-ċibersigurtà skont is-CRA (jew minn obbligi oħra taħtu). Minflok, tippermettilhom jibbażaw fuq iċ-ċertifikazzjonijiet eżistenti bħala evidenza ta’ konformità għall-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità tagħhom, sa fejn ir-riskji korrispondenti għaċ-ċibersigurtà jkunu diġà koperti. Meta ċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni jkunu validi skont leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni li testendi lil hinn mill-11 ta’ Ġunju 2028, il-manifattur jista’ madankollu jibbaża fuq tali ċertifikat jew deċiżjoni għall-finijiet tas-CRA sal-11 ta’ Ġunju 2028 biss.

250.

Meta l-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13(2) tidentifika riskji addizzjonali mhux koperti mir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà li jirfdu ċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni eżistenti, il-manifatturi jibqgħu responsabbli biex jindirizzaw dawk ir-riskji f’konformità mas-CRA. F’każijiet bħal dawn, il-konformità tirrikjedi li l-lakuni identifikati jiġu vvalutati u mmitigati, irrispettivament mill-fatt li ċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni eżistenti tkun għadha valida.

251.

Dan jista’ jiġi spjegat billi jitqies il-każ meta prodott b’elementi diġitali jkun soġġett għar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE (l-Att Delegat dwar id-Direttiva dwar it-tagħmir tar-Radju (RED)), u meta jkun inħareġ ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni abbażi ta’ dawk ir-rekwiżiti. F’dak il-każ, iċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni tibqa’ valida, f’konformità mal-Artikolu 69(1), għar-riskji għaċ-ċibersigurtà li huma koperti minn dak iċ-ċertifikat u relatati mar-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà tad-Direttiva 2014/53/UE (id-Direttiva dwar it-Tagħmir tar-Radju, jew “RED”).

252.

F’każijiet bħal dawn, il-manifatturi ma humiex meħtieġa, għall-finijiet tas-CRA, li jivvalutaw mill-ġdid jew juru mill-ġdid il-konformità fir-rigward ta’ dawk ir-riskji diġà indirizzati minn dawk iċ-ċertifikati, sakemm iċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni rilevanti tibqa’ valida u, fi kwalunkwe każ, mhux wara l-11 ta’ Ġunju 2028. Dan jinkludi, pereżempju, riskji għaċ-ċibersigurtà relatati mal-protezzjoni tan-network, il-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza jew il-prevenzjoni tal-frodi (sal-punt li fih dawk ir-riskji jkunu koperti minn dak iċ-ċertifikat) relatati mar-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà tar-RED u riflessi fil-valutazzjoni tal-konformità.

253.

Madankollu, meta l-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà mwettqa f’konformità mal-Artikolu 13(2) tas-CRA tidentifika riskji addizzjonali għaċ-ċibersigurtà mhux koperti minn dawk iċ-ċertifikati, il-manifatturi jibqgħu responsabbli mill-indirizzar ta’ dawk ir-riskji f’konformità mas-CRA. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, riskji relatati ma’ proċessi ta’ ġestjoni tal-vulnerabbiltajiet, il-minimizzazzjoni tad-data, u t-tnaqqis tas-superfiċe ta’ attakk, jew aspetti oħrajn taċ-ċibersigurtà speċifiċi għall-prodott mhux indirizzati minn dawk iċ-ċertifikati jew, fi kwalunkwe każ, mhux koperti mir-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà tar-RED.

254.

Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ ċertifikat validu tal-eżami tal-UE tat-tip jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni valida skont ir-RED għar-rekwiżiti essenzjali tiegħu relatati maċ-ċibersigurtà, fiha nnifisha, ma turix konformità sħiħa mas-CRA. Minflok, tippermetti lill-manifatturi jibbażaw fuq dak iċ-ċertifikat jew fuq dik id-deċiżjoni bħala evidenza tal-konformità għar-riskji korrispondenti, filwaqt li tiżgura li kwalunkwe riskju li jifdal jew li jkun għadu kif ġie identifikat jiġi vvalutat u mmitigat f’konformità mas-CRA.

255.

Bl-istess mod, meta prodott b’elementi diġitali jkun soġġett għar-rekwiżiti essenzjali tas-saħħa u tas-sikurezza relatati maċ-ċibersigurtà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1230 (ir-Regolament dwar il-Makkinarju), applikabbli fl-intier tiegħu mill-20 ta’ Jannar 2027, u meta jkun inħareġ ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni abbażi ta’ dawk ir-rekwiżiti, dak iċ-ċertifikat jew deċiżjoni ta’ approvazzjoni tibqa’ valida, f’konformità mal-Artikolu 69(1) tas-CRA għar-riskji għaċ-ċibersigurtà koperti mir-Regolament dwar il-Makkinarju.

