SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

23 ta’ Ottubru 2025 ( *1 )

“Appell – Suq intern tal-elettriku – Regolament (UE) 2019/942 – Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) – Regolament (UE) 2017/2195 – Artikoli 20, 21 u 37 – Enerġija elettrika tal-ibbilanċjar – Operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni – Stabbiliment ta’ pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali (mFRR) – Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (aFRR) – Tfassil u approvazzjoni tal-oqfsa ta’ implimentazzjoni ta’ dawn il-pjattaformi – Funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-imsemmija pjattaformi – Kapaċità transżonali tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar – Deċiżjoni tal-ACER li tiċħad il-proposta komuni tal-operaturi tas-sistema”

Fil-Kawżi magħquda C‑281/23 P u C‑282/23 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit-30 ta’ April 2023,

Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., stabbilita fi Konstancin-Jeziorna (il-Polonja),

RTE Réseau de transport d’électricité, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Svenska kraftnät, stabbilita fi Sundbyberg (l-Isvezja),

TenneT TSO BV, stabbilita f’Arnhem (il-Pajjiżi l-Baxxi),

irrappreżentati minn B. Byrne, advocaat, D. Jubrail, solicitor, u M. Levitt, avocat,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolatorju tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, A. Tellidou u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn E. Abril Fernández, E. Ameye, abogados, u M. de Sousa Ferro, advogado,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, u Z. Csehi (Relatur), Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Lamote, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑24 ta’ Ottubru 2024,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2025,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz taż-żewġ appelli tagħhom ippreżentati fit‑30 ta’ April 2023, Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., RTE Réseau de transport d’électricité, Svenska kraftnät u TenneT TSO BV jitolbu l-annullament, rispettivament, tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑15 ta’ Frar 2023, Austrian Power Grid et vs ACER (T‑606/20, EU:T:2023:64), u tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal‑15 ta’ Frar 2023, Austrian Power Grid et vs ACER (T‑607/20, EU:T:2023:65) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet bħala infondati r-rikorsi għal annullament ippreżentati kontra d-Deċiżjonijiet A-001–2020 (konsolidata) u A-002–2020 (konsolidata) tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), tas‑16 ta’ Lulju 2020 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”), li permezz tagħhom l-imsemmi bord kien ikkonferma d-Deċiżjonijiet Nri 02/2020 u 03/2020 tal-ACER, tal‑24 ta’ Jannar 2020 (iktar ’il quddiem id “deċiżjonijiet tal-ACER”), dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma aFRR”) u dwar il-qafas ta’ implimentazzjoni tal-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali (iktar ’il quddiem il-“pjattaforma mFRR”).

I. Il-kuntest ġuridiku

A. Ir‑Regolament (UE) 2017/2195

2

Skont il-premessi 1, 6, 7 u 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2195 tat‑23 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar l-ibbilanċjar tal-elettriku (ĠU 2017, L 312, p. 6):

“(1)

Suq intern tal-enerġija li jiffunzjona b’mod sħiħ u li jkun kompletament interkonness huwa kruċjali biex tinżamm is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, biex tiżdied il-kompetittività u biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha jkunu jistgħu jixtru l-enerġija bi prezzijiet affordabbli.

[…]

(6)

Dan ir-Regolament ifittex li jilħaq l-objettiv li tiġi żgurata tmexxija ottima u l-operazzjoni kkoordinata tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku Ewropea, filwaqt li jappoġġa l-ksib tal-miri tal-Unjoni [Ewropea] għall-penetrazzjoni tal-produzzjoni rinnovabbli, kif ukoll jipprovdi benefiċċji għall-klijenti [konsumaturi]. [L-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni (iktar’il quddiem it-‘SO’)], li fejn rilevanti jaħdmu [mal-operaturi tas-sistema tad-distribuzzjoni (iktar’il quddiem id-‘DSO’)], jenħtieġ li jkunu responsabbli biex jorganizzaw swieq tal-ibbilanċjar Ewropej u għandhom jaħdmu għall-integrazzjoni tagħhom, iżommu s-sistema f’bilanċ bl-aktar mod effiċjenti. Biex jagħmlu dan, it-TSOs jenħtieġ li jaħdmu mill-qrib ma’ xulxin u mad-DSOs, jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom kemm jista’ jkun biex tiġi żviluppata sistema tal-elettriku effiċjenti, li tkopri r-reġjuni u l-livelli ta’ vultaġġ kollha, mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-kompetizzjoni.

(7)

[…] Madankollu, jenħtieġ li t-TSOs jibqgħu responsabbli għall-kompiti fdati lilhom skont id-[Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125)] għall-iżvilupp ta’ metodoloġiji mifruxa madwar l-Ewropa kollha, kif ukoll l-implimentazzjoni u t-tħaddim ta’ pjattaformi Ewropej għall-ibbilanċjar. Fejn, fi Stat Membru, l-għarfien espert u l-esperjenza tat-tħaddim tal-issetiljar tal-iżbilanċi jkun għand parti terza, it-TSO tal-Istat Membru jista’ jitlob TSOs oħra u [lin-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistemi ta’ Trażmissjoni (iktar’il quddiem l-‘ENTSO-E’)] biex jippermettu li din il-parti terza tgħin fl-iżvilupp tal-proposta [għat-termini u għall-kundizzjonijiet jew għall-metodoloġiji meħtieġa minn dan ir-regolament]. Madankollu, ir-responsabbiltà għal-iżvilupp tal-proposta tibqa’ tat-TSO tal-Istat Membru flimkien mat-TSOs l-oħra kollha u tali responsabbiltà ma tistax tiġi ttrasferita lil parti terza.

[…]

(10)

L-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija tal-ibbilanċjar jenħtieġ li tiġi ffaċilitata bl-istabbiliment ta’ pjattaformi komuni Ewropej għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi u l-iffaċilitar tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi tar-restawr tal-frekwenza u r-riżervi ta’ rimpjazzament. Il-kooperazzjoni bejn it-TSOs jenħtieġ li tkun strettament limitata għal dak li huwa neċessarju għat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-operat siguri u effiċjenti ta’ dawn il-pjattaformi Ewropej.”

