|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2942 |
11.12.2024 |
LINJA GWIDA (UE) 2024/2942 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-14 ta’ Novembru 2024
dwar il-kompożizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi ta’ riżervi barranin, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti mill-banek ċentrali nazzjonali ta’ dawk l-Istati Membri li adottaw il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 u li tħassar il-Linja Gwida BĊE/2000/15 (BĊE/2024/34)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikolu 30 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 30.1 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ’il quddiem “l-Istatut”), il-banek ċentrali nazzjonali (BĊNi) tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jipprovdu lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) b’assi ta’ riżervi barranin sa ammont ekwivalenti għal EUR 50 000 miljun. Il-Kunsill Governattiv tal-BĊE jiddeċiedi dwar il-proporzjon li l-BĊE għandu jsejjaħ wara li jiġi stabbilit u dwar l-ammonti msejħa f’dati ulterjuri. Fl-1 ta’ Jannar 1999, 11 Stat Membru adottaw l-euro, u l-BĊNi tagħhom sussegwentement kellhom jipprovdu l-kontribuzzjonijiet korrispondenti lill-BĊE. Tali kontribuzzjonijiet għandhom ikunu ffissati fi proporzjon mas-sehem fil-kapital sottoskritt tal-BĊE f’konformità mal-Artikolu 30.2 tal-Istatut. |
|
(2) |
Barra minn dan, skont l-Artikolu 30.3 tal-Istatut, il-BĊE għandu jakkredita lil kull BĊN ta’ Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro bi pretensjoni ekwivalenti għall-assi ta’ riżervi barranin li hu ttrasferixxa lill-BĊE u l-Kunsill Governattiv jiddetermina d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ dawn il-pretensjonijiet. |
|
(3) |
Il-Kunsill Governattiv adotta l-Linja Gwida BĊE/1998/NP8 li aktar tard ġiet emendata bil-Linja Gwida BĊE/2000/15 (1) bl-għan li jiġu stabbiliti l-ammonti ekwivalenti għall-euro ta’ assi ta’ riżervi barranin li għandhom jiġu ttrasferiti lill-BĊE u biex tiġi stabbilita r-remunerazzjoni ta’ pretensjoni korrispondenti kkreditata mill-BĊE lil kull BĊN parteċipant. Ir-remunerazzjoni ta’ dawn il-pretensjonijiet ġiet stabbilita b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ interessi marġinali applikata mis-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali fl-operazzjonijiet prinċipali tagħha ta’ finanzjament mill-ġdid. Mill-1 ta’ Jannar 2025, tali pretensjonijiet jiġu rremunerati b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ referenza kif stabbilita fid-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2016/36) (2). Għaldaqstant huwa meħtieġ li titħassar il-Linja Gwida BĊE/2000/15 u li tiġi adottata din il-Linja Gwida ġdida minflokha, |
ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din il-Linja Gwida, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw:
|
(a) |
“flus kontanti” tfisser il-munita legali tal-Istati Uniti (dollaru Amerikan) jew tal-Ġappun (yen Ġappuniż); |
|
(b) |
“assi ta’ riżervi barranin” tfisser titoli, deheb jew flus kontanti; |
|
(c) |
“deheb” tfisser uqiji sħaħ ta’ deheb fin fil-forma ta’ London Good Delivery Bars, kif speċifikat mil-London Bullion Market Association; |
|
(d) |
“Stati Membri parteċipanti” tfisser dawk il-11-il Stat Membru li adottaw il-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999 skont it-Trattat; |
|
(e) |
“BĊNi parteċipanti” tfisser banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti; |
|
(f) |
“titoli” tfisser kull titolu jew strument finanzjarju eliġibbli kif speċifikat mill-BĊE. |
Artikolu 2
Trasferimenti ta’ assi ta’ riżervi barranin minn BĊNi parteċipanti
1. Kull BĊN parteċipant għandu jittrasferixxi lill-BĊE assi ta’ riżervi barranin fi jew iddenominati f’dollari Amerikani, yen Ġappuniż u deheb ekwivalenti għall-ammonti tal-euro stabbiliti fl-Anness għal din il-Linja Gwida.
2. L-ammont tad-dollaru Amerikan, l-ammont tal-yen Ġappuniż u l-ammont tad-deheb (f’uqiji sħaħ ta’ deheb fin) ekwivalenti għall-ammonti tal-euro stabbiliti fl-Anness għal din il-Linja Gwida ġew ikkalkulati abbażi tar-rati tal-kambju bejn l-ecu u d-dollaru Amerikan jew il-yen Ġappuniż stabbiliti bħala riżultat tal-proċedura ta’ telekonferenza miftiehma fil-11.30 a.m., ħin ta’ Brussell, fil-31 ta’ Diċembru 1998 fost dawk il-banek ċentrali li pparteċipaw f’tali proċedura u, fil-każ tad-deheb, fuq il-bażi tal-prezz tad-deheb Amerikan għal kull uqija ta’ deheb fin stabbilit fl-iffissar tad-deheb f’Londra fl-10.30 a.m., ħin ta’ Londra, fil-31 ta’ Diċembru 1998. L-ammonti hekk ikkalkolati ġew ikkonfermati mill-BĊE lill-BĊNi parteċipanti fil-31 ta’ Diċembru 1998.