256.

B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-aspetti taċ-ċibersigurtà relatati mal-protezzjoni kontra l-korruzzjoni u s-sikurezza u l-affidabbiltà tas-sistemi ta’ kontroll, kif stabbilit fit-Taqsimiet 1.1.9 u 1.2.1 tal-Anness III tar-Regolament dwar il-Makkinarju. Għal dawk ir-riskji, il-manifatturi ma humiex meħtieġa, għall-finijiet tas-CRA, li jivvalutaw mill-ġdid jew juru mill-ġdid il-konformità sakemm iċ-ċertifikat jew id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni rilevanti tibqa’ valida u, fi kwalunkwe każ, mhux wara l-11 ta’ Ġunju 2028. Dan japplika sa fejn dawk ir-riskji jkunu ġew indirizzati bħala parti mill-valutazzjoni tal-konformità skont ir-Regolament dwar il-Makkinarju.

257.

Bħal fil-każ tar-rekwiżiti essenzjali taċ-ċibersigurtà tar-RED imsemmija hawn fuq, meta l-valutazzjoni tar-riskju għaċ-ċibersigurtà mwettqa skont l-Artikolu 13(2) tas-CRA tidentifika riskji addizzjonali għaċ-ċibersigurtà li ma humiex koperti miċ-ċertifikat rilevanti maħruġ skont ir-Regolament dwar il-Makkinarju u li jkunu relatati mar-rekwiżiti tas-sikurezza ċibernetika ta’ dak ir-Regolament, il-manifatturi jibqgħu responsabbli mill-indirizzar ta’ dawk ir-riskji f’konformità mas-CRA.

(1)   ĠU L, 2024/2847, 20.11.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/2847/oj.

(2)  Il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2026 jipprevedi l-preżentazzjoni ta’ “Att Ewropew dwar il-Prodotti”, li jaġġorna l-NLF u r-regoli dwar is-sorveljanza tas-suq u dwar l-istandardizzazzjoni: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52025DC0870.

(3)  L-FAQs jistgħu jitniżżlu permezz tas-sit web tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tas-CRA, mill-paġna web tal-Mistoqsijiet frekwenti ddedikata.

(4)   Il-Grupp ta’ Esperti dwar iċ-Ċibersigurtà ta’ prodotti b’elementi diġitali fir-reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet oħra simili.

(5)   Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz ta’ gwida tal-Kummissjoni dwar l-Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika.

(6)  L_Avviż tal-Kummissjoni – Il-“Gwida Blu” dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-prodotti tal-UE tal-2022 2022/C 247/01 (ĠU C 247, 29.6.2022, p. 1).

(7)  F’konformità mal-Artikolu 13(11), il-manifatturi jistgħu jżommu arkivji pubbliċi tas-software li jtejbu l-aċċess tal-utenti għall-verżjonijiet storiċi. F’dawn il-każijiet, l-utenti għandhom jiġu infurmati b’mod ċar u faċilment aċċessibbli dwar ir-riskji assoċjati mal-użu ta’ software mhux appoġġat.

(8)  Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li l-Artikolu 4(3) jippermetti lill-manifatturi jqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq software mhux komplut li ma jikkonformax mar-Regolament, bħal verżjonijiet alfa, verżjonijiet beta jew kandidati għar-rilaxx, dment li s-software mhux komplut jitqiegħed għad-dispożizzjoni biss għaż-żmien meħtieġ biex jiġi ttestjat u jinġabar il-feedback.

(9)  Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li jiġi nnotat li għall-finijiet tal-liġi dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti, il-kodiċi tal-kompjuter innifsu ma jikkostitwix prodott u għalhekk il-manifatturi li jintroduċu tali kodiċi fis-suq ma jistgħux jinżammu responsabbli skont id-Direttiva (UE) 2024/2853 (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti). Il-premessa 13 ta’ dik id-Direttiva tiddikjara li “l-informazzjoni ma għandhiex titqies bħala prodott, u għalhekk jenħtieġ li r-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-prodotti ma japplikawx għall-kontenut ta’ fajls diġitali, bħal fajls tal-media jew kotba elettroniċi jew sempliċement il-kodiċi sors tas-software”. Dan ma jipprekludix li l-manifatturi jistgħu jkunu responsabbli skont il-liġi nazzjonali dwar id-delitti.

(10)  Jenħtieġ li jiġi nnotat li l-kunsiderazzjonijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu jistgħu japplikaw, kif xieraq, għall-prodotti kollha b’elementi diġitali fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-CRA, u mhux biss għal “sistemi kumplessi”.