3

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, […]

[g]ħandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(1)

‘ibbilanċjar’ tfisser l-azzjonijiet u l-proċessi kollha, fil-perjodi kollha ta’ żmien, li permezz tagħhom it-TSOs jiżguraw, b’mod kontinwu, iż-żamma tal-frekwenza tas-sistema b’firxa tal-istabbiltà predefinita […];

[…]

(4)

‘enerġija tal-ibbilanċjar’ tfisser enerġija li tintuża mit-TSOs biex iwettqu l-ibbilanċjar u li tiġi pprovduta minn fornitur tas-servizzi tal-ibbilanċjar;

[…]

(24)

‘skambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar’ tfisser l-offerti tal-attivazzjoni tal-enerġija tal-ibbilanċjar għat-twassil tal-enerġija tal-ibbilanċjar lil TSO f’żona ta’ skedar differenti minn dik li fiha huwa konness il-fornitur tas-servizz tal-ibbilanċjar attivat;

[…]

‘funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni’ tfisser il-funzjoni tat-tħaddim tal-algoritmu applikat biex jiġu ottimizzati l-offerti għall-enerġija tal-ibbilanċjar;

[…]”.

4

L-Artikolu 3 tal-imsemmi Regolament, intitolat “Għanijiet u aspetti regolatorji”, jipprevedi, fil-paragrafi (1)(c) u 2(c) tiegħu:

“1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li:

[…]

(c)

jintegra s-swieq tal-ibbilanċjar u jippromwovi l-opportunitajiet ta’ skambji ta’ servizzi tal-ibbilanċjar filwaqt li jikkontribwixxu għas-sigurtà operazzjonali;

[…]

2.   Huma u japplikaw dan ir-Regolament, l-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti u l-operaturi tas-sistemi għandhom:

[…]

(c)

japplikaw il-prinċipju tal-ottimizzazzjoni bejn l-ogħla effiċjenza globali u l-kostijiet totali l-aktar baxxi għall-partijiet kollha

[…]”.

5

L-Artikolu 20 tal-istess regolament, intitolat “Pjattaforma Ewropea għall-iskambju ta’ enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Sa sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għall-qafas ta’ implimentazzjoni għal pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali.

2.   Il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, imħaddma mit-TSOs jew permezz ta’ entità maħluqa mit-TSOs infushom, għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni u għandha tinkludi, tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u [l-funzjoni tat-twettiq tal-issetiljar tal-proċessi ta’ kooperazzjoni bejn it-TSOs (iktar ’il quddiem il-“funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO)]. Din il-pjattaforma Ewropea għandha tapplika [mudell għall-iskambju ta’ servizzi tal-ibbilanċjar fejn il-fornitur tas-servizzi tal-ibbilanċjar jipprovdi servizzi tal-ibbilanċjar lit-TSO tal-konnessjoni, li mbagħad jipprovdi dawn is-servizzi tal-ibbilanċjar lit-TSO rikjedenti (iktar ’il quddiem il-‘mudell TSO-TSO’)] multilaterali […], b’listi komuni skont il-mertu biex jiġu skambjati l-offerti kollha għall-enerġija tal-ibbilanċjar mill-prodotti standard għar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni manwali, ħlief għall-offerti li ma jkunux disponibbli skont l-Artikolu 29(14).

3.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

a)

id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea;

[…]

(c)

id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem il-pjattaforma Ewropea;

[…]”.

6

L-Artikolu 21 tar-Regolament 2017/2195, intitolat “Pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika”, jistipula, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Sa sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha għandhom jiżviluppaw proposta għall-qafas ta’ implimentazzjoni għal pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika.

2.   Il-pjattaforma Ewropea għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar mir-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika, imħaddma mit-TSOs jew permezz ta’ entità maħluqa mit-TSOs infushom, għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tal-governanza u proċessi tan-negozju komuni u għandha tinkludi, tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO. Din il-pjattaforma Ewropea għandha tapplika mudell multilaterali bejn TSO-TSO, b’listi komuni skont il-mertu biex jiġu skambjati l-offerti kollha għall-enerġija tal-ibbilanċjar mill-prodotti standard għar-riżervi għar-restawr tal-frekwenza b’attivazzjoni awtomatika, ħlief għall-offerti li ma jkunux disponibbli skont l-Artikolu 29(14).

3.   Il-proposta msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

a)

id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea;

[…]

(c)

id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa biex titħaddem il-pjattaforma Ewropea;

[…]”.

7

L-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-kalkolu tal-kapaċità transżonali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.   Wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata, it-TSOs għandhom jaġġornaw kontinwament id-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. Il-kapaċità transżonali għandha tiġi aġġornata kull darba li porzjon tal-kapaċità transżonali tkun intużat jew fejn il-kapaċità transżonali tkun ġiet ikkalkulata mill-ġdid.

2.   Qabel l-implimentazzjoni tal-metodoloġija tal-kalkolu tal-kapaċità skont il-paragrafu 3, it-TSOs għandhom jużaw il-kapaċità transżonali li jifdal wara l-ħin tal-għeluq tan-negozju transżonali tal-istess ġurnata.

3.   Sa ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, it-TSOs kollha ta’ reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità għandhom jiżviluppaw metodoloġija għall-kalkolu tal-kapaċità transżonali fil-perjodu taż-żmien tal-ibbilanċjar għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew għat-tħaddim tal-proċess tan-nettjar tal-iżbilanċi. Tali metodoloġija għandha tevita d-distorsjonijiet tas-suq u għandha tkun konsistenti mal-[metodoloġija tal-]kalkolu tal-kapaċità transżonali applikat fil-perjodu taż-żmien tal-istess ġurnata stabbilit skont ir-Regolament [tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal-24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24)].”