3. Skont il-Linja Gwida BĊE/2000/15, kull BĊN parteċipant ittrasferixxa lill-BĊE portafoll ta’ titoli u flus kontanti fi jew iddenominati f’dollari Amerikani jew yen Ġappuniż fi ħdan meded ta’ devjazzjoni madwar it-tul ta’ żminijiet modifikati tal-portafolli tattiċi ta’ referenza kif kienu speċifikati mill-BĊE, u f’konformità ma’ dawk il-limiti ta’ kreditu kif speċifikati mill-BĊE.
4. Id-dati tas-saldu għat-titoli u l-flus kontanti ttrasferiti lill-BĊE ġew speċifikati mill-BĊE. Kull BĊN parteċipant ta struzzjonijiet għat-trasferiment tas-sjieda tat-titoli u għat-trasferiment ta’ flus kontanti lill-BĊE fid-dati tas-saldu. Il-valur tat-titoli kollha ġie kkalkolat abbażi tal-prezzijiet indikati mill-BĊE, u kull BĊN parteċipant ittrasferixxa titoli u flus kontanti f’dawk il-kontijiet kif kienu speċifikati mill-BĊE.
5. Kull BĊN parteċipant ittrasferixxa deheb f’dawk id-dati, f’dawk il-kontijiet u f’dawk il-postijiet li kienu speċifikati mill-BĊE.
Artikolu 3
Denominazzjoni, remunerazzjoni u maturità tal-pretensjonijiet ekwivalenti għall-kontribuzzjonijiet tal-BĊNi parteċipanti
1. Il-BĊE kkredita lil kull BĊN parteċipant bi pretensjoni ddenominata f’euro ekwivalenti għall-ammont aggregat tal-euro tal-kontribuzzjoni ta’ kull BĊN parteċipant ta’ assi ta’ riżervi barranin.
2. Il-valuri aggregati ekwivalenti għall-euro tal-assi ta’ riżervi barranin ittrasferiti minn kull BĊN parteċipant huma stabbiliti fl-Anness.
3. Il-pretensjoni kkreditata mill-BĊE lil kull BĊN parteċipant għandha tiġi rremunerata mid-data li fiha ġiet akkreditata l-pretensjoni, iżda mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2025. L-imgħax li jakkumula għandu jiġi kkalkulat fuq bażi ta’ kuljum, permezz tal-metodu ta’ kalkolu attwali fuq 360 jum, b’rata ekwivalenti għal 85 % tar-rata ta’ referenza kif stabbilit fl-Artikolu 1, il-punt (j) tad-Deċiżjoni (UE) 2016/2248 (BĊE/2016/36).
4. Il-pretensjoni għandha tiġi rremunerata fl-aħħar ta’ kull sena finanzjarja. Il-BĊE għandu jinforma lill-BĊN fuq bażi trimestrali abbażi tal-ammonti kumulattivi.
5. Il-pretensjonijiet ma jistgħux jiġu mifdija.
Artikolu 4
Revoka
Il-Linja Gwida BĊE/2000/15 hija mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2025.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni
1. Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.
2. Il-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida mill-1 ta’ Jannar 2025.
Magħmul fi Frankfurt am Main, l-14 ta’ Novembru 2024.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) Linja Gwida BĊE/2000/15 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 1998 kif emendata bil-Linja Gwida tas-16 ta’ Novembru 2000 dwar il-komposizzjoni, il-valutazzjoni u l-modalitajiet għat-trasferiment inizjali ta’ assi ta’ valuta estera, u d-denominazzjoni u r-remunerazzjoni ta’ pretensjonijiet ekwivalenti, ĠU L 336, 30.12.2000, p. 114).
(2) Deċiżjoni (UE) 2016/2248 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2016 dwar l-allokazzjoni tad-dħul monetarju tal-banek ċentrali nazzjonali ta’ Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (BĊE/2016/36) (ĠU L 347, 20.12.2016, p. 26).
ANNESS
Ammonti ekwivalenti għall-euro ta’ assi ta’ riżerva barranin trasferiti minn kull BĊN parteċipant li l-Istat Membru tiegħu adotta l-munita unika fl-1 ta’ Jannar 1999
|
Bank ċentrali nazzjonali |
Ammonti ekwivalenti għall-euro ta’ titoli u flus kontanti ta’ dollaru Amerikan u yen Ġappuniż |
Ammonti ta’ deheb ekwivalenti għall-euro |
Ammonti aggregati ekwivalenti għall-euro ta’ assi ta’ riżerva barranija |
|
Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique |
1 217 965 000 |
214 935 000 |
1 432 900 000 |
|
Deutsche Bundesbank |
10 409 737 500 |
1 837 012 500 |
12 246 750 000 |
|
Banco de España |
3 779 737 500 |
667 012 500 |
4 446 750 000 |
|
Banque de France |
7 154 322 500 |
1 262 527 500 |
8 416 850 000 |
|
Banc Ceannais na hÉireann/Central Bank of Ireland |
361 080 000 |
63 720 000 |
424 800 000 |
|
Banca d’Italia |
6 330 375 000 |
1 117 125 000 |
7 447 500 000 |
|
Banque centrale du Lussemburgu |
63 410 000 |
11 190 000 |
74 600 000 |
|
De Nederlandsche Bank |
1 818 150 000 |
320 850 000 |
2 139 000 000 |
|
Österreichische Nationalbank |
1 002 745 000 |
176 955 000 |
1 179 700 000 |
|
Banco de Portugal |
817 360 000 |
144 240 000 |
961 600 000 |
|
Suomen Pankki |
593 725 000 |
104 775 000 |
698 500 000 |
|
Total |
33 548 607 500 |
5 920 342 500 |
39 468 950 000 |
ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2024/2942/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)