(11)  Jenħtieġ li jiġi mfakkar ukoll li, għalkemm spiss il-prodotti b’elementi diġitali jiġu mmonetizzati (ukoll) permezz tal-ipproċessar ta’ data personali, il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, kif huwa indikat fil-premessa 24 tad-Direttiva 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2019/770/oj).

(12)  Din hija kundizzjoni meħtieġa iżda mhux suffiċjenti biex persuna ġuridika tikkwalifika bħala amministratur ta’ software b’sors miftuħ, peress li d-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(14) tistabbilixxi kundizzjonijiet addizzjonali biex persuna ġuridika tikkwalifika bħala amministratur.

(13)  Dan il-kunċett jinsab ukoll fil-formulazzjoni “maħsuba għal attivitajiet kummerċjali” inkluża fid-definizzjoni ta’ “amministratur tas-software b’sors miftuħ” stabbilita fl-Artikolu 3(14) tas-CRA.

(14)  Il-persuna ġuridika tista’ wkoll ma tkun soġġetta għal ebda obbligu skont is-CRA, f’każijiet meta: (i) FOSS speċifiku ma jiġix introdott fis-suq skont it-tifsira tas-CRA; u (ii) l-entità ġuridika ma tissodisfax id-definizzjoni ta’ amministratur fir-rigward ta’ dak il-FOSS speċifiku.

(15)  Ħlief jekk il-kumpanija A tkun entità mingħajr skop ta’ qligħ stabbilita b’tali mod li tiżgura li l-qligħ kollu wara l-kostijiet jintuża biex jintlaħqu objettivi mingħajr skop ta’ qligħ, f’liema każ tkun l-amministratur ta’ dak il-FOSS.

(16)  F’konformità mat-Taqsima 2.1 tal-Gwida Blu, “ma huwiex neċessarju li jiġu rripetuti t-testijiet u li tiġi prodotta dokumentazzjoni ġdida fir-rigward ta’ aspetti mhux affettwati mill-modifika. Hija r-responsabbiltà tal-persuna fiżika jew ġuridika li tibdel hija stess jew tordna tibdil fil-prodott li turi li mhux l-elementi kollha tad-dokumentazzjoni teknika jeħtieġ li jiġu aġġornati. Il-persuna fiżika jew ġuridika li twettaq bidliet jew li tkun wettqet bidliet fil-prodott għandha tkun responsabbli għall-konformità tal-prodott modifikat u tfassal dikjarazzjoni ta’ konformità, anke jekk tuża testijiet u dokumentazzjoni teknika eżistenti”.

(17)  Kriterji addizzjonali li jistgħu jitqiesu, f’konformità mal-Artikolu 13(8), jinkludu l-perjodi ta’ appoġġ ta’ prodotti b’elementi diġitali li joffru funzjonalità simili introdotti fis-suq minn manifatturi oħra, id-disponibbiltà tal-ambjent operattiv, il-perjodi ta’ appoġġ tal-komponenti integrati li jipprovdu funzjonijiet ewlenin u li jinkisbu minn partijiet terzi kif ukoll il-gwida rilevanti pprovduta mill-grupp ta’ kooperazzjoni amministrattiva tas-CRA (ADCO) u mill-Kummissjoni.

(18)  Jenħtieġ li jitfakkar li l-Artikolu 13(19) jirrikjedi li, meta jkun teknikament fattibbli fid-dawl tan-natura tal-prodott b’elementi diġitali, il-manifatturi għandhom juru notifika lill-utenti li tinfurmahom li l-prodott b’elementi diġitali tagħhom jkun wasal fi tmiem il-perjodu ta’ appoġġ tiegħu. Għalhekk, meta l-indirizzar u r-rimedjar tal-vulnerabbiltajiet għal verżjonijiet preċedenti jitwaqqfu, huwa mistenni li l-utenti li ma jkunux aġġornaw għall-verżjoni l-aktar ġdida jiġu infurmati, jekk ikun teknikament fattibbli.

(19)  Għandu jiġi nnotat li, meta l-utenti jistgħu jaġġornaw għall-aħħar verżjoni tas-software mingħajr kostijiet addizzjonali, il-manifatturi jistgħu madankollu jagħżlu li jkomplu jindirizzaw u jirrimedjaw il-vulnerabbiltajiet f’verżjonijiet preċedenti ta’ dak is-software, inkluż bi ħlas jew taħt arranġamenti kummerċjali oħra. Is-CRA ma jirrikjedix li l-manifatturi jipprovdu aġġornamenti tas-sigurtà għal verżjonijiet preċedenti bħal dawn mingħajr ħlas.