B. Ir‑Regolament (UE) 2019/942

8

L-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), intitolat “Kompiti tal-ACER marbutin mal-awtoritajiet regolatorji”, jistipula, fil-paragrafu 10 tiegħu:

“[…]

L-ACER għandha tkun kompetenti tadotta deċiżjonijiet individwali kif speċifikat fl-ewwel subparagrafu fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

a)

meta l-awtoritajiet regolatorji kompetenti ma jkunx irnexxielhom jilħqu ftehim fi żmien sitt xhur wara li l-każ ikun ġie riferut lill-aħħar waħda minn dawk l-awtoritajiet regolatorji jew fi żmien erba’ xhur f’każijiet skont l-Artikolu 4(7) ta’ dan ir-Regolament jew skont il-punt (c) tal-Artikolu (59)(1) jew il-punt (f) tal-Artikolu 62(1) tad-Direttiva 2019/944; jew

(b)

fuq il-bażi ta’ talba konġunta mill-awtoritajiet regolatorji kompetenti.

[…]”.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża

9

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew esposti mill-Qorti Ġenerali fil-punti 2 sa 18 tas-sentenzi appellati u, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

10

Ir-Regolament 2017/2195 jipprevedi l-istabbiliment ta’ diversi pjattaformi Ewropej għall-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar, li fosthom b’mod partikolari l-pjattaformi mFRR u aFRR.

11

Fit‑18 ta’ Diċembru 2018, it-TSO bagħtu, għall-approvazzjoni, il-proposti komuni tagħhom ta’ metodoloġija għall-implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha (iktar ’il quddiem l-“ARN”). Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2019, il-President tal-Forum tar-Regolaturi tal-Enerġija (FRE), f’isem l-ARN kollha, informat lill-ACER li huma kienu ddeċidew b’mod konġunt li jitolbuha tiddeċiedi dwar dawn il-proposti.

12

Wara diversi skambji bejn l-ACER, l-ARN u t-TSO, li wasslu għaċ-ċaħda, mill-ACER, tal-ewwel sat-tielet proposta trażmessi mit-TSO, dawn tal-aħħar, fit‑18 ta’ Diċembru 2019, bagħtu lill-ACER verżjoni emendata tat-tielet proposta tagħhom ta’ metodoloġija.

13

It-TSO pproponew, essenzjalment, li entità waħda, jiġifieri TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO, tkun inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet speċifikament meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, jiġifieri l-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO, u li l-eżekuzzjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tad-disponibbiltà tal-kapaċità transżonali għall-finijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew tan-nettjar tal-iżbilanċi (iktar ’il quddiem il-“funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità”), li hija funzjoni ta’ pjattaformi multipli, tista’ tiġi fdata lil entità unika oħra, jiġifieri TSO wieħed jew kumpannija proprjetà tat-TSO.

14

Fl‑20 ta’ Diċembru 2019, l-ACER fasslet verżjoni finali tal-abbozzi ta’ deċiżjoni tagħha dwar il-metodoloġiji aFRR u mFRR, li hija kkomunikat lit-TSO.

15

Fl‑24 ta’ Jannar 2020, l-ACER adottat żewġ deċiżjonijiet dwar il-metodoloġiji mFRR u aFRR. Fid-deċiżjonijiet tagħha, l-ACER qieset, essenzjalment, li t-TSO kollha kellhom jaħtru entità, kemm jekk tkun TSO jew inkella kumpannija proprjetà tat-TSO, inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u tal-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Mhux iktar tard minn tmien xhur qabel ma l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità ma ssir funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ dawn il-pjattaformi, it-TSO kollha kellhom ifasslu proposta ta’ emenda tal-oqfsa ta’ implimentazzjoni tal-imsemmija pjattaformi, li tinnomina l-entità inkarigata mill-eżekuzzjoni tal-imsemmija funzjoni u li tippreċiża jekk l-istess pjattaformi kinux ser jiġu operati minn entità waħda jew minn diversi entitajiet.

16

Fit‑23 ta’ Marzu 2020, Austrian Power Grid AG, ČEPS a.s., Polskie sieci elektroenergetyczne, Red Eléctrica de España SA, RTE Réseau de transport d’électricité, Svenska kraftnät, TenneT TSO BV u TenneT TSO GmbH ippreżentaw, quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER, żewġ appelli diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER.

17

Fis‑16 ta’ Lulju 2020, permezz tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Bord tal-Appell tal-ACER ċaħad dawn iż-żewġ appelli u kkonferma d-deċiżjonijiet tal-ACER.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenzi appellati

18

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Settembru 2020, l-appellanti ppreżentaw żewġ rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn dawn jikkonċernawhom.

19

Insostenn ta’ dawn ir-rikorsi, l-appellanti qajmu tliet motivi. Qabelxejn, permezz tal-ewwel motivi tagħhom, maqsuma f’żewġ partijiet, huma sostnew li l-Bord tal-Appell kien wettaq żball ta’ liġi meta naqas milli jikkonstata li l-ACER kienet qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha meta adottat id-deċiżjonijiet tal-ACER. L-appellanti allegaw, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta kkonkluda, minn naħa, li l-ACER ma kinitx tbiegħdet mill-pożizzjoni komuni tal-ARN kif kienet tirriżulta mit-talbiet konġunti u, min-naħa l-oħra, li, fi kwalunkwe każ, l-ACER kienet awtorizzata titbiegħed mill-pożizzjoni komuni tal-ARN.

20

Sussegwentement, permezz tat-tieni motivi tagħhom, maqsuma fi tmien partijiet, l-appellanti kkritikaw b’mod partikolari lill-Bord tal-Appell talli wettaq żball ta’ liġi meta kkonstata li l-inklużjoni tal-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR ma kinitx ġiet imposta fuq it-TSO mill-ACER, iżda kienet tirriżulta direttament mill-applikazzjoni tar-Regolament 2017/2195.

21

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet motivi tagħhom, huma sostnew b’mod partikolari li l-Bord tal-Appell kien applika livell ta’ stħarriġ żbaljat billi wettaq biss stħarriġ ristrett tad-deċiżjonijiet tal-ACER, jiġifieri stħarriġ limitat għat-tiftix ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni dwar il-kwistjonijiet fattwali kumplessi, ta’ natura teknika.

22

Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dawn iż-żewġ rikorsi.

23

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 24 u 25 tas-sentenzi appellati, iddikjarat inammissibbli t-tieni talbiet tar-rikorsi għal annullament tal-appellanti, sa fejn dawn kienu diretti kontra d-deċiżjonijiet tal-ACER u l-annessi tagħhom. Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li peress li l-appellanti ma kinux ipprivileġġati, huma setgħu biss iressqu azzjonijiet quddiem il-Qorti Ġenerali kontra deċiżjonijiet adottati mill-Bord tal-Appell. Għaldaqstant, f’dawn is-sentenzi l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tistħarreġ il-legalità ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

24

Bi tweġiba għall-ewwel motivi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, essenzjalment, li l-ACER kienet awtorizzata li tiddeċiedi, jew li tadotta deċiżjonijiet individwali, dwar kwistjonijiet regolatorji jew problemi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ARN, bħat-tfassil tal-metodoloġiji għall-implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR, meta, bħal f’dan il-każ, l-ARN jibgħatulha talba konġunta f’dan is-sens, mingħajr ma l-kompetenza tagħha ma tkun limitata biss għall-punti ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet ikkonċernati.

25

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat ukoll li mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposti għar-Regolament 2019/942 u għar-Regolament (KE) Nru 713/2009, preċedentement applikabbli, kienet tirriżulta rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali iktar effikaċi u iktar rapidu, u dan permezz ta’ tisħiħ tas-setgħat deċiżjonali individwali tal-ACER. Għalhekk, minn dan isegwi, skont il-Qorti Ġenerali, fil-punti 48 tas-sentenzi appellati, li l-ACER ngħatat funzjonijiet regolatorji u setgħat deċiżjonali tagħha stess, li hija teżerċita b’indipendenza sħiħa u taħt ir-responsabbiltà tagħha stess, sabiex tkun tista’ tissupplimenta lill-ANR meta l-kooperazzjoni volontarja tagħhom ma tippermettilhomx li jaddottaw deċiżjonijiet individwali dwar kwistjonijiet jew dwar problemi partikolari li jaqgħu taħt il-kompetenza regolatorja tagħhom.

26

Konsegwentement, fil-punti 60 ta’ dawk is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Bord tal-Appell ma kienx wettaq żball ta’ liġi meta ma kkonstatax li l-ACER kienet qabżet il-limiti tal-kompetenza tagħha meta ddeċidiet fuq punti tal-metodoloġiji mFRR u aFRR li kienu s-suġġett ta’ ftehim bejn l-ARN. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel motivi fit-totalità tagħhom.

27

Bi tweġiba għat-tieni motivi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod partikolari, fil-punti 120, 122 u 124 tas-sentenzi appellati, li l-inklużjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR bl-ebda mod ma kienet ġiet imposta mill-ACER fuq it-TSO, iżda kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament 2017/2195.

28

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk il-ġestjoni tal-kapaċità kinitx tikkostitwixxi waħda mill-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, fis-sens tar-Regolament 2017/2195. Hija qabel kollox speċifikat li din l-inklużjoni kienet determinanti sabiex jiġi evalwat jekk il-proposti mfassla mit-TSO kellhomx josservaw ir-rekwiżiti addizzjonali previsti f’dan ir-regolament meta, bħal f’dan il-każ, it-TSO kellhom l-intenzjoni li jaħtru diversi entitajiet sabiex jassumu d-diversi funzjonijiet meħtieġa. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 105 tas-sentenzi appellati, li, konformement mal-imsemmi regolament, il-proposti ta’ metodoloġija ppreżentati mit-TSO kellhom jinkludu d-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR. F’dan ir-rigward, hija qieset li, għalkemm minn interpretazzjoni letterali tal-istess regolament jirriżulta li dawn il-pjattaformi għandhom minn tal-inqas jinkludu l-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO, ma setax jiġi eskluż li anki funzjoni oħra, bħal ma hija l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, titqies bħala li hija meħtieġa għall-operat tagħhom, b’mod partikolari jekk ikun jidher li ż-żieda ta’ tali funzjoni hija neċessarja sabiex jiġi żgurat disinn ta’ livell għoli tal-imsemmija pjattaformi, li jissodisfa l-prinċipji tal-governanza u l-proċessi tan-negozju komuni.

29

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 110 ta’ dawn is-sentenzi, li interpretazzjoni tal-kunċett ta’ funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, fid-dawl tal-kuntest u tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/2195, twassal sabiex jitqies li din hija funzjoni li, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak legali, tidher li hija meħtieġa għall-implimentazzjoni u għal operat effikaċi u sigur tal-istess pjattaformi.

30

Fil-fatt, fuq il-livell legali, dan ir-regolament jimponi fuq it-TSO l-obbligu li jaġġornaw kontinwament id-disponibbiltà tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali għall-finijiet tal-iskambju tal-enerġija tal-ibbilanċjar jew tan-nettjar tal-iżbilanċi. Fuq il-livell tekniku, l-aġġornament kontinwu tad-disponibbiltà ta’ din il-kapaċità, li fuqha hija bbażata l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, jikkostitwixxi “fattur essenzjali” tal-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni. Din il-funzjoni ta’ ġestjoni ġiet miżjuda mal-pjattaformi mFRR u aFRR mit-TSO stess, sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ disinn ta’ livell għoli f’termini ta’ effiċjenza u ta’ sigurtà meħtieġa mir-Regolament.

31

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punti 122 tas-sentenzi appellati, li l-funzjoni ta’ aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, li hija sottostanti għall-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, u, għaldaqstant, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità stess kellhom jiġu kklassifikati globalment bħala funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

32

Fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-ħames u għas-sitt parti tat-tieni motivi mressqa quddiemha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 135 tas-sentenzi appellati, li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni wkoll, fit-tielet proposta tal-metodoloġiji mFRR u aFRR, bħala funzjoni ta’ pjattaformi multipli li l-eżekuzzjoni tagħha kienet neċessarja għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, anki jekk dawn ma kinux ġew ikklassifikata, fihom, bħala funzjonijiet meħtieġa għall-imsemmi operat, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c), u tal-Artikolu 21(3)(c) tar-Regolament 2017/2195. Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, konformement mal-konklużjoni li hija kienet siltet fil-punti 122 ta’ dawk is-sentenzi, li l-Bord tal-Appell kien korrett meta qies li l-ġestjoni tal-kapaċità, kif prevista fl-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament, kienet tikkostitwixxi funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) u tal-Artikolu 21(3)(c) tal-imsemmi regolament.