(20)  Għandu jiġi mfakkar li, kif huwa indikat fit-Taqsima 4.1 Physical repairs, l-operazzjonijiet ta’ rinnovazzjoni, manutenzjoni jew tiswija ġeneralment ma jitqisux li jammontaw għal modifiki sostanzjali.

(21)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2392 jistabbilixxi d-deskrizzjoni teknika tal-kategoriji ta’ prodotti importanti u kritiċi.

(22)  It-terminu kategorija “prestabbilita” ma huwiex terminu definit fis-CRA. L-użu tat-terminu f’dan id-dokument jirreferi għal prodotti b’elementi diġitali li ma għandhomx il-funzjonalità ewlenija ta’ kategorija ta’ prodotti stabbilita fl-Annessi III jew IV tas-CRA, u li għalhekk huma soġġetti għar-reġim ta’ valutazzjoni tal-konformità stabbilit fl-Artikolu 32(1).

(23)  Madankollu, il-manifattur jista’ dejjem jagħżel li japplika proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità aktar stretta, kif stabbilit fl-Artikolu 32(1).

(24)  Dan huwa wkoll il-każ meta jsir użu minn skema Ewropea ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tal-inqas f’livell ta’ assigurazzjoni “sostanzjali”, peress li huwa meħtieġ l-involviment ta’ korp ta’ ċertifikazzjoni terz.

(25)  Għal raġunijiet ta’ qosor, il-bqija ta’ din it-taqsima tirreferi biss għal standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-istess gwida tapplika wkoll għal speċifikazzjonijiet komuni adottati f’konformità mal-Artikolu 27(2) u għal skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà meta speċifikat mill-Kummissjoni permezz ta’ atti delegati f’konformità mal-Artikolu 27(9).

(26)  Kif huwa ddikjarat b’mod ċar fit-Taqsima 4.1.2.2 tal-Gwida Blu, “fil-leġiżlazzjoni dwar l-armonizzazzjoni relatata mar-riskju [...] manifattur dejjem, anki meta juża standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ppubblikati fil-Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jibqa’ kompletament responsabbli sabiex jivvaluta r-riskji kollha tal-prodott tiegħu sabiex jiddetermina liema rekwiżiti essenzjali (jew oħrajn) ikunu rilevanti. Imbagħad, wara din il-valutazzjoni, manifattur jista’ jagħżel li japplika speċifikazzjonijiet tekniċi mogħtijin fi standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ikunu ppubblikati fil-Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex jimplimenta ‘miżuri għat-tnaqqis tar-riskju’ li huma speċifikati minn standards armonizzati”.

(27)  Għal raġunijiet ta’ qosor kif sar iktar ’il fuq, il-bqija ta’ din it-taqsima tirreferi biss għal standards armonizzati li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati fil-Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, l-istess gwida tapplika wkoll għal speċifikazzjonijiet komuni u għal skemi Ewropej ta’ ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà.

(28)  Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li temenda r-Regolament (UE) Nru 910/2014 u d-Direttiva (UE) 2018/1972, u li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2022/2555/2022-12-27).

(29)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2690 tas-17 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2022/2555 fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi u metodoloġiċi tal-miżuri tal-ġestjoni tar-riskji taċ-ċibersigurtà u speċifikazzjoni ulterjuri tal-każijiet meta inċident jitqies sinifikanti fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi DNS, ir-reġistri tal-ismijiet tad-dominji tal-ogħla livell, il-fornituri tas-servizzi tal-cloud computing, il-fornituri tas-servizzi taċ-ċentri tad-data, il-fornituri tan-networks tat-twassil tal-kontenut, il-fornituri tas-servizzi ġestiti, il-fornituri tas-servizzi tas-sigurtà ġestiti, il-fornituri tas-swieq online, tal-magni tat-tiftix online u tal-pjattaformi tas-servizzi tan-networking soċjali, u l-fornituri tas-servizzi fiduċjarji (ĠU L, 2024/2690, 18.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/2690/oj).

(30)  Sa fejn l-amministratur ikun involut fl-iżvilupp ta’ prodott b’elementi diġitali.

(31)  Il-prodotti b’elementi diġitali introdotti fis-suq qabel il-11 ta’ Diċembru 2027 huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli fiż-żmien tal-introduzzjoni tagħhom fis-suq u, jekk ikunu konformi, ikunu jistgħu jinbiegħu u jitħaddmu, sakemm ma jkunux sarulhom modifiki sostanzjali fil-11 ta’ Diċembru 2027 jew wara. Għall-kunċett ta’ “introduzzjoni fis-suq” u “tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq”, ara wkoll it-Taqsima 2.1 Placing on the market ta’ dan id-dokument kif ukoll il-Kapitolu 2 tal-Gwida Blu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/6013/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)