33

Bl-istess mod, fir-risposta tagħha għas-seba’ parti tat-tieni motivi mressqa quddiemha, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 143 tas-sentenzi appellati, billi għamlet riferiment għall-evalwazzjoni tagħha mwettqa fil-punti 122 ta’ dawk is-sentenzi, li l-ġestjoni tal-kapaċità kienet funzjoni meħtieġa għall-operat ta’ kull waħda mill-pjattaformi.

34

Bi tweġiba għat-tielet motivi, fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-ACER, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 200 sa 205 tas-sentenzi appellati, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu li l-imsemmi Bord tal-Appell għandu li jwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER.

35

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fl-ewwel lok, li, konformement mal-prassi deċiżjonali tiegħu ta’ dak iż-żmien, il-Bord tal-Appell kien wettaq stħarriġ sħiħ biss fuq l-evalwazzjonijiet legali tad-deċiżjonijiet tal-ACER, u li huwa kien illimita ruħu, fir-rigward tal-evalwazzjonijiet fattwali kumplessi tagħha, ta’ natura teknika, li jwettaq stħarriġ ristrett limitat għat-tiftix ta’ żbalji manifesti. Madankollu, hija rrikonoxxiet li mis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 2020, Aquind vs ACER (T‑735/18, EU:T:2020:542), kien jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien obbligat iwettaq stħarriġ sħiħ tal-evalwazzjonijiet legali u tekniċi mwettqa mill-ACER fid-deċiżjonijiet tagħha.

36

Madankollu, il-Qorti Ġenerali qieset, fit-tieni lok, wara eżami bir-reqqa tad-deċiżjonijiet kontenzjużi li, minn naħa, il-Bord tal-Appell kien essenzjalment wettaq l-istħarriġ tiegħu fuq evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-ACER, li fir-rigward tagħhom huwa kien eżerċita stħarriġ sħiħ, u li, min-naħa l-oħra, meta ntalab jistħarreġ evalwazzjonijiet ta’ natura teknika kumplessi, il-Bord tal-Appell kien, fil-prattika, wettaq stħarriġ li kien imur lil hinn minn sempliċi stħarriġ ristrett, b’tali mod li, de facto, huwa kien ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li huwa kellu jwettaq fuq id-deċiżjonijiet tal-ACER.

37

Peress li ma kienet laqgħet l-ebda wieħed mill-motivi mqajma mill-appellanti, fil-punti 214 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi fl-intier tagħhom.

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-appellanti

38

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenzi appellati;

–

tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjonijiet kontenzjużi, u

–

tikkundanna lill-ACER għall-ispejjeż.

39

l-ACER titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiddikjara li l-appelli huma totalment jew parzjalment inammissibbli u, f’kull każ, infondati u b’konsegwenza ta’ dan tiċħadhom u

–

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

V. Fuq l-appelli

40

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jinvokaw, kull wieħed minnhom, żewġ aggravji. L-ewwel aggravji huma bbażati fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Bord tal-Appell tal-ACER ma kienx kiser l-obbligu tiegħu li jwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER. It-tieni aggravji, li huma maqsuma f’żewġ partijiet, huma bbażat, essenzjalment, fuq l-allegazzjoni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, skont ir-Regolament 2017/2195, il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità kienet tikkostitwixxi funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

A. Fuq l-ammissibbiltà

1.   L-argumenti tal-partijiet

41

L-ACER tqis li l-appelli għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli minħabba li l-aggravji tal-appelli jitolbu biss eżami mill-ġdid tal-motivi invokati fl-ewwel istanza. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex kompetenti sabiex twettaq tali eżami mill-ġdid meta tiġi adita b’appell.

42

Barra minn hekk, l-ACER issostni li l-ewwel aggravji tal-appelli ma għandhomx effett prattiku u li dawn jikkostitwixxu kwistjoni purament ipotetika jew teoretika peress li l-appellanti ma jikkontestawx l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha l-Bord tal-Appell wettaq de facto stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER.

43

L-appellanti jsostnu li l-appelli huma ammissibbli.

2.   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Skont ġurisprudenza stabbilita, meta appellant jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, huwa ammissibbli li l-punti ta’ liġi eżaminati fl-ewwel istanza jiġu diskussi mill-ġdid fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, li kieku appellant ma jkunx jista’ jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ntużaw quddiem il-Qorti Ġenerali, il-proċedura tal-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, EU:C:2000:397, punt 43; tas‑16 ta’ Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C‑321/99 P, EU:C:2002:292, punt 49, kif ukoll tat‑12 ta’ Ġunju 2025, ZR vs EUIPO,C‑364/23 P, EU:C:2025:428, punt 34).

45

Issa, f’din il-kawża, l-għan tal-appellanti ma humiex dak li jiksbu sempliċi eżami mill-ġdid tal-motivi mressqa fl-ewwel istanza, iżda huwa dak, minn naħa, li jikkontestaw ir-raġunament legali li wassal sabiex il-Qorti Ġenerali tqis li l-Bord tal-Appell ma kienx kiser l-obbligu tiegħu li jwettaq stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER, u, min-naħa l-oħra, li jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett l-Artikoli 20, 21 u 37 tar-Regolament 2017/2195, li jirregolaw, rispettivament, il-pjattaformi mFRR u aFRR kif ukoll il-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-bażijiet legali u tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat ta’ dawn il-pjattaformi.

46

F’dan ir-rigward, l-appellanti jallegaw b’mod partikolari, fil-kuntest tal-ewwel aggravji, li l-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182), li minnha jirriżulta li dan il-Bord tal-Appell għandu jwettaq stħarriġ komplet tal-evalwazzjonijiet legali u tekniċi mwettqa mill-ACER. Huma ma jikkritikawx, b’mod partikolari, lill-Qorti Ġenerali dwar l-evalwazzjoni tagħha li l-Bord tal-Appell kien wettaq de facto stħarriġ komplet tad-deċiżjonijiet tal-ACER, iżda jikkritikawha dwar il-fatt li hija kkonkludiet li kien hemm tali stħarriġ min-naħa ta’ dan il-bord filwaqt li injorat id-dikjarazzjoni espliċita tiegħu, fid-deċiżjonijiet tiegħu, li llimita l-istħarriġ tiegħu għal żbalji manifesti.

47

Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tieni aggravji, huwa essenzjalment jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli ma għamlitx distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligi legali differenti, imposti fl-Artikolu 37 tar0Regolament 2017/2195, u, min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi kkonċernati. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali allegatament wettqet żball ta’ liġi meta estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) u tal-Artikolu 21(1) u (2) ta’ dan ir-regolament għal funzjonijiet “ikklassifikati globalment” bħala meħtieġa sabiex tiġġustifika l-indikazzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi.

48

Fil-kuntest tal-kontestazzjoni tal-interpretazzjoni jew tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-appellanti jindikaw b’mod suffiċjenti fid-dritt is-siltiet tas-sentenzi appellati li huma jqisu li huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u jesponu l-argumenti legali li fuqhom huma bbażati dawn l-aggravji, li jippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja twettaq l-istħarriġ tagħha.

49

Minn dan isegwi li l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà eċeppita mill-ACER għandhom jiġu miċħuda u li, għaldaqstant, l-appelli għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli.

B. Fuq il-mertu

1.   Fuq l-ewwel aggravji

a)   L-argumenti tal-partijiet

50

Fil-kuntest tal-ewwel aggravji tagħhom, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punti 203 sa 205 u 214 tas-sentenzi appellati, sa fejn hija ċaħdet l-ilment tagħhom ibbażat fuq ksur tal-obbligu tal-Bord tal-Appell li jwettaq stħarriġ komplet fil-kuntest tal-eżami tiegħu tad-deċiżjonijiet tal-ACER.

51

L-appellanti jqisu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn ikkonstatat, minn naħa, li mid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jirriżulta li dan il-bord kien ħabbar b’mod żbaljat li kien wettaq biss stħarriġ ristrett tad-deċiżjonijiet tal-ACER, iżda, min-naħa l-oħra, li, minkejja l-konstatazzjoni ta’ dan l-iżball, mid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien, fil-prattika, wettaq stħarriġ li kien imur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ristrett, b’tali mod li, de facto, dan ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu fir-rigward tal-intensità tal-istħarriġ li għandu jitwettaq. Billi għamlet hekk, il-Qorti Ġenerali applikat ħażin il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182). Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali messha llimitat ruħha li tikkonstata li l-imsemmi bord kien wettaq żball ta’ liġi meta ddikjara li kien japplika livell ta’ stħarriġ żbaljat. Il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tinjora din id-dikjarazzjoni billi teżamina l-livell ta’ stħarriġ li l-Bord tal-Appell applika “de facto” jew “fil-prattika”.

52

L-ACER issostni li l-ewwel aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala manifestament infondati.

b)   Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

53

Permezz tal-ewwel aggravji tagħhom, l-appellanti jinvokaw żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-intensità tal-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell.

54

F’dan ir-rigward, fil-punti 201 u 202 tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-istħarriġ imwettaq mill-Bord tal-Appell tal-evalwazzjonijiet ta’ natura teknika u ekonomika kumplessi li jinsabu fid-deċiżjonijiet tal-ACER ma kellux ikun limitat għal stħarriġ ristrett tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, iżda li dan l-istħarriġ kellu jkun komplet.

55

Issa, għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li s-sentenzi appellati huma konformi ma’ dak li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind (C‑46/21 P, EU:C:2023:182), invokata mill-appellanti insostenn tal-appelli tagħhom.

56

Għandu, għalhekk, jiġi ddeterminat jekk is-sempliċi konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 200 tas-sentenzi appellati, li tgħid li min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 81 tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u mill-paragrafu 192 ta’ dawn id-deċiżjonijiet kien jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien indika li, konformement mal-prassi deċiżjonali tiegħu ta’ dak iż-żmien, huwa kien sempliċement wettaq stħarriġ ristrett, kellhiex twassal sabiex il-Qorti Ġenerali tannulla l-imsemmija deċiżjonijiet.

57

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta qieset li, anki jekk il-Bord tal-Appell kien għamel diversi drabi riferiment għar-rekwiżit li jirriżulta mill-prassi deċiżjonali tiegħu li jwettaq stħarriġ ristrett fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-ACER, ir-riferiment għal tali stħarriġ ma kienx ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn dan ir-riferiment ma pprekludiex lil dan il-bord milli jwettaq l-istħarriġ komplet li huwa kien obbligat li jwettaq. (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni, C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 82).

58

Dan huwa dak li l-Qorti Ġenerali vverifikat b’mod konkret fil-kuntest tal-evalwazzjoni li tinsab fil-punti 203 sa 205 tas-sentenzi appellati, billi ddeċidiet li mid-deċiżjonijiet kontenzjużi kien jirriżulta li, minn naħa, il-Bord tal-Appell kien essenzjalment iffoka l-istħarriġ tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-ACER li fir-rigward tagħhom huwa wettaq stħarriġ komplet. Min-naħa l-oħra, hija qieset li, fil-każijiet rari fejn dan il-bord kien intalab jistħarreġ evalwazzjonijiet ta’ natura teknika kumplessi, huwa kien, fil-prattika, wettaq stħarriġ li jmur lil hinn mis-sempliċi stħarriġ ristrett. Minn dan il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li, de facto, l-imsemmi bord kien għalhekk ikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu f’dak li jirrigwarda l-intensità tal-istħarriġ li għandu jitwettaq.

59

Issa, fil-kuntest tal-appelli tagħhom, l-appellanti ma jsostnux li din l-evalwazzjoni hija vvizzjata b’xi żball ta’ liġi.

60

Minn dan isegwi li l-ewwel aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

2.   Fuq it-tieni aggravji

a)   Fuq l-ewwel partijiet

1) L-argumenti tal-partijiet

61

Permezz tal-ewwel partijiet tat-tieni aggravji, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-punti 115 sa 124 tas-sentenzi appellati, sa fejn iddeċidiet li l-funzjoni li tippermetti l-kalkolu u l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, kellha titqies li hija fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR previsti fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dan ir-regolament. Huma jallegaw li l-Qorti Ġenerali integrat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 37 tal-imsemmi regolament mal-funzjonijiet imsemmija f’dawn l-Artikoli 20 u 21, filwaqt li l-istess regolament jipprevedi sistemi legali separati applikabbli, minn naħa, għat-TSO u, min-naħa l-oħra, għal dawn il-pjattaformi.

62

Skont l-appellanti, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali, l-obbligi imposti mill-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195 ma jistgħux jiġu integrati fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, it-TSO ma humiex obbligati, skont l-artikoli msemmija l-aħħar, li jafdaw l-aġġornament jew il-kalkolu tal-kapaċità transżonali lill-entità inkarigata mill-pjattaformi mFRR u aFRR. B’differenza minn dak li qieset il-Qorti Ġenerali, l-ACER ma kellhiex id-dritt li timponilhom dan l-obbligu.

63

Għalhekk, għalkemm l-appellanti jammettu li d-data tal-kapaċità transżonali hija fattur neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-pjattaforma ta’ bbilanċjar, huma jippreċiżaw li madankollu minn dan ma jirriżultax li l-kalkolu ta’ din id-data għandu, inkwantu funzjoni neċessarja, jiġi eżegwit mill-entità inkarigata mill-operat tal-pjattaforma jew mill-pjattaforma nnifisha.

64

L-ACER issostni li l-ewwel partijiet tat-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

65

Fil-kuntest tal-ewwel partijiet tat-tieni aggravji, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, konformement mal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità hija fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) u tal-Artikolu 21(3)(c) ta’ dan ir-regolament.

66

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck,292/82, EU:C:1983:335, punt 12, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2023, ACER vs Aquind,C‑46/21 P, EU:C:2023:182, punt 54).

67

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni letterali, għandu jiġi rrilevat, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punti 103 tas-sentenzi appellati, li l-kunċett ta’ “funzjonijiet meħtieġa [għall-operat tal-]pjattaform[i mFRR u aFRR]” ma huwiex iddefinit fit-test tar-Regolament 2017/2195, iżda jintuża biss fl-Artikoli 20 u 21 ta’ dan ir-regolament.

68

Madankollu, skont l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, huma t-TSO li għandhom ifasslu l-proposti ta’ metodoloġija dwar l-oqfsa ta’ implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Kif ippreċiżat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punti 104 u 105 tas-sentenzi appellati, dawn il-proposti għandhom jinkludu, minn tal-inqas, “id-disinn ta’ livell għoli tal-pjattaforma Ewropea” u “id-definizzjoni tal-funzjonijiet meħtieġa [għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR]”. Dawn il-pjattaformi, operati mit-TSO jew minn entità maħluqa mit-TSO infushom għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji ta’ governanza u fuq proċessi tan-negozju komuni u għandhom jinkludu, mill-inqas, il-funzjoni tal-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO. Għalhekk, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO huma funzjonijiet meħtieġa, fi kwalunkwe każ, għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

69

Kif iddeċidiet ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punti 105 tas-sentenzi appellati, ma huwiex eskluż li, fil-kuntest tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, jistgħu jiżdiedu funzjonijiet oħra mal-proposti ta’ metodoloġija dwar l-oqsfa ta’ implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali, f’dawn il-punti, l-Artikolu 20(2) u l-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedu li l-pjattaformi mFRR u aFRR jinkludu “tal-anqas, il-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-funzjoni tal-issetiljar TSO-TSO”. F’dan ir-rigward, l-espressjoni “tal-inqas” tindika li din il-frażi ma tistabbilixxix lista eżawrjenti. Fid-dawl tal-imsemmija frażi, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata korrettament li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jeskludu li, fil-kuntest tad-disinn ta’ dawn il-pjattaformi, funzjoni, minbarra l-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, bħall-ġestjoni tal-kapaċità, tkun tista’ titqies ukoll li hija meħtieġa għall-operat tal-imsemmija pjattaformi.

70

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha wkoll fuq il-konstatazzjoni li ż-żieda ta’ tali funzjoni kienet tidher li hija partikolarment neċessarja sabiex jiġi żgurat disinn ta’ livell għoli ta’ dawn il-pjattaformi li jissodisfa prinċipji ta’ governanza u proċessi tan-negozju komuni. Għalhekk, mill-punti 106 tas-sentenzi appellati jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma adottatx interpretazzjoni iżolata tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 21(2) tar-Regolament 2017/2195, iżda bbażat ruħha wkoll, konformement mal-metodu ta’ interpretazzjoni stabbilit tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, fuq interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-kunċett ta’ “funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR” sabiex tikkonkludi li l-ġestjoni tal-kapaċità kellha, bl-istess mod bħall-ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni u l-issetiljar TSO-TSO, titqies bħala li hija tali funzjoni meħtieġa.

71

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali, il-Qorti Ġenerali qabelxejn ibbażat ruħha, fil-punti 107 sa 109 tas-sentenzi appellati, fuq l-għanijiet imfittxija mir-Regolament 2017/2195, kif jirriżultaw kemm mill-premessi 1, 6, 7 u 10 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll mill-Artikolu 3(1)(c) u (2)(c) tal-imsemmi regolament. Dawn l-għanijiet jirrigwardaw b’mod partikolari kemm l-implimentazzjoni kif ukoll l-operat effiċjenti u sigur tal-pjattaformi tal-ibbilanċjar tal-enerġija fl-iskala tal-Ewropa. Fi tmiem din l-interpretazzjoni, li barra minn hekk ma hijiex ikkontestata mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, ġustament, li dawn l-għanijiet jimmilitaw favur li l-funzjoni tal-ġestjoni tal-kapaċità tiġi inkluża fost il-funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, sa fejn, kemm fil-livell tekniku kif ukoll f’dak legali, din il-funzjoni tidher li hija neċessarja sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet.

72

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 113 tas-sentenzi appellati, li, fuq il-livell tekniku, kif barra minn hekk jirrikonoxxu l-appellanti stess, l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli huwa fattur essenzjali tal-funzjoni ta’ ottimizzazzjoni tal-attivazzjoni, li fiha nnifisha hija funzjoni meħtieġa tal-pjattaformi mFRR u aFRR. Din il-funzjoni tal-aħħar għandha l-għan li tottimizza l-attivazzjoni tal-offerti tal-enerġija tal-ibbilanċjar li għandhom l-aħjar klassifikazzjoni, filwaqt li tqis il-kapaċitajiet tat-trażmissjoni transżonali limitati li huma disponibbli. Għalhekk, il-Qorti Ġenerali setgħet ġustament tqis li l-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità, li fil-kuntest tagħha jsir l-aġġornament kontinwu tal-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli, kienet element teknikament indispensabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn il-pjattaformi.

73

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ħadet inkunsiderazzjoni, fil-punti 114 tas-sentenzi appellati, fil-kuntest tal-interpretazzjoni kuntestwali tagħha tal-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 37 ta’ dan ir-regolament li jimponu fuq it-TSO l-obbligu legali li jikkalkolaw il-kapaċità ta’ skambju transżonali.

74

Ċertament, hekk kif isostnu l-appellanti, dawn ir-rekwiżiti huma indirizzati, prima facie, essenzjalment lit-TSO. Xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament 2017/2195 iqiegħdu fuq it-TSO r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-pjattaformi mFRR u aFRR fl-osservanza tal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 20(2) u (3) kif ukoll mill-Artikolu 21(2) u (3) tal-imsemmi regolament jirriżulta li d-disinn ta’ dawn il-pjattaformi, kemm jekk huma operati mit-TSO jew minn entità maħluqa minn dawn tal-aħħar, għandu jkun ta’ livell għoli u jissodisfa prinċipji ta’ governanza u proċessi tan-negozju komuni.

75

Minn dan jirriżulta li funzjoni li, filwaqt li hija indirizzata lit-TSO fil-kuntest tal-Artikolu 37 tar-Regolament 2017/2195, tidher li hija neċessarja sabiex l-implimentazzjoni tal-imsemmija pjattaformi mit-TSO tissodisfa dawn l-għanijiet, għandha titqies li hija funzjoni li taqa’ fost il-“funzjonijiet meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR”, fis-sens tal-Artikolu 20(3)(c) u tal-Artikolu 21(3)(c) ta’ dan ir-regolament, li għandha titwettaq mill-entità inkarigata mill-operat ta’ dawn il-pjattaformi jew mill-imsemmija pjattaformi stess u mhux mit-TSO.

76

Issa, l-appellanti nnifishom jirrikonoxxu li d-data ta’ kapaċità transżonali hija fattur neċessarju għall-funzjonament tajjeb tal-istess pjattaformi. Għalhekk, bil-kontra ta’ dak li jsostnu l-appellanti, dan ifisser li l-funzjoni li tippermetti li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli tiġi kkalkolata u aġġornata kontinwament għandha tiġi eżegwita mill-entità inkarigata mill-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR jew minn dawn il-pjattaformi stess u mhux mit-TSO.

77

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata meta ddeċidiet, fil-punti 115 tas-sentenzi appellati, li l-funzjoni li tippermetti li l-kapaċità tat-trażmissjoni transżonali disponibbli tiġi kkalkolata u aġġornata, inkwantu hija funzjoni sottostanti għall-ġestjoni tal-kapaċità, kellha titqies li hija funzjoni meħtieġa għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR, konformement mal-Artikolu 20(3)(c) u mal-Artikolu 21(3)(c) tar-Regolament 2017/2195.

78

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, l-ewwel partijiet tat-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

b)   Fuq it-tieni partijiet

1) L-argumenti tal-partijiet

79

Fil-kuntest tat-tieni partijiet tat-tieni aggravji, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 122, 135 u 143 tas-sentenzi appellati, sa fejn hija ma għamlitx distinzjoni bejn, minn naħa, l-obbligi tat-TSO, fir-rigward tal-funzjonijiet “meħtieġa” għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet tat-TSO li jinkludu funzjonijiet addizzjonali f’dawn il-pjattaformi. Billi għamlet dan, il-Qorti Ġenerali estendiet b’mod żbaljat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 20(1) u (2) u tal-Artikolu 21(1) u (2) tar-Regolament 2017/2195 għal funzjonijiet “ikklassifikati globalment” bħala meħtieġa sabiex tiġġustifika l-identifikazzjoni tal-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità bħala’“funzjoni meħtieġa” għall-operat tal-pjattaformi.

80

L-ACER issostni li t-tieni partijiet tat-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda.

2) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

81

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li t-tieni partijiet tat-tieni aggravji huma strettament marbuta mal-ewwel partijiet tat-tieni aggravji.

82

Fid-dawl tar-raġunijiet esposti fil-punti 65 sa 78 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kklassifikat, fil-punti 122, 135 u 143 tas-sentenzi appellati, il-funzjoni ta’ ġestjoni tal-kapaċità bħala funzjoni “meħtieġa” għall-operat tal-pjattaformi mFRR u aFRR.

83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki t-tieni partijiet tat-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni aggravji għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

84

Peress li l-ebda wieħed mill-aggravji mqajjma ma ġie milqugħ, l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

Fuq l-ispejjeż

85

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell jiġi miċħud bħala infondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

86

L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli tal-proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprevedi li l-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

87

Peress li l-appellanti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill-ACER.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli huma miċħuda.

 

2)

Polskie sieci elektroenergetyczne S.A., RTE Réseau de transport d’électricité, Svenska kraftnät u TenneT TSO BV huma kkundannati għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.